Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fis‑16 ta’ April 2026 (1)
Kawża C‑254/25
A.A.
vs
Wojewoda Śląski
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gliwice, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Kundizzjonijiet għad-dħul u għar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju – Direttiva (UE) 2016/801 – Garanziji proċedurali – Sospensjoni tat-termini għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Dritt għal rimedju effettiv – Prinċipju ta’ ekwivalenza”
Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gliwice, il-Polonja) fil-kuntest ta’ tilwima bejn A. A. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-Wojewoda Śląski (Vojvoda tas-Silesja, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“Vojvoda”). Il-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali huwa dak tal-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa fi Frar 2022, li b’konsegwenza tagħha l-Polonja għaddiet minn influss sinjifikattiv ta’ persuni spostati. Il-leġiżlatur Pollakk adotta dispożizzjonijiet intiżi, minn naħa, għas-sospensjoni tat-termini għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza, b’mod partikolari għal finijiet ta’ studju u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar in-nuqqas tal-awtorità kompetenti, b’tali mod li ebda sanzjoni pekunjarja ma tkun tista’ tiġi imposta fuq din l-awtorità minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini stabbiliti sabiex tingħata deċiżjoni.
2. Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-assenza ta’ deċiżjoni, fit-termini previsti, li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal residenza temporanja għal finijiet ta’ studju ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz u dwar l-impossibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra d-dewmien tal-korpi tal-amministrazzjoni pubblika jew li jinkiseb kumpens finanzjarju adegwat. Il-kawża għalhekk tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, l-esklużjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tal-possibbiltà, prevista mid-dritt nazzjonali, li jiġi ppreżentat rikors għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jiġi kkonstatat id-dewmien tal-awtoritajiet amministrattivi Pollakki sabiex jipproċessaw applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja għal finijiet ta’ studju u sabiex jiġu deċiżi, minn naħa, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma xierqa bħala kumpens għall-ksur tad-dritt li l-amministrazzjoni taġixxi mingħajr dewmien mhux meħtieġ u, min-naħa l-oħra, l-ordni li tingħata deċiżjoni fit-terminu mogħti mill-qorti.
3. Din l-evalwazzjoni se ssir b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 34 tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (2) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
4. F’din il-kawża huwa rilevanti l-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”.
Id-Direttiva 2016/801
5. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/801, intitolat “Prinċipji”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. L-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-Direttiva għandha tkun soġġetta għall-verifika ta’ evidenza dokumentata li turi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jilħaq:
a) il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7; u
b) il-kundizzjoni speċifiċi rilevanti fl-Artikoli 8, 11, 12, 13, 14 jew 16.
[…]
3. Fejn il-kundizzjonijiet ġenerali kollha u l-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti kollha għall-ammissjoni jintlaħqu, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu intitolati għal awtorizzazzjoni.
Fejn Stat Membru joħroġ permessi ta’ residenza biss fit-territorju tiegħu u jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissjoni stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu joħroġ għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz il-viża meħtieġa”.
6. L-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, intitolat “Garanziji ta’ proċedura u trasparenza”, jipprevedi:
“1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għat-tiġdid tagħha u jinnotifikaw lill-applikant bil-miktub bid-deċiżjoni, f’konformità mal-proċeduri ta’ notifika skont il-liġi nazzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kompluta.
[…]
3. Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta b’appoġġ għall-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant f’terminu raġonevoli dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza raġonevoli biex din tiġi pprovduta. It-terminu msemmi fil-paragrafi 1 […] għandu jiġi sospiż sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu rċevew l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali ma jkunux ġew ipprovduti fit-terminu, l-applikazzjoni tista' ma tintlaqax.
[…]
5. Kwalunkwe deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li ma tilqax applikazzjoni, li tirrifjuta t-tiġdid, jew li tirtira awtorizzazzjoni għandha tkun miftuħa għal kontestazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-liġi nazzjonali. In-notifika bil-miktub għandha tispeċifika l-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha jista’ jitressaq l-appell u t-terminu għat-tressiq tal-appell.”
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382
7. Skont il-premessi 3 u 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal‑4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukraina skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (3), l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, ikkundannata mill-Kunsill Ewropew fl‑24 ta’ Frar 2022, wasslet għal influss massiv ta’ persuni spostati mill-Ukraina, li ma humiex f’pożizzjoni li jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom, u l-portata ta’ dan l-influss tista’ tirrendi s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri inkapaċi li jipproċessaw il-wasliet mingħajr ma jiġi ppreġudikat il-funzjonament tajjeb ta’ dawn is-sistemi kif ukoll l-interessi tal-persuni kkonċernati u tal-applikanti l-oħra għal protezzjoni.
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2024/1836
8. Skont il-premessi 7 u 8 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1836 tal‑25 ta’ Ġunju 2024 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (4), il-kontinwazzjoni tal-gwerra, il-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli, l-instabbiltà u r-riskju ta’ eskalazzjoni jimplikaw li ma jistgħux jiġu esklużi wasliet ġodda fuq skala kbira u li r-riskju għall-funzjonament tajjeb tas-sistemi nazzjonali tal-ażil għadu jeżisti, u għalhekk huwa meħtieġ li tiġi estiża l-protezzjoni temporanja sabiex jiġu żgurati protezzjoni immedjata u sett armonizzat ta’ drittijiet b’formalitajiet imnaqqsa, u biex jiġi evitat li t-tmiem tas-sistema jwassal għal preżentazzjoni simultanja u massiva ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li tista’ tgħerreq lil dawk is-sistemi.
