SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/23/UE – Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni – Artikolu 43 – Modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha mingħajr ftuħ għall-kompetizzjoni – Konċessjoni ta’ awtostradi – Kollass tal-pont Morandi f’Genova (l-Italja) – Proċedura nazzjonali għal nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi ta’ manutenzjoni u ta’ konservazzjoni tan-network tat-toroq – Obbligi ġodda fuq il-konċessjonarju – Obbligu tal-awtorità kontraenti li tiddeċiedi minn qabel dwar in-neċessità li tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti – Obbligu tal-awtorità kontraenti li teżamina minn qabel l-affidabbiltà tal-konċessjonarju”
Fil-Kawża C‑683/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, L-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura
Adusbef ‑ Associazione difesa utenti servizi bancari e finanziari,
vs
Presidenza del Consiglio dei ministri,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Ministero delle Infrastrutture e della Mobilità sostenibili,
DIPE – Dipartimento programmazione e coordinamento della politica economica,
Autorità di regolazione dei trasporti,
Corte dei Conti,
Avvocatura ġenerale dello Stato,
fil-preżenza ta’:
Mundys S.p.A., li kienet Atlantia S.p.A.,
Autostrade per l’Italia SpA,
Holding Reti Autostradali SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Frar 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Adusbef ‑ Associazione difesa utenti servizi bancari e finanziari, minn D. Granara u D. Mazzola, avvocati, |
|
– |
għal Mundys SpA, minn D. Gallo, G. Vercillo u A. Zoppini, avvocati, |
|
– |
għal Autostrade per l’Italia SpA, minn F. Anglani, M. Annoni, A. Cogoni, M. Merola u L. Torchia, avvocati, |
|
– |
għal Holding Reti Autostradali SpA, minn A. Parini, I. Perego, A. Police, u G. M. Roberti, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Caselli, S. Fiorentino u G. Galluzzo, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ April 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 38, 43 u 44 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Adusbef ‑ Associazione difesa utenti servizi bancari e finanziari (l-Assoċjazzjoni għad-Difiża tal-Utenti tas-Servizzi Bankarji u Finanzjarji), minn naħa, u l-Presidenza del Consiglio dei ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja), il-Ministero dell’ Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja), l-Ministero delle Infrastrutture e della Mobilità Sostenibili (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għall-Mobilità Sostenibbli, l-Italja), id-DIPE ‑ Dipartimento programmazione e coordinamento della politica Economica (id-Dipartiment għall-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika, l-Italja), l-Autorità di regolazione dei trasporti (l-Awtorità Regolatorja tat-Trasport, l-Italja), il-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja) u l-Avvocatura generale dello Stato (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità tal-modifiki tal-konċessjoni tal-awtostrada li tagħha Autostrade per l’Italia SpA (iktar ’il quddiem “ASPI”) hija proprjetarja, wara l-kollass tal-pont Morandi, f’Genova (l-Italja), fl‑14 ta’ Awwissu 2018. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 75 u 76 tad-Direttiva 2014/23 jipprovdu:
|
|
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipju ta’ trattament ugwali, nondiskriminazzjoni u trasparenza”, jipprovdi: “1. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. […] 2. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jimmiraw li jiżguraw trasparenza fil-proċedura tal-għoti u fit-twettiq tal-kuntratt, filwaqt li jikkonformaw mal-Artikolu 28.” |
|
5 |
L-Artikolu 38 tal-imsemmija direttiva, intitolat, “Selezzjoni u valutazzjoni kwalitattiva tal-kandidati”, jipprevedi: “1. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw il-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni relatati mal-kapaċità professjonali u teknika u l-istatus finanzjarju u ekonomiku tal-kandidati jew l-offerenti, abbażi ta’ awtodikjarazzjonijiet, referenza jew referenzi li għandhom jiġu ppreżentati bħala prova f’konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-avviż tal-konċessjoni li għandhom ikunu nondiskriminatorji u proporzjonati għas-suġġett tal-konċessjoni. Il-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni għandhom ikunu relatati u proporzjonati għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-kapaċità tal-konċessjonarju li jwettaq il-konċessjoni, b’kont meħud tas-suġġett tal-konċessjoni u l-fini li tiżgura kompetizzjoni ġenwina. […] 7. L-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jintalbu minn Stat Membru biex jeskludu mill-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ konċessjoni kwalunkwe operatur ekonomiku jekk tkun sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…] 9. Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 7 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza tar-raġuni għall-esklużjoni rilevanti. Jekk tali evidenza titqies li hija suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat m’għandux ikun eskluż mill-proċedura. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23, intitolat “Modifika tal-kuntratti matul it-terminu tagħhom”, jipprovdi: “1. Il-konċessjonijiet jistgħu jiġu modifikati mingħajr proċedura ġdida tal-għoti ta’ konċessjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin: […]
