European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/4252

4.8.2026

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Ġunju 2026

dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri mill-Awstrija fil-fruntieri fuq l-art tagħha maċ-Ċekja, is-Slovakkja, l-Ungerija u s-Slovenja f’konformità mal-Artikolu 27a(3) tar-Regolament (UE) 2016/399 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(C/2026/4252)

(1)   

Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

(2)   

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (kodifikazzjoni) (1), Stat Membru jista’, meta jkun ikkonfrontat b’theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, eċċezzjonalment u temporanjament jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni kollha tiegħu jew f’partijiet speċifiċi minnhom. Dan għandu jsir biss bħala miżura tal-aħħar istanza, u l-ambitu u d-durata tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri ma għandhomx jaqbżu dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jirrispondu għat-theddida serja identifikata.

(3)   

L-Artikolu 25a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika li fejn Stat Membru jippjana li jintroduċi mill-ġdid il-kontroll mal-fruntieri fil-fruntieri interni biex jindirizza theddida serja prevedibbli, għandu jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri, mill-anqas erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid pjanata tal-kontrolli tal-fruntieri jew mill-aktar fis possibbli meta ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jsiru magħrufa lill-Istat Membru inqas minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata.

(4)   

L-Artikolu 27a(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jeħtieġ li l-Kummissjoni, wara li jaslu n-notifiki sottomessi b’rabta ma’ estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25a(4) li twassal għall-kontinwazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal aktar minn 12-il xahar, il-Kummissjoni fuq l-istess raġunijiet, għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fuq il-fruntieri interni.

(5)   

Il-qafas għall-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni ġie rivedut b’mod sostanzjali bir-Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2024. Konsegwentement, il-bidu tal-perijodi kollha msemmija fit-Titolu III, Kapitolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ġie kkalkolat minn din id-data.

(6)   

Permezz tal-ittra datata s-16 t’Ottubru 2024, l-awtoritajiet Awstrijaċi nnotifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri abbażi tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fil-fruntieri interni fuq l-art maċ-Ċekja u mas-Slovakkja għal perjodu ta’ sitt xhur, mis-16 ta’ Ottubru sal-15 ta’ April 2025. Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ April 2025, l-awtoritajiet Awstrijaċi nnotifikaw l-estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, mis-16 ta’ April 2025 sal-15 ta’ Ottubru 2025. Permezz ta’ ittra datata l-15 t’ Ottubru 2025, l-awtoritajiet Awstrijaċi nnotifikaw it-tieni estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid għal perjodu addizzjonali ta’ xahrejn, mis-16 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Diċembru 2025.

(7)   

Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Novembru 2024, l-awtoritajiet Awstrijaċi nnotifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri abbażi tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fil-fruntieri fuq l-art mal-Ungerija u s-Slovenja, għal perjodu ta’ sitt xhur, mill-jum ta’ wara. Permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Mejju 2025, l-awtoritajiet Awstrijaċi nnotifikaw l-estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, mit-12 ta’ Mejju sal-11 ta’ Novembru 2025. Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Ottubru 2025, l-awtoritajiet Awstrijaċi nnotifikaw it-tieni estensjoni ta’ din l-introduzzjoni mill-ġdid għall-istess raġunijiet għal perjodu ta’ 1-il xahar u 3 jum, mit-12 ta’ Novembru 2025 sal-15 ta’ Diċembru 2025.

(8)   

Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Diċembru 2025, l-awtoritajiet Awstrijaċi nnotifikaw it-tielet estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art tal-Awstrija maċ-Ċekja u mas-Slovakkja, kif ukoll mal-Ungerija u mas-Slovenja, għal 6-il xahar addizzjonali, mis-16 ta’ Diċembru 2025 sal-15 ta’ Ġunju 2026.

(9)   

Permezz ta’ ittra datata t-8 ta’ Jannar 2026 u f’konformità mal-Artikolu 33(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, Austra ppreżentat żewġ rapporti dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, abbażi tal-Artikolu 33(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-ewwel rapport kopra l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art tal-Awstrija mas-Slovenja u l-Ungerija għall-perjodu bejn t-12 ta’ Novembru 2024 u l-11 ta’ Novembru 2025. It-tieni rapport kopra l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art tal-Awstrija maċ-Ċekja u mas-Slovakkja għall-perjodu bejn s-16 ta’ Ottubru 2024 u l-15 ta’ Ottubru 2025.