Id-dritt Pollakk
Il-liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022
9. L-ustawa o pomocy obywatelom Ukrainy w związku z konfliktem zbrojnym na terytorium tego państwa (il-Liġi dwar l-Għajnuna liċ-Ċittadini Ukraini fil-Kunflitt Armat fit-territorju ta’ dan l-Istat), tat‑12 ta’ Marzu 2022 (5) ġiet adottata wara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382. Din il-liġi tistabbilixxi regoli speċjali għar-regolarizzazzjoni tar-residenza ta’ ċittadini Ukraini li waslu fit-territorju tal-Polonja. It-test ikkonsolidat ta’ din il-liġi (6) fid-dawl tal-emendi li saru wara l-adozzjoni tagħha, jinkludi l-Artikolu 100d, li huwa applikabbli għall-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, u jipprovdi dan li ġej:
“1. Matul il-perijodu minn issa sat‑30 ta’ Settembru 2025, it-termini għall-ipproċessar tal-każijiet li jikkonċernaw:
1) l-għoti lill-barranin:
a) ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat,
b) ta’ permess ta’ residenza permanenti,
c) ta’ permess ta’ residenza tal-Unjoni Ewropea għar-residenti għat-tul,
2) l-emenda:
a) tal-permess ta’ residenza għal żmien determinat u l-permess ta’ xogħol,
b) tal-permess ta’ residenza għal żmien determinat sabiex wieħed jokkupa impjieg bi kwalifiki għoljin,
3) l-irtirar lil ċittadini barranin:
a) tal-permess ta’ residenza għal żmien determinat,
b) tal-permess ta’ residenza permanenti,
c) tal-permess ta’ residenza tal-Unjoni Ewropea għar-residenti għat-tul,
– ma jibdewx jiddekorru u t-termini li jkunu bdew jiddekorru huma sospiżi għall-imsemmi terminu fil-proċeduri mmexxija mill-Vojvoda.
2. L-atti mwettqa matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, fil-kuntest tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu effettivi.
3. Matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1:
1) id-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas tal-awtorità inkarigata mill-proċedura fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u l-obbligu tagħha li tinforma lill-parti jew lill-parteċipant fil-proċedura li l-każ ma ġiex ipproċessat fit-termini ma għandhomx japplikaw
2) l-awtorità inkarigata mill-proċedura fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandha tħallas ebda multa u ebda kundanna għall-ħlas ta’ somom ta’ flus lir-rikorrenti ma għandha tingħata kontriha talli ma ddeċidietx fit-termini preskritti mil-liġi.
4. Il-fatt li l-awtorità inkarigata mill-proċedura fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tkun waqfet milli taġixxi, jew tkun aġixxiet tard, matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, ma jistax ikun il-bażi ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, jew rikors kontra t-tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura jew bi ksur tad-dritt tal-parti li l-kawża tagħha tiġi eżaminata fl-iqsar żmien possibbli.”
10. L-imsemmi Artikolu 100d daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2023 u kien is-suġġett ta’ diversi emendi, peress li d-dati ta’ skadenza għas-sospensjoni tat-termini ġew stabbiliti rispettivament għall‑24 ta’ Awwissu 2023, għall‑4 ta’ Marzu 2024 u mbagħad għat‑30 ta’ Ġunju 2024. L-artikolu msemmi ssostitwixxa l-Artikolu 100c tal-istess liġi li, kien applikabbli sal‑31 ta’ Diċembru 2022.
Il-liġi dwar il-barranin
11. L-Artikolu 3 tal-ustawa o cudzoziemcach (il-Liġi dwar il-Barranin), tat‑12 ta’ Diċembru 2013 (7) jiddikjara:
“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:
[…]
2) il-barrani: dak li ma għandux in-nazzjonalità Pollakka;
[…]”
12. L-Artikolu 112a tal-Liġi dwar il-Barranin jipprevedi:
“1. Id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat lil barrani għandha tiġi adottata f’terminu ta’ sittin jum.
2. It-terminu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha jkun seħħ l-aħħar wieħed mill-fatti li ġejjin:
1) il-barrani ppreżenta personalment applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal żmien determinat jew ippreżenta ruħu personalment fl-uffiċċju tal-Vojvoda wara l-preżentata tal-imsemmija applikazzjoni, sakemm l-obbligu li jidher personalment ma jkunx japplika fir-rigward tal-barrani, jew
2) il-barrani ppreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat regolari fil-forma jew rregolarizzata, jew
3) il-barrani pproduċa d-dokumenti msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 106(2) jew it-terminu msemmi fl-Artikolu 106(2)(a), mogħti mill-Vojvoda, skada.
3. Fil-każ tal-proċedura dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat, imsemmija fl-Artikolu 139(1) u fl-Artikolu 139(1), it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha seħħ l-aħħar wieħed mill-fatti segwenti
1) entità ospitanti tkun ippreżentat applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat, imsemmija fl-Artikolu 139(1) jew fl-Artikolu 139(1), li tkun regolari fil-forma jew li tkun ġiet irregolarizzata, jew
2) l-entità ospitanti pproduċiet id-dokumenti msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 106a(2) jew it-terminu msemmi fl-Artikolu 106a(3), mogħti mill-Vojvoda, ikun skada.
4. Il-proċedura ta’ appell dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat lil barrani tintemm f’terminu ta’ 90 jum.
5. Meta r-rikors ma jkunx konformi mar-rekwiżiti previsti mil-liġi, it-terminu msemmi fil-paragrafu 4 jibda jiddekorri mid-data tar-regolarizzazzjoni tar-rikors.”
Il-liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura quddiem il-Qrati Amministrattivi
13. Skont l-Artikolu 53(2)(b) tal-ustawa – Prawo o postępowaniu przed sądami administracyjnymi (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura quddiem il-Qrati Amministrattivi), tat‑30 ta’ Awwissu 2002 (8):
“Ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jew kontra t-tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura jista’ jiġi ppreżentat fi kwalunkwe ħin wara li tintbagħat ittra ta’ tfakkira lill-awtorità kompetenti”.
