European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1576

29.7.2025

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1576

tad-29 ta' Lulju 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2022/2309 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2309 tal-25 ta' Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Novembru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/2309.

(2)

Fit-8 ta' Lulju 2025, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2653 (2022) tal-KSNU, żied żewġ entitajiet mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2309 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2022/2309 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU L 307, 28.11.2022, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2309/oj.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2022/2309, fil-“Lista ta' persuni fiżiċi u legali, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2, 3 u 9”, jiżdiedu l-intestatura u l-entrati li ġejjin:

“ ENTITAJIET

1.

GRAN GRIF. Elenkat skont il-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni 2653 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-miżuri elenkati fil-paragrafu 6 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni, kif elaborat aktar mill-paragrafu 16(a) ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

Magħruf ukoll bħala: (a) Gran Grif de Savien (b) Savien gang (c) Baz Gran Grif

Indirizz: Haiti

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 8 ta' Lulju 2025

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet: Gran Grif huwa l-akbar grupp organizzat fid-Dipartiment Artibonite tal-Haiti. Mill-2022 'l hawn, Gran Grif kien responsabbli għal 80 fil-mija tal-imwiet ċivili rrappurtati f'Artibonite. Gran Grif attakka lill-Pulizija Nazzjonali tal-Haiti u l-Missjoni Multinazzjonali ta' Appoġġ għas-Sigurtà (MSS) awtorizzata min-NU, inkluż fl-attakk ta' Frar 2025, li qatel uffiċjal Kenjan tal-missjoni MSS. Fil-11 ta' Jannar 2024, membri ta' Gran Grif qatlu u qattgħu f'biċċiet raġel wara li dan irreżista attakki minn Gran Grif. Fit-3 ta' Ottubru 2024, il-grupp organizzat Gran Grif, immexxi minn Luckson Elan (HTi.007), nieda attakki fuq Pont-Sonde fil-komun ta' Saint Marc (fid-Dipartiment Artibonite), b'rapporti jindikaw li dawn wasslu għall-mewt ta' madwar 100 individwu u 16-il midrub. Ġew dokumentati mill-inqas ħames każijiet ta' stupru, li wieħed minnhom jinvolvi minorenni. Il-massakru ġiegħel ukoll lil aktar minn 6 000 persuna jaħarbu minn djarhom. Fil-11 ta' Diċembru 2024, Gran Grif qatel 70 persuna f'Petite-Rivière-de-l'Artibonite wara li, bejn id-9 u l-10 ta' Diċembru 2024, grupp ta' awtodifiża qatel 39 individwu akkużati b'kompliċità mal-grupp organizzat. Bejn Diċembru 2023 u Lulju 2024, il-grupp Gran Grif ħataf 157 persuna f'disa' inċidenti separati ta' ħtif f'Petite-Rivière-de-l'Artibonite. Fit-30 ta' Novembru 2024, mara ta' 22 sena nqatlet minn żewġ balal fil-vaġina tagħha talli rrifjutat li jkollha relazzjonijiet sesswali mal-mexxej tal-grupp Gran Grif, Luckson Elan, f'Petite-Rivière-de-l'Artibonite. Twettqu wkoll każijiet ta' stupru mill-membri tal-grupp Gran Grif. F'April u Mejju 2024, inqatlu żewġ avukati mill-grupp Gran Grif. Dawn l-attakki fuq il-professjoni legali għandhom l-għan li joħolqu ambjent ta' biża' u intimidazzjoni u jikkostitwixxu theddid serju għall-eżerċizzju tal-indipendenza ġudizzjarja u r-rappreżentanza legali.

2.