(10)   

L-Aawtrija ġiet inkluża fid-djalogu strutturat tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Wara l-wasla tan-notifika tal-Awstrija għal estensjoni, dan id-djalogu strutturat kompla bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni previst mill-Artikolu 27a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(11)   

Fil-5 ta’ Ġunju 2025, Tim ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen żar il-fruntiera interna fuq l-art bejn l-Awstrija u s-Slovenja bħala parti mill-evalwazzjoni perjodika skont il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen tal-Awstrija.

(12)   

Is-sitwazzjoni attwali fil-fruntieri interni ġiet deskritta fir-Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen tat-23 ta’ April 2025 (3) u hija diskussa regolarment fil-Kunsill ta’ Schengen.

(13)   

Wara li jaslu n-notifiki sottomessi b’rabta ma’ estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li twassal għall-kontinwazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal total ta’ 12-il xahar, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fuq il-fruntieri, kif previst mill-Artikolu 27a(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Għall-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art maċ-Ċekja u s-Slovakkja, din kienet in-notifika ppreżentata fil-15 ta’ April 2025. Għall-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art mal-Ungerija u s-Slovenja, din kienet in-notifika ppreżentata fid-9 ta’ Mejju 2025.

(14)   

Wara valutazzjoni tan-notifiki u r-rapporti kollha msemmija hawn fuq, issupplimentata bl-informazzjoni pprovduta mill-Awstrija fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni u dokumenti uffiċjali oħra, disponibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni tadotta din l-Opinjoni.

VALUTAZZJONI TAN-NOTIFIKI U R-RAPPORT

I.   REKWIŻITI FORMALI

(15)

Fil-qafas tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll tal-fruntieri interni, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jimponi diversi obbligi formali fuq l-Istati Membri.

(16)

L-Artikolu 25a(4) tal-SBC jirrikjedi li l-Istati Membri, fejn theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tkun prevedibbli fi Stat Membru, jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli fil-fruntieri.

(17)

Il-Kummissjoni tosserva li n-notifiki tal-introduzzjonijiet mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni u l-estensjonijiet tagħhom ġew innotifikati inqas minn erba’ ġimgħat qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom minħabba s- “sitwazzjoni dinamika” u x-xewqa li jiġu pprovduti “l-aħħar informazzjoni u valutazzjoni”. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-konformità mal-obbligu li tiġi ppreżentata notifika fil-ħin tista’ tiġi eżentata biss f’każ li ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru magħrufa mill-Istat Membru inqas minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata.

(18)

Il-Kummissjoni tosserva li d-durata tat-tieni estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art tal-Awstrija maċ-Ċekja u mas-Slovakkja kif ukoll mal-Ungerija u mas-Slovenja hija iqsar mill-introduzzjonijiet mill-ġdid preċedenti. L-awtoritajiet Awstrijaċi indikaw li matul dan il-perjodu, kienu se jevalwaw l-introduzzjonijiet mill-ġdid kollha tal-kontrolli fil-fruntieri interni u possibbilment jallinjaw id-dati ta’ skadenza tagħhom, li għamlu permezz tan-notifika tagħhom tat-tielet estensjoni fil-fruntieri interni fuq l-art maċ-Ċekja u mas-Slovakkja, kif ukoll mal-Ungerija u mas-Slovenja tal-10 ta’ Diċembru 2025.

(19)

In-notifiki għall-estensjonijiet tal-kontrolli fil-fruntieri interni saru bl-użu tal-mudell stabbilit għal dan l-għan bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/315 (4).

(20)

L-Artikolu 27(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirrikjedi li f’sitwazzjonijiet fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri jkunu ilhom fis-seħħ għal sitt xhur, l-Istati Membri jipprovdu valutazzjoni tar-riskju fi kwalunkwe notifika sussegwenti li tippreżenta l-iskala u l-evoluzzjoni antiċipata tat-theddida serja.