14. L-Artikolu 149 ta’ din il-liġi jipprovdi:
“1. Meta tilqa’ r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jew kontra t-tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura mibdija mill-awtoritajiet fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 3(2) jew kontra t-tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura fil-każijiet imsemmija fil-punt 4a tal-Artikolu 3(2), il-qorti għandha:
1) tirrikjedi li l-awtorità tieħu att, deċiżjoni ta’ interpretazzjoni jew miżura f’terminu speċifikat;
2) tirrikjedi li l-awtorità tikkonstata jew tirrikonoxxi l-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu li jirriżulta mil-liġi;
3) tiddikjara li l-awtorità kienet naqset milli tieħu azzjoni jew tat bidu għal tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura.
1a. Il-qorti għandha tiddikjara jekk in-nuqqas jew it-tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura mmexxija mill-awtorità humiex ivvizzjati bi ksur flagranti tad-dritt.
1b. Fil-każ imsemmi fil-punti 1 u 2 tal-paragrafu 2, il-qorti tista’ tiddeċiedi, barra minn hekk, dwar l-eżistenza jew l-ineżistenza tad-dritt jew tal-obbligu, meta n-natura tal-kawża kif ukoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi tagħha li ma jqajmux dubji raġonevoli jippermettu dan.
2. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-qorti tista’, barra minn hekk, timponi ex officio, jew fuq talba tal-parti, multa fuq l-awtorità, li l-ammont tagħha huwa previst fl-Artikolu 154(6), jew tikkundannaha tħallas lir-rikorrent somma flus sa nofs l-ammont previst fl-Artikolu 154(6).”
15. Skont l-Artikolu 153 tal-imsemmija liġi:
“L-evalwazzjoni ġuridika u l-indikazzjonijiet dwar it-tkomplija tal-proċedura li jinsabu fid-deċiżjoni tal-qorti jorbtu lill-awtoritajiet li kienu s-suġġett tar-rikors minħabba l-azzjoni tagħhom, nuqqas li tittieħed azzjoni jew minħabba t-tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura li huma kienu inkarigati biha kif ukoll il-qrati, sakemm id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma jkunux ġew emendati”
Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16. Fis‑17 ta’ April 2024, ir-rikorrent, ċittadin ta’ pajjiż terz, ippreżenta quddiem il-Vojvoda applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal żmien determinat, sabiex isegwi studji universitarji fil-Polonja. Fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-awtorità fit-terminu previst mid-dritt nazzjonali, ir-rikorrent bagħat ittra ta’ tfakkira lill-Vojvoda fil‑25 ta’ Ottubru 2024.
17. Peress li t-talba tiegħu għadha ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni, ir-rikorrent ippreżenta, fit‑22 ta’ Novembru 2024, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra din l-awtorità quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gliwice), li hija l-qorti tar-rinviju. Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent ikkritika lill-Vojvoda bi qbiż manifest tat-terminu għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal żmien determinat u talab li l-awtorità amministrattiva tiġi obbligata toħroġ din l-awtorizzazzjoni f’terminu ta’ erbatax‑il jum u li din tiġi kkundannata tħallsu kumpens jew, sussidjarjament, tħallas multa.
18. Min-naħa tiegħu, fir-risposta tiegħu, il-Vojvoda talab li r-rikors jiġi miċħud billi invoka b’mod partikolari l-Artikolu 100d tal-Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022. Konformement ma’ dan tal-aħħar, it-termini għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet fil-proċeduri mmexxija mill-Vojvoda jibdew jiddekorru biss mit‑30 ta’ Settembru 2025 jew huma sospiżi sa dik id-data, bil-ġustifikazzjoni tkun iż-żidiet suċċessivi fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza li jirriżultaw mill-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022. It-tmiem ta’ din is-sospensjoni kien inizjalment stabbilit għall‑31 ta’ Diċembru 2022, iżda ġie estiż diversi drabi. Il-Vojvoda rrileva wkoll li dan l-Artikolu 100d jipprevedi li, sat‑30 ta’ Settembru 2025, id-dispożizzjonijiet dwar in-nuqqas tal-awtorità u l-obbligu tagħha li tinforma lill-parti bil-fatt li l-kawża ma hijiex ser tiġi ttrattata fit-terminu previst ma humiex applikabbli, u li ebda multa jew kumpens ma tista’ tiġi imposta favur l-applikanti għan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini stabbiliti mil-liġi.
19. Peress li kellha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-imsemmija sospensjoni tat-termini u tal-assenza ta’ possibbiltà għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw rikors effettiv kontra n-nuqqas tal-korpi tal-amministrazzjoni pubblika, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gliwice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. Il-prinċipji tat-Trattat li ġejjin:
a) L-Istat tad-Dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem (Artikolu 2 u Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) (ĠU 2016, C 202, p. 13, rettifiki fil-ĠU 2016, C 400, p. 1, u ĠU 2017, C 59, p. 1);;
b) il-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 52(1) moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 389, verżjoni kkonsolidata, iktar ’il quddiem, il-“Karta”), u Artikolu 6(1) TUE);
c) il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 4(3) TUE);
d) id-dritt għal amministrazzjoni tajba (meqjus bħala prinċipju tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(1) sa (4) tal-Karta moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, mal-Artikolu 6(1) TUE u misluta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja).