L-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti li jkunu mmodifikaw konċessjoni fil-każijiet stabbiliti taħt punti (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu għandhom jippubblikaw avviż għal dak l-effett f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali avviż għandu jkun fih l-informazzjoni stabbilita fl-Anness XI u għandu jiġi ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 33. 2. Barra minn hekk, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 4 jkunux sodisfatti, il-konċessjonijiet jistgħu wkoll jiġu mmodifikati mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura ġdida għall-għoti ta’ konċessjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva fejn il-valur tal-modifika jkun inqas mill-valuri li ġejjin:
Madankollu, il-modifika ma tibdilx in-natura globali tal-konċessjoni. Fejn isiru diversi modifiki suċċessivi, il-valur għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi tal-valur kumulattiv nett tal-modifiki suċċessivi. […] 4. Modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha għandha titqies li hija sostanzjali skont it-tifsira ta’ punt (e) tal-paragrafu 1, fejn din trendi l-konċessjoni materjalment differenti fil-karattru minn dik inizjalment konkluża. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies li hija sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
5. Proċedura ġdida għall-għoti ta’ konċessjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva għandha tintalab għal modifiki oħra tad-dispożizzjonijiet ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha minbarra dawk previsti fil-paragrafi 1 u 2.” |
|
7 |
L-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Terminazzjoni ta’ konċessjonijiet”, jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jkollhom il-possibbiltà skont il-kondizzjonijiet determinati mid-dritt nazzjonali applikabbli, li jitterminaw konċessjoni matul it-terminu tagħha, fejn tiġi sodisfatta waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
|
8 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2014/23, din id-direttiva tal-aħħar ma tapplikax għall-għoti ta’ konċessjonijiet offruti jew mogħtija qabel is‑17 ta’ April 2014. |
|
9 |
L-Anness XI ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-avviżi ta’ modifiki ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha skont l-Artikolu 43” huwa fformulat kif ġej: “[…] 4. Deskrizzjoni tal-konċessjoni qabel u wara l-modifika: in-natura u l-firxa tax-xogħlijiet, in-natura u l-firxa tas-servizzi. 5. Fejn ikun applikabbli, il-modifika tal-valur tal-konċessjoni, inkluż żieda fil-prezzijiet jew tariffi kkawżati mill-modifika. 6. Deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li rrendew meħtieġa l-modifika. […]” |
Id‑dritt Taljan
|
10 |
L-Artikolu 43 tad-decreto-legge n. 201 – Disposizioni urgenti per la crescita, l-Equità e il consolidamento dei conti pubblici (Digriet-Liġi Nru 201, li jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti għat-Tkabbir, l-Ekwità u l-Konsolidazzjoni tal-Kontijiet Pubbliċi), tas‑6 ta’ Diċembru 2011 (Suppliment Ordinarju Nru 251 għall-GURI Nru 284, tas‑6 ta’ Diċembru 2011), ikkonvertit, b’emendi, f’liġi bil-legge n. 214 (Liġi Nru 214) tat‑22 ta’ Diċembru 2011, kif emendat bl-Artikolu 16 tad-decreto-legge n. 109 (Digriet-Liġi Nru 109) tat‑28 ta’ Settembru 2018, ikkonvertit, b’emendi, f’liġi bil-legge n. 130 (Liġi Nru 130) tas‑16 ta’ Novembru 2018, jipprovdi: “1. L-aġġornamenti jew reviżjonijiet tal-ftehimiet dwar l-awtostradi matul it-termini tagħhom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, meta dawn jinvolvu bidliet jew emendi għall-pjan ta’ investiment jew għall-aspetti ta’natura regolatorja intiżi sabiex jipproteġu l-finanzi pubbliċi, għandhom jiġu trażmessi, wara li tkun instemgħet l-Awtorità Regolatorja tat-Trasport għall-kompetenzi msemmija fl-Artikolu 37(2)(g), f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tas-sistemi tariffarji, mill-[Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja)] liċ-CIPE [(Comitato interministeriale per la programmazione economica e lo sviluppo sostenibile (il-Kumitat Interministerjali għall-Ippjanar Ekonomiku u għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Italja)], li, wara li jikkonsulta n-[Nucleo di consulenza per l’attuazione delle linee guida per la regolazione dei servizi di pubblica utilità (il-Grupp Konsultattiv għall-Implimentazzjoni tal-Linji Gwida għar-Regolamentazzjoni tas-Servizzi ta’ Utilità Pubblika, l-Italja)], jiddeċiedi fi żmien 30 jum u, sussegwentement, approvati permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, bi ftehim mal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, li għandu jiġi ppubblikat fi żmien 30 jum mid-data tat-trażmissjoni tal-ftehim mill-awtorità konċedenti. 2. L-aġġornamenti jew reviżjonijiet tal-ftehimiet tal-awtostradi matul it-terminu tagħhom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet, meta dawn ma jinvolvux il-bidliet jew l-emendi msemmja fil-paragrafu 1, huma approvati permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, bi ftehim mal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, adottat fi żmien 30 jum mit-trażmissjoni tal-ftehim mill- awtorità konċedenti. 2bis. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, wara li jkun sema’ lill-Awtorità Regolatorja tat-Trasport, il-konċedent għandu jissorvelja l-applikazzjoni tal-kriterji għall-istabbiliment tat-tariffi, filwaqt li jqis ukoll il-progress attwali tat-twettiq tal-investimenti diġà inklużi fit-tariffi. 3. L-aġġornamenti jew reviżjonijiet tal-konvenzjonijiet tal-awtostradi, li l-abbozzi ta’ att addizzjonali tagħhom jkunu diġà ġew sottomessi għall-opinjoni taċ-CIPE fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, għandhom jiġu approvati permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, bi ftehim mal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, li għandu jiġi adottat fi żmien 30 jum mit-trażmissjoni tal-ftehim mill-awtorità konċedenti.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
11 |
