DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija – Assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat – Unanimità meħtieġa mhux milħuqa – Inammissibbiltà manifesta parzjali – Talba għal terminu li jippermetti t-tkomplija mill-ġdid tar-rikors – Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni parzjali”

Fil-Kawża T‑48/23,

Eugen Tomac, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn R. Duta, avukat,

rikorrent,

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

konvenut,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos (Relatur), President, S. Gervasoni u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Eugen Tomac, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-“deċiżjoni” tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Diċembru 2022 li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“Abbozz Nru 15218/22”), u, min-naħa l-oħra, kemm‑il darba l-kwalità ta’ rikorrent ipprivileġġat ma tiġix irrikonoxxuta lilu, l-għoti ta’ terminu li jippermetti li r-rikors jitkompla, jekk ikun il-każ, mill-Parlament Ewropew jew minn istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea jew nazzjonali li taġixxi f’din il-kwalità.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

L-acquis ta’ Schengen, kif imsemmi fl-Artikolu 1, li jirreferi għall-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal‑20 ta’ Mejju 1999 dwar id-definizzjoni ta’ l-acquis ta’ Schengen sabiex jiġi determinat, b’konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għall-kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 136), huwa corpus legali li l-għan tiegħu huwa t-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni fl-Istati Membri taż-żona Schengen.

3

It-Trattat ta’ Amsterdam annetta mat-Trattat UE u mat-Trattat KE l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (ĠU 1997, C 340, p. 93). Sussegwentement, il-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat UE (ĠU 2008, C 115, p. 290), ġie anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 290).

4

B’mod partikolari, fir-rigward tar-Rumanija, l-Artikolu 4(1) u (2) tal-Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 29, iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni”), tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203), jipprevedi:

“1.   Id-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea […] u l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, kif ukoll kull att ieħor bħal dan li jista’ jiġi adottat qabel id-data ta’ l-adeżjoni, għandhom jorbtu u jkunu applikabbli [fir-Repubblika tal-Bulgarija] u r-Rumanija mid-data ta’ l-adeżjoni.

2.   Dawk id-disposizzjonjiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jorbtu [lir-Repubblika tal-Bulgarija] u lir-Rumanija mid-data ta’ l-adeżjoni, għandhom japplikaw biss f’dawk l-Istati skond deċiżjoni tal-Kunsill għal dak l-iskop wara verifika skond il-proċeduri Schengen applikabbli ta’ valutazzjoni li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha ta’ l-acquis konċernat ikunu ġew sodisfatti f’dak l-Istat.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-disposizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu diġà ddaħħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern ta’ l-Istat Membru li fir-rigward tiegħu dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiddaħħlu fis-seħħ. […]”

5

Wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fl‑1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija, bejn l‑2009 u l‑2011, ħadet sensiela ta’ passi skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, bil-għan li tissodisfa l-kriterji meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen.

6

Fid‑29 ta’ Settembru 2010 u fit‑8 ta’ Lulju 2011, il-Presidenza tal-Kunsill fasslet, u sussegwentement emendat, l-ewwel abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija, jiġifieri l-Abbozz Nru 14142/10, li sar l-Abbozz Nru 14142/1/10 (iktar ’il quddiem l-“Abbozz Nru 14142/10”).

7

Permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Abbozz Nru 14142/10 (ĠU 2012, KE 380, p. 160), il-Parlament ħa pożizzjoni favur dan l-abbozz.

8

Permezz ta’ konklużjonijiet tad‑9 ta’ Ġunju 2011 dwar it-tlestija tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-istat ta’ tħejjija tar-Rumanija biex timplimenta d-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen (9166/3/11 REV 3), il-formazzjoni “Evalwazzjoni ta’ Schengen” tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar “Materji Relatati ma’ Schengen” ħadet nota tat-tlestija tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen fir-rigward tar-Rumanija. Filwaqt li kkonstata li r-Rumanija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet f’kull qasam tal-acquis ta’ Schengen, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill ikkonkluda li l-Kunsill seta’ jieħu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

9

Minkejja li kien ġie miftiehem, fl‑24 ta’ Ġunju 2011, li d-deċiżjoni dwar l-adeżjoni tar-Rumanija maż-żona Schengen kellha tittieħed mhux iktar tard minn Settembru 2011, il-Kunsill, madankollu, ippospona l-votazzjoni fuq l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni għal laqgħa tat‑22 ta’ Settembru 2011.