– jipprekludu li d-dritt nazzjonali jeskludi fit-tul u repetutament għal numru ta’ drabi, għal raġunijiet organizzattivi jew ekonomiċi, id-dritt ta’ barranin (ċittadini ta’ pajjiżi terzi) mid-dritt li jibbenefikaw minn rimedji effettivi kontra d-dewmien fil-ħidma tal-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika (tfakkir, rikorsi għal nuqqas li tittieħed azzjoni jew rikors minħabba tul eċċessiv tal-proċedura), u dan, fost oħrajn, fil-kuntest tar-rekwiżiti tal-Artikolu 34(1) u (3) tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing;
2. L-esklużjoni fit-tul u ripetutament numru ta’ drabi, tal-possibbiltà għall-barranin – ċittadini ta’ pajjiżi terzi – milli jkollhom rimedju legali effettiv kontra d-dewmien fil-ħidma tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll l-esklużjoni tal-possibbiltà ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mill-qorti amministrattiva nazzjonali li tordna somma pekunjarja adegwata bħala kumpens għall-ksur tad-dritt li l-awtoritajiet jaġixxu mingħajr dewmien indebitu u l-esklużjoni tal-possibbiltà li jiġi ordnat l-għoti ta’ att amministrattiv fi ħdan terminu stabbilit mill-qorti, taħt id-dritt nazzjonali, f’sitwazzjoni fejn ċittadini Pollakki ma jiġux imċaħħda minn dawn id-drittijiet fil-kuntest ta’ kawżi ta’ natura amministrattiva li fihom ikunu involuti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
a) ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ interess ġenerali u jirrestrinġu eċċessivament il-portata tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 2 TUE, Artikolu 6(1) u (3) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) sa (3) tal-Karta);
b) huma diskriminatorji fil-konfront tal-barranin – ċittadini ta’ pajjiżi terzi (Artikolu 2 TUE, Artikoli 10 u 18 TFUE, Artikoli 20 u 21(1) u (2) tal-Karta);
c) jippreġudikaw il-prinċipju ta’ ġustizzja (Artikolu 2 TUE);
d) jostakolaw l-aċċess reali u effettiv għall-ġustizzja (Artikolu 2 TUE, Artikolu 67(4) TFUE, u Artikolu 47 moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta)?”
20. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea.
Analiżi
21. Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li ser neżamina flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022 tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 34(1) u (3) tad-Direttiva 2016/801, sa fejn hija, għal raġunijiet ibbażati fuq restrizzjonijiet amministrattivi jew ekonomiċi, estendiet fit-tul u diversi drabi l-esklużjoni, fid-dritt nazzjonali, tad-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal rimedju effettiv kontra l-inerzja tal-awtoritajiet amministrattivi, u eskludiet il-possibbiltà, għall-qrati amministrattivi nazzjonali, li jiddeċiedu, minn naħa, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma xierqa bħala kumpens għall-ksur tad-dritt li l-amministrazzjoni taġixxi mingħajr dewmien żejjed u, min-naħa l-oħra, l-ordni li tingħata deċiżjoni fit-terminu stabbilit mill-qorti.
22. Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà ta’ tali esklużjoni tar-rimedji ġudizzjarji mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2016/801 u mal-Artikolu 47 tal-Karta (9), jidhirli li huwa neċessarju li jiġu eżaminati suċċessivament diversi elementi. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar l-għan tad-Direttiva 2016/801, sabiex jiġu ċċarati l-funzjoni u l-portata tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ permess ta’ residenza li jaqa’ taħt dan l-istrument. Fit-tieni lok, għandha tiġi evalwata, fid-dawl tal-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li rrendiet inapplikabbli jew sospiżi t-termini għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza ppreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju fit-territorju Pollakk. F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk, u sa fejn, din il-leġiżlazzjoni tippreġudika l-effett utli tad-Direttiva 2016/801, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fit-tielet lok, ser ikun neċessarju li jiġi analizzat l-argument imressaq mill-Gvern Pollakk ibbażat fuq l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri, u li jiġi evalwat jekk l-influss sinjifikattiv ta’ persuni spostati wara l-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa jistax jikkostitwixxi tali każ, ta’ natura li jiġġustifika d-derogi mid-dritt tal-Unjoni inkwistjoni.
L-għan tad-Direttiva 2016/801 u t-terminu għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza previst fl-Artikolu 34(1) tagħha
23. Fl-ewwel lok, il-punt tat-tluq tal-eżami jinsab fil-kliem tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2016/801, li jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għat-tiġdid tagħha u jinnotifikaw lill-applikant bil-miktub bid-deċiżjoni, f’konformità mal-proċeduri ta’ notifika skont il-liġi nazzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kompluta”.
24. Ir-riferiment għall-ipproċessar “mill-aktar fis possibbli”, flimkien mal-iffissar ta’ terminu massimu ta’ 90 jum (10) jirrifletti l-istruttura stess ta’ din id-direttiva, li hija intiża sabiex ittejjeb u tissemplifika l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza, sabiex, b’mod partikolari, tippermetti lill-persuni kkonċernati jingħaqdu fil-ħin fis-sena akkademika u jorganizzaw effettivament il-proġett ta’ studju tagħhom (11). Fi kliem ieħor, il-ħeffa tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal finijiet ta’ studju tikkostitwixxi komponent essenzjali tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2016/801.
25. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma obbligati joħorġu permess ta’ residenza għal finijiet ta’ studju lill-applikant li jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 7 u 11 tal-imsemmija direttiva. Kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “ħruġ” jimplika li, fit-terminu ta’ 90 jum, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeżaminaw l-applikazzjoni u jiddeċiedu dwarha, billi joħorġu l-awtorizzazzjoni meta l-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, jew billi jiċħdu l-applikazzjoni fil-każ kuntrarju (12).
26. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprevedix raġunijiet li jippermettu s-sospensjoni ta’ dan it-terminu massimu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2016/801 jipprevedi biss raġuni waħda għal sospensjoni, marbuta man-natura inkompleta tal-applikazzjoni meta l-awtoritajiet kompetenti jitolbu informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant. F’dan il-każ, dawn l-awtoritajiet għandhom jistabbilixxu terminu raġonevoli għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa, li jissospendi t-terminu previst f’dan l-artikolu sal-wasla ta’ din l-informazzjoni. Minn dan isegwi li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva 2016/801 ma tipprevedix, bħala deroga, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jissospendu jew jestendu t-termini għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-awtorizzazzjonijiet ta’ residenza barra mill-imsemmija ipoteżi speċifikament limitata.
27. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprevedi li t-termini għall-ipproċessar tal-proċeduri relatati ma’ awtorizzazzjoni ta’ residenza temporanja ma jibdewx jiddekorru, jew, meta jkunu bdew jiddekorru, huma sospiżi għall-perijodu kkunsidrat fil-proċeduri mmexxija mill-Vojvoda, din tipprekludi, lil hinn mill-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2016/801, l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva. Tali leġiżlazzjoni tista’, bħala prinċipju, tmur kontra l-qafas armonizzat mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, l-għanijiet tad-Direttiva 2016/801, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-premessi 3 u 14 tagħha, jinkisru jekk dewmien fl-eżami tal-applikazzjonijiet iwassal lill-istudenti kkonċernati sabiex ma jkunux jistgħu jibdew l-istudji tagħhom fil-bidu tas-sena akkademika, jew saħansitra sabiex ma jkunux f’pożizzjoni li jipproċedu għar-reġistrazzjoni tagħhom. F’tali sitwazzjoni, anki ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita diliġenza ma jistax jibbenefika mill-effettività sħiħa tad-drittijiet li tagħtih din id-direttiva tul is-sospensjonijiet suċċessivi tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal finijiet ta’ studju.
28. Issa, fil-kawża prinċipali, is-sospensjoni tat-termini hija akkumpanjata mill-inapplikabbiltà tar-rimedji msemmija fl-Artikolu 100(3) tal-Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din l-esklużjoni tar-rimedji ġudizzjarji hijiex konformi mad-Direttiva 2016/801 kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta.
L-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
29. Ser ngħaddi issa għall-qalba tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jirrigwardaw, essenzjalment, il-punt dwar jekk l-inapplikabbiltà tar-rikors ippreżentat kontra n-nuqqas li tittieħed azzjoni mill-amministrazzjoni, fil-kuntest tas-sospensjoni tat-termini għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal residenza temporanja, kif ukoll l-esklużjoni tal-possibbiltà li tiġi imposta fuq l-awtorità kompetenti multa jew li tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ kumpens favur l-applikanti, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
30. F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, kull deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li tiċħad applikazzjoni, kif ukoll kull deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid jew ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni, għandha tkun tista’ tiġi appellata fl-Istat Membru kkonċernat, konformement mad-dritt nazzjonali.
31. Minn dan jirriżulta li, meta applikazzjoni għal ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju tiġi miċħuda, dan l-Artikolu 34(5) jagħti espressament liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta rikors, skont il-modalitajiet previsti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istat Membru li jkun adotta din id-deċiżjoni (13).
32. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, billi indika li dan ir-rimedju huwa eżerċitat konformement mad-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu n-natura u l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli għall-applikanti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2016/801. Madankollu, in-natura u l-modalitajiet konkreti tar-rimedju previst fl-Artikolu 34(5) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu ddeterminati b’osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta (14).
33. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, peress li din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom (15). Peress li l-kawża prinċipali taqa’ taħt id-Direttiva 2016/801, l-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli għaliha.
34. Minn dan isegwi, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Darvate (16), li għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dawn id--drittijiet kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.
35. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat il-portata tal-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, b’mod partikolari fis-sentenzi Perle u Darvate. Minn naħa, jirriżulta mis-sentenza Darvate li din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma teżiġix li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu, sabiex jikkontesta ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju, la rimedju eċċezzjonali taħt proċedura ta’ urġenza, anki meta l-osservanza tat-termini tar-rimedju ordinarju tista’ tikkomprometti l-iżvolġiment tal-istudji tiegħu, la rimedju li jagħti lill-qorti s-setgħa li tordna miżuri provviżorji li jordnaw lill-awtoritajiet jiddeċiedu mill-ġdid sabiex jagħtu l-awtorizzazzjoni mitluba, u lanqas is-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-amministrazzjoni jew li tadotta hija stess deċiżjoni ġdida.
36. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mis-sentenza Perle li din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma tipprekludix li r-rimedju kontra deċiżjoni ta’ ċaħda jieħu l-forma ta’ rikors għal annullament, mingħajr setgħa ta’ sostituzzjoni tal-qorti jew setgħa li tadotta deċiżjoni ġdida, sakemm il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan ir-rikors u, jekk ikun il-każ, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament jippermettu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida fi żmien qasir, konformi mal-evalwazzjoni tal-qorti, b’mod li tiggarantixxi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz suffiċjentement diliġenti l-effettività sħiħa tad-drittijiet li huwa jislet mid-Direttiva 2016/801 (17).
37. Madankollu, nikkonstata differenza notevoli bejn dawn is-sentenzi u l-kawża prinċipali. Fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienu jirrigwardaw in-natura u s-suffiċjenza tar-rimedji ġudizzjarji li jeżistu fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kkonċernati, u dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 47 tal-Karta, kienx jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu rimedji legali addizzjonali (18). Fi kliem ieħor, kellu jiġi evalwat jekk rikors għal annullament kienx suffiċjenti, jew jekk kellux jiġi kkompletat b’rimedju eċċezzjonali, b’miżuri provviżorji, jew inkella bir-rikonoxximent lill-qorti ta’ setgħa ta’ sostituzzjoni.
38. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju ma għandhiex quddiemha l-kwistjoni dwar liema rimedji ġudizzjarji għandhom jiġu stabbiliti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, iżda dik tal-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi inapplikabbli għal perijodu estiż rimedji ġudizzjarji diġà previsti mill-ordinament ġuridiku intern u li normalment ikunu disponibbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu talbu awtorizzazzjoni ta’ residenza temporanja għal finijiet ta’ studju.
39. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma għandux l-effett li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji legali differenti minn dawk previsti mid-dritt nazzjonali, għandu madankollu jirriżulta mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali li jeżisti rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (19).
40. Issa, f’dan il-każ, kif tirrileva l-Kummissjoni u bla ħsara għall-konstatazzjonijiet li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-persuni kkonċernati għandhom, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 100d tal-Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022, rimedju ġudizzjarju ieħor, lil hinn minn dawk li saru inapplikabbli minn din id-dispożizzjoni, li jippermettilhom jikkonstataw in-nuqqas tal-awtorità amministrattiva kompetenti jew jiksbu kumpens għad-dannu mġarrab. Madankollu, jidhirli li huwa inerenti fl-idea stess ta’ terminu massimu armonizzat, bħal dak previst fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2016/801, li l-applikant għandu, fid-dritt nazzjonali, mezzi effettivi sabiex jikkontesta inerzja amministrattiva jew dewmien eċċessiv li jċaħħad lil dan it-terminu mis-sustanza tiegħu.
41. Barra minn hekk, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (20).
42. Fil-kawża prinċipali, inqis li tqum problema mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li l-leġiżlatur nazzjonali jirrendi inapplikabbli rimedji ġudizzjarji li jkunu, bħala prinċipju, disponibbli, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għal kategorija ta’ persuni, jiġifieri l-“barranin” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 100d(1) tal-Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022, li għandhom l-intenzjoni li jilmentaw dwar in-nuqqas tal-amministrazzjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet tagħhom għal permess ta’ residenza temporanja għal finijiet ta’ studju, filwaqt li dawn ir-rimedji ġudizzjarji jibqgħu disponibbli għaċ-ċittadini Pollakki li jixtiequ jikkontestaw l-inerzja amministrattiva f’sitwazzjonijiet oħra ta’ nuqqas tal-awtoritajiet amministrattivi li jiddeċiedu dwar talba li taqa’ esklużivament taħt id-dritt intern.
43. Madankollu, għad irid jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari li fih ġiet adottata d-dispożizzjoni kontenzjuża, jiġifieri l-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa u l-influss sinjifikattiv ta’ persuni lejn il-Polonja. Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-portata li dan l-element, invokat mill-qorti tar-rinviju u invokat mill-Gvern Pollakk, jista’ jkollu fuq l-evalwazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari.
L-argument ibbażat fuq forza maġġuri
44. Inqis li jkun diffiċli li tiġi ġġustifikata l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 100d tal-Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022 mad-Direttiva 2016/801 mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li l-Gvern Pollakk jinvoka bħala li mmotiva l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Skont il-Gvern Pollakk, l-influss sinjifikattiv ta’ persuni spostati mill-Ukraina wara l-aggressjoni Russa pparalizza s-sistema amministrattiva u jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri (21) li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali eċċezzjonali u provviżorji, bħall-inapplikabbiltà tar-rimedji msemmija fl-Artikolu 100d(3) ta’ din il-liġi.
45. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “forza maġġuri” jirreferi għal ċirkustanzi estranji għal dak li jinvokah, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (22). Għandu jingħad ukoll li, peress li dan il-kunċett ma għandux kontenut identiku fl-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-portata tiegħu għandha tiġi ddeterminata skont il-kuntest ġuridiku li fih huwa mistenni li jipproduċi l-effetti tiegħu (23).
46. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taċċetta, b’mod eċċezzjonali, l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri bħala raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza, minn Stat Membru, tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, sakemm il-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw il-forza maġġuri jkunu ssodisfatti. Stat Membru li jkun qed jiffaċċja diffikultajiet li jkunu “momentarjament insormontabbli” jista’, f’din il-perspettiva, jinvoka forza maġġuri biss għall-perijodu strettament neċessarju sabiex jiġu rrimedjati dawn id-diffikultajiet (24).
47. Madankollu, kif ġie rrilevat mill-Avukata Ġenerali Medina fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth et (25) il-livell ta’ rekwiżit meħtieġ sabiex tiġi stabbilita tali ġustifikazzjoni huwa partikolarment strett. L-invokazzjoni tal-forza maġġuri hija permessa biss meta tiġi debitament ipprovata l-impossibbiltà oġġettiva li wieħed jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Anki f’ċirkustanzi anormali u imprevedibbli, Stat Membru jibqa’ obbligat li jieħu l-miżuri kollha xierqa fis-setgħa tiegħu sabiex jiżgura r-rispett tad-dritt tal-Unjoni.
48. B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-effetti ta’ sitwazzjoni ta’ forza maġġuri ma jistgħux idumu lil hinn miż-żmien materjalment neċessarju għal amministrazzjoni li turi diliġenza normali sabiex taffaċċja u tadatta ruħha għaliha (26). Barra minn hekk, l-Istat Membru għandu jressaq elementi speċifiċi u preċiżi ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ każ ta’ “forza maġġuri” (27) u, barra minn hekk, l-avvenimenti invokati għandhom, ipotetikament, ikunu għal żmien qasir u ta’ impatt limitat (28).
49. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li Stat Membru li jkun ikkonfrontat b’diffikultajiet momentarjament insormontabbli jista’ jinvoka sitwazzjoni ta’ forza maġġuri, iżda biss għall-perijodu neċessarju sabiex jingħelbu dawn id-diffikultajiet (29).
50. Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk l-influss ta’ persuni spostati lejn il-Polonja wara l-aggressjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa minn Frar 2022 jistax jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri ta’ natura li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali eċċezzjonali u provviżorji, bħall-inapplikabbiltà tar-rimedji msemmija fl-Artikolu 100(3) tal-Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022.
51. Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata indikazzjonijiet utli, jidhirli li huwa opportun li jiġu rrilevati diversi elementi li din tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
52. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-element temporali. Jekk l-influss huwa marbut ma’ avvenimenti li seħħew fl-2022, għandu jiġi evalwat sa fejn estensjonijiet suċċessivi, sat‑30 ta’ Settembru 2025, tal-impossibbiltà għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeżerċitaw ir-rimedji msemmija fl-Artikolu 100d(3) tal-Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022 għadhom jistgħu jitqiesu bħala l-konsegwenza ta’ avveniment anormali u imprevedibbli.
53. Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet kompetenti pprevedewx miżura inqas radikali, bħal ippjanar immirat tat-termini, prijoritizzazzjoni ta’ ċerti fajls, arranġamenti tranżitorji, jew ukoll gradazzjoni temporali tal-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni.
54. Fit-tielet lok, għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlatur nazzjonali sostniex in-neċessità, kif ukoll l-estensjoni, tal-miżura kontenzjuża permezz ta’ elementi konkreti u verifikabbli. Il-qorti tar-rinviju tista’ b’mod partikolari tistħarreġ jekk il-liġi, jew il-motivi tagħha, humiex ibbażati fuq data relatata, pereżempju, mal-evoluzzjoni tan-numru ta’ talbiet, mal-kapaċitajiet effettivi ta’ pproċessar, mal-qsim tal-piżijiet amministrattivi, jew mal-impossibbiltà pprovata li jintużaw soluzzjonijiet oħra. L-assenza ta’ tali data, jew l-assenza ta’ raġunament li jorbot dawn l-elementi mal-għażla ta’ esklużjoni ġenerali tar-rimedji ġudizzjarji kkonċernati, hija, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li ddgħajjef l-argument ibbażat fuq il-forza maġġuri.
55. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 34(1) u (3) tad-Direttiva (UE) 2016/801, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fl-assenza ta’ każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà, prevista mid-dritt nazzjonali, għal ċittadin ta’ pajjiż terz, li jeżerċita rimedju ġudizzjarju effettiv kontra n-nuqqas jew id-dewmien tal-awtorità amministrattiva kompetenti fl-eżami ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal finijiet ta’ studju, kif ukoll li jikseb deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni f’terminu stabbilit.
Konklużjoni
56. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gliwice, il-Polonja):
L-Artikolu 34(1) u (3) tad-Direttiva 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fl-assenza ta’ każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà, prevista mid-dritt nazzjonali, għal ċittadin ta’ pajjiż terz, li jeżerċita rimedju ġudizzjarju effettiv kontra n-nuqqas jew id-dewmien tal-awtorità amministrattiva kompetenti fl-eżami ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal finijiet ta’ studju, kif ukoll li jikseb deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni f’terminu stabbilit.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż
2 ĠU 2016, L 132, p. 21.
3 ĠU 2022, L 71, p. 1.
4 ĠU L, 2024/1836.
5 Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 583 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑12 ta’ Marzu 2022”) .
6 Dz. U. tal‑2025, pożizzjoni 337.
7 Dz. U. tal‑2024, pożizzjoni 769.
8 Dz. U. tal‑2024, pożizzjoni 935.
9 Għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll il-prinċipji tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem (Artikolu 2 Artikolu 6(3) TUE), il-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 52(1) tal-Karta, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) TUE), il-prinċipju ta’ supremazija u tal--effettività tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 4(3) TUE) kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 (1) sa (4) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta u l-Artikolu 6(1) TUE), l-Artikoli 10 u 18 TFUE, l-Artikolu 20 l-Artikolu 21(1) u (2) tal-Karta, u l-Artikolu 67(4) TFUE, jiena tal-fehma li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirreferi biss għall-Artikolu 34 tad-Direttiva 2016/801, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tifformula mill-ġdid id-domandi li saruha, billi tillimita, jekk ikun il-każ, l-interpretazzjoni tagħha biss għad-dispożizzjonijiet rilevanti fost dawk li huma s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 77 li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid it-tielet domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju).
10 Ir-Repubblika tal-Polonja ttrasponiet dan l-obbligu fl-Artikolu 112a(1) tal-Liġi dwar il-Barranin, li jipprevedi terminu ffissat għal 60 jum.
11 Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2016/801. Barra minn hekk, skont il-premessa 3 ta’ din id-direttiva, “[l]-immigrazzjoni minn barra l-Unjoni hija sors wieħed ta’ nies b’ħiliet għoljin, u huma dejjem aktar mfittxija, b’mod partikolari, studenti u riċerkaturi. Huma għandhom rwol importanti fil-formazzjoni tar-riżorsa prinċipali tal-Unjoni – il-kapital uman – għax jiżguraw tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u għalhekk jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020”. Fuq l-għan tad-Direttiva 2016/801, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 14 tagħha, ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Perle (C‑14/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Perle”, EU:C:2024:647, punt 45).