(21)

Filwaqt li valutazzjoni preċiża tal-iskala u d-durata antiċipata tat-theddida serja tista’ tkun diffiċli biex tiġi pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni fil-post tista’ tiżviluppa malajr u tista’ tkun diffiċilment imbassra, il-Kummissjoni tenfasizza xorta waħda l-importanta tal-obbligu skont l-Artikolu 27(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li ssir valutazzjoni tar-riskju tat-theddida serja fil-mument tan-notifika ta’ introduzzjoni mill-ġdid jew tat-tiġdid tagħha, filwaqt li tqis ix-xejriet fl-iżvilupp tat-theddida serja fil-perjodu preċedenti ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, u bl-użu ta’ analiżijiet tar-riskju mħejjija fil-livell nazzjonali u mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

(22)

Il-Kummissjoni tinnota li r-rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, abbażi tal-Artikolu 33(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kien dovut għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fil-fruntieri Awstrijaċi maċ-Ċekja u mas-Slovakkja fis-16 ta’ Ottubru 2025 u għall-fruntieri Awstrijaċi mal-Ungerija u mas-Slovenja fit-12 ta’ Novembru 2025. Iż-żewġ rapporti ġew ippreżentati fit-8 ta’ Jannar 2026.

(23)

Ir-rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni jsegwi l-format uniformi stabbilit bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/308 (5).

II.   ĦTIEĠA U PROPORZJONALITÀ

Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Awstrijaċi

(24)

L-awtoritajiet Awstrijaċi jinvokaw l-eżistenza ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna li tirriżulta minn sfidi relatati mal-migrazzjoni u s-sigurtà. L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni sservi biex tindirizza l-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi u l-pressjoni fuq il-koeżjoni soċjali minħabba l-għadd konsistentement għoli ta’ persuni li jfittxu l-ażil u migranti irregolari, inklużi ċittadini Ukreni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja.

(25)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-sigurtà, l-awtoritajiet Awstrijaċi jirreferu għall-iżviluppi tas-sigurtà globali, inkluż il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Barra minn hekk, l-Awstrija qed tiffaċċja livell għoli ta’ theddid terroristiku li jirriżulta mill-intensifikazzjoni tal-estremiżmu Iżlamiku fl-Awstrija minħabba l-preżenza ta’ networks terroristiċi fit-territorju tagħha, b’mod partikolari mill-Balkani tal-Punent, li l-membri tagħhom jivvjaġġaw bejn il-fruntieri interni.

(26)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni, l-awtoritajiet Awstrijaċi jqisu li fin-nuqqas ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-Patt dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni, in-nuqqasijiet fis-sistema tal-ażil u fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni jagħmlu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni meħtieġa u proporzjonata.

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Awstrijaċi jindikaw:

—

il-livell baxx ta’ trasferimenti ta’ Dublin, bl-impossibbiltà li jitwettqu ritorni ta’ Dublin lejn Stati Membri responsabbli;

—

il-ħtieġa li tiġi kkonsolidata x-xejra’ l isfel fil-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri u li tiġi indirizzata ż-żieda mistennija fl-2025 tul ir-Rotta kostali tal-Balkani tal-Punent;

—

l-instabbiltà kontinwa fl-Afganistan, fit-Turkija, fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll fis-Sirja li tirriżulta fi pressjoni kontinwa fuq il-fruntieri esterni tal-UE;

—

ir-riżultati investigattivi sinifikanti kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin bħala riżultat tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

(27)

L-awtoritajiet Awstrijaċi jindikaw li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija l-uniku mod biex jiġi pprojbit il-qsim tal-fruntieri interni barra mill-punti ta’ qsim tal-fruntiera deżinjati, li jippermetti s-sorveljanza bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera mill-militar Awstrijak li jaġixxi taħt il-kontroll tal-pulizija tal-fruntieri.

(28)

Skont id-dritt Awstrijak, hija biss l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni li tippermetti lill-pulizija tal-fruntieri Awstrijaċi jwettqu kontrolli tad-dħul u tal-identità marbuta mal-qsim (jew mal-intenzjoni li jsir dan il-qsim) tal-fruntiera interna.