10

Permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2011 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ Schengen (ĠU 2013, KE 94, p. 13), il-Parlament tenna s-sostenn tiegħu għall-adeżjoni tar-Rumanija maż-żona Schengen. Huwa stieden lill-Kunsill sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan.

11

L-Abbozz Nru 14302/3/11 ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑7 ta’ Diċembru 2011, imfassal mill-Presidenza tal-Kunsill, ma wassalx għal votazzjoni tal-Kunsill waqt laqgħa tad‑9 ta’ Diċembru 2011.

12

Permezz ta’ riżoluzzjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru (ĠU 2020, C 388, p. 18), il-Parlament stieden lill-Kunsill sabiex, minn naħa, jippreżenta malajr kemm jista’ jkun abbozz ġdid ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, abbażi tal-Abbozz Nru 14142/10 u sabiex, min-naħa l-oħra, permezz ta’ att legali wieħed, jieħu deċiżjoni immedjata bil-għan li jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni.

13

Sussegwentement, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li r-Rumanija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen jiġu rrikonoxxuti applikabbli f’dan l-Istat u stiednet lill-Kunsill sabiex jieħu l-miżuri neċessarji għal dan l-għan fl-ewwel komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tat‑2 ta’ Ġunju 2021, intitolata “Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ” (COM (2021) 277 finali), u sussegwentement, fit-tieni komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal‑24 ta’ Mejju 2022, intitolata “Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen 2022” (COM (2022) 0301 finali).

14

Permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2022 dwar l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija maż-żona Schengen (ĠU 2023, C 149, p. 11), il-Parlament stieden mill-ġdid lill-Kunsill jagħmel dak kollu li huwa neċessarju sabiex jadotta deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija sa tmiem is-sena 2022.

15

Rapport ta’ esperti tal‑21 ta’ Ottubru 2022, imfassal, taħt l-awtorità tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni volontarja fil-Bulgarija u fir-Rumanija dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u tal-iżviluppi tiegħu mill‑2011 (13906/22), ikkonferma l-konklużjonijiet tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni li tlestew fl‑2011. Ir-rapport spjega wkoll li r-Rumanija kienet implimentat l-acquis u l-għodod tagħha u saħħet ukoll l-applikazzjoni tiegħu f’kull qasam. F’komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas‑16 ta’ Novembru 2022, intitolata “Nagħmlu ż-Żona Schengen aktar b’saħħitha bis-sehem sħiħ tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja fl-ispazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni” (COM (2022) 636 finali), il-Kummissjoni reġgħet stiednet lill-Kunsill jaċċetta l-adeżjoni tar-Rumanija maż-żona Schengen.

16

Fid‑29 ta’ Novembru 2022, abbażi tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, il-Presidenza tal-Kunsill fasslet l-Abbozz Nru 15218/22.

17

Fit‑8 ta’ Diċembru 2022, il-formazzjoni tal-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI)” tlaqqgħet sabiex, skont il-governanza politika taż-żona Schengen (jiġifieri l-Kunsill ta’ Schengen) u l-attivitajiet mhux leġiżlattivi, tiddeċiedi dwar l-Abbozz Nru 15218/22 imniżżel fil-punt 3(a) tal-aġenda tal-laqgħa, li kien jipprevedi li tista’ tintalab votazzjoni bil-possibbiltà ta’ adozzjoni. Matul din il-laqgħa, fin-nuqqas ta’ unanimità tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-Abbozz Nru 15218/22, dan l-abbozz ma ġiex adottat.

18

Ir-rikorrent huwa Membru tal-Parlament Ewropew ta’ nazzjonalità Rumena.

19

Permezz ta’ posta elettronika tal‑15 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrent staqsa lid-Direttriċi Ġenerali ĠAI tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jekk kienx possibbli għaliha li tikkomunikalu r-riżultati tal-votazzjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija, imniżżla fl-aġenda tal-laqgħa tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2022, kif ukoll il-minuti ta’ din il-laqgħa jew ir-rapport relatat magħha.