Fit‑12 ta’ Ottubru 2007, ASPI u l-Azienda Nazionale Autonoma delle Strade (l-Impriża Nazzjonali Awtonoma għan-Network tat-Toroq, l-Italja) ikkonkludew il-“Ftehim Uniku ta’ Konċessjoni ta’ Numru ta’ Partijiet tal-Awtostradi”, fejn dawn il-partijiet jestendu għal iktar minn 2800 kilometru. Skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim, il-konċessjoni tintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2038. Fl‑1 ta’ Ottubru 2012, il-Ministeru għall-Infrastruttura u għall-Mobbiltà Sostenibbli sar is-suċċessur tal-Impriża Nazzjonali Awtonoma għan-Network tat-Toroq bħala l-awtorità kontraenti. |
|
12 |
Fl‑14 ta’ Awwissu 2018, il-pont Morandi, li jinsab f’Genova, iġġarraf, u kkawża l-mewt ta’ 43 persuna. Dan il-pont kien jagħmel parti mill-vjadott Polcevera fuq l-awtostrada A10, li ASPI hija l-konċessjonarju tal-operat tagħha. Fis‑16 ta’ Awwissu 2018, il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport beda proċedura kontra ASPI minħabba n-nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi ta’ manutenzjoni u ta’ konservazzjoni tan-network tal-awtostradi. |
|
13 |
Mill‑10 ta’ Lulju 2019, saru diversi laqgħat bejn ASPI, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi u l-Ministeru għall-Infrastruttura u għall-Mobbiltà Sostenibbli, bl-għan li tinstab soluzzjoni nnegozjata għat-tilwim pendenti dwar il-kollass tal-pont Morandi. |
|
14 |
Fil‑11 ta’ Lulju 2020, ASPI ppreżentat proposta għal soluzzjoni nnegozjata li fiha hija impenjat ruħha, l-ewwel nett, li tħallas bħala intervent finanzjarju ta’ kumpens is-somma ta’ EUR 3400 miljun; it-tieni nett, li ssaħħaħ l-istandards ta’ sigurtà tan-network tal-awtostradi konċess u, it-tielet nett, li tittrasferixxi, flimkien ma’ Mundys SpA, li kienet Atlantia SpA, il-kumpannija parent tagħha, il-kontroll ta’ ASPI lill-Cassa Depositi e Prestiti SpA u lil investituri meqjusa aċċettabbli minn din tal-aħħar. |
|
15 |
Fl‑14 ta’ Ottubru 2021, abbażi ta’ din il-proposta, ASPI u l-Ministeru għall-Infrastruttura u għall-Mobbiltà Sostenibbli kkonkludew ftehim dwar soluzzjoni bonarja (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar soluzzjoni bonarja”). Konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 tad-Digriet-Liġi Nru 201/2011 imsemmi fil-punt 10 tas-sentenza preżenti, dan il-ftehim ġie approvat bid-Deċiżjoni Nru 75, tat‑22 ta’ Diċembru 2021, taċ-CIPE kif ukoll permezz tad-Digriet Nru 37, tat‑22 ta’ Frar 2022, tal-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Mobbiltà Sostenibbli, meħud bi ftehim mal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi. |
|
16 |
Il-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja temm il-proċedura mibdija kontra ASPI għal nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi ta’ manutenzjoni u ta’ konservazzjoni tan-network tal-awtostradi, mingħajr ma ġiet formalment ikkonstatata l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa ta’ din tal-aħħar. |
|
17 |
L-Adusbef adixxiet lit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors għal annullament kontra ż-żewġ atti msemmija fil-punt 15 tas-sentenza preżenti, li approvaw il-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja, kif ukoll kontra diversi atti konnessi ma’ dan il-ftehim. |
|
18 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti enfasizzat li l-awtorità kontraenti ma wettqitx formalment eżami tal-konformità, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/23, tal-modifika li saret permezz tal-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja għall-konċessjoni tal-awtostradi mogħtija lil ASPI. |
|
19 |
L-ewwel nett, l-awtorità kontraenti ma vverifikatx formalment jekk il-modifika li saret lil din il-konċessjoni kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tqis, f’dan ir-rigward, li nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ manutenzjoni li għandu l-konċessjonarju, li jista’ jaffettwa s-sigurtà fit-toroq, ma jistax jitqies bħala ċirkustanza imprevedibbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
20 |
It-tieni nett, l-awtorità kontraenti lanqas ma vverifikat jekk il-modifika prevista setgħetx tbiddel “in-natura inġenerali [globali] tal-konċessjoni” fis-sens tal-punt (c)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tal-imsemmija direttiva. |
|
21 |
It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja, Mundys biegħet 88 % tal-kapital ta’ ASPI lil kumpannija holding fejn Cassa Depositi e Prestiti Equity hija l-azzjonista maġġoritarja bl-ammont ta’ 51 % u li fiha żewġ fondi barranin, Macquarie u Blackstone, għandhom 24.5 % kull wieħed. Madankollu, l-awtorità kontraenti ma eżaminatx formalment jekk din il-bidla fil-kompożizzjoni tal-azzjonisti ta’ ASPI kinitx teħtieġ l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/23. |
|
22 |
Ir-raba’ nett, din il-qorti tistaqsi, fid-dawl tal-Artikolu 38(7)(f) u tal-Artikolu 38(9) tad-Direttiva 2014/23, jekk il-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja, li wassal għat-tkomplija tal-konċessjoni tal-awtostradi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kellux jiġi ppreċedut minn evalwazzjoni formali tal-affidabbiltà ta’ ASPI, wara l-kollass tal-pont Morandi. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tinnota li l-kostruzzjoni mill-ġdid tal-pont Morandi ma ġietx fdata lil ASPI, li madankollu hija l-proprjetarja ta’ din il-konċessjoni li tinkludi l-ġestjoni ta’ dan il-pont, iżda lil impriżi terzi. |
|
23 |
Il-ħames nett, fil-każ li proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni kellha tiġi organizzata u/jew l-awtorità kontraenti kellha tevalwa l-affidabbiltà tal-konċessjonarju qabel il-konklużjoni tal-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/23, li jirregola t-terminazzjoni tal-konċessjonijiet mill-awtorità kontraenti. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni teħtieġx it-terminazzjoni ta’ konċessjoni fis-seħħ meta tkun saret modifika bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: “[Fid-dawl tal-]Artikoli 38, 43 u 44 tad-Direttiva 2014/23:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
