Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BIONDI

ippreżentati fil‑25 ta’ Ġunju 2026 (1)

Kawża C‑670/24 P

Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) Pte Ltd,

MJN Global Holdings BV,

Mead Johnson Nutrition Co.

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Ir‑Renju Unit – Sistema ta’ taxxa fuq id-dħul korporattiv ta’ Ġibiltà – Eżenzjoni fiskali għal dħul iġġenerat minn interessi u minn royalties ta’ proprjetà intellettwali – Deċiżjonijiet fiskali antiċipati favur impriżi multinazzjonali – Deċiżjoni li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE tiġi estiża – Miżura ta’ għajnuna implimentata fid-data tad-deċiżjoni – Rikors għal annullament – Definizzjoni ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”






I.      Introduzzjoni

1.        F’dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba primarjament sabiex tiddeċiedi dwar il-koerenza ta’ linja ta’ ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti Ġenerali dwar l-inammissibbiltà, f’ċirkustanzi partikolari, ta’ rikorsi għal annullament imressqa kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2).

2.        Skont din il-ġurisprudenza, għandha ssir distinzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ tali rikorsi, skont jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkonċernax miżuri nazzjonali li jkunu qegħdin jiġu eżegwiti jew li jkunu diġà ġew implimentati. Għalkemm id-deċiżjonijiet li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżuri li jkunu qegħdin jiġu implimentati jipproduċu effetti legali awtonomi – b’mod partikolari sa fejn jeżiġu s-sospensjoni tal-miżura – u għalhekk jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw miżuri li diġà ġew implimentati ma jipproduċux tali effetti legali awtonomi, peress li ma humiex immedjati, ċerti u suffiċjentement vinkolanti għall-Istat Membru li lilu huma indirizzati, jew għall-benefiċjarju jew benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni (3). Il-miżura inkwistjoni f’dan l-appell taqa’ taħt din it-tieni kategorija.

3.        Permezz tal-appell tagħhom, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) Pte Ltd, MJN Global Holding BV u Mead Johnson Nutrition Co. (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qegħdin ifittxu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Awwissu 2024, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il‑Kummissjoni (4) (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li bih il-Qorti Ġenerali, billi invokat il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq, ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 7665 final tal‑31 ta’ Ottubru 2022 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34914 (2013/C) – Ir‑Renju Unit – Reġim ta’ Taxxa fuq l-Introjtu Korporattiv ta’ Ġibiltà (5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) bħala inammissibbli.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża, id-digriet appellat, it-talbiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mid-digriet appellat, huma deskritti kif ġej (6).

5.        L-appellanti huma kumpanniji li jappartjenu għall-grupp internazzjonali Mead Johnson Nutrition (iktar ’il quddiem il-“grupp MJN”). Id-deċiżjoni kontenzjuża hija parti minn modalità ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat miftuħa fl‑2013, wara lment imressaq fl‑2012 mir-Renju ta’ Spanja dwar it-tassazzjoni tal-kumpanniji ta’ Ġibiltà. Dik il-proċedura wasslet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/700 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 (7) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali tal‑2018”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, inter alia, li t-trattament fiskali mogħti mill-Gvern ta’ Ġibiltà fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet fiskali antiċipati mogħtija lil ħames kumpanniji stabbiliti f’Ġibiltà, fosthom MJN Holdings (Gibraltar) Ltd (iktar ’il quddiem “MJN GibCo”), kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat individwali illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

6.        Fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ April 2022, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il‑Kummissjoni (8), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni finali tal‑2018, sa fejn ikkonstatat li kien hemm għajnuna individwali favur MJN GibCo. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm id-deċiżjoni fiskali antiċipata mogħtija lil MJN GibCo kienet parti mis-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali bħala miżura potenzjali ta’ għajnuna individwali, la d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u lanqas id-deċiżjoni li tiġi estiża dik il-proċedura ma kien fihom l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati n-natura u l-portata tal-miżura ta’ għajnuna mogħtija lil MJN GibCo wara l‑31 ta’ Diċembru 2013, kif eżaminat fid-deċiżjoni finali tal‑2018. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet adottat dik id-deċiżjoni bi ksur tad-dritt tal-partijiet interessati li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna mogħtija lil MJN GibCo wara l‑31 ta’ Diċembru 2013.

7.        Wara l-annullament parzjali tad-deċiżjoni finali tal‑2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija estendiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar is-sistema ta’ taxxa fuq id-dħul korporattiv f’Ġibiltà sabiex tinkludi fiha t-trattament fiskali ta’ MJN GibCo mill‑1 ta’ Jannar 2014 sax-xoljiment tagħha fis‑16 ta’ Ottubru 2018 (9) (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”).

8.        L-appellanti adixxew lill-Qorti Ġenerali b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma jinvokaw tliet motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, huma sostnew li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 92(3)(a) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ” (10)). Permezz tat-tieni u t-tielet motiv tagħhom, huma invokaw rispettivament ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

9.        Il-Gvern ta’ Ġibiltà ġie ammess jintervjeni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tat-talbiet tal-appellanti.

