KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fil‑31 ta’ Marzu 2022 (1)
Kawża C‑168/21
Prokuratur Ġenerali fi ħdan il-cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers, Franza)
vs
KL
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-kassazzjoni, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 2(4) u Artikolu 4(1) – Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja – Stħarriġ mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Elementi kostituttivi tar-reat kriminali differenti fl-Istat Membru emittenti u fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Piena li tippenalizza reat uniku li jippenalizza diversi fatti li wħud minnhom ma jikkostitwixxux reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 49(3) – Prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena”
I. Introduzzjoni
1. Fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tista’ tiġi ddefinita bħala l-fatt li l-imġiba li hija s-suġġett tal-kooperazzjoni tikkostitwixxi reat kemm fl-Istat li jagħmel it-talba (jew l-Istat Membru emittenti) kif ukoll fl-Istat mitlub (jew l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni) (2). Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem “MAE”) tista’ tkun suġġetta għall-konformità ma’ din il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja.
2. F’din il-kawża, inħareġ MAE mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna relattiva, b’mod partikolari, għal reat uniku li jippenalizza diversi fatti bħala li jikkostitwixxu l-istess azzjoni kriminali. Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri Franza, jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu dan il-MAE, fid-dawl tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (3) kif ukoll tal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
3. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-elementi kostituttivi ta’ dan ir-reat huma differenti fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li ċerti fatti koperti mill-imsemmi reat ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tippreċiża l-portata tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja, kif prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
4. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula li, fil-kundizzjonijiet deskritti mill-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas iwasslu sabiex il-MAE jiġi eżegwit.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
5. Skont il-premessi 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:
“(6) Il-[MAE] previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.
[…]
(10) Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-(TUE), determinati mill-Kunsill skond l-artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.
[…]
(12) Din id-Deċiżjoni Kwadru hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-[Karta], partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. […]”
6. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-(MAE) u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprovdi:
“1. Il-[MAE] hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe (MAE) fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.
3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-[TUE].”
7. L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-[MAE]”, jipprevedi:
“1. [MAE] jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.
2. L-offiżi li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tlett snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, għandhom, taħt it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jwasslu għaċ-ċediment skond [MAE]:
[…]
4. Għal offiżi barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, iċ-ċediment tista’ tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-atti għal liema l-(MAE) ġie maħruġ jikkostitwixxu offiża taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxih, irrespettivament ta’ l-elementi kostitwenti jew ta’ kif hu deskritt.”
8. L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ (MAE)”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-(MAE):
1) jekk, f’wieħed mill-każijiet msejħin fl-Artikolu 2(4), l-att fuq liema l-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat ma jikkostitwix offiża taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi; […]
[…]”
B. Id‑dritt Franċiż
9. L-Artikolu 695–23 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:
“L-eżekuzzjoni ta’ (MAE) għandha tiġi rrifjutata wkoll jekk il-fatt li huwa s-suġġett tal-imsemmi mandat ta’ arrest ma jikkostitwixxix reat fid-dawl tal-liġi Franċiża.
B’deroga mill-ewwel paragrafu, (MAE) għandu jiġi eżegwit mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatti allegati meta l-aġir inkwistjoni huwa, skont il-liġi tal-Istat Membru emittenti, punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tul ugwali għal jew iktar minn tliet snin priġunerija jew b’ordni ta’ detenzjoni għal żmien simili u jaqgħu f’waħda mill-kategoriji ta’ reati previsti fl-Artikolu 694–32.
Meta d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti huma applikabbli, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u d-determinazzjoni tal-piena imposta jaqgħu taħt l-evalwazzjoni esklużiva tal-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti.
[…]”
III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
10. Fis‑6 ta’ Ġunju 2016, l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ħarġu MAE kontra KL għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna għal tnax-il sena u sitt xhur priġunerija mogħtija mill-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova, l-Italja) permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2009, piena li saret eżekuttiva fit‑13 ta’ Lulju 2012 wara ċ-ċaħda tal-appell ta’ KL mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja).
11. Din il-kundanna kienet tikkorrispondi għall-akkumulazzjoni ta’ erba’ pieni imposti għall-erba’ reati li ġejjin: serq b’armi f’għaqda (sena ta’ priġunerija), qerda u sakkeġġ (għaxar snin priġunerija), ġarr ta’ armi (disa’ xhur priġunerija) u splużjonijiet ta’ makkinarju (disa’ xhur priġunerija).
12. Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-reat deskritt bħala “qerda u sakkeġġ”, previst fl-Artikolu 419 tal-codice penale (il-Kodiċi Kriminali Taljan) (4), il-MAE ddeskriva ċ-ċirkustanzi tat-twettiq tiegħu kif ġej: “F’għaqda ma’ oħrajn, b’iktar minn ħames persuni, billi ħa sehem fil-manifestazzjoni kontra s-summit G8, (KL) wettaq attivitajiet ta’ qerda u ta’ sakkeġġ f’kuntest, mill-perspettiva tal-post u taż-żmien, fejn kien hemm perikolu oġġettiv għall-ordni pubbliku; diversi każijiet ta’ dannu għall-għamara urbana u ta’ proprjetajiet pubbliċi b’dannu konsegwenti li ma setax jiġi kkwantifikat bi preċiżjoni, iżda mhux inqas minn mijiet ta’ miljuni ta’ liri [Taljani (ITL) (għexur ta’ eluf ta’ Euro)]; dannu, sakkeġġ, qerda bl-għajnuna tan-nar ukoll ta’ istituzzjoni(jiet) ta’ kreditu, ta’ karozzi u ta’ negozji oħrajn, biċ-ċirkustanza aggravanti li kkawża dannu patrimonjali ta’ gravità kunsiderevoli lill-persuni involuti”.