VIV ANSANM. Elenkat skont il-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni 2653 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-miżuri elenkati fil-paragrafu 6 ta’ dik ir-Riżoluzzjoni, kif elaborat aktar mill-paragrafi 16(a) u 16(g) ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

Magħruf ukoll bħala: (a) Living Together (b) G-9 (c) G9 Family and Allies (d) G9 Fanmi e Alye (e) The Revolutionary Forces of the G9 Family and Allies (f) Fòs Revolisyonè G9 an Fanmi e Alye (g) G-Pèp (h) G-People

Indirizz: Haiti

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 8 ta' Lulju 2025

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet: Viv Ansanm, immexxi minn Jimmy Chérizier (HTi.001), huwa grupp iffurmat f'Settembru 2023 bħala koalizzjoni ta' gruppi organizzati permezz ta' alleanza bejn iż-żewġ fazzjonijiet ewlenin ta' gruppi organizzati li joperaw f'Port-au-Prince, G-9 u G-Pèp. Il-grupp jipprovdi pjattaforma unifikata biex gruppi kriminali jużaw il-vjolenza għad-destabilizzazzjoni tal-Haiti u jeliminaw l-azzjonijiet immirati lejn il-kisba tal-kontroll mill-istat. Viv Ansanm nieda attakki kkoordinati fuq infrastruttura kritika fil-Haiti, inkluż ħabsijiet, binjiet tal-gvern u l-ajruport ewlieni tal-Haiti f'Port-au-Prince, bħala parti minn kampanja li, fost affarijiet oħra, ġiegħlet lill-eks Prim Ministru tal-Haiti Ariel Henry jirreżenja. Fid-29 ta' Frar 2024, iż-żewġ koalizzjonijiet opposti ta' gruppi organizzati – G9 u G-Pèp – attivaw mill-ġdid il-koalizzjoni Viv Ansanm sabiex jistabbilixxu front komuni kontra l-gvern ta' tranżizzjoni. Minn tard fi Frar sa Mejju 2024, f'Port-au-Prince kien hemm livelli bla preċedent ta' vjolenza kkaratterizzata minn attakki kkoordinati minn gruppi organizzati kontra binjiet ewlenin tal-gvern u infrastruttura kritika. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-livell ta' vjolenza kompla jiżdied hekk kif Viv Ansanm qed ifittex li jikkonsolida t-territorju tiegħu u jaħtaf aktar viċinati f'Port-au-Prince. Bejn il-11 u d-19 ta' Novembru 2024, gruppi organizzati ta' Viv Ansanm attakkaw diversi postijiet fiż-żona metropolitana ta' Port-au-Prince, bħal Pernier, Nazon u Vivy Mitchel, f'tentattiv biex jinvadu Delmas u Pétionville. Il-vjolenza li rriżultat wasslet għal mill-inqas 220 mewta, 92 korriment, u kważi 41 000 persuna spostata. Bejn is-26 u d-29 ta' Jannar 2025, Viv Ansanm nieda diversi attakki f'Kenscoff (id-Dipartiment tal-Punent), fin-Nofsinhar ta' Port-au-Prince, bl-għan li jaħtaf il-kontroll taż-żona u jiżgura l-aċċess għall-parti tax-Xlokk tal-pajjiż. Huwa stmat li bejn 90 u 150 persuna nqatlu fil-massakru.