10.      Il-Kummissjoni sostniet, fir-risposta tagħha, li r-rikors kien inammissibbli minħabba li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi miżura li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

11.      Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq il-linja ta’ ġurisprudenza mfakkra fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli. L-ewwel nett, hija kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-miżura inkwistjoni ma kinitx għadha qegħda tiġi implimentata u li għalhekk ma setax ikun hemm iktar ksur tal-obbligu li tiġi sospiża l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura. It-tieni nett, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu adottati miżuri provviżorji, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tinkludi ordni ta’ rkupru provviżorju skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament 2015/1589 u li ebda prova ma kienet ġiet prodotta quddiemha li tippermetti li jiġi konkluż li teżisti “sitwazzjoni ta’ emerġenza” jew “riskju serju li ssir ħsara sostanzjali u rreparrabbli lil xi kompetitur” li jista’ jwassal lill-Kummissjoni sabiex tadotta tali miżuri. Hija żiedet li, għalkemm ma setax jiġi eskluż li qorti nazzjonali tordna miżuri provviżorji sabiex tissalvagwardja, b’mod partikolari, l-interessi tal-partijiet interessati fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni, ma kien tressaq ebda argument jew prova fil-kawża ineżami sabiex jitqies li l-kundizzjonijiet applikabbli skont id-dritt nazzjonali inkwistjoni kienu ssodisfatti sabiex qorti nazzjonali tkun tista’ tadotta tali miżuri. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali qieset li s-sempliċi riskju li qorti nazzjonali jkollha tadotta miżuri provviżorji ma jagħtix lid-deċiżjoni kontenzjuża effett immedjat, ċert u suffiċjentement vinkolanti. Ir-raba’, u fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-kawża pendenti quddiemha, ebda effett legali ieħor li jirriżulta mid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, inkluż ir-riskju li qorti nazzjonali tordna l-irkupru ta’ kwalunkwe għajnuna, ma kien tqajjem mill-appellanti; huma sostnew biss li r-rikors kien ammissibbli fir-rigward tal-motivi ta’ annullament li huma invokaw, jiġifieri l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża (11).

12.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx titqies li għandha effetti legalment vinkolanti suffiċjentement immedjati u ċerti u ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat (12).

13.      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx l-argumenti tagħhom dwar il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 92(3)(a) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huma jsostnu li, interpretata b’mod korrett, din id-dispożizzjoni ma tagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li tinvestiga ulterjorment it-trattament fiskali tal-appellanti skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Id-deċiżjoni kontenzjuża hija għalhekk att adottat ultra vires, li jipproduċi effetti legali fir-rigward tal-appellanti. Billi pproċediet direttament b’analiżi tar-regoli applikabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. L-appellanti jinvokaw ukoll ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

14.      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern ta’ Ġibiltà jsostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, id-deċiżjoni kontenzjuża pproduċiet effetti legali vinkolanti minkejja li tikkostitwixxi att preparatorju fi ħdan is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Skont il-Gvern ta’ Ġibiltà, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżuri li qegħdin jiġu implimentati bħala għajnuna ġdida u miżuri li diġà ġew implimentati ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2010, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (13), tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, (14) u tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (15).

15.      Din il-linja ta’ argument ġiet ikkonfermata bis-sħiħ mill-appellanti fir-replika tagħhom. Huma jenfasizzaw, b’mod partikolari, ir-riskju li jitressqu proċeduri quddiem il-qrati ta’ Ġibiltà sabiex tinkiseb ordni ta’ rkupru immedjat tal-eżenzjoni kontenzjuża.

16.      L-appellanti u l-Gvern ta’ Ġibiltà jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha i) tannulla d-digriet appellat; ii) tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza ammissibbli; iii) tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża ineżami u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża; iv) tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali; v) sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami fuq il-mertu. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

17.      L-appellanti, il-Gvern ta’ Ġibiltà u l-Kummissjoni ressqu argumenti orali fis-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2026.

III. Analiżi

18.      Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jiffokaw fuq il-kwistjoni dwar jekk, skont ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ miżura li ma għadhiex implimentata tipproduċix effetti legali vinkolanti awtonomi u għandhiex għalhekk titqies bħala “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

19.      Madankollu, preliminarjament, għandha tingħata risposta għall-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-argumenti mressqa mill-Gvern ta’ Ġibiltà fir-risposta tiegħu u kkonfermati mill-appellanti fir-replika tagħha, imsemmija fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma inammissibbli (16).

20.      Tali allegazzjoni hija faċilment miċħuda.

21.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull ċirkustanza dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali tista’ tikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell, għandha tqajjem ex officio (17).

22.      Dan premess, infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li r-rikors għal annullament stabbilit mill-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura adottata mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-aġenziji tal-Unjoni li tkun intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jistax jipproduċi tali effetti u, għaldaqstant, jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, hemm lok li jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u li jiġu evalwati dawn l-effetti fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, primarjament fosthom il-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-kuntest li fih ġie adottat u s-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jkunu l-awturi tiegħu (18).

23.      Fir-rigward ta’ atti li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi stadji proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, bħala prinċipju, att jista’ jiġi kkontestat biss jekk jistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-aġenzija tal-Unjoni kompetenti, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw din il-miżura definittiva u li ma jipproduċu l-ebda effetti legali awtonomi fir-rigward ta’ terzi. Jikkostitwixxu, b’mod partikolari, tali miżuri intermedjarji atti li jesprimu opinjoni provviżorja ta’ din l-istituzzjoni, ta’ dan il-korp jew ta’ dan l-organu tal-Unjoni (19). Dan peress li miżura intermedjarja, b’mod partikolari, ma tkunx tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament jekk jiġi stabbilit li l-illegalità li hija vvizzjata biha din il-miżura tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha tikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’tali ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (20).

24.      Fil-kuntest ta’ dan l-appell, huwa għalhekk neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx ġustament li d-deċiżjoni kontenzjuża, li hija att intermedjarju, ma kinitx intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti u għalhekk ma setgħetx tiġi kkontestata.

25.      Għal dan l-għan, ser neżamina qabelxejn il-fondatezza tad-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn id-deċiżjonijiet li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar miżuri li jkunu qegħdin jiġu implimentati u dawk dwar miżuri diġà implimentati – magħmula sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża setgħetx tiġi kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE.

