24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

466


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-4 ta' April 2007

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li l-Kunsill Konsultattiv Reġjonali ta' l-ilmijiet tal-lbiċ skond il-Politika Komuni tas-Sajd, beda jopera

(2007/222/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE tad-19 ta' Lulju 2004 li tistabbilixxi Kunsilli Konsultattivi Reġjonali taħt il-Politika Komuni tas-Sajd (1), u partikolarment l-Artikolu 3(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni trażmessa min-naħa ta' Franza fid-9 ta' Frar 2007 f'isem il-Belġju, Spanja, Franza, l-Olanda u l-Portugall,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (2) u d-Deċiżjoni 2004/585/KE jipprovdu l-qafas għall-istabbiliment u l-operat tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali.

(2)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2004/585/KE jistabbilixxi Kunsill Konsultattiv Reġjonali biex ikopri l-ilmijiet tal-lbiċ fil-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni ta' l-Ibħra (ICES), fiż-żoni VIII, IX u X (l-ilmijiet madwar l-Azores) u d-diviżjonjiet tas-CECAF 34.1.1, 34.1.2. u 34.2.0 (ilmijiet madwar Madejra u l-Gżejjer Kanari) (3).

(3)

Skond l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2004/585/KE, rappreżentanti tas-settur tas-sajd u gruppi oħra li għandhom interess ressqu talba dwar l-operat ta' dak il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali lil-Belġju, Spanja, Franza, l-Olanda, u l-Portugall.

(4)

Kif meħtieġ minn Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2004/585/KE, l-Istati Membri kkonċernati stabbilixxew jekk l-applikazzjoni rigward il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-ilmijiet tal-lbiċ hijiex skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni. Fid-9 ta' Frar 2007, l-Istati Membri kkonċernati ttrażmettew rakkomandazzjoni dwar dak il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali lill-Kummissjoni.

(5)

Il-Kummissjoni evalwat l-applikazzjoni tal-partijiet interessati u r-rakkomandazzjoni fid-dawl tad-Deċiżjoni 2004/585/KE u l-għanijiet u l-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd, u tqis li l-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-ilmijiet tal-lbiċ huwa lest biex jibda jopera,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-Kunsill Konsultattiv Reġjonali ta' l-ilmijiet tal-lbiċ, stabbilit bl-Artikolu 2(1)(e) tad-Deċiżjoni 2004/585/KE, għandu jibda jopera mid-9 ta' April 2007.

Magħmul fi Brussell, 4 ta' April 2007.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 3.8.2004, p. 17.

(2)   ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  Kif iddefinit fir-Regolament (KEE) Nru 3880/91 (ĠU L 365, 31.12.1991, p. 1).