(29)

L-awtoritajiet Awstrijaċi jsostnu li l-kontroll fil-fruntieri interni huwa limitat għal minimu u jseħħ b’mod mhux sistematiku u bbażat fuq ir-riskju, fil-forma ta’ kontrolli mmirati fuq il-post.

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni

(30)

L-awtoritajiet Awstrijaċi pprovdew informazzjoni dwar id-diversi aspetti tat-theddid serju identifikat għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku kif ukoll argumenti biex jissostanzjaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-kontrolli fil-fruntieri introdotti mill-ġdid.

(31)

Filwaqt li s-sitwazzjoni diffiċli tas-sigurtà globali tista’ twassal għal tħassib serju għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, in-notifika tista’ tipprovdi analiżi addizzjonali li tispjega kif l-ambjent tas-sigurtà globali jaffettwa lill-Awstrija b’mod speċifiku, u kif l-istrument tal-kontroll fil-fruntieri interni jista’ jservi biex jindirizza din it-theddida serja.

(32)

Fil-valutazzjoni tat-theddida serja għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali, ma hemm l-ebda spjegazzjoni ta’ kif partijiet differenti tal-fruntieri interni tal-Awstrija huma affettwati minn dan it-theddid.

(33)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Awstrija qed tiffaċċja sitwazzjoni ta’ migrazzjoni kumplessa, kif muri mid-data dwar l-għadd globali ta’ applikazzjonijiet għall-ażil, inklużi dawk ippreżentati wara dħul mhux awtorizzat, minn applikanti għall-protezzjoni internazzjonali rreġistrati fi Stat Membru ieħor, minn benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, kif ukoll l-għadd ta’ permessi maħruġa lill-membri tal-familja ta’ refuġjati rikonoxxuti għall-fini tar-riunifikazzjoni tal-familja. Il-kapaċità tal-Awstrija li tipprovdi kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ġiet affettwata wkoll mill-ħtieġa li jiġu appoġġati l-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(34)

Movimenti sekondarji mhux awtorizzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni jekk dawn il-movimenti mhux awtorizzati jkunu ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 25(1)(c) tiegħu, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirreferi speċifikament għas-sitwazzjoni li fiha movimenti mhux awtorizzati fuq skala kbira f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bejn l-Istati Membri jpoġġu pressjoni sostanzjali fuq ir-riżorsi u l-kapaċitajiet ġenerali ta’ awtoritajiet kompetenti mħejjija tajjeb, u li x’aktarx ipoġġu f’riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

(35)

Data reċenti turi li s-sitwazzjoni migratorja tjiebet b’mod sinifikanti fl-Unjoni. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta osservat tnaqqis qawwi fl-Unjoni ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fil-fruntieri esterni fl-2024, inkluż tnaqqis ta’ 78 % fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent fl-2024. Fl-2025, skont l-Għarfien u l-Analiżi Integrati tas-Sitwazzjoni tal-UE, il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri reġa’ naqas, b’ 41 fil-mija meta mqabbel mal-2024 (minn 12 687 fl-2025 għal 21 637 fl-2024). Barra minn hekk, skont id-data tal-Eurostat, fl-2024, l-Awstrija rat tnaqqis ta’ 49 % fl-applikazzjonijiet għall-ażil għall-ewwel darba, bin-numri jkomplu jonqsu fl-2025. Dan it-tnaqqis huwa parti minn xejra usa’ minħabba sforzi kollettivi akbar biex jiġu protetti l-fruntieri esterni tal-UE u ma jistax jiġi attribwit biss għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni mill-Awstrija.