13. Mis-sentenza tal-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) tad‑9 ta’ Ottubru 2009 jirriżulta li, taħt din il-klassifikazzjoni ta’ “qerda u sakkeġġ”, seba’ fatti, issanzjonati bħala li jikkostitwixxu l-istess azzjoni kriminali, ġew imputati lil KL, jiġifieri dannu lill-iżvilupp urban u proprjetajiet pubbliċi, dannu u sakkeġġ lil sit ta’ kostruzzjoni, dannu totali tal-bini tal-istitut ta’ kreditu Credito Italiano, dannu totali bin-nirien ta’ vettura Fiat Uno, dannu totali bin-nirien tal-bini tal-istitut ta’ kreditu Carige, dannu totali bin-nirien ta’ vettura Fiat Brava kif ukoll dannu totali u sakkeġġ ta’ supermarket.
14. KL ma tax il-kunsens għall-konsenja tiegħu b’eżekuzzjoni tal-MAE. Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Awwissu 2019, l-awla istruttorja tal-cour d’appel de Rennes (il-Qorti tal-Appell ta’ Rennes, Franza) ordnat informazzjoni addizzjonali intiża, b’mod partikolari, għall-produzzjoni tas-sentenza tal-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) tad‑9 ta’ Ottubru 2009 u tas-sentenza sussegwenti tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni). Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2019, din l-awla istruttorja rrifjutat il-konsenja ta’ KL għar-raġuni li l-proċedura ma kinitx tinkludi evidenza ta’ sostenn li tiċċertifika t-trażmissjoni lir-Repubblika Taljana tat-talba għal-avukat ifformulata minn KL u ordnat il-ħelsien tiegħu.
15. Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) annullat din is-sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem l-awla istruttorja tal-cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers, Franza). Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Novembru 2020, din l-awla istruttorja, minn naħa, irrifjutat il-konsenja ta’ KL lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għall-eżekuzzjoni tal-MAE sa fejn din inħarġet għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ għaxar snin priġunerija mogħtija għar-reat ikklassifikat bħala “qerda u sakkeġġ”. Min-naħa l-oħra, hija ordnat informazzjoni addizzjonali intiża sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani jippreċiżaw jekk huma xtaqux li l-kundanna għall-piena ta’ sentejn u sitt xhur priġunerija mogħtija għat-tliet reati l-oħra koperti mill-MAE tiġi eżegwita fi Franza. Il-Prosekutur Ġenerali fi ħdan il-cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers, Franza) u KL appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju.
16. Din tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fis-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Grundza (C‑289/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Grundza ”, EU:C:2017:4) (5), u tesponi li, sabiex tirrifjuta l-konsenja ta’ KL lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għal dak li jirrigwarda r-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ”, l-awla istruttorja tal-cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers) irrilevat li tnejn mis-seba’ fatti sottostanti għal din il-piena ma setgħux jikkostitwixxu reat fi Franza, jiġifieri, minn naħa, id-dannu lill-bini tal-istituzzjoni ta’ kreditu Credito Italiano u, min-naħa l-oħra, id-dannu min-nirien ta’ vettura Fiat Brava. Minn dan, din l-awla istruttorja ddeduċiet li l-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) u peress li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) “esprimiet ir-rieda mhux ekwivoka” li dawn is-seba’ fatti għandhom jiġu analizzati bħala li jifformaw unità inseparabbli, l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja kienet timponi li jiġu esklużi dawn il-fatti indissoċjabbli kollha.
17. Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tat‑13 ta’ Lulju 2012 jirriżulta li l-element oġġettiv tar-reat ta’ qerda u sakkeġġ, previst fl-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali Taljan, huwa t-twettiq ta’ atti ta’ qerda, bi kwalunkwe azzjoni, bi kwalunkwe mod, li jipproduċi rovina, distruzzjoni u dannu wkoll, b’mod totali, mingħajr dixxenjament, wiesa’ u profond, ta’ kwantità kbira ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, b’mod li jikkawża mhux biss dannu għall-patrimonju ta’ suġġett wieħed jew iktar kif ukoll ħsara soċjali konsegwenti għall-ksur tal-proprjetà privata, iżda wkoll reat u perikolu konkret għall-ordni pubbliku meqjus fis-sens speċifiku tiegħu bħala bon ordni u żvolġiment regolari tal-ħajja ċivili, li għalihom jikkorrispondu, fil-kollettività, l-opinjoni u s-sens tat-trankwillità u tas-sigurtà. Minn dan, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, fid-dritt kriminali Taljan, ir-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” jirreferi għal atti ta’ distruzzjoni u ta’ ħsara multipli, massivi, li jikkawżaw mhux biss dannu lill-proprjetarji tal-beni kkonċernati, iżda wkoll ksur tal-paċi pubblika, li jipperikola l-iżvolġiment normali tal-ħajja ċivili.