20

Permezz ta’ posta elettronika tas‑16 ta’ Diċembru 2022, id-Direttriċi Ġenerali ĠAI tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill wieġbet lir-rikorrent li, matul din il-laqgħa, l-Abbozz Nru 15218/22 ma kienx fil-fatt ġie adottat u li, skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, billi dawn kienu deliberazzjonijiet dwar att mhux leġiżlattiv mhux miftuħa għall-pubbliku, ir-riżultati tal-votazzjonijiet ma kienu suġġetti għal ebda pubbliċità. Hija żiedet tgħid li l-minuti ta’ din il-proċedura lanqas ma kienu saru aċċessibbli għall-pubbliku.

It‑talbiet tar‑rikorrent

21

Ir-rikorrent qiegħed jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-“deċiżjoni” tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2022 li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22;

–

kemm‑il darba l-kwalità ta’ rikorrent ipprivileġġat ma tiġix irrikonoxxuta lilu, tagħti terminu li jippermetti li r-rikors jitkompla, jekk ikun il-każ, f’isem il-Parlament jew istituzzjoni oħra tal-Unjoni jew istituzzjoni nazzjonali li taġixxi f’din il-kwalità;

–

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Id‑dritt

22

Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli, hija tista’, f’kull ħin, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

23

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi, skont dan l-artikolu, li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li billi l-ammissibbiltà tar-rikors hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku li għandha titqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali, l-adozzjoni ta’ digriet abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura ma hijiex suġġetta għall-kontestazzjoni, mill-konvenut, tal-ammissibbiltà tar-rikors. B’hekk, f’dan il-każ, sabiex tiġi evalwata n-natura manifesta tal-inammissibbiltà, huwa irrilevanti li r-rikors ma ġiex innotifikat lill-konvenut u li dan tal-aħħar ma setax għalhekk jeċċepixxi n-natura manifestament inammissibbli tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Credito Fondiario vs SRB,C‑69/19 P, EU:C:2020:178, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn ġurisprudenza stabbilita sew dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament jirriżulta wkoll li għall-klassifikazzjoni ta’ dawn l-atti għandha tingħata importanza kemm lis-sustanza stess tal-atti kkontestati, kif ukoll lill-intenzjoni tal-awturi tagħhom. F’dan ir-rigward, atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, huma, bħala prinċipju, l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42; tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52, u tad‑19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑63/12, EU:C:2013:752, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ adozzjoni, mill-Kunsill, tal-Abbozz Nru 15218/22 jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

27

Huwa minnu, kif jenfasizza r-rikorrent, li mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni jirriżulta li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija tista’ ssir biss wara verifika, skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha kkonċernati tal-acquis ikunu ġew issodisfatti f’dan l-Istat Membru (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Huwa minnu wkoll li, f’dan il-każ, din il-verifika tlestiet bl-adozzjoni fid‑9 ta’ Ġunju 2011 tal-konklużjonijiet tal-formazzjoni “Evalwazzjoni ta’ Schengen” tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar “Materji Relatati ma’ Schengen” (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

28

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, it-tlestija tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, u tal-imsemmija verifika, hija biss stadju wieħed tal-proċedura, li għandha tkun akkumpanjata minn konsultazzjoni tal-Parlament, li hija stess tiġi segwita mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija.

29

Fuq kollox, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni jirriżulta li tali deċiżjoni tista’ tiġi adottata mill-Kunsill biss b’unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw lill-Gvernijiet tal-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen ikunu diġà daħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern tar-Rumanija li fir-rigward tiegħu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ.

30

B’hekk, minkejja t-tmiem tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, id-deċiżjoni tal-Kunsill, imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, tista’ tittieħed biss, u għalhekk tipproduċi effetti legali vinkolanti għar-rikorrent, jekk tiġi adottata b’mod unananimu taħt il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 30).

31

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja t-tlestija tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u l-adozzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat‑8 ta’ Ġunju u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, tal‑11 ta’ Diċembru 2018 u tat‑18 ta’ Ottubru 2022, l-unanimità meħtieġa mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati fi ħdan il-Kunsill ma ntlaħqitx fir-rigward tal-votazzjoni fuq l-Abbozz Nru 15218/22 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

32

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda terminu li fl-iskadenza tiegħu d-deċiżjoni tal-Kunsill, imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, għandha tittieħed jew titqies li tkun ittieħdet.