(36)

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma tbiddilx l-obbligi tal-Awstrija skont ir-regoli applikabbli tad-dritt tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn. L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tista’ tikkontribwixxi għad-detezzjoni ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fit-territorju ta’ Stat Membru, tiffaċilita r-riammissjonijiet rapidi fil-fruntiera interna u tiżgura li l-movimenti mhux awtorizzati tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jiġu identifikati minnufih, li jippermetti l-applikazzjoni korretta tar-regoli tar-Regolament ta’ Dublin (6) dwar l-allokazzjoni tar-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. Madankollu, in-notifiki fihom biss informazzjoni limitata dwar l-għadd ta’ qbid u riammissjonijiet fil-partijiet differenti tal-fruntiera interna li tiġġustifika l-estensjoni ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

(37)

L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tista’ tikkontribwixxi għall-arrest ta’ faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin kif ukoll ta’ terroristi. L-awtoritajiet Awstrijaċi ppreżentaw tħassib leġittimu fir-rigward tal-preżenza (tal-mexxejja) ta’ networks terroristiċi fit-territorju Awstrijak u l-valur miżjud tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni b’reazzjoni għall-ivvjaġġar tal-membri ta’ tali networks bejn il-fruntieri interni. Madankollu, in-notifiki ma fihomx biżżejjed informazzjoni dwar l-arrest ta’ faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin u terroristi fit-taqsimiet differenti tal-fruntiera interna introdotta mill-ġdid. L-awtoritajiet Awstrijaċi lanqas ma jispjegaw kif l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija kkomplementata minn forom oħra ta’ kooperazzjoni fis-sigurtà, bħal investigazzjonijiet kriminali mmirati jew kontrolli tal-pulizija mmirati lejn iż-żarmar ta’ networks ta’ faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin jew terroristi.

(38)

Il-Kummissjoni tinnota li n-notifiki jew ir-rapporti ma jiddikjarawx raġunijiet speċifiċi għall-għażla tal-ambitu ġeografiku u temporali tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Ma hemm l-ebda spjegazzjoni dwar kif it-theddida serja taffettwa partijiet differenti tal-fruntiera interna li fiha ġew introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni. Ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għaliex durata ta’ sitt xhur, aktar milli perjodu iqsar, tqieset l-aktar xierqa fir-rigward tal-ewwel estensjonijiet jew għaliex fil-każ tat-tieni estensjonijiet, estensjoni ta’ xahrejn tqieset l-aktar xierqa.

III.   MIŻURI ALTERNATTIVI

Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Awstrijaċi

(39)

L-awtoritajiet Awstrijaċi jinnotifikaw li adottaw diversi miżuri alternattivi. Huma intensifikaw il-kontrolli tal-pulizija u l-kooperazzjoni bilaterali tal-pulizija fiż-żoni kollha tal-fruntiera. Dan jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali kif ukoll pattulji konġunti fil-fruntieri interni tal-art maċ-Ċekja u mas-Slovenja diversi drabi fix-xahar.

(40)

L-Awstrija għandha fis-seħħ ftehimiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija mal-Istati Membri ġirien kollha tagħha. Hija tipparteċipa fi tmien ċentri ta’ kooperazzjoni tal-pulizija, li sitta minnhom jinsabu fil-fruntieri interni introdotti mill-ġdid. L-Awstrija stazzjonat uffiċjali ta’ kollegament tal-pulizija permanenti fi Praga u Bratislava.

(41)

L-Awstrija għandha fis-seħħ ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi ġirien kollha tagħha u taħdem mill-qrib flimkien fuq ir-riammissjoni ta’ migranti irregolari maqbuda fil-fruntieri interni u fit-territorju Awstrijak. L-awtoritajiet Awstrijaċi ħadu l-ewwel passi lejn il-konklużjoni ta’ arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment skont l-Artikolu 23a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(42)

L-Awstrija qed tindirizza b’mod proattiv l-isfidi tal-migrazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu permezz ta’ varjetà ta’ miżuri bilaterali, bħall-iskjerament ta’ konsulenti dwar id-dokumenti, operazzjonijiet bilaterali tal-pulizija tal-fruntieri, u l-parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet tal-Frontex.

(43)

Fl-2018, ġiet stabbilita l-Unità tal-Pulizija tal-Fruntieri (PUMA) fi ħdan il-Pulizija Federali Awstrijaka. Hija task force speċjalizzata tal-pulizija responsabbli għall-appoġġ tal-migrazzjoni u l-operazzjonijiet ta’ kontroll fil-fruntieri, kemm fit-territorju kif ukoll fil-fruntieri interni fejn jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli. Uffiċjali PUMA ġew skjerati flimkien mal-pulizija tal-fruntiera Ungeriża fit-territorju Ungeriż fil-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja.