18. Din il-qorti tenfasizza li, fid-dritt kriminali Franċiż, il-fatt li l-paċi pubblika titqiegħed fil-perikolu permezz ta’ distruzzjonijiet ta’ massa ta’ beni mobbli jew immobbli ma huwiex speċifikament inkriminat. Huma biss id-distruzzjonijiet, il-ħsarat, is-serq bi ħsara mwettqa jekk ikun il-każ f’għaqda, b’tali mod li jikkawżaw dannu lill-proprjetarji tal-beni kkonċernati. Għaldaqstant, skont l-imsemmija qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ksur tal-paċi pubblika li l-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) u l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ikkunsidraw fil-konfront ta’ KL bħala element essenzjali tar-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja.
19. Fil-każ li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tkun issodisfatta f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludix dispożizzjoni li tippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jirrifjuta l-konsenja tal-persuna kkonċernata għar-raġuni li l-piena mogħtija mill-Istat Membru emittenti tidher sproporzjonata fid-dawl tal-fatti msemmija fil-MAE. Barra minn hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-eżekuzzjoni tal-MAE mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun suġġetta mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-kundizzjoni li s-sistema legali tal-Istat Membru emittenti tipprevedi dispożizzjonijiet li jippermettu reviżjoni tal-piena imposta, dan huwa biss fil-każ fejn ir-reat li fuqu huwa bbażat il-MAE huwa punibbli b’piena jew b’ordni ta’ detenzjoni ta’ natura perpetwa. Għalhekk, anki jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jqis li jeżistu diffikultajiet serji fir-rigward tal-proporzjonalità tal-MAE, dan l-Istat ma jistax jirrifjuta, għal din ir-raġuni, li jordna l-konsenja tal-persuna rikjesta għall-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija mill-Istat Membru emittenti.
20. Għalkemm, bħala prinċipju, huwa l-Istat Membru emittenti li għandu jivverifika l-proporzjonalità tal-MAE qabel ma joħorġu, din il-verifika tkun ineffettiva sabiex jiġi evitat il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-MAE jkun inħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ repressjoni ta’ reat uniku kkaratterizzat minn diversi fatti iżda li wħud minnhom biss jikkostitwixxu reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-piena mogħtija mill-Istat Membru emittenti tikkorrispondi għal dawn il-fatti kollha minkejja li l-konsenja għal uħud minnhom hija eskluża. Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan isegwi li, jekk il-MAE seta’ kien proporzjonat mal-ħruġ tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li ma jkunx għadu proporzjonat waqt l-eżekuzzjoni tiegħu.
21. Issa, mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-premessa 12 tagħha, jirriżulta li d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali, riflessi fil-Karta, għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-MAE. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 49(3) tal-Karta jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mar-reat.
22. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tkun issodisfatti f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-konsenja intalbet għal atti li ġew ikklassifikati, fl-Istat emittenti, bħala qerda u sakkeġġ li jikkonsistu f’atti ta’ qerda u ta’ sakkeġġ ta’ natura li jiksru l-paċi pubblika meta fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jeżistu r-reat ta’ serq bi ħsara, ir-reat ta’ qerda, u r-reat ta’ twettiq ta’ ħsara li ma jeħtiġux dan l-element ta’ ksur tal-paċi pubblika?
2) Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fil-pożittiv, l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi [MAE] maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza meta hija tikkonstata li l-persuna kkonċernata ngħatat sentenza mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti għat-twettiq ta’ reat uniku li jinkludi diversi atti u fejn uħud biss minn dawn l-atti jikkostitwixxu reat kriminali fir-rigward tal-Istat ta’ eżekuzzjoni? Għandha ssir distinzjoni skont jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti kkunsidrawx dawk id-diversi atti bħala diviżibbli jew le?
3) L-Artikolu 49(3) tal-[Karta] jeħtieg li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi [MAE] meta, minn naħa, dan ikun inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza unika imposta għal reat uniku u li, min-naħa l-oħra, peress li wħud mill-atti li għalihom ġiet imposta din is-sentenza ma jikkostitwixxux reat taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-konsenja tista’ tiġi ordnata biss għal parti minn dawn l-atti?”
23. Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta din it-talba għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ April 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba. Madankollu, huwa ddeċida li din il-kawża kellha tiġi ttrattata bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.
24. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn KL, mill-Gvern Franċiż u dak Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. KL, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fl‑20 ta’ Jannar 2022.
IV. Analiżi
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
25. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet tkun issodisfatta fis-sitwazzjoni fejn MAE jinħareġ għal fatti li jaqgħu, fl-Istat Membru emittenti, taħt reat li jeżiġi li dawn il-fatti jkunu ta’ natura li jiksru l-paċi pubblika, meta tali fatti jkunu wkoll suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ dan l-element ta’ ksur tal-paċi pubblika.
26. Il-Gvern Franċiż u dak Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni jissuġġerixxu li tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda, filwaqt li KL jipproponi risposta negattiva.
27. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fir-rigward ta’ reati għajr dawk imsemmija fil-lista ta’ 32 reat prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-konsenja tal-persuna rikjesta tista’ tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-fatti li għalihom inħareġ il-MAE jikkostitwixxu reat taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew il-kwalifika tiegħu. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-kundanna għall-kundizzjoni li jiġi ssodisfatt il-kriterju ta’ kriminalità doppja (6). B’mod korrelattiv, l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, relatat mar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-MAE, jipprovdi, fil-punt 1 tal-paragrafu 1 tiegħu, l-għażla għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE meta l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja ma tiġix issodisfatta. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet ġew trasposti fl-Artikolu 695–23 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż.
28. F’dan il-każ, il-MAE jsemmi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reati msemmija u jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi tat-twettiq tagħhom, skont l-Artikolu 8(1)(d) u (e) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan ir-rigward, ċerti fatti li bihom huwa akkużat KL jaqgħu taħt ir-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ”, previst fl-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali Taljan. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li dan ir-reat jirrigwarda atti ta’ distruzzjoni u ta’ ħsara multipli, massivi, li jikkawżaw mhux biss ħsara lill-proprjetarji tal-beni kkonċernati iżda wkoll ksur tal-paċi pubblika, li jipperikola l-iżvolġiment normali tal-ħajja ċivili. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan indika li din il-kundizzjoni ta’ ksur tal-paċi pubblika ma hijiex espressament meħtieġa mill-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali Taljan iżda li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qrati Taljani.
29. Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt kriminali Franċiż, il-fatt li l-paċi pubblika titqiegħed f’perikolu permezz ta’ distruzzjonijiet ta’ massa ta’ beni mobbli jew immobbli ma huwiex speċifikament inkriminat. Huma biss inkriminati d-distruzzjonijiet, il-ħsarat, is-serq bi ħsarat imwettqa jekk ikun il-każ f’għaqda, b’tali mod li jikkawżaw dannu lill-proprjetarji tal-beni.
30. Għaldaqstant, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja prevista fl-Artikolu 2(4) u fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hijiex issodisfatta f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali. Il-qorti msemmija rreferiet għas-sentenza Grundza, li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) (7) u tal-Artikolu 9(1)(d) (8) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI (9).
31. F’din is-sentenza, fir-rigward tal-Artikolu 7(3) ta’ din l-aħħar deċiżjoni qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li għandhom, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (10).
32. Fl-ewwel lok, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(3) jirriżulta li l-kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja tinsab fil-fatt li l-atti li taw lok għall-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti jikkostitwixxu wkoll reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u minn dan isegwi li ma huwiex meħtieġ li r-reati jkunu identiċi fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati (11). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem “indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni” tar-reat kif previst fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, minn fejn jirriżulta b’mod ċar li ma jinħtieġx qbil perfett la bejn l-elementi kostituttivi tar-reat, kif iddefiniti rispettivament mid-dritt tal-Istat Membru emittenti u minn dak tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u lanqas fid-denominazzjoni jew fil-klassifikazzjoni ta’ dan ir-reat skont id-drittijiet nazzjonali rispettivi (12). Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi approċċ flessibbli, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, kemm fir-rigward tal-elementi kostituttivi tar-reat kif ukoll fil-kwalifikazzjoni tiegħu (13).
33. Għalhekk, waqt l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għandha tivverifika jekk l-elementi fattwali li fuqhom huwa bbażat ir-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti, humiex ukoll, bħala tali, fil-każ li jkunu seħħew fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, suġġetti għal sanzjoni kriminali f’dan it-territorju (14).
34. Fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni testwali, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1)(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija simili, rispettivament, għal dik tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Għalhekk, l-imsemmi Artikolu 2(4) jippreċiża li l-konsenja tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-fatti li għalihom inħareġ il-MAE jikkostitwixxu reat taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, irrispettivament mill-elementi kostitwenti jew mill-klassifikazzjoni tiegħu. Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja adottata fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet tapplika bl-istess mod għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
35. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fis-sentenza Grundza, li l-kuntest tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jimmilita wkoll favur tali evalwazzjoni tal-kriminalità doppja (15). Fil-fatt, din id-deċiżjoni qafas hija bbażata, qabel kollox, fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, skont il-premessa 1 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 82(1) TFUE, il-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li, skont il-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, hija bbażata fuq fiduċja reċiproka partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi ġudizzjarji rispettivi tagħhom (16).
36. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja li tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola tal-prinċipju tar-rikonoxximent tas-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent tas-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ kriminalità doppja, kif previst fl-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jiġi interpretat b’mod strett, sabiex jiġu limitati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni (17). Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika mhux jekk inkisirx l-interess protett mill-Istat Membru emittenti, iżda jekk, fil-każ fejn ir-reat inkwistjoni jkun twettaq fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din l-awtorità, ikunx tqies li nkiser interess simili, protett mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat (18).
37. F’dan il-każ, il-kuntest li fih jaqgħu l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1)(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa l-istess bħal dak tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 10 kif ukoll mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din hija bbażata wkoll fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (19).
38. Fit-tielet lok, mis-sentenza Grundza jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, din hija intiża sabiex tistabbilixxi r-regoli li jippermettu lil Stat Membru, sabiex jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-kundanna (20).