25 |
Filwaqt li invokat l-importanza tal-kawża prinċipali fuq livell nazzjonali, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, ċaħad din it-talba. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fil-każ ineżami, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari insostenn tat-talba tagħha għal proċedura mħaffa, ma jirriżultax li n-natura tal-kawża preżenti teħtieġ, b’mod eċċezzjonali, li tiġi ttrattata fi żmien qasir skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
29 |
B’mod partikolari, in-neċessità ta’ trattament fi żmien qasir, skont din id-dispożizzjoni, ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi natura ekonomikament jew soċjalment sensittiva tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni għall-mard komprensiva), C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 45). |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
30 |
Mundys, ASPI, Holding Reti Autostradali SpA u l-Gvern Taljan sostnew li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija, kollha kemm hi, inammissibbli. |
|
31 |
Fl-ewwel lok, Mundys sostniet li d-Direttiva 2014/23 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-konċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ngħatat fil‑11 ta’ Ottubru 2007, peress li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva, din ma tapplikax għall-għoti ta’ konċessjonijiet li kienu s-suġġett ta’ offerta jew li ngħataw qabel is‑17 ta’ April 2014. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ modifika sostanzjali ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li fid-dawl tagħha din l-emenda għandha tiġi evalwata hija dik fis-seħħ fid-data ta’ din l-emenda, minkejja l-fatt li d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali tippreċedi d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et, C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672, punt 28). |
|
33 |
Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddetermina, b’mod partikolari, jekk il-modifiki introdotti mill-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja, li ġie konkluż fl‑14 ta’ Ottubru 2021, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/23, għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali meta mqabbla mal-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali. |
|
34 |
Minn dan isegwi li, fil-kawżi prinċipali, il-kwistjoni dwar jekk tali modifiki sostanzjali sarux għal dan il-kuntratt ta’ konċessjoni inizjali bil-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/23. |
|
35 |
Fit-tieni lok, Mundys, ASPI, Holding Reti Autostradali u l-Gvern Taljan sostnew, essenzjalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba, minn naħa, in-natura ipotetika tad-domandi magħmula u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ dettalji suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom bżonn għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma jkunu mistennija jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex marbuta mal-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda hija marbuta mal-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Fil-każ ineżami, l-ewwel u t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jaqgħux taħt is-sitwazzjonijiet elenkati fil-punt 37 tas-sentenza preżenti, li fihom il-preżunzjoni ta’ rilevanza ta’ domanda preliminari tista’ tiġi kkonfutata. Fil-fatt, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dawn id-domandi, li hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-modifika tal-konċessjoni tal-awtostradi mogħtija lil ASPI wara l-kollass tal-pont Morandi hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/23, għandha rabta diretta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors għal annullament kontra l-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja. |
|
41 |
Dan ma huwiex il-każ, min-naħa l-oħra, tat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 u 90 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
|
42 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/23 jistabbilixxix obbligu li tiġi tterminata konċessjoni fis-seħħ meta tkun saret modifika fiha bi ksur tal-obbligu li tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti, jew tal-obbligu eventwali li tiġi eżaminata l-affidabbiltà tal-konċessjonarju. |
|
43 |
Skont l-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jkollhom il-possibbiltà li jitterminaw konċessjoni fis-seħħ meta modifika tal-konċessjoni tkun seħħet mingħajr ma tkun ġiet organizzata proċedura ġdida ta’ għoti bi ksur tal-Artikolu 43(5) tal-imsemmija direttiva, jew inkella meta l-konċessjonarju kien messu jiġi eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni skont l-Artikolu 38(4) tal-istess direttiva. |
|
44 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors għal annullament ippreżentat mill-Adusbef, assoċjazzjoni tal-konsumaturi, kontra l-atti li approvaw il-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja kif ukoll kontra diversi atti konnessi ma’ dan il-ftehim. |
|
45 |
Għaldaqstant, ebda informazzjoni tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma juri li l-qorti tar-rinviju hija mitluba teżamina terminazzjoni possibbli mill-awtorità kontraenti tal-konċessjoni tal-awtostradi miżmuma minn ASPI, b’applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/23. |
|