A.      Fuq il-possibbiltà li jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet li tinfetaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE

1.      Is-sistema ta’ kontroll minn qabel tal-għajnuna mill-Istat ġdida stabbilita mit-Trattat

26.      Skont l-Artikolu 108(3) TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe pjan intiż li jagħti jew ibiddel għajnuna. Jekk, wara l-eżami preliminari tagħha, il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, hija għandha tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE. Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, fl-istennija ta’ deċiżjoni finali, l-Istat Membru kkonċernat ma għandux jimplimenta l-miżura proposta (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ standstill”).

27.      Għaldaqstant, l-għajnuna ġdida hija suġġetta għal sistema ta’ kontroll minn qabel intiża sabiex tiżgura li tiġi implimentata biss l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern (21). L-obbligu ta’ notifika u l-obbligu ta’ standstill li jirriżulta minnu jikkostitwixxu karatteristiċi fundamentali ta’ din is-sistema. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe miżura li tikkostitwixxi għajnuna ġdida jew li timmodifika għajnuna eżistenti u għandhom iżommu lura milli jimplimentawha sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali (22).

28.      Sabiex noffri ftit storja, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, sa mis-sentenza Costa (23), li l-projbizzjoni tal-implimentazzjoni msemmija fl-aħħar sentenza ta’ dak li dakinhar kien l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KEE għandha effett dirett u tagħti lill-individwi drittijiet li l-qrati nazzjonali huma obbligati jipproteġu. Din il-projbizzjoni tapplika għal kull għajnuna mhux innotifikata u, meta għajnuna tkun ġiet innotifikata, tkompli fis-seħħ sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali (24).

29.      L-implimentazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata għalhekk fuq kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni, il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, li kull waħda minnhom teżerċita l-funzjonijiet assenjati lilha mit-Trattat FUE (25).

30.      B’mod partikolari, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-individwi f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ standstill (26). Għal dan l-għan, huma jistgħu jkunu obbligati jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE sabiex jiddeterminaw jekk miżura kellhiex tiġi nnotifikata (27). Meta jikkonkludu li għajnuna ngħatat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, huma għandhom jisiltu l-konsegwenzi legali kollha meħtieġa skont id-dritt nazzjonali (28). Huma jistgħu, b’mod partikolari, jordnaw miżuri provviżorji, jeżiġu l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment (29) u jilqgħu talbiet għad-danni mressqa mill-kompetituri leżi mill-għajnuna (30). L-għan ta’ dawn is-setgħat huwa li tiġi rrimedjata l-illegalità li tirriżulta mill-ksur tal-obbligu ta’ standstill u li jiġi żgurat li l-għajnuna ma tibqax għad-dispożizzjoni libera tal-benefiċjarju (31).

2.      Fuq l-effetti tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

31.      Issa ser nikkunsidra l-effetti tal-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE fuq l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-qrati nazzjonali fil-qafas tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni deskritta iktar ’il fuq.

32.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ma tagħmel ebda riferiment għar-rwol, għall-funzjonijiet u għas-setgħat speċifiċi tal-Kummissjoni (32). Ir-rwol partikolari li għandhom il-qrati nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat jirriżulta, fil-fatt, mill-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni (33).

33.      Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax teżonera lill-qrati nazzjonali mill-obbligu tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-individwi fil-konfront ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ standstill (34).

34.      Għall-istess raġunijiet, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-qrati nazzjonali jgawdu minn “grad ta’ indipendenza” mill-intervent tal-Kummissjoni (35). Konsegwentement, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern ma għandhiex l-effett li tirregolarizza miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda bi ksur tal-obbligu ta’ standstill, peress li nkella “jiġi ppreġudikat l-effett dirett [tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u] ma jiġux irrispettati l-interessi tal-individwi li l-qrati nazzjonali għandhom id-dover li jħarsu” (36). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm ma humiex obbligati jagħmlu dan skont id-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali jistgħu, fil-qafas tad-dritt intern tagħhom u, jekk ikun xieraq, jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna illegali ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni (37) jew jilqgħu talbiet għal kumpens għad-danni kkawżati minħabba n-natura illegali tal-għajnuna (38).

35.      Dan premess, il-portata tad-dmir tal-qrati nazzjonali li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-individwi quddiem eventwali ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE “tista’ tvarja” skont jekk il-Kummissjoni tkunx fetħet jew le l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutsche Lufthansa – li għaliha jirreferu b’mod estensiv l-appellanti u l-Gvern ta’ Ġibiltà – għalkemm l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura huma tabilħaqq ta’ natura preliminari, “dan il-fatt ma jimplikax li din ma għandhiex effetti legali” (39).

36.      Madankollu, dawn l-effetti jiddependu fuq jekk id-deċiżjoni tirrigwardax miżuri li qegħdin jiġu implimentati bħalissa jew li diġà ġew implimentati.

a)      Ftuħ tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ miżuri li qegħdin jiġu implimentati

37.      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutsche Lufthansa, f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni diġà fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE, jekk il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jitbiegħdu mill-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni li l-miżura inkwistjoni tista’ tippreżenta elementi ta’ għajnuna u jiddeċiedu li ma jissospendux l-implimentazzjoni tagħha, l-effettività tal-Artikolu 108(3) TFUE tiġi ppreġudikata (40).

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-obbligu ta’ standstill japplika biss għall-miżuri li jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li, qabel ma jinsiltu l-konklużjonijiet xierqa ta’ ksur possibbli ta’ dan l-obbligu, il-qrati nazzjonali għandhom l-ewwel jiddeċiedu jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jew le. Madankollu, hija qieset li, ladarba tiġi adottata deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-għan preventiv tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat FUE jiġi kompromess jekk l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni ma tiġix posposta sakemm il-Kummissjoni tneħħi d-dubji mqajma dwar in-natura ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (41), indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-miżura effettivament tinkludix għajnuna mill-Istat.