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni

(44)

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-applikazzjoni attiva tal-Awstrija ta’ miżuri alternattivi li jakkumpanjaw u jillimitaw l-impatt tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

(45)

Il-Kummissjoni tinnota l-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi ġirien kollha ta’ Schengen iżda ma għandhiex biżżejjed informazzjoni biex tivvaluta l-effettività ta’ dawn il-ftehimiet fil-prattika. Hija tinnota li l-Awstrija taġixxi f’konformità mar-regoli rilevanti tad-dritt tal-UE u f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva dwar ir-Ritorn (7) fil-fruntieri interni fejn il-kontroll ġie introdott mill-ġdid.

(46)

L-Awstrija pparteċipat b’mod attiv fl-attivitajiet tal-Europol li jindirizzaw il-migrazzjoni illegali u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin, inkluż fi ħdan iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti fi Vjenna, it-Task Force tal-EMPACT dwar il-Balkani tal-Punent, u t-Task Force Operazzjonali (OTF) “Pathfinder”.

(47)

L-Awstrija qed tindirizza b’mod proattiv l-isfidi tal-migrazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Il-parteċipazzjoni tal-Awstrija fl-Operazzjoni FOX (8) u l-istabbiliment ta’ unità ddedikata għall-migrazzjoni u l-fruntieri fi ħdan il-pulizija (PUMA) li tista’ taġixxi kemm fit-territorju nazzjonali kif ukoll barra mill-Awstrija jservu bħala eżempji ta’ miżuri alternattivi ta’ suċċess immirati biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà. Madankollu, il-Kummissjoni ssib li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma pprovdewx biżżejjed informazzjoni biex jispjegaw għaliex l-attivitajiet tal-unità tal-PUMA fit-territorju Awstrijak ma jistgħux jipprovdu alternattiva suffiċjenti għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

(48)

Il-Kummissjoni tinnota li d-dritt li wieħed jaqsam il-fruntiera interna fi kwalunkwe punt jista’ jkun limitat biss għal punti ta’ qsim tal-fruntiera magħżula abbażi ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Madankollu, anke fin-nuqqas ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, l-awtoritajiet Awstrijaċi jistgħu jkomplu jeżerċitaw is-setgħat pubbliċi, inklużi dawk immirati lejn it-tnaqqis tal-migrazzjoni illegali fiż-żoni tal-fruntieri interni.

IV.   MIŻURI TA’ MITIGAZZJONI

Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Awstrijaċi

(49)

L-awtoritajiet Awstrijaċi jinnotifikaw li adottaw diversi miżuri mitiganti. L-ewwel nett, huma jibqgħu f’kuntatt kostanti mal-pajjiżi ġirien ta’ Schengen tal-Awstrija biex iżommu l-kontroll minimu, filwaqt li jqisu r-rabtiet soċjali u ekonomiċi bejn ir-reġjuni tal-fruntiera. Il-konsultazzjonijiet isiru qabel, matul u wara l-implimentazzjoni tagħhom tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, bl-involviment tal-uffiċjali ta’ kollegament, id-dipartiment speċjalizzat responsabbli fi ħdan il-Ministeru Federali, id-direttorati tal-pulizija tal-istat, l-unitajiet reġjonali ġirien, u ċ-ċentri ta’ kooperazzjoni tal-pulizija.

(50)

Il-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru fil-forma ta’ kontrolli fuq il-post ibbażati fuq ir-riskju u sorveljanza li ttaffi l-impatt tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq it-traffiku transfruntier.

(51)

L-awtoritajiet Awstrijaċi jimmonitorjaw il-flussi tat-traffiku fuq bażi kontinwa u jipprovdu lill-vjaġġaturi b’informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-fruntieri interni.

(52)

Skont l-awtoritajiet Awstrijaċi d-dewmien fil-fruntiera interna baqa’ limitat għall-ħinijiet l-aktar intensivi u l-istaġun tal-vaganzi.