12 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499, punti 34 sa 38). Ara wkoll il-premessa 30 tad-Direttiva 2016/801, li tgħid li “[l]adarba l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kollha għall-ammissjoni jkunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjoni fi ħdan il-limiti taż-żmien speċifikati. Jekk Stat Membru joħroġ permess ta’ residenza fit-territorju tiegħu biss u jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva relatati mal-ammissjoni, l-Istat Membru għandu jagħti liċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat il-viża meħtieġa u għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw b’mod effettiv għal dak il-fini. F’każ li l-Istat Membru ma joħroġx viżi, huwa għandu jagħti liċ-ċittadini kkonċernat ta’ pajjiż terz permess ekwivalenti li jippermetti d-dħul”.
13 Ara s-sentenzi Perle (punt 61), u tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Darvate et (C‑299/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Darvate”, EU:C:2025:461, punt 27).
14 Ara s-sentenza Darvate (punti 28 u 29).
15 Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Sentenza Darvate (punt 30). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
17 Ara s-sentenzi Perle (punt 67), u Darvate (punti 45 u 46).
18 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Darvate (punt 33).
19 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Darvate (punt 33). Ara wkoll is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 40), u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 51).
20 Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 26), u tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 43).
21 Il-Gvern Pollakk jirreferi f’dan ir-rigward għall-premessi 3 u 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 li jikklassifikaw l-aggressjoni Russa bħala imprevedibbli, mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata sabiex isostni li dawn jikkonfermaw li l-influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukraina jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkaratterizzat każ ta’ “forza maġġuri”. Huwa jinvoka wkoll il-premessa 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2024/1836 li tgħid li ma kienx eskluż li jseħħu wasliet ġodda fuq skala kbira mill-Ukraina u li jippersisti riskju għall-funzjonament tajjeb tas-sistemi nazzjonali ta’ ażil. Nirrileva, min-naħa tiegħi, li l-formulazzjoni tal-premessi hekk iċċitati ma tikkwalifikax, bħala tali, la l-aggressjoni Russa fl-Ukraina bħala ċirkustanza “imprevedibbli”, u lanqas id-dħul ta’ persuni spostati minn dan il-pajjiż bħala “forza maġġuri”.
22 Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il-Qorti tal-Awdituri vs Pinxten (C‑130/19, EU:C:2021:782, punt 781).
23 Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C‑640/15, EU:C:2017:39, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
24 Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Trihalomthanes fl-ilma tax-xorb) (C‑481/22, EU:C:2024:85, punt 92). Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth et (C‑97/24, EU:C:2025:269, punt 36)).
25 L-Avukat Ġenerali Medina żżid tgħid, fl-istess punt tal-konklużjonijiet tagħha, li “kif tindika l-espressjoni ‘diffikultajiet li jkunu momentarjament insormontabbli’ l-interpretazzjoni stretta tal-forza maġġuri timplika li, jekk l-avveniment li jikkawża l-inkapaċità ta’ twettiq huwa temporanju, l-obbligu tad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi sospiż biss għat-tul tal-avveniment u għal perijodu raġonevolment qasir”.
26 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs L-Italja (101/84, EU:C:1985:330, punt 16).
27 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑68/11, EU:C:2012:815, punt 65).
28 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Trihalomthanes fl-ilma tax-xorb) (C‑481/22, EU:C:2024:85, punt 93).
29 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth et (C‑97/24, EU:C:2025:269, punt 40).
Barra minn hekk, jidhirli li huwa opportun li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il- “Qorti EDB”) f’kawżi analogi fejn Stat jinvoka pressjoni migratorja sabiex jiġġustifika ndħil fl-effettività tar-rimedji disponibbli għall-persuni kkonċernati. Dan ir-riferiment huwa iktar u iktar rilevanti peress li, meta l-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn dawn id-drittijiet, bla ħsara għall-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Bħala eżempju, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti EDB, tat‑13 ta’ Diċembru 2012, De Souza Ribeiro vs Franza [GC], (CE:ECHR:2012:1213JUD002268907) dwar it-tneħħija ta’ ċittadin Brażiljan mill-Gujana, eżegwita madwar 50 minuta wara t-tressiq ta’ talba għal sospensjoni quddiem qorti, il-Qorti EDB irrilevat li l-eżekuzzjoni partikolarment rapida tal-miżura, ibbażata biss fuq id-deċiżjoni tal-awtorità tal-prefettura, kellha l-effett prattiku li tirrendi r-rimedji eżistenti ineffettivi, u għalhekk indisponibbli (punt 95), u li r-rikorrent ma kienx ibbenefika minn eżami suffiċjentement fil-fond, flimkien ma’ garanziji proċedurali adegwati, tal-legalità tal-miżura kontenzjuża minn istanza interna (punt 96). F’din l-okkażjoni, il-Qorti EDB iddeċidiet li s-sitwazzjoni ġeografika tal-Gujana, il-pressjoni migratorja qawwija li hija kienet issofri, kif ukoll ir-riskju ta’ konġestjoni tal-qrati invokati mill-Istat konvenut ma jiġġustifikawx, bħala tali, is-sistema ta’ eċċezzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni u lanqas il-funzjonament tagħha. Hija fakkret li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati fir-rigward tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ma jistax iwassal sabiex iċaħħad lill-persuni kkonċernati minn garanziji proċedurali minimi kontra t-tkeċċija arbitrarja (punt 97). Ċertament, din il-kawża kienet tirrigwarda t-tneħħija f’kuntest ta’ migrazzjoni irregolari, u mhux il-proċedura ta’ residenza għal finijiet ta’ studju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, inqis li din xorta turi kunsiderazzjoni ta’ portata ġenerali, jiġifieri li l-pressjoni migratorja, anki meta tkun akkumpanjata mir-riskju ta’ żieda sostanzjali fil-piż tax-xogħol tal-qrati, ma tistax tiġġustifika li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jitlef is-sustanza tiegħu.