KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fis‑16 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑508/21 P u C‑509/21 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Dansk Erhverv (C‑508/21 P)

u

Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG)

vs

Dansk Erhverv,

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑509/21 P)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Bejgħ ta’ xorb f’laned li jintużaw darba minn ħwienet li jinsabu fil-fruntiera fil-Ġermanja lil residenti Daniżi – Ilment – Eżenzjoni mill-obbligu li jinġabar depożitu fuq laned li jintużaw darba sakemm ix-xorb mixtri jiġi kkunsmat barra mill-Ġermanja – Nuqqas ta’ ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-valur tad-depożitu – Nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Assenza ta’ għajnuna – Direttiva 94/62/KE– Diffikultajiet serji”

I. Introduzzjoni

1.

Sa minn dejjem, id-differenzi fil-prezz xprunaw il-kummerċ, u d-differenza fil-prezz tax-xorb bejn ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex eċċezzjoni. Il-kompetizzjoni qawwija bejn operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dawn iż-żewġ Stati Membri wasslet lil Dansk Erhverv, assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi Daniżi, sabiex tressaq ilment fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Hija sostniet inter alia li l-kompetituri Ġermaniżi tagħha kienu jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat minħabba l-adozzjoni, mill-awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ta’ pożizzjoni ta’ inċentiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġi Ġermaniża dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-imballaġġ. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ġermanja ma kinitx tat għajnuna mill-Istat. Dansk Erhverv ikkontestat din id-deċiżjoni u kkonvinċiet lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tannullaha. Il-Kummissjoni u l-Interessengemeinschaft der Grenzhändler (iktar ’il quddiem “IGG”), assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera Ġermaniża, appellaw mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-konklużjonijiet huma intiżi sabiex jagħtu parir lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mod kif hija tista’ ssolvi l-kwistjonijiet kollha li jqumu sabiex jiġu deċiżi ż-żewġ appelli. Fosthom hemm kwistjoni ġdida: jekk il-Kummissjoni hijiex obbligata tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE f’ċirkustanzi fejn l-allegata għajnuna mill-Istat tikkonsisti fin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq operaturi ekonomiċi minħabba allegat ksur ta’ obbligu legali mhux preċiż.

II. Il‑fatti u l‑proċedura

A.   Il-fatti li wasslu għall-appelli

2.

Il-punti 1 sa 27 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’Dansk Erhverv vs Il‑Kummissjoni ( 2 ) jistabbilixxu fid-dettall il-fatti li wasslu għal dawn l-appelli. Iktar ’il quddiem jingħata sommarju.

3.

Fl‑14 ta’ Marzu 2016, Dansk Erhverv ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni li jgħid li l-Ġermanja kienet tat għajnuna mill-Istat li kienet inkompatibbli mas-suq intern lil grupp ta’ ħwienet bl-imnut li jinsabu fil-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru mad-Danimarka (iktar ’il quddiem il-“ħwienet li jinsabu fil-fruntiera”). Skont Dansk Erhverv, il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera kienu jbigħu xorb f’laned li jintużaw darba lil konsumaturi, prinċipalment residenti fid-Danimarka u fl-Isvezja, li ffirmaw “dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni” fis-sens li huma jikkonsmaw ix-xorb u jiddisponu mil-laned vojta barra mill-Ġermanja, mingħajr ma jiġbru depożitu għal dawn il-laned kif jeżiġi d-dritt Ġermaniż. L-allegata għajnuna kienet tikkonsisti mill-awtoritajiet ta’ żewġ Länder, Schleswig-Holstein u Meckl enbourg-Vorpommern (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet reġjonali”), li jagħtu eżenzjoni de facto mill-obbligu tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem “VAT”) fuq il-valur tad-depożitu u n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq operaturi ta’ ħwienet li jinsabu fil-fruntiera li ma ġabrux id-depożitu.

4.

Fl‑4 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 6315 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44865 (2016/FC) – il-Ġermanja – Allegata għajnuna mill-Istat favur ħwienet ta’ xorb li jinsabu fil-fruntiera Ġermaniża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

5.

It-Taqsima 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata eżaminat in-nuqqas ta’ ġbir, mill-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera, ta’ depożitu mill-imsemmi grupp ta’ klijenti (iktar ’il quddiem l-“ewwel miżura”) ( 3 ). Is-settur tal-bejgħ bl-imnut iġġestixxa s-sistema ta’ depożitu u d-depożiti miġbura qatt ma kienu taħt il-kontroll tal-Istat. L-intervent tal-Istat kien limitat għall-obbligu, previst mill-Verordnung über die Vermeidung und Verwertung von Verpackungsabfällen (Verpackungsverordnung – VerpackV) (id-Digriet dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart tal-Imballaġġ), tal‑21 ta’ Awwissu 1998 (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ”) ( 4 ), li jittrasponi d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal‑20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ ( 5 ), li jiġbru d-depożitu mingħand xerrejja bl-imnut f’ċerti ċirkustanzi partikolari u li jirrimborsawh mar-ritorn tal-imballaġġ ( 6 ). Peress li s-sistema ta’ depożitu ma kinitx iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ( 7 ).

6.

It-Taqsima 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata eżaminat in-nuqqas ta’ ġbir tal-VAT fuq il-valur tad-depożitu (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura”). Hija kkonkludiet li din il-miżura ma kinitx tagħti vantaġġ permezz ta’ riżorsi tal-Istat peress li n-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-VAT fuq il-valur tad-depożitu kien konsegwenza tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali fil-qasam tal-VAT f’ċirkustanzi fejn ma kienx inġabar depożitu ( 8 ).