46 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda riferiment għad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246 u rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007ĠU 2007, L 335, p. 31 u rettifiki fil-ĠU 2018, L 176, p. 23 u ĠU 2022, L 225, p. 5) u, min-naħa l-oħra, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju ma jippermettux li jiġu identifikati bil-preċiżjoni meħtieġa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li l-interpretazzjoni tagħhom tista’, jekk ikun il-każ, tirriżulta rilevanti sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda. |
|
47 |
Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 u 39 tas-sentenza preżenti, it-tielet domanda għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
48 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/23 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti tista’ tipproċedi għall-modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha, fir-rigward tal-persuna tal-konċessjonarju u tas-suġġett ta’ din il-konċessjoni, mingħajr ma torganizza proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni u mingħajr ma tkun esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tkun qieset li ma kinitx obbligata torganizza tali proċedura. |
|
49 |
Għandu jiġi rrilevat li l-modifika ta’ kuntratti ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha hija rregolata mill-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23. |
|
50 |
Għaldaqstant, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda. |
|
51 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li l-imsemmi artikolu wettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-każijiet li fihom, minn naħa, il-konċessjonijiet jistgħu jiġu emendati mingħajr madankollu ma l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni konformi mar-regoli stabbiliti mill-imsemmija direttiva tkun neċessarja għal dan l-għan u ta’ dawk li fihom, min-naħa l-oħra, tali proċedura ta’ għoti hija meħtieġa fil-każ ta’ modifika tal-kundizzjonijiet tal-konċessjoni (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et, C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672, punt 31). |
|
52 |
Skont l-Artikolu 43(5) tad-Direttiva 2014/23, kull emenda tad-dispożizzjonijiet ta’ konċessjoni fis-seħħ teħtieġ, bħala prinċipju, l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti, bl-eċċezzjoni tal-modifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu. |
|
53 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 43(1) u (2) ta’ din id-direttiva jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom konċessjoni fis-seħħ tista’ tiġi mmodifikata mingħajr ma tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti. |
|
54 |
Fil-każ ineżami, huwa stabbilit li, wara l-kollass tal-pont Morandi fl‑14 ta’ Awwissu 2018, il-konċessjoni tal-awtostradi mogħtija lil ASPI ġiet immodifikata fl‑14 ta’ Ottubru 2021 permezz tal-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja mingħajr ma ġiet organizzata proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 76). |
|
56 |
Konsegwentement, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huwa biss tal-qorti nazzjonali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk kull modifika magħmula mill-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja għall-konċessjoni tal-awtostradi miżmuma minn ASPI taqax taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 43(1) u (2) tad-Direttiva 2014/23. Jekk dan ikun il-każ, minn dan jirriżulta li l-imsemmija modifiki setgħu jsiru mingħajr ma tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni. |
|
57 |
Min-naħa l-oħra, kieku l-qorti nazzjonali tikkonstata li waħda jew iktar minn dawn il-modifiki ma jaqgħu fl-ebda każ previst fl-Artikolu 43(1) u (2) ta’ din id-direttiva, minn dan ikollu jiġi dedott li l-modifika jew il-modifiki kkonċernati twettqu bi ksur tal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 43(5) tal-imsemmija direttiva, li tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni. |
|
58 |
Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja semmew il-possibbiltà li l-modifiki magħmula mill-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-punt (c) sa (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/23. F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-qorti tar-rinviju tingħata l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
|
59 |
Qabel kollox, skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva, konċessjoni fis-seħħ tista’ tiġi mmodifikata mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-modifika tkun neċessarja minħabba ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi u li ma tbiddilx in-natura globali tal-konċessjoni. |
|
60 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni f’ċirkustanzi fejn il-modifika għall-konċessjoni matul it-terminu tagħha ssir neċessarja minħabba nuqqas kuntrattwali min-naħa tal-konċessjonarju, li jikkonsisti, fil-każ ineżami, f’nuqqas serju tal-obbligi ta’ manutenzjoni tan-network tat-toroq li l-operat tagħhom ingħata lil ASPI. |
|
61 |
Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali nuqqas kuntrattwali min-naħa tal-konċessjonarju fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali kif ukoll, jekk ikun il-każ, dik ta’ relazzjoni kawżali bejn dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-modifika magħmula lill-konċessjoni matul it-terminu tagħha. |
|
62 |
B’dan premess, minn naħa, mill-premessa 75 tad-Direttiva 2014/23 jirriżulta li l-kuntratti ta’ konċessjoni ġeneralment jinvolvu mekkaniżmi tekniċi u finanzjarji kumplessi u li jieħdu fit-tul li spiss ikunu suġġetti għal kuntest evoluttiv, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju li jiċċara l-kundizzjonijiet li fihom modifiki magħmula lil konċessjoni matul l-operat jeħtieġu l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. |
|
63 |
Min-naħa l-oħra, mill-premessa 76 tad-Direttiva 2014/23 jirriżulta li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva għandu l-għan li jagħti lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti ċertu marġni ta’ manuvra sabiex ikunu jistgħu jadattaw il-konċessjoni għal ċirkustanzi esterni li huma ma setgħux jipprevedu fil-mument tal-għoti tagħha. |
