European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1725

18.6.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1725

tas-17 ta’ Ġunju 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/735 tas-7 ta’ Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2015/735.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2015/735, il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li jenħtieġ li jinżammu l-miżuri restrittivi kontra persuna waħda elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/735 u li jenħtieġ li tiġi aġġornata l-entrata għal dik il-persuna.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/735 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/735 huwa emendat kif jidher fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

A. MARON


(1)   ĠU L 117, 8.5.2015, p. 13.


ANNESS

Fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/735, it-Tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Michael MAKUEI LUETH

Data tat-twelid: 1947

Post tat-twelid: Bor, is-Sudan t’Isfel; Bor, is-Sudan

Michael Makuei Lueth ilu jokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Informazzjoni u x-Xandir sa mill-2013 u għadu jżomm dik il-pożizzjoni fil-Gvern Tranżizzjonali ta’ Unità Nazzjonali Rivitalizzat. Huwa kien ukoll il-kelliem pubbliku għad-delegazzjoni tal-gvern għat-taħditiet ta’ paċi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp mill-2014 sal-2015 u mill-2016 sal-2018.

Michael Makuei ostakola, b’mod partikolari permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi xewwiexa, l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t’Isfel (ARCSS) ta’ Awwissu 2015 (sostitwit f’Settembru 2018 mill-‘ARCSS Rivitalizzat’ (R-ARCSS)), il-ħidma tal-Kummissjoni Konġunta ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni tal-ARCSS (JMEC, li ngħatat l-isem ġdid ‘JMEC rikostitwita’ taħt l-R-ARCSS), l-istabbiliment tal-Istituzzjonijiet tal-Ġustizzja Tranżizzjonali tal-ARCSS (previsti wkoll fl-R-ARCSS), u l-operazzjonijiet tal-Forza ta’ Protezzjoni Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Barra minn hekk, Michael Makuei huwa involut fir-restrizzjoni sistematika tal-ispazju politiku u demokratiku u fir-repressjoni tal-media, li jfixklu d-demokratizzazzjoni u l-paċi sostenibbli fis-Sudan t’Isfel, inkluż permezz ta’ theddid regolari kontra l-ġurnalisti u appoġġ għaċ-ċensura tal-media.

Għalhekk, Michael Makuei kien qed jostakola l-proċess politiku fis-Sudan t’Isfel u huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni.

3.2.2018”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1725/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)