7.

It-Taqsima 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata evalwat jekk in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera minħabba l-allegat ksur tagħhom tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ (iktar ’il quddiem it-“tielet miżura”) kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ammettiet li eżenzjoni mill-obbligu li jitħallsu multi tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat. Madankollu hija rrilevat li huwa inerenti għal kull sistema ġuridika li l-individwi ma għandhomx ikunu esposti għar-riskju li jiġu ssanzjonati għal aġir leċitu ( 9 ). Id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-liġi huma karatteristika tas-sistemi ġuridiċi kollha. Għalhekk, jista’ ma jkunx xieraq li awtoritajiet li jkunu affaċjati b’dubji raġonevoli dwar l-interpretazzjoni ta’ liġi jimponu multi għal allegat ksur ( 10 ). Il-Kummissjoni osservat li l-awtoritajiet reġjonali ma eżentawx il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera mill-ħlas tal-multi li huma qiesu bħala dovuti. Minflok, dawn l-awtoritajiet qiesu li l-liġi ma kinitx tobbliga lill-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera sabiex jiġbru d-depożitu u li għalhekk ma kienu wettqu l-ebda ksur ( 11 ).

8.

Skont il-Kummissjoni, id-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ kien intiż għall-ġbir effettiv tal-iskart tal-imballaġġ fil-Ġermanja. Dan l-għan ma kienx jeżiġi l-ġbir ta’ depożitu fuq laned li jintużaw darba li ma jintremewx fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera kienu fl-istess sitwazzjoni bħall-esportaturi ta’ xorb tal-laned, li kienu espressament eżentati mill-obbligu li jiġbru depożitu ( 12 ). Peress li x-xorb inxtara għall-konsum barra mill-Ġermanja, huwa probabbli li l-ħlas tad-depożitu ma kienx jikkostitwixxi inċentiv sabiex il-konsumaturi jirritornaw il-laned tax-xorb fis-sistema ta’ riċiklaġġ Ġermaniż ( 13 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx irraġonevoli li l-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera ma jiġbrux depożitu minn tali konsumaturi ( 14 ). Id-Direttiva 94/62 lanqas ma kienet timponi fuq Stat Membru l-obbligu li jiżgura l-ġbir tad-depożiti fuq ix-xorb mibjugħ f’imballaġġi li jintużaw darba sabiex jiġu kkonsmati barra mit-territorju tiegħu ( 15 ). Skont il-Kummissjoni, l-approċċ tal-awtoritajiet reġjonali fir-rigward tan-nuqqas ta’ ġbir tad-depożitu kien kompromess xieraq bejn l-għanijiet tad-Direttiva 94/62, jiġifieri l-protezzjoni ambjentali u l-moviment liberu tal-merkanzija ( 16 ).

9.

Għalkemm l-awtoritajiet federali kienu kkontestaw l-interpretazzjoni tal-liġi adottata mill-awtoritajiet reġjonali, tali ġurisprudenza, kif kienet teżisti, tidher li tikkonferma l-approċċ adottat minn dawn tal-aħħar ( 17 ). Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-awtoritajiet reġjonali kienu affaċjati, fl-eżerċizzju normali tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tagħhom, b’dubji serji u raġonevoli dwar il-portata u s-sens tal-obbligu legali tal-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera li jiġbru depożitu. In-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi f’dan il-każ ma kienx jimplika vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat ( 18 ). Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ikkonkludiet li l-ebda waħda mit-tliet miżuri li hija kienet identifikat u analizzat ma kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

B.   Fuq is‑sentenza appellata

10.

Fit‑23 ta’ Jannar 2019, Dansk Erhverv ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. IGG intervjeniet insostenn tal-Kummissjoni. Dansk Erhverv sostniet li l-Kummissjoni, billi ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE minkejja l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-eżami tal-miżuri, kienet kisret id-drittijiet proċedurali tagħha bħala parti interessata ( 19 ). L-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ Dansk Erhverv sostniet li l-Kummissjoni kienet naqset milli teżamina l-kompatibbiltà tan-nuqqas ta’ ġbir tad-depożitu mal-Artikolu 4(3) TUE, id-Direttiva 94/62, il-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” u ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż. It-tieni parti ta’ dan il-motiv uniku allegat nuqqasijiet fl-eżami mill-Kummissjoni tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ VAT fuq il-valur tad-depożitu. It-tielet parti allegat li d-deċiżjoni kkontestata naqset milli teżamina, sal-istandard meħtieġ, in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet reġjonali ( 20 ).

11.

Fid-deċiżjoni tagħha fuq l-ewwel parti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm in-nuqqas ta’ konformità ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni minbarra dak dwar l-għajnuna mill-Istat jista’ jkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, dan ma jaffettwax l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE biss ( 21 ). L-istess raġunament japplika, a fortiori, għall-konformità ta’ miżura mad-dritt nazzjonali ( 22 ). Anki jekk jiġi pprovat li l-eżami mill-Kummissjoni tan-nuqqas ta’ ġbir tad-depożitu kien ivvizzjat bi żball, dan l-iżball ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti bħala ineffettiva ( 23 ).