39. Ċertament, min-naħa tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma ssemmix li hija għandha l-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata. Madankollu, din id-deċiżjoni qafas hija intiża, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (21). L-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas huwa b’mod partikolari li jiffaċilita u jħaffef il-konsenji bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri u l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonsenjata (22). B’mod iktar ġenerali, il-mekkaniżmu tal-MAE huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiġġieled l-impunità ta’ persuna rikjesta li tkun tinsab f’territorju li ma huwiex dak li fih hija allegatament wettqet reat (23). Dawn l-għanijiet iwasslu, fil-fehma tiegħi, bl-istess mod bħad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, sabiex tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
40. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jsostni KL fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-interpretazzjoni adottata fis-sentenza Grundza tidher li tista’ tiġi trasposta għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għaldaqstant, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza (24), l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja għandha titqies li hija ssodisfatta peress li l-elementi fattwali li fuqhom huwa bbażat ir-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti, ikunu wkoll, bħala tali, suġġetti għal sanzjoni kriminali fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li kieku seħħew f’dan it-territorju.
41. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-reat ikklassifikat bħala “qerda u sakkeġġ” fid-dritt Taljan ma jagħmilx parti mil-lista ta’ 32 reat previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u konformement mad-dritt Franċiż, il-konsenja ta’ KL tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-fatti li għalihom inħareġ il-MAE jikkostitwixxu reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
42. F’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, fid-dritt Taljan, ir-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” jeżiġi li l-fatti msemmija jkunu ta’ natura li jiksru l-paċi pubblika, b’differenza mid-dritt Franċiż. Din il-qorti tqis ukoll li dan huwa “element essenzjali” ta’ dan ir-reat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta’ ksur tal-paċi pubblika jirrileva elementi kostitwenti tal-imsemmi reat u mhux il-fatti fihom innifishom, kif twettqu mill-persuna rikjesta u huma msemmija fil-MAE (25). Madankollu, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, la hija meħtieġa korrispondenza perfetta bejn l-elementi kostitwenti tar-reat, kif ikkwalifikati rispettivament mil-liġi tal-Istat Membru emittenti u minn dik tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u lanqas fl-isem jew fil-klassifikazzjoni ta’ dan ir-reat skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi (26).
43. Barra minn hekk, dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, fil-każ li r-reat inkwistjoni jkun twettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, jekk ikunx jitqies li nkiser interess simili, protett mid-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat (27). Ir-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” huwa ddefinit minn naħa mill-fatt li jitwettaq dannu għal patrimonju ta’ suġġett wieħed jew iktar kif ukoll il-ħsara soċjali konsegwenti għall-ksur ta’ proprjetà privata (28). Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-fatti previsti fil-kuntest ta’ dan ir-reat huma suġġetti għal sanzjonijiet kriminali fi Franza, li għalihom l-interess inkwistjoni huwa l-protezzjoni tal-proprjetarji tal-beni kkonċernati. Konsegwentement, l-interess protett mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jixbah lil dak previst fl-Istat Membru emittenti.
44. Għaldaqstant, il-fatt li l-ksur tal-paċi pubblika huwa element kostituttiv essenzjali tar-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” fl-Istat Membru emittenti ma jidhirx li huwa rilevanti għall-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.
45. Għalhekk, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet hija ssodisfatta fis-sitwazzjoni fejn MAE jinħareġ għal fatti li jaqgħu, fl-Istat Membru emittenti, taħt reat li jeżiġi li dawn il-fatti jkunu ta’ natura li jiksru l-paċi pubblika, meta tali fatti jkunu wkoll suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ dan l-element ta’ ksur tal-paċi pubblika.
B. Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari
46. Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, jekk l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena fis-sitwazzjoni fejn din tal-aħħar tikkorrispondi għat-twettiq, mill-persuna rikjesta, ta’ diversi fatti, li huma punibbli biss bħala li jikkostitwixxu reat uniku fl-Istat Membru emittenti, filwaqt li xi wħud minn dawn il-fatti ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
1. Fuq l‑ammissibbiltà
47. Il-Gvern Taljan jirrileva, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, skont l-awla istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Angers, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja ma hijiex issodisfatta fil-kawża prinċipali għal tnejn mis-sebgħa fatti msemmija fl-att ta’ akkuża taħt il-kwalifika ta’ “qerda u sakkeġġ” imsemmija fl-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali Taljan (29). Din l-awla istruttorja rrilevat li, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ fatti, KL ġie indikat bħala li sempliċement jinsab qrib l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-vettura kkonċernata, mingħajr ma pparteċipa materjalment fl-atti ta’ qerda. Minn dan, il-qorti tar-rinviju ddeduċiet li, peress li, fid-dritt Franċiż, ir-reat ta’ distruzzjoni, ta’ ħsara jew ta’ deterjorament ta’ proprjetà huwa kkostitwit biss jekk l-imputat wettaq huwa stess l-atti materjali ta’ dan ir-reat, l-imsemmi bord istruttorju ġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jqis li, għaż-żewġ fatti inkwistjoni, il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija nieqsa.
48. Skont il-Gvern Taljan, l-istess awla istruttorja fir-realtà ma tqajjimx kwistjoni ta’ applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, iżda problema ta’ prova, billi tqis li ma ġietx prodotta l-prova li KL kien wettaq uħud mill-fatti attribwiti lilu. Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet domanda huma parzjalment inammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 49 tal-Karta, dwar il-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità tar-reati u tal-pieni, meta dawn kellhom jirrigwardaw l-Artikolu 48 tagħha, dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, peress li ċerti fatti msemmija fl-att ta’ akkuża taħt il-klassifikazzjoni ta’ “qerda u sakkeġġ” fid-dritt Taljan ma jikkostitwixxux reat fid-dritt Franċiż, huwa inkwistjoni l-Artikolu 49(1) tal-Karta u mhux il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, invokat mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha.