Il-vjolenza wasslet ukoll għall-qerda ta' aktar minn 100 unità domestika u l-ispostament ta' 3 139 persuna. Mill-bidu ta' Marzu 2024 'l hawn, Viv Ansanm nieda mill-inqas 10 attakki kbar kontra l-Palazz Nazzjonali. Viv Ansanm attakka ripetutament ukoll, fost l-oħrajn, lill-Ministeri tal-Ġustizzja, tad-Difiża u tal-Intern, il-bini preċedenti tal-Cour Supérieure des Comptes et du Contentieux Administratif u l-isptar ġenerali, kif ukoll l-unitajiet tal-Pulizija Nazzjonali Haitjani, inkluż l-Unité Départementale de Maintien d'Ordre u l-għassa tal-pulizija f'Port-au-Prince. Fil-komuni tat-Tramuntana tal-belt kapitali, żewġ gruppi organizzati li huma parti minn Viv Ansanm, 5 Segonn u Canaan, qatlu mill-inqas 10 persuni u ħarqu diversi djar waqt attakki kontra l-komuni ta' Arcahaïe u Cabaret fis-6 ta' Awwissu 2024, fi sforz biex jestendu l-kontroll tul iż-żona tal-bajja ta' Port-au-Prince, x'aktarx biex jiffaċilitaw il-moviment tad-drogi u l-aċċess għal żoni oħra. Minorenni kienu involuti fl-attakki ta' Viv Ansanm f'Port-au-Prince u fil-punti ta' kontroll. It-tfal jintużaw għal kompiti differenti skont l-età, is-sess u l-ħiliet tagħhom. Pereżempju, il-bniet normalment jipparteċipaw f'xogħol tad-dar u bħala spiji biex jiġbru l-informazzjoni minn vittmi possibbli ta' ħtif, jew biex jiċċekkjaw il-movimenti tal-pulizija jew ta' gruppi organizzati oħra. Hemm ukoll rapporti ta' bniet li jġorru l-armi u li probabbilment huma involuti fil-ġlied. Bejn Frar u Mejju 2024, Viv Ansanm adotta bħala tattika l-qerda u l-vandaliżmu intenzjonati ta' infrastruttura pubblika u privata, kif ukoll ta' proprjetà fiż-żona metropolitana ta' Port-au-Prince. Fl-24 ta' Marzu 2024, pereżempju, Viv Ansanm nieda attakk indiskriminat fuq skala kbira fuq diversi blokok madwar il-Palazz Nazzjonali. L-għan tal-attakk kien li jbattal iż-żona tal-popolazzjoni u li jikkawża kemm jista' jkun ħsara. Johnson ‘Izo’ André (HTi.002), il-mexxej ta' 5 Segonn, ġie identifikat bħala wieħed mill-aggressuri ewlenin fl-attakk. F'Marzu 2024, Viv Ansanm qered l-Isptar Jude-Anne u vvandalizza l-Isptar u ċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Saint Martin fil-viċinat ta' Delmas 18.

Bejn Frar u Mejju 2024, il-membri tal-Viv Ansanm ivvandalizzaw u taw in-nar lill-bini tal-Fakultà tax-Xjenza, il-Fakultà tal-Lingwistika, il-Fakultà tal-Agronomija u l-Mediċina Veterinarja, il-Fakultà tal-Mediċina u l-Farmaċija, l-École Normale Supérieure fl-Università tal-Istat tal-Haiti, l-Iskola Nazzjonali tal-Arti, l-Iskola Mħallta Les Frères Nau, u l-Librerija Nazzjonali f'Port-au-Prince, fost ħafna siti edukattivi oħra. Mill-aħħar ta' Frar 2024 'l hawn, il-membri ta' Viv Ansanm attakkaw infrastruttura kritika, serqu kontenituri li jġorru provvisti tal-ewwel għajnuna, u serqu sptarijiet u spiżeriji, fost siti oħra ta' għajnuna umanitarja, b'mod partikolari fiż-żona metropolitana ta' Port-au-Prince. L-imblokk tat-toroq u l-għeluq tal-ajruport ewlieni u l-port marittimu llimitaw b'mod sever il-moviment ta' provvisti vitali u ħaddiema umanitarji. Dan it-tfixkil aggrava n-nuqqasijiet eżistenti u xekkel it-twassil ta' għajnuna umanitarja kruċjali. Fil-15 ta' Marzu 2024, Viv Ansanm, flimkien ma' persuni ċivili, seraq kontejner b'għajnuna umanitarja li jappartjeni għall-UNICEF u li kien fih provvisti essenzjali għall-għajnuna li ssalva l-ħajja lit-tfal. L-għeluq tal-port kummerċjali ewlieni f'Port-au-Prince (APN/CPS) affettwa b'mod kbir il-katina ta' provvista tal-prodotti bażiċi u dan wassal għal nuqqas ta' tagħmir umanitarju.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1576/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)