12.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti dwar il-ksur ta’ dispożizzjonijiet differenti tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt Ġermaniż indirizzati fil-kuntest tat-tieni parti għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 24 ). In-nuqqas ta’ ġbir tal-VAT fuq il-valur tad-depożitu kienet il-konsegwenza indiretta iżda loġika tan-nuqqas ta’ ġbir tad-depożitu ( 25 ). Għaldaqstant, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat ma kinitx issodisfatta ( 26 ).

13.

Fir-rigward tat-tielet parti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-awtoritajiet reġjonali ma kinux imponew multi minħabba l-interpretazzjoni tagħhom tad-dritt Ġermaniż, li abbażi tagħha l-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera ma kinux obbligati jiġbru d-depożitu fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk is-sitwazzjoni hija differenti minn dik eżaminata mill-ġurisprudenza dwar il-multi bħala tip ta’ għajnuna mill-Istat, li tinvolvi awtorizzazzjonijiet għall-adozzjoni ta’ aġir li altrimenti kien ikun is-suġġett ta’ multi ( 27 ) u eżenzjonijiet mill-ħlas ta’ multi fil-każ tal-adozzjoni ta’ tali aġir ( 28 ). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq kriterju legali ġdid, li jgħid li diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali setgħu, bħala prinċipju, isostnu konstatazzjoni li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jimponu multi, li huwa strument ta’ ordni pubbliku, għandu jinżamm, b’mod partikolari meta dawn l-awtoritajiet jaffaċċjaw diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli ( 29 ).

14.

Il-Qorti Ġenerali mbagħad ikkwalifikat dan il-kriterju billi ddeċidiet li tali diffikultajiet jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi għal perijodu limitat u raġonevoli, li matulu għandha ssir il-kjarifika gradwali tal-portata u t-tifsira tal-leġiżlazzjoni applikabbli ( 30 ). Meta l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li tiġi trasposta direttiva, bħal fil-kawża ineżami, nuqqas ta’ ċarezza fl-interpretazzjoni tagħha inqas jista’ jiġġustifika l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ għajnuna mill-Istat ( 31 ). Id-deċiżjoni kkontestata ma identifikat l-ebda ċirkustanza partikolari li tiġġustifika l-istat ta’ inċertezza legali li kien jeżisti bejn l‑2005, meta bdiet il-prattika li ma jiġux imposti multi, u l‑2018, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata ( 32 ). L-awtoritajiet federali ma kinux użaw il-proċedura sabiex jiċċaraw il-liġi b’riferiment għall-Bundesrat (is-Senat Federali, il-Ġermanja) ( 33 ). Is-sentenzi tal-qrati nazzjonali li jsostnu l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali kienu ngħataw fil-kuntest ta’ talbiet għal miżuri provviżorji ( 34 ). Il-qrati nazzjonali setgħu jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri li jqajmu kwistjonijiet dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi ( 35 ).

15.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi peress li ma kinitx eżaminat jekk id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni invokati mill-awtoritajiet nazzjonali kinux temporanji u inerenti għall-kjarifika gradwali tal-liġi ( 36 ). Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tkun ibbażata fuq kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli peress li l-awtoritajiet reġjonali ma kinux invokaw tali diffikultajiet sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi, iżda sostnew li l-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera ma kinux legalment obbligati li jiġbru d-depożitu ( 37 ).

16.

Il-Qorti Ġenerali għalhekk laqgħet it-tielet parti tal-motiv uniku ta’ Dansk Erhverv minħabba li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji meta evalwat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet reġjonali ( 38 ). Peress li n-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-VAT fuq l-ammont tad-depożitu kien inerenti għan-nuqqas ta’ ġbir tiegħu, li hija stess ma tistax tiġi sseparata min-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-multi, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi ( 39 ).

C.   L‑appelli

17.

Fit‑18 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni u IGG appellaw mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi C‑508/21 P u C‑509/21 P, rispettivament. IGG issa interveniet insostenn tal-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑508/21 P. Dansk Erhverv tidher bħala konvenuta fl-appelli u titlob li dawn jiġu miċħuda t-tnejn. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaqqdet il-Kawżi C‑508/21 P u C‑509/21 P għall-finijiet tas-seduta u tas-sentenza. Waqt is-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2022 instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali.

III. Evalwazzjoni

18.

Ser neżamina l-aggravji fl-ordni segwenti: l-ewwel, il-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti u kontradittorja tas-sentenza appellata; it-tieni, l-iżball ta’ liġi fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi; it-tielet, l-iżball ta’ liġi fil-konstatazzjoni li l-Kummissjoni affaċjat diffikultajiet serji waqt l-eżami tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet reġjonali.

A.   Motivazzjoni tas-sentenza appellata

1. Argumenti tal‑partijiet

19.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn IGG, issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja peress li tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi fuq il-bażi li l-Kummissjoni kienet affaċjata minn diffikultajiet serji meta evalwat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet reġjonali. Il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għalfejn hija qieset li t-tliet miżuri li kienu jifformaw id-deċiżjoni kkontestata kienu inseparabbli u, b’mod partikolari, kif l-iżbalji identifikati fir-rigward tat-tielet miżura kienu jaffettwaw il-validità tal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fir-rigward tal-ewwel u t-tieni miżura.

20.

Fis-sitt aggravju tagħha, IGG issostni li s-sentenza appellata tikkontradixxi lilha nnifisha peress li tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, minkejja li fl-istess ħin hija kkonkludiet li n-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-VAT fuq il-valur tad-depożitu ma kienx jimplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

21.