(53)

L-awtoritajiet Awstrijaċi jirrapportaw biss għadd limitat ta’ lmenti bbażati fuq żieda fil-ħinijiet ta’ stennija fil-fruntiera interna fil-punti ta’ qsim u l-ebda lment uffiċjali kontra l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni

(54)

In-notifiki juru li l-awtoritajiet Awstrijaċi juru l-impenn tagħhom li jiżguraw li l-impatt tal-kontrolli fil-fruntieri interni jibqa’ limitat kif meħtieġ mill-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(55)

L-Awstrija ħadet passi, taħt il-gwida tal-Kummissjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri ġirien tagħha, biex tiżgura l-fluwidità tat-traffiku fil-punti ta’ qsim interni tal-art fejn il-kontroll ġie introdott mill-ġdid.

(56)

Il-kontroll fil-fruntieri jsir b’mod immirat u bbażat fuq ir-riskju, sabiex jiġi limitat l-impatt fuq l-ivvjaġġar transfruntier. Tali miżuri jgħinu biex jittaffa l-impatt tal-kontrolli iżda ma għandhom l-ebda impatt fuq ir-rekwiżiti addizzjonali biex jiġu limitati l-kontrolli fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni.

(57)

L-Awstrija nnotifikat ir-reġjuni transfruntiera tagħha skont l-Artikolu 42b tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(58)

In-notifiki ppreżentati mill-awtoritajiet Awstrijaċi ma jagħtux attenzjoni speċifika lir-reġjuni transfruntiera li huma kkonċernati mill-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni u ma jispjegawx sa liema punt jistgħu jiġu proposti soluzzjonijiet teknoloġiċi jew imfassla apposta għal kull reġjun tal-fruntiera jew kategorija ta’ vjaġġaturi essenzjali biex tiġi żgurata l-fluwidità tal-ivvjaġġar transfruntier. Ir-rapporti li ġew ippreżentati mill-awtoritajiet Awstrijaċi jipprovdu aktar dettall f’dan ir-rigward.

(59)

Il-Kummissjoni tikkondividi t-tħassib espress mill-Istati Membri ġirien fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni, li l-kostruzzjoni possibbli ta’ infrastruttura aktar permanenti għat-twettiq ta’ kontrolli fil-fruntieri interni tmur kontra n-natura temporanja tagħha u tindika li l-Artikolu 24 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirrikjedi li l-Istati Membri jneħħu l-ostakli fil-punti ta’ qsim tat-toroq.

V.   RAKKOMANDAZZJONIJIET

(60)

Żona Schengen li tiffunzjona tajjeb tiddependi fuq l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-acquis dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Il-bidu tal-applikazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil f’Ġunju 2026 se jkun xprun importanti biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar movimenti mhux awtorizzati jew tħassib migratorju u ta’ sigurtà relatat mal-migrazzjoni illegali — tħassib imressaq mill-Awstrija li jiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni.

(61)

Il-Kummissjoni tindika li skont ir-Regolament dwar l-Iskrinjar (9), li jifforma parti mill-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, kontroll tas-sigurtà tal-bażijiet tad-data rilevanti kollha jifforma parti kemm mill-iskrinjar fil-fruntieri esterni, kif ukoll fit-territorju.

(62)

It-tħassib dwar is-sigurtà huwa r-raġuni ewlenija mressqa mill-Awstrija li tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Il-liġi tal-UE diġà tipprovdi firxa wiesgħa ta’ għodod biex tgħin fl-indirizzar ta’ dan it-tħassib tal-awtoritajiet Awstrijaċi. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-mekkaniżmi eżistenti biex isaħħu s-sigurtà u l-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi. Dawn jinkludu r-Regolament Prüm II, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen il-ġdida u l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (10). Id-dħul fis-seħħ tal-EES u tal-ETIAS se jkompli jiżgura l-fruntieri esterni (11).