|
64 |
Issa, nuqqas kuntrattwali min-naħa tal-konċessjonarju ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala ċirkustanza li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi, fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/23. Konsegwentement, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 76 ta’ din id-direttiva, nuqqas mill-konċessjonarju tal-obbligi kuntrattwali tiegħu ma jistax jiġġustifika l-modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha mingħajr ftuħ għall-kompetizzjoni. |
|
65 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/23, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom konċessjonarju ġdid jista’ jissostitwixxi l-konċessjonarju inizjali mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti. |
|
66 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, peress li l-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja wassal għal modifika fil-kompożizzjoni tal-azzjonisti tal-konċessjonarju, jiġifieri ASPI, deskritta fil-punt 21 tas-sentenza preżenti, u li wasslet għal bidla fit-tul fil-kontroll ta’ ASPI. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, ma jidhirx li bidla fil-kompożizzjoni tal-azzjonisti tal-konċessjonarju tista’, bħala tali, titqies li hija modifika tal-konċessjoni nnifisha, fis-sens tal-Artikolu 43(5) tad-Direttiva 2014/23. |
|
68 |
B’mod iktar speċifiku, it-trasferimenti ta’ ishma mill-kapital azzjonarju tal-konċessjonarju, kemm jekk favur azzjonisti ġodda jew azzjonisti eżistenti, ma jwasslux għas-sostituzzjoni tal-konċessjonarju inizjali b’konċessjonarju ġdid, każ previst fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva, iżda biss għal bidliet fil-kompożizzjoni jew fit-tqassim tal-kapital azzjonarju ta’ dan il-konċessjonarju. |
|
69 |
Sa fejn il-modifiki li jaffettwaw il-kapital azzjonarju tal-konċessjonarju ma jbiddlux il-konċessjoni fis-sens tal-Artikolu 43(5) tad-Direttiva 2014/23, dawn ma jirrikjedux l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti. |
|
70 |
Fl-aħħar nett, mill-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/23, moqri flimkien mal-Artikolu 43(4) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-emendi li ma humiex “sostanzjali” ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ għoti ġdida. Modifika għandha titqies bħala “sostanzjali” meta biha l-karatteristiċi tal-konċessjoni jkunu sostanzjalment differenti minn dawk previsti inizjalment. Il-premessa 75 ta’ din id-direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li tali modifiki jikkonfermaw l-intenzjoni tal-partijiet li jinnegozjaw mill-ġdid il-kundizzjonijiet essenzjali tal-konċessjoni. |
|
71 |
Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 55 tas-sentenza preżenti, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-modifiki introdotti bil-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja, li l-kontenut tiegħu ġie miġbur fil-qosor fil-punt 14 tas-sentenza preżenti, humiex ta’ natura “sostanzjali” fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq. |
|
72 |
Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-obbligi l-ġodda imposti fuq il-konċessjonarju, bħall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju jew it-tisħiħ tal-istandards ta’ sigurtà tan-network tal-awtostradi konċess, ma jaqgħux taħt il-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 43(4)(b) ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li għandhom dejjem jitqiesu bħala sostanzjali l-modifiki li jbiddlu l-bilanċ ekonomiku tal-konċessjoni favur il-konċessjonarju. |
|
73 |
Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tistaqsi wkoll dwar ir-rekwiżiti formali li l-awtorità kontraenti għandha tikkonforma ruħha magħhom fil-każ ta’ modifika magħmula lil konċessjoni matul it-terminu tagħha, fid-dawl tal-modifiki previsti fil-Ftehim dwar soluzzjoni bonarja li huma s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ każijiet skont jekk il-modifiki inkwistjoni għandhomx jew le jkunu s-suġġett ta’ proċedura ġdida għall-għoti tal-konċessjoni skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23, aspett li għandu jiġi ddeterminat minn dik il-qorti. |
|
74 |
Meta l-modifika prevista ma taqax taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 43(1) u (2) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din il-modifika għandha tkun is-suġġett ta’ proċedura ġdida ta’ għoti, ir-rekwiżiti formali kollha stabbiliti fit-Titolu II tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu ssodisfatti, b’mod partikolari l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ konċessjoni konformement mal-Artikolu 31 tal-istess direttiva. |
|
75 |
Fil-każ kuntrarju, jiġifieri meta l-modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha ma tkunx teħtieġ l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għoti ġdida, ir-rekwiżiti formali stabbiliti fit-Titolu II tal-imsemmija direttiva ma jibqgħux applikabbli. |
|
76 |
F’dan il-każ, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/23 jipprevedi madankollu, f’ċerti każijiet, il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ modifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, fejn dan l-avviż għandu jinkludi l-informazzjoni prevista fl-Anness XI tal-imsemmija direttiva. |
|
77 |
Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/23, dan l-obbligu li jiġi ppubblikat avviż ta’ modifika ma jikkonċernax il-modifiki kollha li jistgħu jitwettqu mingħajr ma tiġi organizzata proċedura ġdida ta’ għoti, iżda biss dawk imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva. |
|
78 |