Dansk Erhverv titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravju dwar il-motivazzjoni tas-sentenza appellata peress li l-punt 238 tagħha jindika b’mod ċar għalfejn il-Qorti Ġenerali qieset li t-tliet miżuri eżaminati mid-deċiżjoni kkontestata huma inseparabbli.

2. Analiżi

22.

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-obbligu ta’ motivazzjoni għall-adozzjoni ta’ miżura huwa rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mil-legalità fil-mertu ta’ din il-motivazzjoni ( 40 ).

23.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tkun ċara u inekwivoka, sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafuha u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 41 ). Il-preżenza ta’ kontradizzjonijiet jew insuffiċjenzi fil-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell ( 42 ).

24.

Filwaqt li l-punt 237 tas-sentenza appellata laqa’ t-tielet parti tal-motiv uniku minħabba diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni waqt l-eżami tal-kwistjoni tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi, il-punt segwenti indirizza l-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata. Huwa għamel dan fit-termini segwenti: “[p]eress li l-assenza ta’perċezzjoni tal-VAT hija inerenti għall-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu, li hija stess ma tistax tiġi sseparata mill-assenza ta’ impożizzjoni ta’ multa fuq l-impriżi li ma jirċevux id-depożitu, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha kemm hi […]”.

25.

Il-punt 238 tas-sentenza appellata jissuġġerixxi għalhekk li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-tliet miżuri ma jistgħux jiġu sseparati, li għalhekk is-suċċess tat-tielet parti tal-motiv uniku wassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan il-punt ma jiddikjarax espliċitament in-natura inseparabbli tat-tliet miżuri identifikati mill-Kummissjoni, iżda li din il-konklużjoni tista’ tinsilet mill-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk ( 43 ). Din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi wkoll kundizzjoni preliminari għad-deċiżjoni ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

26.

Il-Kummissjoni, sostnuta minn IGG, issostni li s-sentenza ma tipprovdi l-ebda motivazzjoni fir-rigward tal-mod kif il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni.

27.

Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ din il-kritika, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li jikkostitwixxu d-deċiżjoni kkontestata kif deskritti fil-punti 5 sa 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Kemm mill-kontenut tagħha kif ukoll mill-istruttura tagħha jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni eżaminat u ddikjarat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dak li jirrigwarda tliet miżuri separati u distinti. Is-sentenza appellata ma tinkludi l-ebda spjegazzjoni dwar il-mod kif il-konstatazzjoni li waħda minn dawn it-tliet miżuri tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kellha xi effett fuq l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ miżuri, li kien jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kollha kemm hi. Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li n-natura u l-portata tal-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑508/21 P juru b’mod konvinċenti li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, b’differenza mill-parti tagħha li l-Qorti Ġenerali ddikjarat illegali, għandu konsegwenzi prattiċi fuq il-mod kif din l-istituzzjoni tista’ teżerċita s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

28.

Hemm żewġ manifestazzjonijiet oħra ta’ kontradizzjonijiet sinjifikattivi fl-approċċ tal-Qorti Ġenerali. L-ewwel, il-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata ċaħdu bħala ineffettiva l-ewwel parti tal-motiv uniku li allegat “l-eżami insuffiċjenti mill-Kummissjoni tal-miżura li tikkonsisti fl-assenza ta’ perċezzjoni tad-depożitu”. It-tieni, il-punti 89 sa 105 tas-sentenza appellata ddeċidew li “l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi […] li l-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat ma kinitx issodisfatta fir-rigward tal-assenza ta’ perċezzjoni tal-VAT marbuta mad-depożitu” u għalhekk ċaħdet it-tieni parti tal-ewwel parti tal-uniku motiv. Din is-sentenza ma tispjegax kif dawn il-konstatazzjonijiet jistgħu jiġu rrikonċiljati mal-annullament tal-ewwel u t-tieni miżura flimkien mat-tielet waħda. Fl-assenza ta’ spjegazzjoni ċara kuntrarja, dawn il-konstatazzjonijiet jidhru li jikkontradixxu l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 238 tas-sentenza tagħha.

29.

Għalhekk jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ kemm it-tieni aggravju tal-Kummissjoni, sostnut minn IGG, kif ukoll l-ewwel parti tas-sitt aggravju ta’ IGG, fis-sens li s-sentenza appellata tinkludi motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja, u tannullaha fuq din il-bażi.

B.   Żbalji ta’ liġi fl‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi

1. Argumenti tal‑partijiet

30.

L-ewwel u t-tielet aggravju tal-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, minkejja li qieset li kien biss il-motiv tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi li kien fondat. Il-Kummissjoni ssostni li t-tliet miżuri analizzati mid-deċiżjoni kkontestata huma separabbli. It-tliet miżuri jinvolvu l-applikazzjoni ta’ sistemi legali differenti u jinvolvu atturi differenti. Id-deċiżjoni kkontestata analizzat il-miżuri fi tliet taqsimiet separati bħala awtonomi u indipendenti minn xulxin. L-iżbalji rrilevati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tielet miżura ma jistgħux għalhekk jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-ewwel u t-tieni miżura huma validi. L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk ikun limitat għall-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kienet affaċċjata b’diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi. It-tieni parti tas-sitt aggravju ta’ IGG issostni wkoll li, billi annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, is-sentenza appellata naqset milli tapplika l-kunċett ta’ separabbiltà.

31.