33

Għalhekk, tkun tikkontradixxi l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, li jipprevedi b’mod espliċitu proċedura b’diversi stadji mingħajr ma jistabbilixxi terminu għal dan il-għan, il-possibbiltà li mill-konklużjoni tal-istadji preliminari tiġi dedotta d-dekadenza tas-setgħa tal-Kunsill li, b’unanimità tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati, jadotta deċiżjoni fis-sens tal-imsemmi artikolu. B’hekk, il-konklużjoni ta’ dawn l-istadji, jew kull teħid ta’ pożizzjoni ieħor ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ma tistax torbot lil dawn ir-rappreżentanti, jew tippreżumi li tkun ittieħdet pożizzjoni min-naħa tagħhom, qabel l-adozzjoni formali ta’ tali deċiżjoni taħt il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq.

34

Għalhekk, jibqa’ dejjem possibbli għall-Kunsill li jinkludi mill-ġdid l-Abbozz Nru 15218/22 fl-aġenda ta’ laqgħa ġdida jew għall-Presidenza tal-Kunsill li tfassal abbozz ġdid ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija. B’dan il-mod, il-votazzjoni dwar l-Abbozz Nru 15218/22 ma timplikax li għandha tiġi eżaminata mill-ġdid it-tlestija tal-istadji ta’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, jiġifieri, fi kliem ieħor, li tinbeda mill-ġdid il-proċedura kollha prevista f’dan l-artikolu.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandha tinġibed il-konklużjoni li, fin-nuqqas tal-unanimità meħtieġa, ebda deċiżjoni tal-Kunsill ma ttieħdet fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u li l-votazzjoni li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ma hijiex ekwivalenti, bħala tali, għal rifjut tal-Kunsill li, iktar ’il quddiem, jieħu deċiżjoni bħal din.

36

B’hekk, in-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ma jistax jitqies li jwassal għal att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 34).

37

Barra minn hekk, tali konklużjoni ma tmurx kontra d-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni, C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑20 ta’ Mejju 2021, LG et vs Il‑Kummissjoni, T‑482/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:290, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tas‑27 ta’ April 2021, Macías Chávez et vs Spanja u Il‑Parlament, T‑719/20, EU:T:2021:216, punt 37 (mhux ippubblikat)). Fil-fatt, peress li, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, il-votazzjoni li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ma hijiex deċiżjoni tal-Kunsill fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, id-dritt tar-rikorrent għal rimedju effettiv ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ammissibbiltà għal dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Mejju 2021, LG et vs Il‑Kummissjoni, T‑482/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:290, punt 64).

38

Għalhekk, l-ewwel kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-“deċiżjoni” tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2022 li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22, għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti fuq il-mertu tar-rikorrent ippreżentati f’dan ir-rigward.

39

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, intiż sabiex, fin-nuqqas li jiġi rrikonoxxut lir-rikorrent il-kwalità ta’ rikorrent ipprivileġġat, il-Qorti Ġenerali tagħti terminu sabiex tippermetti li r-rikors jitkompla mill-Parlament jew minn istituzzjoni oħra tal-Unjoni jew istituzzjoni nazzjonali li taġixxi f’din il-kwalità, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-kwalità ta’ rikorrent ipprivileġġat hija rrikonoxxuta b’mod eżawrjenti lil Stat Membru, lill-Parlament, lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-kwalità ma tistax, f’dan il-każ, tingħata lir-rikorrent.

40

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma għandha ebda ġurisdizzjoni “tagħti terminu” lill-Parlament, lil istituzzjoni oħra tal-Unjoni jew lir-Rumanija bil-għan li jiġi ppreżentat rikors kontra d-“deċiżjoni” tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2022 li wasslet għan-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-termini għall-preżentata ta’ rikors, li ġew stabbiliti bil-għan li jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, huma ta’ ordni pubbliku u la huma fid-diskrezzjoni tal-partijiet u lanqas tal-qorti (ara d-digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Estaser El Mareny vs Il‑Kummissjoni, T‑274/06, mhux ippubblikat, EU:T:2007:323, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

B’hekk, din it-talba għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, għandu jiġu miċħud ukoll it-tieni kap tat-talbiet minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni.

42

Dan ifisser li r-rikors għandu jiġi miċħud parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi nnotifikat lill-Kunsill.

Fuq l‑ispejjeż

43

Peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma saret in-notifika tar-rikors lill-Kunsill u qabel ma dan seta’ jsostni xi spejjeż, huwa biżżejjed li jiġi deċiż li r-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni.

 

2)

Eugen Tomac għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Mogħti fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ Ottubru 2023.

Ir-Reġistratur

V. Di Bucci

Il-President

R. da Silva Passos


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.