49. F’dan ir-rigward, nirrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju telqet mill-premessa li tnejn mis-seba’ fatti allegati fil-konfront ta’ KL fil-kuntest tar-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fid-dritt Franċiż. Din il-premessa, li tirriżulta minn eżami taċ-ċirkustanzi tat-twettiq ta’ dawn iż-żewġ fatti, ma hijiex diskussa fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, permezz tad-domandi tagħha, din il-qorti tistaqsi, mhux dwar il-prova tal-fatti kkonċernati, iżda dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din is-sitwazzjoni fuq l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u dwar l-eżekuzzjoni tal-MAE inkwistjoni.
50. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha dubji jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, huwa għalhekk ċar li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li r-risposta għal dawn id-domandi hija utli u rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha din il-qorti. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li t-tieni u t-tielet domanda huma ammissibbli fl-intier tagħhom.
2. Fuq il‑mertu
51. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-osservanza tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja, fid-dawl tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, tippreżupponix li l-fatti kollha msemmija fl-att ta’ akkuża fil-kuntest ta’ reat uniku fl-Istat Membru emittenti għandhomx ukoll ikunu jistgħu jikkostitwixxu reat kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
52. Il-Gvern Franċiż u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni, bi sfumaturi, jipproponu li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, filwaqt li KL jissuġġerixxi li tingħata risposta affermattiva.
53. F’dan ir-rigward, ser neżamina l-portata tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fir-rigward ta’ reat uniku (a) u sussegwentement l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 49(3) tal-Karta (b).
a) Fuq il‑portata tal‑kundizzjoni tal‑kriminalità doppja fir‑rigward ta’ reat uniku
54. Qabel kollox, kif diġà ġie rrilevat, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li ma hijiex meħtieġa korrispondenza perfetta la bejn l-elementi kostituttivi tar-reat, kif ikklassifikati rispettivament mid-dritt tal-Istat Membru emittenti u minn dak tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u lanqas fl-isem jew fil-klassifikazzjoni ta’ dan ir-reat skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi (30). Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma timponix li l-fatti kollha li jikkostitwixxu reat uniku msemmi fil-MAE jikkostitwixxu reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
55. Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jitfakkar li din tal-aħħar hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa espress fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull MAE abbażi ta’ dan il-prinċipju u skont id-dispożizzjonijiet tal-istess deċiżjoni qafas. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu MAE biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li l-eżekuzzjoni tiegħu tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod limitat fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-MAE tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (31). Dan il-kuntest jimmilita favur interpretazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja li tkun issodisfatta li parti biss mill-fatti li jikkostitwixxu reat uniku msemmi fil-MAE tkun suġġetta għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
56. Ċertament, fir-rigward tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva elenkati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari mill-użu tal-verb “tista’”, flimkien mal-infinittiv tal-verb “tirrifjuta”, li s-suġġett tiegħu huwa l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, jirriżulta li din tal-aħħar għandha, hija stess, tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk hemmx lok, jew le, li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-MAE għar-raġunijiet previsti f’dan l-Artikolu 4 (32). Minn dan isegwi li, meta jagħżlu li jittrasponu raġuni jew diversi raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati jirrifjutaw li jeżegwixxu kull MAE li jaqa’ formalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija raġunijiet, mingħajr il-possibbiltà għalihom li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ (33).
57. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li parti mill-fatti msemmija fil-MAE, fil-kuntest tar-reat ikklassifikat bħala “qerda u sakkeġġ”, jaqgħu taħt reati ta’ serq bi ħsara, ta’ qerda, jew ta’ twettiq ta’ ħsara fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni ma tippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, inkluż fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha, tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
58. Finalment, konformement mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-għan tal-mekkaniżmu tal-MAE huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta sabiex, fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-deċiżjoni qafas, ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li din il-persuna tiġi akkużata jew tiskonta l-l-piena ta’ priġunerija imposta kontriha (34). Madankollu, kif irrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-interpretazzjoni li twassal għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE għar-raġuni li xi wħud mill-atti punibbli fl-Istat Membru emittenti ma humiex kundannabbli fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni twassal għall-impunità tal-persuna kkundannata għall-atti kollha inkwistjoni, inklużi dawk li huma kundannabbli f’dawn iż-żewġ Stati.
59. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hija ssodisfatta meta wħud mill-fatti msemmija fil-MAE huma suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, u b’risposta għal domanda tal-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti ħadux inkunsiderazzjoni dawn il-fatti differenti bħala diviżibbli jew le. Dan l-element, li barra minn hekk jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni tar-reat, huwa fil-fatt irrilevanti għall-eżekuzzjoni tal-MAE (35).
b) Fuq l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl‑Artikolu 49(3) tal‑Karta
60. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, kienx osservat meta l-MAE nħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li tippenalizza reat uniku kkaratterizzat minn diversi fatti iżda li wħud minnhom biss jikkostitwixxu reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Skont din il-qorti, għalkemm dan il-mandat seta’ jkun proporzjonat mal-ħruġ tiegħu, dan jista’ ma jkunx iktar waqt l-eżekuzzjoni tiegħu, li jwassal sabiex il-konsenja tal-persuna rikjesta tiġi rrifjutata.
61. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-proporzjonalità tal-MAE u dik tal-piena mġarrba. Minn naħa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ MAE, hija ta’ natura li tikser id-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li tiġi adottata deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (36) Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata tippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ ta’ MAE u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk l-imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (37). F’dan is-sens, kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju, huwa l-Istat Membru emittenti li għandu jivverifika l-proporzjonalità tal-MAE qabel ma joħroġu, li huwa ta’ natura li jsaħħaħ il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. F’dan il-każ, din il-qorti ma ssostnix li l-MAE inkwistjoni huwa ta’ natura sproporzjonata.
62. Barra minn hekk, meta jinħareġ MAE sabiex tiġi eżegwita piena, il-proporzjonalità tagħha tirriżulta mill-kundanna imposta, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha tikkonsisti f’piena jew f’ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-inqas erba’ xhur (38). Fil-kawża prinċipali, il-piena imposta hija itwal minn dan it-terminu ta’ erba’ xhur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-MAE jidher proporzjonat, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.
63. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-piena imposta, skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu MAE biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti fl-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva elenkati fl-Artikoli 4 u 4a tagħha. Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ biss tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ MAE għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas (39). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li n-natura possibbilment sproporzjonata tal-piena ma tidhirx fost ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
64. Madankollu, kif jistabbilixxi l-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, din ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi bejn l-Istati Membri “f’ċirkustanzi eċċezzjonali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għalhekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas, meta tali konsenja tkun tirriskja li twassal għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-persuna rikjesta (40). Madankollu, f’dan il-każ, tali ċirkustanzi eċċezzjonali ma jidhrux li huma ssodisfatti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tinvokax il-ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, fir-rigward ta’ KL, jew il-fatt li l-konsenja tiegħu tista’ twassal għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-fatti kollha msemmija fl-att ta’ akkuża fil-kuntest ta’ reat uniku fl-Istat Membru emittenti ma jikkostitwixxix reat kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jidhirlix li jiġġustifika li tiġi stabbilita “ċirkustanza eċċezzjonali” ġdida fis-sitwazzjoni fejn id-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta ġew irrispettati fl-Istat Membru emittenti.
65. Il-Kummissjoni ssostni li, jekk l-informazzjoni li tinsab fil-MAE ma tippermettix li jiġi konkluż li l-fatti lmentati skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma l-fatti essenzjali għall-bażi ta’ dan il-MAE, l-awtorità ġudizzjarja eżegwenti għandha tuża l-proċedura prevista fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (41) sabiex tkun taf jekk teżistix possibbiltà, fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, li tinqasam a posteriori l-piena. Jekk tali diviżjoni tal-piena hija possibbli, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tikkunsidra li tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni billi toħroġ MAE ġdid limitat biss għall-fatti li jikkostitwixxu reat fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk tali diviżjoni ma kinitx possibbli fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-dritt tagħha li ma tinvokax raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni minħabba n-natura fakultattiva ta’ dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ impunità f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE. Għalhekk, din l-awtorità għandu jkollha, eċċezzjonalment, il-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE fil-każ fejn il-fatti li għalihom hija ssodisfatta l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fir-rigward tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma biss ta’ importanza marġinali meta mqabbla mal-importanza tal-fatti li għalihom din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.
66. Dan l-approċċ ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, l-ewwel, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 stabbilixxiet sistema ssimplifikata u effikaċi għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali (42). Issa, l-adozzjoni tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tikkomplika din is-sistema u tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-ħeffa tal-proċedura ta’ konsenja tal-persuna rikjesta. It-tieni, din id-deċiżjoni qafas ma tipprevedix li l-Istat Membru emittenti joħroġ MAE ġdid, jekk id-diviżjoni tal-piena hija possibbli, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u minkejja li dan id-dritt jista’ jvarja kunsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor. It-tielet, peress li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija ssodisfatta għall-maġġoranza tal-fatti inkwistjoni (43) — li ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali — l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE, fid-dawl tal-loġika u tal-għan tal-imsemmija deċiżjoni qafas.
67. Fl-aħħar, KL isostni li, fid-dawl tal-gravità tal-fatti kkonċernati, jista’ raġonevolment jitqies li l-piena tiegħu kienet tkun sostanzjalment inferjuri kieku l-qorti Taljana ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatti li sussegwentement ġew esklużi mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hija ssodisfatta, l-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena, fis-sens tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandu jsir biss mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, fid-dawl tad-dritt nazzjonali tagħha.
68. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena fis-sitwazzjoni fejn din tal-aħħar tikkorrispondi għat-twettiq, mill-persuna rikjesta, ta’ diversi fatti, punibbli bħala li jikkostitwixxu reat uniku fl-Istat Membru emittenti, filwaqt li wħud minn dawn il-fatti ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
V. Konklużjoni
69. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) kif ġej:
1) L-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet hija ssodisfatta fis-sitwazzjoni fejn mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għal fatti li jaqgħu, fl-Istat Membru emittenti, taħt reat li jeżiġi li dawn il-fatti jkunu ta’ natura li jippreġudikaw il-paċi pubblika, meta tali fatti jkunu wkoll suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ dan l-element ta’ ksur tal-paċi pubblika.