Dansk Erhverv titlob iċ-ċaħda ta’ dawn l-aggravji għal tliet raġunijiet. L-ewwel, in-natura separabbli tad-deċiżjoni kkontestata tiddependi mill-preżenza ta’ rabtiet indissoċjabbli bejn it-tliet miżuri li hija kkunsidrat, u mhux mill-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata. Il-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata turi li l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ tipprovdi rabta komuni bejn dawn il-miżuri. It-tliet miżuri ma kinux jinvolvu l-applikazzjoni ta’ sistemi legali differenti u lanqas ma involvew atturi differenti. Huma biss l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi li jistgħu jeżegwixxu l-obbligu ta’ ġbir tad-depożitu, tal-impożizzjoni tal-VAT u li jimponu fuqha multi f’każ ta’ ksur ta’ dawn l-obbligi. It-tieni, in-natura separabbli tad-deċiżjoni kkontestata ma teħtieġx li jiġi kkonstatat li kull wieħed mill-elementi ta’ allegata miżura ta’ għajnuna ikun jinkludi għajnuna mill-Istat meta jiġu analizzati indipendentement wieħed mill-ieħor. It-tielet, mill-punti 96 u 132 tas-sentenza appellata jirriżulta li n-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-VAT fuq il-valur tad-depożitu u n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi huma konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ġbir tad-depożitu.

2. Analiżi

32.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li motiv invokat insostenn tar-rikors għal annullament jiġi kkunsidrat bħala fondat, ma jippermettix l-annullament awtomatiku tal-miżura kkontestata kollha kemm hi, li ma huwiex possibbli meta motiv intiż kontra parti speċifika tal-miżura kkontestata, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali ( 44 ). Tali annullament parzjali huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Tali rekwiżit ma huwiex issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ miżura għandu l-effett li jibdel il-mertu ta’ din, li għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u mhux ta’ kriterju suġġettiv marbut ma’ rieda politika tal-awtorità li adottat l-att inkwistjoni ( 45 ).

33.

Il-punt 238 tas-sentenza appellata jimplika li t-tliet miżuri huma inseparabbli. Kif jindikaw il-punti 5 sa 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata analizzat it-tliet miżuri fi tliet taqsimiet separati u qieset li kull waħda minnhom ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għal raġunijiet differenti. Għalkemm l-eżistenza ta’ obbligu għal ħwienet li jinsabu fil-fruntiera li jiġbru d-depożitu hija rilevanti għall-analiżi tat-tliet miżuri fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma jsegwix li kull waħda minn dawn il-miżuri tissodisfa awtomatikament il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. ( 46 ) L-ewwel miżura kienet tinvolvi arranġamenti privati bejn impriżi privati li ma jinvolvux riżorsi tal-Istat, fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet. It-tieni hija l-konsegwenza legali tal-fatt li ma jinġabarx id-depożitu mingħand il-konsumaturi fuq ix-xiri ta’ laned tax-xorb li jistgħu jerġgħu jintużaw. It-tielet tinvolvi l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika f’dak li jikkonċerna l-impożizzjoni ta’ multi fuq persuni għal aġir li, fil-fehma tagħha, ma jikkostitwixxix ksur tal-liġi, f’ċirkustanzi fejn l-interpretazzjoni ta’ din il-liġi hija inċerta. Kuntrarjament għal dak li ssostni Dansk Erhverv, perspettiva oġġettiva tan-natura u tal-kontenut tat-tliet miżuri analizzati mid-deċiżjoni kkontestata twassal għall-konklużjoni li kull waħda minnhom għandha natura u konsegwenzi differenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata ma jbiddilx is-sustanza ta’ kull waħda mit-tliet deċiżjonijiet inklużi fiha.

34.

Il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi hija sostnuta minn żewġ osservazzjonijiet supplimentari dwar l-ewwel u t-tieni miżura. L-ewwel, kif issostni l-Kummissjoni, l-ebda waħda mit-tliet partijiet tal-motiv uniku ta’ Dansk Erhverv ma kienet diretta kontra l-konstatazzjoni li l-ewwel miżura ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, il-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata ċaħdu mingħajr ekwivoku t-tieni parti tal-motiv uniku ta’ Dansk Erhverv, bid-deċiżjoni li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li t-tieni miżura ma kinitx intiża sabiex tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi permezz tar-riżorsi tal-Istat billi rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Sloman Neptun ( 47 ). Ma huwiex ċar b’liema mod l-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali rrilevat fl-istħarriġ tagħha tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jistgħu jaffettwaw il-validità ta’ waħda jew l-oħra minn dawn il-konklużjonijiet.

35.

L-argument ta’ Dansk Erhverv li, għall-finijiet tal-eżami ta’ separabbiltà, ma huwiex neċessarju li kull miżura analizzata tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat meta tiġi kkunsidrata b’mod individwali, huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-ġurisprudenza ċċitata insostenn ta’ din it-teżi.

36.