39.      Fi kliem ieħor, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ miżura li ma tkunx ġiet innotifikata u li tkun għadha ma ġietx implimentata, jew li tkun fil-proċess ta’ implimentazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat ikun obbligat jissospendi l-implimentazzjoni tagħha sakemm tingħalaq il-proċedura. Min-naħa tagħhom, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li jeżegwixxu dan l-obbligu, billi jordnaw is-sospensjoni ta’ kull att ta’ implimentazzjoni u billi jiċħdu t-talbiet għal ħlas b’eżekuzzjoni ta’ din il-miżura (42).

40.      Konsegwentement, din id-deċiżjoni hija intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti awtonomi u tikkostitwixxi, għaldaqstant, att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE (43). Kif diġà rrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Italgrani (44), id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fiċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq ma hijiex sempliċi stadju preparatorju, f’liema każ rikors kontra d-deċiżjoni li tagħlaq din il-proċedura jiżgura protezzjoni suffiċjenti kontra kull illegalità. Il-konsegwenzi irriversibbli ta’ dewmien fil-ħlas ta’ għajnuna minħabba l-projbizzjoni fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ma jistgħux jiġu eliminati permezz ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mat-Trattat jew permezz ta’ proċedura miftuħa fir-rigward tal-inkompatibbiltà ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

41.      Is-sitwazzjoni hija differenti, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, meta l-miżura tkun diġà ġiet implimentata b’mod sħiħ.

b)      Ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-miżuri diġà implimentati

42.      L-effett sospensiv li jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li qiegħda tiġi implimentata – li tapplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk humiex involuti elementi ta’ għajnuna – ma huwiex rilevanti meta l-miżura tkun diġà ġiet implimentata.

43.      Jekk il-Kummissjoni tikklassifika provviżorjament din il-miżura bħala għajnuna, din id-deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi bażi li fuqha l-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw miżuri provviżorji, inkluż l-irkupru tas-somom imħallsa. Madankollu, huma ma għandhomx obbligu jagħmlu dan jekk ikollhom dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

44.      Fih innifsu, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li huwa att intermedjarju bbażat fuq evalwazzjonijiet provviżorji, ma joħloqx obbligu fuq il-qrati nazzjonali (jew l-awtoritajiet nazzjonali) li jipproċedu bl-irkupru. F’dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali (u l-awtoritajiet nazzjonali) huma marbuta biss bil-projbizzjoni stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE (45), li tapplika biss għal miżuri li jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat dan fis-sentenza CELF II. Qorti nazzjonali, adita b’rikors wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, intiż sabiex jinkiseb l-irkupru ta’ għajnuna illegali, ma hijiex obbligata tagħti l-miżuri mitluba sakemm il-kundizzjonijiet li jiġġustifikawhom ma jkunux issodisfatti, fosthom, b’mod partikolari, l-assenza ta’ kwalunkwe dubju dwar il-kwistjoni jekk il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (46). Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern ta’ Ġibiltà, din is-sentenza ma tikkontradixxix, iżda pjuttost issostni, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat bejn il-miżuri diġà implimentati u l-miżuri li għadhom ma ġewx implimentati jew li qegħdin jiġu implimentati, f’dak li jirrigwarda l-effetti legali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

46.      Bl-istess mod, is-sentenza Deutsche Lufthansa ma tikkontestax din id-distinzjoni.

47.      Ċertament, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali, minn naħa, u l-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jastjenu milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki provviżorja, u huma obbligati jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jisiltu l-konsegwenzi xierqa minn ksur tal-obbligu ta’ standstill. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, għal dan l-għan, il-qrati nazzjonali jistgħu, minbarra s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni, jordnaw l-irkupru tal-pagamenti diġà mħallsa jew miżuri provviżorji sabiex jissalvagwardjaw kemm l-interessi tal-partijiet interessati kif ukoll l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (47)

48.      Madankollu, l-ewwel, dawn l-affermazzjonijiet jikkonċernaw sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li kienet qiegħda tiġi implimentata (48). It-tieni, anki f’tali sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li l-adozzjoni ta’ tali miżuri teħtieġ li ma jkun hemm l-ebda dubju li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat: jekk qorti nazzjonali jkollha dubji dwar jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jew dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tista’ titlob kjarifika lill-Kummissjoni jew, b’mod iktar importanti, tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari (49). It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-“possibbiltà” għall-qrati nazzjonali li joħorġu ordni ta’ rkupru jew miżuri provviżorji (50), iktar milli “obbligu” (51). Dan jimplika, fil-fehma tiegħi, li l-qrati nazzjonali għandhom dejjem isibu bilanċ bejn id-diversi interessi inkwistjoni qabel ma jiddeċiedu dwar l-irkupru jew dwar il-miżuri provviżorji.

49.      Lanqas ma huwa kkontestat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat – li skontu d-deċiżjonijiet li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżuri diġà implimentati ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti – mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (52), invokata wkoll mill-Gvern ta’ Ġibiltà u mill-appellanti.

50.      Il-kawża li tat lok għal din l-aħħar sentenza kienet tikkonċerna rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri relatati mal-ajruport ta’ Lübeck. Quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni sostniet li l-belt ta’ Lübeck (il-Ġermanja) ma kellhiex iktar interess ġuridiku wara l-bejgħ tal-ajruport lil investitur privat. Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet waqfet tipproduċi l-effett legali uniku tagħha, jiġifieri s-sospensjoni tal-miżura ta’ għajnuna fl-istennija tal-investigazzjoni (53).