(63)

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet Awstrijaċi biex ikomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom maċ-Ċekja, is-Slovakkja, l-Ungerija u s-Slovenja, inkluż permezz tar-reviżjoni xierqa tal-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali eżistenti ta’ riammissjoni u/jew il-konklużjoni ta’ arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment skont l-Artikolu 23a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(64)

L-Awstrija għandha tkompli tibni fuq il-kooperazzjoni b’suċċess tagħha mal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fir-reġjun taħt l-hekk imsejjaħ “approċċ ta’ rotta sħiħa”. Hija tħeġġeġ lill-awtoritajiet Awstrijaċi biex ikomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni operazzjonali konġunta tagħhom bejn l-awtoritajiet tal-gwardja tal-fruntiera u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi, inkluż permezz ta’ pattulji konġunti u mħallta. Bħala kwistjoni ta’ prijorità, għandha taġġorna t-trattati bilaterali eżistenti dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija mal-Istati Membri ġirien tagħha.

(65)

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Awstrija tindirizza kwalunkwe ostaklu legali jew operazzjonali li jxekkel l-użu effettiv ta’ miżuri alternattivi, bħal limitazzjonijiet skont il-liġi nazzjonali biex titlob identifikazzjoni u tivverifika l-konformità mal-kundizzjonijiet għal soġġorn legali fit-territorju, jew l-użu ta’ mezzi teknoloġiċi, bħar-rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni, fil-fruntieri interni tagħha għal finijiet ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni.

(66)

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-użu ta’ miżuri alternattivi, inklużi soluzzjonijiet teknoloġiċi, jista’ jikkostitwixxi mezz aktar effiċjenti u effettiv biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà u kontroll tal-migrazzjoni, mingħajr il-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni.

(67)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet Awstrijaċi jaħdmu lejn it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri interni, abbażi ta’ approċċ imfassal apposta għal kull taqsima tal-fruntiera interna u għal kull theddida u jagħmlu użu sħiħ mill-miżuri alternattivi disponibbli stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 (12) u l-possibbiltajiet skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dawn il-miżuri għandhom isaħħu u jikkomplementaw il-miżuri eżistenti.

(68)

Il-Kummissjoni tqis li l-kooperazzjoni b’suċċess mal-Istati Membri ġirien u ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ miżuri alternattivi, jipprovdu bażi solida li fuqha l-Awstrija issa tista’ taħdem lejn it-tneħħija gradwali tal-kontroll fil-fruntieri interni, mingħajr ma jkollha għalfejn tikkomprometti s-sigurtà jew il-kontroll tal-migrazzjoni tagħha. Hija se tibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri kollha kkonċernati biex jintlaħaq dan l-għan.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Magnus BRUNNER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU L, 2024/1717. 20.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1717/oj).

(3)  COM(2025) 185 final.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/315 tal-14 ta’ Frar 2025 li tistabbilixxi mudell għan-notifika tal-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni (OJ L, 2025/315, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/315/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/308 tal-14 ta’ Frar 2025 li tistabbilixxi format uniformi għar-rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni tal-kontroll fil-fruntieri interni f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/308, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/308/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(7)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2023, Association Avocats pour la défense des droits des étrangers (ADDE) u Oħrajn vs Ministre de l’Intérieur, il-Kawża C-143/22, ECLI:EU:C:2023:689.

(8)  “Operazzjoni Fox” huwa l-isem mogħti lill-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Awstrija u l-Ungerija bl-għan li jiġu miġġielda l-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin, b’mod partikolari dawk relatati mal-migrazzjoni illegali. L-operazzjoni tinvolvi sforzi konġunti biex jiġi evitat il-moviment ta’ migranti u faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin minn naħa għal oħra tal-fruntiera kondiviża tagħhom, kif ukoll biex jiġi indirizzat l-abbuż mid-dritt għall-ażil.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-tiftix u l-iskambju awtomatiku ta’ data għall-kooperazzjoni mal-pulizija (ir-Regolament Prüm II) (ĠU L, 2024/982, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/982/oj); Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1862/oj);Ir-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L, 2025/13, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/13/oj); Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132–149; ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/681/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20-82, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2226/oj); Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 tat-23 ta’ Novembru 2023 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ theddid serju għas-sigurtà interna u l-ordni pubbliku fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (ĠU L, 2024/268, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/268/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4252/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)