F’Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi u ING Groep ( 48 ), il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika l-Kummissjoni bi pjan ta’ ristrutturazzjoni għal istituzzjoni ta’ kreditu li kien jikkonsisti fi tliet miżuri: injezzjoni ta’ kapital, miżura ta’ assi ddeprezzati u, wara, emenda tat-termini tal-ħlas lura tal-injezzjoni ta’ kapital. Il-Kummissjoni ddikjarat il-miżuri kompatibbli mas-suq intern suġġett għat-teħid ta’ ċerti impenji. Peress li kkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-emenda tat-termini tal-ħlas lura tal-injezzjoni ta’ kapital, li hija kienet qieset li hija “għajnuna addizzjonali”, il-Qorti Ġenerali annullat id-dispożittiv kollu kemm hu tad-deċiżjoni tagħha. Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li kien impossibbli li jiġi ddeterminat l-ammont eżatt tal-“għajnuna addizzjonali”, annullament parzjali tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata kien ibiddel is-sustanza tagħha ( 49 ). L-“għajnuna addizzjonali” kienet tifforma parti integrali mill-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-impenji li hija kienet talbet sabiex tqis l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern ( 50 ). Li kieku l-“għajnuna addizzjonali” ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, jew kieku għamlet dan f’ammont iżgħar, setgħu jkunu neċessarji inqas impenji sabiex il-miżuri l-oħra jitqiesu bħala kompatibbli. Din is-sitwazzjoni fattwali ma għandha l-ebda xebh mal-kawża ineżami, li fiha s-suċċess tat-tielet parti tal-motiv uniku ta’ Dansk Erhverv ikun jobbliga lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE biss fir-rigward tat-tielet miżura. Is-sentenza Trapeza Eurobank Ergasias ( 51 ) ma tipprovdi l-ebda sostenn għat-teżi ta’ Dansk Erhverv, peress li din is-sentenza ma kinitx tinvolvi l-annullament parzjali ta’ miżura.

37.

Fl-aħħar nett, Dansk Erhverv issostni li hemm rabta bejn it-tliet miżuri peress li l-n-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-VAT fuq il-valur tad-depożitu u n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi kienu inseparabbli min-nuqqas ta’ ġbir tad-depożitu. Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-argument għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

38.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ kemm l-ewwel u t-tielet aggravju tal-Kummissjoni kif ukoll it-tieni parti tas-sitt aggravju ta’ IGG. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata minħabba li, billi annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ separabbiltà.

C.   Żbalji ta’ liġi dwar l‑eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl‑eżami tan‑nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi

39.

Fl-appell tagħha fil-Kawża C‑509/21 P, IGG tinvoka ħames aggravji bbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni waqt l-eżami tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet reġjonali.

40.

Dawn il-ħames aggravji għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-obbligi li għandha l-Kummissjoni meta tirrikorri għall-proċedura ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE tapplika meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-proċedura tal-Artikolu 108(3) TFUE biss jekk hija tkun konvinta, wara eżami preliminari, li ma hemmx għajnuna jew li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Jekk dan l-eżami preliminari jwassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni opposta jew ma jippermettilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha fid-determinazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, hija għandha dmir sabiex tfittex l-opinjonijiet ta’ partijiet interessati u sabiex tibda l-proċedura tal-Artikolu 108(2) TFUE għal dan l-għan ( 52 ). Il-Kummissjoni hija obbligata twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-miżuri quddiemha ħalli meta tieħu d-deċiżjoni finali tagħha dwar l-eżistenza tal-għajnuna u/jew l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tagħha hija jkollha disponibbli l-iktar informazzjoni kompleta u affidabbli possibbli ( 53 ). Fid-determinazzjoni tal-eżistenza u l-legalità tal-għajnuna tal-Istat, il-Kummissjoni tista’ tkun obbligata tmur lil hinn minn eżami tal-fatti u punti ta’ liġi li jkunu nġiebu għall-attenzjoni tagħha: ma hijiex obbligata, ex officio u fl-assenza ta’ kwalunkwe evidenza f’dan is-sens, li tfittex l-informazzjoni kollha li hija konċepibbilment marbuta mal-kawża quddiemha ( 54 ).

41.

Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiddeterminaw jekk l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-informazzjoni u tal-evidenza li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha matul l-eżami preliminari kellhomx iqajmu dubji oġġettivi fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ miżura peress li hija l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet li tiskatta l-obbligu li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE ( 55 ). Billi l-kriterju ta’ diffikultajiet serji għandu natura oġġettiva, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha titfittex fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fit-tmiem tal-eżami preliminari, u fl-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan il-kuntest. ( 56 )

1. Żbalji ta’ liġi dwar in‑nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi f’każijiet fejn hemm diffikultajiet fl‑interpretazzjoni tad‑dritt

a) Argumenti tal‑partijiet

42.

Permezz tal-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, IGG issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kkontestata u wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tagħha tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq ħwienet li jinsabu fil-fruntiera mill-awtoritajiet reġjonali. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali injorat in-neċessità ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn vantaġġ u l-baġit tal-Istat. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ multi kienet impossibbli fiċ-ċirkustanzi. L-ewwel, l-awtoritajiet reġjonali kienu qiesu li ma kien jeżisti l-ebda obbligu legali fuq il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera sabiex jiġbru d-depożitu. It-tieni, kieku dan l-obbligu kien jeżisti, kwalunkwe sanzjonijiet għall-ksur tiegħu setgħu jiġu imposti biss jekk il-persuni involuti kienu għamlu dan intenzjonalment jew b’negliġenza, kif jammettu l-punti 140 sa 142 tas-sentenza appellata.

43.