51.      B’riferiment speċifiku għas-sentenza Deutsche Lufthansa u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ April 2014, Flughafen Lübeck (54), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni ma [kienx] l-uniku effett ġuridiku ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”. Fiċ-ċaħda tal-aggravju tal-Kummissjoni, hija rrilevat li wara l-privatizzazzjoni tal-ajruport ta’ Lübeck, il-belt ta’ Lübeck baqgħet “tal-inqas esposta għar-riskju li qorti nazzjonali tista’ tordna l-irkupru ta’ kull għajnuna mogħtija” taħt is-sid preċedenti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, “fl-assenza ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża baqgħu fis-seħħ, b’mod li l-belt ta’ Lübeck żammet interess ġuridiku sabiex titlob l-annullament tagħha”. (55)

52.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament, il-miżuri li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kienet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienu għadhom qegħdin jiġu implimentati. Għaldaqstant, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (56), bħas-sentenza Deutsche Lufthansa, kienet tikkonċerna att li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 37 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, seta’ jiġi kkontestat.

53.      It-tieni, huwa ċertament minnu li deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li ma ġietx innotifikata u li ġiet implimentata parzjalment jew totalment tesponi lill-partijiet interessati għar-riskju li l-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw miżuri provviżorji, inkluż l-irkupru ta’ dak li jkun diġà tħallas. Wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, jeżisti tal-inqas element sinjifikattiv ta’ dubju dwar il-legalità ta’ din il-miżura (57).

54.      Madankollu, kif indikajt iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar din il-klassifikazzjoni sabiex il-qrati nazzjonali jordnaw tali miżuri.

55.      It-tielet, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (58) kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-belt ta’ Lübeck kellhiex interess ġuridiku (59), li hija kundizzjoni ta’ ammissibbiltà distinta minn dik relatata mal-eżistenza ta’ att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Sabiex tali rikors ikun ammissibbli, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament.

56.      L-espożizzjoni għar-riskju li qorti nazzjonali toħroġ ordni ta’ rkupru, li tirriżulta minn deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li tqiegħed f’dubju l-legalità tal-miżura inkwistjoni, hija biżżejjed sabiex tiġġustifika interess li jinkiseb stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati tal-Unjoni. Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma huwiex biżżejjed li jiġi konkluż li tali deċiżjoni, filwaqt li hija att intermedjarju, tipproduċi effetti legali vinkolanti awtonomi li jippermettu li tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE (60).

57.      Fl-aħħar nett, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (61), li jinvokaw l-appellanti u l-Gvern ta’ Ġibiltà, ukoll ma tikkontradixxix, fil-fehma tiegħi, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat. F’din is-sentenza (62), filwaqt li rreferiet għas-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement irrepetiet l-effetti legali vinkolanti ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ miżura li qiegħda tiġi implimentata u kklassifikata bħala għajnuna ġdida (63).

3.      Konklużjoni

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta għamlet distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiftħu l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżuri “li qegħdin jiġu implimentati bħala għajnuna ġdida”, u miżuri li “diġà ġew implimentati” għall-finijiet tal-eżami tan-natura kontestabbli jew le tad-deċiżjoni kontenzjuża.

59.      Bħala rimarka finali, nixtieq nenfasizza li, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat kontra miżura li tesprimi opinjoni provviżorja jista’ jobbliga lill-qrati tal-Unjoni biex jagħmlu evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet li fuqhom l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu kompetenti jkun għad ma kellhomx l-okkażjoni li jiddeċiedu b’mod definittiv, li jkun inkompatibbli mas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi u tar-rimedji ġudizzjarji prevista mit-Trattat FUE (64). Sabiex jiġi evalwat jekk deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE tistax tiġi kkontestata, l-“interferenza” fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni fis-sistema ta’ kontroll minn qabel tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi eżaminata bir-reqqa. Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor informazzjoni mingħand il-partijiet interessati sabiex tevalwa mhux biss il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, iżda wkoll il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat. Peress li tali klassifikazzjoni tista’ teħtieġ evalwazzjoni partikolarment kumplessa, huwa preferibbli li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni definittiva u kompletament informata qabel ma tiġi eżaminata mill-qrati tal-Unjoni.

B.      Fuq il-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni kontenzjuża

60.      Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni kontenzjuża – li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar is-sistema ta’ taxxa fuq id-dħul korporattiv ta’ Ġibiltà biex tkopri t-trattament fiskali ta’ MJN GibCo – għandha titqies li hija ekwivalenti għal deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura. Dan il-punt ġie aċċettat mill-partijiet kollha waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61.      Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet diġà ġiet implimentata waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri fil‑31 ta’ Ottubru 2022, u, neċessarjament, meta ġie ppreżentat ir-rikors quddiemha (65).

62.      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern ta’ Ġibiltà jsostni madankollu li l-Qorti Ġenerali ma rrilevatx li l-miżura inkwistjoni kienet tipproduċi “effetti fit-tul”, kif tirrikonoxxi d-deċiżjoni kontenzjuża stess. L-ewwel, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet għall-“applikazzjoni kontinwa” ta’ deċiżjoni fiskali mogħtija fl‑2012 lil Mead Johnson GibCo, wara, u minkejja, emenda leġiżlattiva adottata fl‑2013 li għamlet taxxabbli d-dħul minn royalties, mill‑1 ta’ Jannar 2014, mingħajr ma ppreċiżat id-data tat-tmiem. It-tieni, il-Kummissjoni indikat li l-allegata għajnuna setgħet ġiet ittrasferita lil entitajiet oħra tal-grupp MJN u għalhekk setgħet ipproduċiet effetti fit-tul wara x-xoljiment ta’ Mead Johnson GibCo f’Ottubru 2018 (66).