Barra minn hekk, dan l-avviż ta’ modifika għandu jiġi ppubblikat wara l-modifika prevista, u mhux qabilha. Fil-fatt, il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tal-imsemmija direttiva tirreferi b’mod inekwivoku għall-awtoritajiet kontraenti “li jkunu mmodifikaw” konċessjoni matul it-terminu tagħha. |
|
79 |
B’dan premess, għad hemm lok li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza ferm stabbilita, l-awtorità kontraenti għandha tikkonforma ruħha mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar amministrazzjoni tajba, peress li dan il-prinċipju għandu jiġi osservat mill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fost ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn l-imsemmi prinċipju, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali għandu importanza partikolari, sa fejn dan jippermetti lid-destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk hemmx lok li jippreżentaw rikors ġudizzjarju kontrihom (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 87). |
|
80 |
Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni, li jaqa’ fuq l-awtoritajiet kontraenti, jirriżulta wkoll mill-obbligu tagħhom li jiggarantixxu t-trasparenza kemm tal-proċedura ta’ għoti kif ukoll tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/23. |
|
81 |
Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(1) u (2) ta’ din id-direttiva, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jippermetti, b’mod partikolari, lill-persuni li ma humiex il-konċessjonarju li jsiru jafu bil-motivi li għalihom l-awtorità kontraenti qieset li l-konċessjoni fis-seħħ setgħet tiġi emendata mingħajr ma torganizza proċedura ġdida ta’ għoti. |
|
82 |
Fil-prattika, din il-motivazzjoni għandha tippermetti lil kull persuna kkonċernata tidentifika, mingħajr diffikultà, il-motivi li għalihom l-awtorità kontraenti qieset li ma kinitx obbligata torganizza proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 43(1) u (2) tad-Direttiva 2014/23 u/jew tal-miżuri nazzjonali li ttrasponew dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
83 |
Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali motivazzjoni, il-persuni li jista’ jkollhom interess ġuridiku kontra tali deċiżjoni, b’mod partikolari dawk potenzjalment leżi minnha, ma jkunux f’pożizzjoni li jevalwaw, b’għarfien sħiħ tal-fatti, l-opportunità li jippreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni. |
|
84 |
Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-deċiżjonijiet li stabbilixxew il-modifika tal-konċessjoni tal-awtostradi mogħtija lil ASPI ssodisfawx dan l-obbligu ta’ motivazzjoni. |
|
85 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23, moqri flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti tista’ tipproċedi għall-modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha, fir-rigward tal-persuna tal-konċessjonarju u tas-suġġett ta’ din il-konċessjoni, mingħajr ma torganizza proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni sakemm din il-modifika ma taqax taħt l-Artikolu 43(5) ta’ din id-direttiva u sakemm l-awtorità kontraenti tkun esponiet il-motivi li għalihom hija tkun qieset li ma kinitx obbligata torganizza tali proċedura. |
Fuq it‑tieni domanda
|
86 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/23 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti tista’ tipproċedi għall-modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha mingħajr ma tkun evalwat l-affidabbiltà tal-konċessjonarju f’ċirkustanzi fejn dan tal-aħħar ikun wettaq jew ikun issuspettat li wettaq nuqqas kuntrattwali serju. |
|
87 |
Preliminarjament, f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet ta’ ASPI, ta’ Mundys u tal-Gvern Taljan li ebda nuqqas kuntrattwali tal-konċessjonarju ma ġie uffiċjalment ikkonstatat fil-każ ineżami, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. |
|
88 |
It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ssemmi espliċitament l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà “ta’ konċessjonarju li jkun wettaq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu serju [nuqqas kuntrattwali serju]”. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina din il-kwistjoni billi tibbaża ruħha fuq din il-premessa fattwali. |
|
89 |
Skont dak li ġie ppreċiżat fil-punt 73 tas-sentenza preżenti, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ każijiet skont jekk il-modifiki tal-konċessjoni matul it-terminu tagħha għandhomx, jew le, ikunu s-suġġett ta’ proċedura ġdida ta’ għoti b’applikazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23, aspett li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. |
|
90 |
Fl-ewwel lok, jekk il-modifika prevista ma taqax taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 43(1) u (2) tad-Direttiva 2014/23, b’tali mod li din il-modifika għandha tkun is-suġġett ta’ proċedura ġdida ta’ għoti konformement mal-Artikolu 43(5) ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fit-Titolu II tal-istess direttiva għandhom jiġu ssodisfatti. |
|
91 |
Fost dawn ir-rekwiżiti hemm, b’mod partikolari, dawk dwar l-għażla u l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-applikant, elenkati fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/23. |
|
92 |
Skont l-Artikolu 38(1) ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-kapaċitajiet professjonali u tekniċi, għandhom ikunu marbuta u proporzjonati man-neċessità li tiġi ggarantita l-kapaċità tal-konċessjonarju li jopera l-konċessjoni, fid-dawl tas-suġġett tal-konċessjoni u tal-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva |
|
93 |