Minkejja li l-Qorti Ġenerali aċċettat li, bħala prinċipju, kien xieraq li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq kriterju legali ġdid sabiex tistabbilixxi jekk ingħatax vantaġġ permezz ta’ riżorsi tal-Istat fejn ikun hemm diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt, hija wettqet żball meta ddeċidiet li dan il-kriterju ma kienx applikabbli minħabba l-fatt li l-awtoritajiet reġjonali ma kinux ibbażaw ruħhom fuq tali diffikultajiet. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet li tali diffikultajiet jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi għal perijodu limitat biss, li matulu l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għandha tiġi ċċarata. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ieħor peress li eżiġiet li l-Kummissjoni tivverifika b’mod eżawrjenti l-eżistenza ta’ obbligu li jinġabar id-depożitu bħala kwistjoni tad-dritt Ġermaniż, liema investigazzjoni tkun tikkostitwixxi interferenza fis-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-qrati nazzjonali.

44.

Dansk Erhverv issostni li l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju ta’ IGG għandhom jiġu miċħuda. Hija ssostni li, sa fejn IGG tikkontesta l-kontenut tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, l-aggravji tagħha huma inammissibbli. Din il-kwistjoni taqa’ lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sakemm IGG ma tistax turi li s-sentenza appellata żnaturat id-dritt Ġermaniż applikabbli.

45.

Skont Dansk Erhverv, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li kien probabbli li jiġu imposti multi meta impriża tkun irrifjutat b’mod persistenti li tiġbor id-depożitu. Hija ġustament ċaħdet ukoll il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq id-diffikultajiet raġonevoli tal-awtoritajiet nazzjonali fl-interpretazzjoni tad-dritt f’ċirkustanzi fejn huma ma kinux invokaw tali diffikultajiet. Fi kwalunkwe każ, dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jinvokaw diffikultajiet ta’ din in-natura b’mod indefinit. F’dan il-każ, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma għamlu xejn sabiex jiċċaraw il-liġi. Is-sentenza appellata ma imponietx oneru ta’ investigazzjoni eċċessivament għoli fuq il-Kummissjoni.

46.

Dansk Erhverv titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-motivi fil-punti 135 sa 138 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-introduzzjoni ta’ kriterju ġdid mill-Kummissjoni kienet hija stess evidenza li hija kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-eżami preliminari tagħha skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

b) Analiżi

47.

Hija ġurisprudenza stabbilita li eżenzjoni mill-obbligu li jitħallsu l-multi dovuti tista’ tikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat ( 57 ). Huwa aċċettat ukoll li, fl-ebda sistema ġuridika, il-persuni ma jistgħu jkunu esposti għar-riskju ta’ sanzjonijiet għal aġir awtorizzat bħala legali ( 58 ).

48.

Fl-appell ineżami, tqum il-mistoqsija dwar jekk il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera kellhomx obbligu legali li jiġbru d-depożitu u, jekk iva, jekk in-nuqqas ta’ ġbir tiegħu kellux iwassal għall-impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet li għandhom is-setgħat sabiex jagħmlu dan. Kieku l-eżistenza ta’ tali obbligu legali kienet stabbilita b’mod ċar, is-sentenza appellata ma setgħetx tkun ikkritikata talli waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet naqset milli tosserva l-obbligi tagħha skont il-proċedura tal-Artikolu 108(3) TFUE.

49.

Qabel kollox nosserva li fil-punt 172 tas-sentenza appellata ġie deċiż li, “fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 67), li d-Direttiva 94/62 ma kinitx tipprevedi eċċezzjoni li tiġġustifika l-assenza ta’ applikazzjoni tad-depożitu għall-kummerċ transkonfinali”. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kienet ikkonkludiet li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62 ma jobbligax lil Stat Membru jimponi l-ġbir ta’ depożitu mingħand ix-xerrejja bl-imnut ta’ laned li jintużaw darba bil-għan tal-konsum tax-xorb barra mit-territorju tiegħu, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta ( 59 ).

50.

Jiena naqbel mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62 fid-deċiżjoni kkontestata. Dan l-artikolu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi ta’ ritorn u/jew ta’ ġbir tal-imballaġġi użati u/jew tal-iskart tal-imballaġġ li joriġina mill-konsumatur. Dawn is-sistemi għandhom japplikaw għall-prodotti importati taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji sabiex jiġu evitati ostakoli għall-kummerċ jew distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Bi tweġiba għal mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni qieset li, meta l-konsumaturi li jirrisjedu fi Stat Membru jixtru laned tax-xorb fi Stat Membru ieħor sabiex jikkonsmaw il-kontenut fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, il-laned vojta jsiru skart f’dan l-aħħar Stat Membru ( 60 ). Permezz ta’ dan, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62 jirrikonċilja r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent ma’ dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija.

51.

Skont din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62, l-awtoritajiet nazzjonali ma humiex obbligati jitolbu l-ġbir ta’ depożitu f’ċirkustanzi bħal dawk li wasslu għal dan l-appell. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li sistema ta’ depożitu tista’ tilħaq l-għanijiet tad-Direttiva 94/62 biss meta l-konsumaturi li jkunu ħallsu depożitu jistgħu faċilment jirkuprawh mingħajr ma jkollhom jirritornaw fil-post ta’ xiri inizjali ( 61 ). Minn din il-perspettiva, il-bejgħ ta’ xorb fil-laned fi ħwienet li jinsabu fil-fruntiera lil konsumaturi li jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni huwa analogu għall-bejgħ ta’ merkanzija lil operaturi ekonomiċi għall-esportazzjoni li fir-rigward tiegħu l-bejjiegħ ma huwiex obbligat jiġbor depożitu.