63.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, l-ewwel, li, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tad-digriet appellat, mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta ċar li l-miżura inkwistjoni kienet tikkonsisti fl-applikazzjoni tad-deċiżjoni antiċipata mogħtija lil MJN GibCo bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u x-xoljiment tagħha (67). It-tieni, kif irrilevat il-Kummissjoni, ir-riferiment, f’din id-deċiżjoni, għall-possibbiltà li jinfirex il-vantaġġ allegatament mogħti lil MJN GibCo lil entitajiet oħra tal-grupp MJN hija kwistjoni differenti minn dik dwar jekk il-miżura inkwistjoni għadhiex fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

64.      Fi kwalunkwe każ, kien ċar fis-seduta li l-appellanti u l-Gvern ta’ Ġibiltà ma kkontestawx il-fatt li l-miżura inkwistjoni ġiet implimentata b’mod sħiħ.

65.      L-appellanti jsostnu li d-deċiżjoni kontenzjuża tkompli tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tagħhom, minkejja l-fatt li l-miżura inkwistjoni diġà ġiet implimentata b’mod sħiħ.

66.      L-ewwel, huma jenfasizzaw ir-riskju li jiġu ppreżentati proċeduri quddiem il-qrati ta’ Ġibiltà intiżi għall-irkupru immedjat tal-allegati vantaġġi mogħtija mill-miżura inkwistjoni. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma rreferew għal proċeduri diġà pendenti, mingħajr madankollu ma pprovdew iktar dettalji dwar is-suġġett speċifiku ta’ dawn il-proċeduri u lanqas id-data tal-preżentata tagħhom. Matul din is-seduta rriżulta wkoll li dawn il-proċeduri ġew sospiżi, jew tal-inqas parzjalment.

67.      F’dan ir-rigward, kif irrilevat iktar ’il fuq, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll minn qabel tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat FUE, is-sempliċi riskju li qorti nazzjonali tista’ tordna l-irkupru tal-ammonti mħallsa fl-implimentazzjoni ta’ miżura li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni fetħet il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE ma jistax, fih innifsu, jitqies li jipproduċi effetti legali vinkolanti awtonomi li jistgħu jagħmlu minn din id-deċiżjoni att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE.

68.      It-tieni, l-appellanti, sostnuti mill-Gvern ta’ Ġibiltà, isostnu wkoll li d-deċiżjoni kontenzjuża tipproduċi effetti legali vinkolanti peress li hija tesponi l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni fir-rigward tas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 92(3)(a) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għaldaqstant, ikun żbaljat li din id-deċiżjoni titqies bħala miżura intermedjarja li tesprimi biss opinjonijiet provviżorji. Huma jallegaw ukoll ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi jsostnu li l-argument li l-illegalità marbuta mal-evalwazzjonijiet provviżorji fid-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u li b’hekk dan jagħti protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti lir-rikorrent, huwa żbaljat. Anki jekk is-setgħat tal-Kummissjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ kienu kkontestati b’suċċess fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finali, it-tfixkil provviżorju taċ-ċertezza legali tal-appellanti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet fiskali ta’ Ġibiltà xorta waħda jibqa’ jippersisti.

69.      Għalkemm dawn l-argumenti jindirizzaw kwistjonijiet lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nagħmel l-osservazzjonijiet qosra li ġejjin.

70.      L-ewwel, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-pożizzjoni stabbilita f’att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-kompetenza ta’ din l-istituzzjoni sabiex tadotta l-att ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tipproduċi effetti legali vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (68). Kull att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk dan l-att jipproduċix effetti legali vinkolanti, jinkludi dikjarazzjoni dwar il-kompetenza tal-istituzzjoni emittenti, kemm jekk impliċitament jew espliċitament. L-għoti ta’ effett ġuridikament vinkolanti awtonomu lil tali dikjarazzjoni jimplika li kull att adottat minn istituzzjoni jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE (69).

71.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-gravità tal-allegat ksur mill-istituzzjoni kkonċernata ma tistax tiġġustifika eċċezzjoni mill-projbizzjonijiet assoluti kontra t-tressiq ta’ proċeduri previsti mit-Trattat (70). Konsegwentement, l-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 92(3)(a) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u l-allegat ksur ta’ dan il-ftehim li jirriżulta minnu, huma insuffiċjenti sabiex jagħtu effett legali vinkolanti lid-deċiżjoni kontenzjuża.

72.      It-tieni, il-konklużjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-appellanti bbażati fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u fuq is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali li jridu jġorru. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, għalkemm ir-rekwiżit ta’ effetti legali vinkolanti għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva żgurat mill-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dan id-dritt ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju stabbilita mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli li jirregolaw l-ammissibbiltà tar-rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni (71).

73.      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżura intermedjarja lanqas ma hija suġġetta għall-istħarriġ jekk jiġi stabbilit li l-illegalità marbuta ma’ din il-miżura tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha tikkostitwixxi att ta’ tfassil (72). Dan huwa l-każ tal-allegata inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

C.      Konklużjonijiet intermedjarji

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

IV.    Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lil Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) Pte Ltd, MJN Global Holding BV, u Mead Johnson Nutrition Co. għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea;

–        tikkundanna lill-Gvern ta’ Ġibiltà għall-ispejjeż rispettivi tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2015, L 248, p. 9.


3      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Alpiq RomIndustries u Alpiq RomEnergie vs Il‑Kummissjoni (T‑129/13, EU:T:2014:895), kif ukoll id-digrieti tat‑3 ta’ Marzu 2015, Gemeente Nijmegen vs Il‑Kummissjoni(T‑251/13, EU:T:2015:142), u tat‑8 ta’ Diċembru 2015, LItalja vs IlKummissjoni (T‑673/14, EU:T:2015:969).


4      T‑37/23, EU:T:2024:570.


5      ĠU 2023, C 52, p. 10.