L-istess bħall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65 u rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68 u fil-ĠU 2023, 2023/90063), li d-dispożizzjonijiet tagħha jikkorrispondu essenzjalment għal dawk tal-Artikolu 38(7) tad-Direttiva 2014/23, il-fakultà, jew saħansitra l-obbligu, għall-awtorità kontraenti li tapplika r-raġunijiet ta’ esklużjoni stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni hija partikolarment intiża sabiex tippermettilha tevalwa l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull operatur ekonomiku li jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias (C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 56). |
|
94 |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk jiżgura li l-awtoritajiet kontraenti jkollhom, fl-Istati Membri kollha, il-possibbiltà li jeskludu lill-operaturi ekonomiċi li huma jqisu li ma jkunux affidabbli. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias (C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 57). |
|
95 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 38(7)(c) tad-Direttiva 2014/23 jipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu operatur ekonomiku meta jintwera bi kwalunkwe mezz xieraq li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ malprassi professjonali serja li titfa’ dubji fuq l-integrità tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li l-kunċett ta’ “malprassi professjonali serja”, li jkopri kull aġir ħażin li għandu effett fuq il-kredibbiltà, l-integrità jew l-affidabbiltà professjonali tal-operatur ekonomiku inkwistjoni, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, J. Sch.Omnibusunternehmen u K. Reisen, C‑416/21, EU:C:2022:689, punt 45). |
|
96 |
Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 38(7) ta’ din id-direttiva jelenka b’mod eżawrjenti r-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni għal raġunijiet ibbażati fuq elementi oġġettivi relatati mal-kwalitajiet professjonali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, J. Sch.Omnibusunternehmen u K. Reisen, C‑416/21, EU:C:2022:689, punt 54), xejn ma jipprekludi lill-awtorità kontraenti milli timponi rekwiżiti partikolarment għoljin dwar il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-konċessjonarji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑601/21, EU:C:2023:629, punt 92). |
|
97 |
Minn dan isegwi li l-awtorità kontraenti hija obbligata, qabel il-modifika ta’ konċessjoni li teħtieġ l-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti skont l-Artikolu 43(5) tal-imsemmija direttiva, teżamina l-affidabbiltà tal-kandidati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 tal-istess direttiva. |
|
98 |
Fit-tieni lok, fil-każ li l-modifika ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ proċedura ġdida ta’ għoti, minħabba li din taqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 43(1) u (2) tad-Direttiva 2014/23, għandu jiġi kkonstatat li l-unika dispożizzjoni li tistabbilixxi obbligu, għall-awtorità kontraenti, li tivverifika l-affidabbiltà tal-konċessjonarju tinsab fil-punt (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva. |
|
99 |
Skont din l-aħħar dispożizzjoni, meta konċessjonarju ġdid jissostitwixxi lill-konċessjonarju inizjali wara suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-konċessjonarju inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ kumpannija, b’mod partikolari ta’ trasferiment, ta’ fużjoni, ta’ akkwist jew ta’ insolvenza, il-konċessjonarju l-ġdid għandu jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattivi stabbiliti inizjalment. |
|
100 |
Madankollu, għar-raġunijiet indikati fil-punti 65 sa 69 ta’ din is-sentenza, u bla ħsara għall-verifiki ta’ natura fattwali li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/23 huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li huma kkaratterizzati minn bidla fil-kompożizzjoni tal-azzjonisti tal-konċessjonarju, jiġifieri ASPI. |
|
101 |
Ebda dispożizzjoni oħra tal-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva, li tirregola b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom konċessjoni tista’ tiġi emendata mingħajr ma torganizza proċedura ġdida ta’ għoti, ma tipprevedi obbligu, impost fuq l-awtorità kontraenti, li tivverifika l-affidabbiltà tal-konċessjonarju. |
|
102 |
Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/23 jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tittermina l-konċessjoni fis-seħħ fi tliet każijiet, b’mod partikolari, skont il-punt (a) ta’ dan l-artikolu, meta l-modifika tal-konċessjoni kellha tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ għoti ġdida, la dan l-artikolu, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva, ma jidentifika l-obbligi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu, għall-awtorità kontraenti, fil-każ ta’ nuqqas tal-konċessjonarju li jwettaq l-obbligi imposti fuqu mill-kuntratt ta’ konċessjoni. |
|
103 |
Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina r-regoli li jippermettu lill-awtorità kontraenti li tirreaġixxi meta l-konċessjonarju jkun wettaq jew ikun issuspettat li wettaq nuqqas kuntrattwali serju, li jqiegħed f’dubju l-affidabbiltà tiegħu, matul l-eżekuzzjoni tal-konċessjoni. |
|
104 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kontraenti tista’ tipproċedi għall-modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha mingħajr ma tkun evalwat l-affidabbiltà tal-konċessjonarju, meta din il-modifika la tkun taqa’ taħt il-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) u lanqas taħt l-Artikolu 43(5) ta’ din id-direttiva. Huwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru li jiddetermina r-regoli li jippermettu lill-awtorità kontraenti tirreaġixxi meta l-konċessjonarju jkun wettaq jew ikun issuspettat li wettaq nuqqas kuntrattwali serju, li jqiegħed f’dubju l-affidabbiltà tiegħu, matul l-eżekuzzjoni tal-konċessjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
|
105 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.