2) L-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena fis-sitwazzjoni fejn din tal-aħħar tikkorrispondi għat-twettiq, mill-persuna rikjesta, ta’ diversi fatti, punibbli bħala li jikkostitwixxu reat uniku fl-Istat Membru emittenti, filwaqt li wħud minn dawn il-fatti ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Ara D. Flore u S. Bosly, Droit pénal européen, it-tieni ed., Larcier, Bruxelles, 2014, p. 580, no1013. Dwar l-iżvilupp tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Grundza (C‑289/15, EU:C:2016:622, punti 31 sa 40).
3 Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).
4 Dan l-artikolu, intitolat “Qerda u sakkeġġ”, jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, li “[k]ull min iwettaq, minbarra l-każijiet previsti fl-Artikolu 285, atti ta’ qerda jew ta’ sakkeġġ huwa punibbli bi priġunerija minn tmienja sa ħmistax-il sena. Il-piena hija aggravata jekk ir-reat jitwettaq b’armi, b’munizzjon jew b’oġġetti tal-ikel f’post ta’ bejgħ jew ta’ ħażna”.
5 Dwar din is-sentenza, ara Falkiewicz, A. “The Double Criminality Requirement in the Area of Freedom, Security and Justice – Reflections in Light of the European Court of Justice Judgment of 11 January 2017, C-289/15, Criminal Proceedings against Jozef Grundza”, European Criminal Law Review, 2017, Vol. 7, Nru 3, p. 258 sa 274.
6 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grundza, punt 28.
7 Skont din id-dispożizzjoni, “għal reati oħra barra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena [suġġett] għall-kondizzjoni li huwa jirrelata ma’ atti li wkoll jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni tiegħu”.
8 Din id-dispożizzjoni tgħid li “l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk: […] f’każ imsemmi fl-Artikolu 7(3) u, fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni jkun għamel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4), fil-każ imsemmi fl-Artikolu 7(1), is-sentenza hija relatata ma’ atti li ma jkunux jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. […]”.
9 Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008 L 327, p. 27).
10 Sentenza Grundza, punt 32.
11 Sentenza Grundza, punt 34.
12 Sentenza Grundza, punt 35.
13 Sentenza Grundza, punt 36.
14 Sentenza Grundza, punt 38.
15 Sentenza Grundza, punt 39.
16 Sentenza Grundza, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.
17 Sentenza Grundza, punt 46.
18 Sentenza Grundza, punt 49.
19 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti) C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
20 Sentenza Grundza, punt 50.
21 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni) (C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
22 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni) C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 58).
23 Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 62).
24 Ara l-punt 54 tas-sentenza Grundza.
25 Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Grundza (C‑289/15, EU:C:2016:622, punt 51), l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja teħtieġ essenzjalment żewġ stadji: 1) delokalizzazzjoni li timplika li jinżammu l-karatteristiċi bażiċi tal-att imwettaq fl-Istat emittenti u li l-att jitqies bħallikieku twettaq fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, u 2) klassifikazzjoni tal-fatti li timplika li dawn il-fatti bażiċi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu reat adegwat kif iddefinit mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.
26 Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
27 Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
28 Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirreferi għad-deċiżjoni tar-rinviju. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, KL isostni li l-valur soċjali protett mir-reat ikklassifikat bħala “qerda u sakkeġġ” ma huwiex ir-rispett tal-beni u tal-proprjetà iżda dak tal-ordni pubbliku u tal-paċi pubblika. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħha, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għal ħaddiem umanitarju fil-qasam tal-iżvilupp), C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 54). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jsir riferiment għad-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tad-determinazzjoni tal-interess protett fil-kuntest tar-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ”.
29 Dan il-gvern jenfasizza li d-dritt Taljan jippermetti li jiġi ppenalizzat mhux biss l-awtur materjali tal-fatti iżda wkoll kull min jipparteċipa bl-aġir volontarju tiegħu, attiv jew passiv, fit-twettiq tar-reat.
30 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grundza, punt 35.
31 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti) C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 42 sa 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
32 Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 44).
34 Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Nippreċiża li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan sostna li, fid-dawl tal-unità intrinsika tad-diversi fatti li jikkostitwixxu r-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ”, ma jidhirx possibbli li dawn il-fatti jiġu diviżi.
36 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tar-Re ta’ Brussell) (C‑627/19 PPU, EU:C:2019:1079, punt 38).
39 Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Isvezja) (C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 36).
40 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
41 Skont din id-dispożizzjoni, “jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat mhuwiex suffiċjenti biex tħalli li tiddeċiedi fuq iċ-ċediment, għandha titlob li l-informazzjoni meħtieġa supplementarja, partikolarment fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu tal-ħin għar-riċeviment tagħha, waqt li tittieħed in konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti tal-ħin stabbiliti fl-Artikolu 17”.
42 Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
43 Għaldaqstant, ma jidhirlix li huwa neċessarju li jiġi eżaminat, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-każ invokat mill-Kummissjoni li fih il-fatti li għalihom il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija ssodisfatta huma ta’ importanza marġinali meta mqabbla ma’ dawk li għalihom din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.