6      Ara l-punti 2 sa 12 tad-digriet appellat.


7      Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.34914 (2013/C) implimentata mir-Renju Unit rigward l-Iskema tat-Taxxa fuq l-Introjtu Korporattiv f’Ġibiltà (ĠU 2019, L 119, p. 151).


8      T‑508/19, EU:T:2022:217.


9      Il-Kummissjoni fakkret li d-deċiżjoni fiskali antiċipata mogħtija lil MJN GibCo fil‑11 ta’ Settembru 2012 ikkonfermat l-assenza ta’ tassazzjoni, fir-rigward ta’ din il-kumpannija, tad-dħul iġġenerat minn royalties ta’ proprjetà intellettwali minħabba s-sehem tagħha f’soċjetà in akkomandita Olandiża, fi ħdan il-grupp MJN. Fil-fehma tal-Kummissjoni, wara l-emenda għall-Gibraltar Income Tax Act 2010 (l-Att tal‑2010 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ta’ Ġibiltà), li ġiet ippromulgata fl‑2013 u daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014, li tipprovdi li d-dħul mir-royalties kien suġġett għat-taxxa f’Ġibiltà irrispettivament mis-sors tiegħu, l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà kellhom jikkunsidraw li MJN GibCo kienet suġġetta għat-taxxa fuq ir-royalties tal-proprjetà intellettwali rċevuti wara l‑1 ta’ Jannar 2014. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-kontinwazzjoni tad-deċiżjoni fiskali antiċipata tal‑2012 ta’ MJN GibCo, wara l-emenda tal‑2013 tal-Att tal‑2010 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ta’ Ġibiltà, sax-xoljiment tagħha, kellha titqies bħala l-miżura inkwistjoni. Wara eżami preliminari tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset b’mod provviżorju li din il-miżura kienet tagħti lil MJN GibCo għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, li kienet potenzjalment inkompatibbli mas-suq intern.


10      ĠU 2020, L 29, p. 7. F’konformità mal-Artikolu 92(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ dwar “[p]roċeduri amministrattivi li jkunu kurrenti”, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea baqgħu kompetenti għal proċeduri amministrattivi rregolati mir-Regolament 2015/1589 li nfetħu qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni fil‑31 ta’ Diċembru 2020. L-Artikolu 92(3)(a) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat titqies li nfetħet fil-mument meta l-proċedura tingħata numru tal-każ. L-appellanti sostnew, fl-ewwel istanza, li, peress li l- Każ SA.34914 u l-proċeduri relatati kollha ngħalqu u ġew itterminati bl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal‑2018, ma kienx hemm “proċedura kurrenti” u, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 92(3)(a) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ sabiex tistabbilixxi l-kompetenza tagħha sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża.


11      Ara d-digriet appellat, punti 43 sa 59.


12      Ara d-digriet appellat, punti 60 u 68.


13      C‑1/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza CELF II”, EU:C:2010:136.


14      C‑77/12 P, EU:C:2013:695.


15      C‑284/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Lufthansa”, EU:C:2013:755.


16      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tal-appellanti li d-deċiżjoni kontenzjuża tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tagħhom peress li dawn jibqgħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eventwali proċeduri ta’ rkupru ġie ppreżentat inspjegabbilment tard u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli peress li dan l-argument ma tressaqx fl-appell. Bl-istess mod, l-istess argument jagħmel parti mir-risposta tal-Gvern ta’ Ġibiltà għall-appell u huwa wkoll inammissibbli, peress li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għal motivi distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li tali argument ma tressaqx quddiem il-Qorti Ġenerali u ma jistax jitressaq validament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-digriet appellat, peress li jikkostitwixxi raġunament ġdid.


17      Sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Julien vs Il‑Kunsill (C‑285/22 P, EU:C:2023:551, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs Il‑Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs Il‑Bord Ewropew għall‑Protezzjoni tad‑Data(C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs Il‑Bord Ewropew għall‑Protezzjoni tad‑Data(C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni(C‑47/91, iktar ’il quddiem is-“sentenza Italgrani”, EU:C:1994:358, punt 24), u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK (C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar(C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK (C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1964 (6/64, EU:C:1964:66).


24      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, EU:C:1973:15, punt 8). Ara wkoll is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Féderation nationale du commerce excessionnelle des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de salamun (C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 11), u f’Deutsche Lufthansa, punt 29.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et(C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 41); tat‑2 ta’ Mejju 2019, A-Fonds(C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK (C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK (C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-qrati nazzjonali ma jistgħux jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, peress li hija l-Kummissjoni li għandha tagħmel din id-determinazzjoni, suġġetta għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 56).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza CELF II, punt 30; ara wkoll is-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 31.


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 63).


33      Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 26), u s-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 29.


34      Is-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 32. Il-qrati nazzjonali aditi b’talba għall-eżekuzzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE ma jistgħux jissospendu l-proċedura sakemm il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tkun pendenti, ara s-sentenza CELF II, punt 31.


35      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punti 53 u 57), b’mod partikolari fir-rigward tal-azzjonijiet għad-danni, li huma, bħala prinċipju, indipendenti minn kull investigazzjoni parallela tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni.


36      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019,Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 49 sa 52), tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 59), u tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:981, punti 56 sa 66); id-dritt tal-Unjoni jimponi biss li d-destinatarju tal-għajnuna jiġi ordnat iħallas l-interessi fir-rigward tal-perijodu ta’ illegalità


38      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 53).


39      Is-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 33.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 38.


41      Is-sentenza Deutsche Lufthansa, punti 38 sa 40.


42      Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 119). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tordna lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru biex tħallas l-għajnuna illegali bil-kundizzjoni li din l-ewwel tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u li din l-istituzzjoni tagħti l-kunsens tagħha, jew titqies li tkun tatu, hija wkoll aktarx tipprekludi li għajnuna ġdida titħallas bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.


43      Tali konklużjoni tista’ diġà tinsilet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑400/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni”, EU:C:2001:528), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 57 li “fir-rigward ta’ għajnuna matul l-implimentazzjoni, li l-ħlas tagħha għadu għaddej u li l-Istat Membru jqis bħala għajnuna eżistenti, il-klassifikazzjoni kuntrarja bħala għajnuna ġdida, anki jekk provviżorja, adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu [108(2) TFUE] fir-rigward ta’ din l-għajnuna, għandha effetti legali indipendenti”. Bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tad-digriet appellat, l-istess raġunament loġikament japplika meta l-Istat Membru inkwistjoni jkun naqas milli jinnotifika minħabba li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.


44      Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1994, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑47/91, EU:C:1994:358, punti 25 sa 30).


45      Mill-inqas sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li toħroġ ordni ta’ rkupru provviżorju tal-għajnuna fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2015/1589. Is-sempliċi riferiment, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, għall-obbligi li jirriżultaw mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE huwa insuffiċjenti għal dan l-għan; ara s-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punti 53 u 54.


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza CELF II, punti 35 u 36. Huwa biss meta l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-punt 36 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti li l-qrati nazzjonali huma, skont din is-sentenza, obbligati, fuq talba f'dan is-sens, li jagħtu tali miżuri provviżorji; ara l-punti 36 u 38 tagħha.


47      Is-sentenza Deutsche Lufthansa, punti 41 sa 43 u d-dispożittiv. Ara, fl-istess ċirkustanzi, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ April 2014, Flughafen Lübeck (C‑27/13, EU:C:2014:240, punt 27).


48      Ara s-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 42.


49      Is-sentenza Deutsche Lufthansa, punt 44.


50      Pereżempju, kif issuġġeriet il-Kummissjoni fil-punt 62 tal-Avviż tagħha dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1), it-tqegħid tal-fondi f’kont ibblukkat sabiex dawn ma jibqgħux għad-dispożizzjoni tad-destinatarju; ara, f’dan is-sens, is-sentenza CELF II, punt 37.


51      B’mod partikolari, it-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkontradixxi l-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Koblenz, il-Ġermanja), li fiha din il-qorti staqsiet jekk “[d]eċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li ma hijiex ikkontesta, [għandhiex] bħala konsegwenza li qorti nazzjonali li quddiemha titressaq talba għall-irkupru ta’ ħlasijiet effettwati u għat-terminazzjoni ta’ kull ħlas hija marbuta bl-opinjoni espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna” (enfasi miżjuda minni). Għandu jiġi nnotat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja użat formulazzjoni differenti meta kkunsidrat l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jissospendu l-implimentazzjoni tal-miżura (ara l-punti 38 sa 40 tas-sentenza Deutsche Lufthansa).


52      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑524/14 P, EU:C:2016:971).


53      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 23 u 24).


54      C‑27/13, EU:C:2014:240, punt 27.


55      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 30 u 31).


56      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑524/14 P, EU:C:2016:971).


57      Sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 59.


58      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑524/14 P, EU:C:2016:971).


59      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess – li huwa l-kundizzjoni essenzjali u fundamentali għal kull proċedura ġudizzjarja u li għandu jeżisti fid-data tal-preżentata tar-rikors u jibqa’ jeżisti sat-tmiem tal-proċedura – jeħtieġ li l-annullament tal-att ikkontestat ikun kapaċi, fih innifsu, jipproduċi konsegwenzi ġuridiċi u li r-rikors jista’ għalhekk, bl-eżitu tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu; ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Validity vs Il‑Kummissjoni (C‑51/23 P, EU:C:2024:664, punt 32). L-interess ġuridiku għandu għalhekk jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni tar-rikorrent. Għall-kuntrarju, in-natura kontestabbli ta’ att għandha tiġi evalwata b’mod oġġettiv, fuq il-bażi tas-sustanza tiegħu, u mhux fir-rigward tar-rikorrent.


60      L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Novembru 2019, EDP España vs Il‑Kummissjoni (C‑536/19 P(I), EU:C:2019:965), li kien jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk kumpannija li bbenefikat mill-miżura inkwistjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kellhiex interess dirett u attwali fl-eżitu tat-tilwima u għalhekk kellhiex tiġi ammessa tintervjeni fir-rikors għal annullament ippreżentat kontra din id-deċiżjoni.


61      C‑77/12 P, EU:C:2013:695.


62      Punti 52 u 53.


63      Isegwi mid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post (C‑77/12 P, EU:C:2013:695), jiġifieri, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Settembru 2007, “Għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07) – Għajnuna mill-Istat għal Deutsche Post AG” (ĠU 2007 C 245, p. 21, premessa 15), li l-obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ Deutsche Post AG, fil-qafas li fih ingħataw l-allegati għajnuniet, ma kienx għadu skada meta ġiet adottata d-deċiżjoni.


64      Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni (C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Ara d-digriet appellat, punt 43.


66      Wara li fakkret, fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, entitajiet ġuridiċi distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 79, li hija ma setgħetx, f’dan l-istadju, teskludi li membri oħra tal-grupp MJN kienu bbenefikaw mill-vantaġġ mogħti lil MJN GibCo.


67      Ara, b’mod partikolari, it-taqsima 5, “Konklużjoni”, tad-deċiżjoni kontenzjuża.


68      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 66); il-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ewwel Istanza kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet tikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadixxi qorti ta’ Stat terz.


69      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International vs Il‑Kummissjoni (T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6, punt 86), ikkonfermata mis-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541).


70      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Mejju 2001, FNAB et vs Il‑Kunsill (C‑345/00 P, EU:C:2001:270, punti 39 sa 42). Ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Carvalho et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑565/19 P, EU:C:2021:252, punt 48).


71      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni (C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 68).


72      Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).