52.

Il-premessi 50 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata josservaw li l-awtoritajiet reġjonali ma eżentawx lill-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera mill-impożizzjoni ta’ multi, peress li huma kienu tal-fehma li huma ma kinux obbligati jiġbru d-depożitu b’riferiment għad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ u li għalhekk huma ma kienu wettqu l-ebda ksur. L-għan tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ, li jikkonsisti fil-promozzjoni tal-ġbir effikaċi tal-iskart tal-imballaġġ fil-Ġermanja, ma jeħtieġx il-ġbir ta’ depożitu fuq il-laned li jintużaw darba mixtrija għall-konsum barra mill-Ġermanja. Kif osservat fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera kienu jinsabu f’ċirkustanzi analogi għal dawk tal-esportaturi tax-xorb tal-laned, li ma kinux obbligati jiġbru depożitu.

53.

Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata qieset li l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali tar-regoli applikabbli kienet raġonevoli kemm fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt Ġermaniż għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awtoritajiet federali kienu kkontestaw din l-interpretazzjoni. Huwa f’dan il-kuntest li d-deċiżjoni kkontestata qieset jekk it-tielet miżura kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali tirriżulta li kienet skorretta. Il-premessi 56 sa 60 tad-deċiżjoni kkontestata jenfasizzaw l-eżistenza ta’ żewġ opinjonijiet legali kontradittorji dwar l-obbligu li jinġabru d-depożiti. Skont il-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ġurisprudenza eżistenti ssostni l-pożizzjoni tal-awtoritajiet reġjonali. Il-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata osservat li l-awtoritajiet federali ma għamlux użu minn proċedura li permezz tagħha l-Bundesrat (is-Senat Federali) jista’ jiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’tilwimiet bejn l-awtoritajiet federali u reġjonali.

54.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-premessi 69 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonkludu li anki fil-każ li l-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera kienu marbuta li jiġbru d-depożitu fid-dawl tad-dritt Ġermaniż, in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi ma kienx jikkostitwixxi vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat għal erba’ raġunijiet. L-ewwel, l-eżistenza ta’ dubji serji u raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ. It-tieni, l-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni permezz ta’ proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali jew proċeduri oħra għal dan l-għan. It-tielet, il-fatt li l-awtoritajiet reġjonali kienu applikaw l-interpretazzjoni tagħhom għall-operaturi kollha li jinsabu f’ċirkustanzi simili. Ir-raba’, il-fatt li l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ ma kinitx tmur kontra d-Direttiva 94/62.

55.

Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-sentenza appellata kklassifikatx korrettament l-aġir tal-awtoritajiet reġjonali bħala l-għoti ta’ “deroga” mingħajr bażi legali speċifika ( 62 ) u jekk din l-interpretazzjoni kinitx żbaljata ( 63 ), kif issostni IGG, il-punti 135 sa 138 ta’ din is-sentenza jirrikonoxxu li d-dritt nazzjonali applikabbli kien, l-iktar l-iktar, inċert. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonċediet li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat.

56.

Il-punti 140 u 141 tas-sentenza appellata fakkru li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt li fuqu huma bbażati t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li jeżiġi definizzjoni ċara tal-ksur u tal-pieni li jattiraw. Il-punt 147 tas-sentenza appellata ddeċieda li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’AC-Treuhand ( 64 ), dan il-prinċipju ma jipprekludix il-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja minn kawża għal oħra, bil-kundizzjoni li l-interpretazzjoni mogħtija tkun raġonevolment prevedibbli fil-mument meta twettaq il-ksur. Fil-punti 146 u 148 tas-sentenza appellata, madankollu, il-Qorti Ġenerali żiedet li tali diffikultajiet jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi kkonfermata deċiżjoni li ma teżistix għajnuna mill-Istat sakemm ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: li d-diffikultajiet fl-interpretazzjoni huma ta’ natura temporanja, u li huma parti minn proċess li jwassal għall-kjarifika gradwali tal-liġi. Is-sentenza appellata kkonkludiet fil-punti 149 sa 156 li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx issodisfat dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

57.

Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 146 sa 156 tas-sentenza appellata jagħmlu applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ( 65 ). Nullum crimen, nulla poena sine lege hija korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeżiġi, inter alia, li kull leġiżlazzjoni, b’mod partikolari meta din tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, għandha tkun ċara u preċiża sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u konsegwentement ikunu jistgħu jieħdu l-provvedimenti tagħhom ( 66 ). Fis-sentenza tagħha AC-Treuhand ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jipprekludix il-kjarifika gradwali tagħhom permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jibbaża ruħu fuq perċezzjoni ta’ assenza ta’ ċarezza tar-regoli meta s-sens tagħhom ikun ġie ċċarat minn kontenzjuż sussegwenti. Madankollu, minn dan ma huwiex possibbli li jiġi dedott, kif għamlet is-sentenza appellata, li tali proċess ta’ kjarifika gradwali għandu dejjem jeżisti. Sakemm it-tifsira tar-regoli ma tkunx ġiet iċċarata bl-użu ta’ mekkaniżmi xierqa għal dan l-għan, il-persuni suġġetti għall-applikazzjoni tagħhom jistgħu jopponu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba din l-inċertezza. Deċiżjoni differenti tikser il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

58.

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali ma ssostnix l-argument li kwalunkwe diffikultajiet ta’ interpretazzjoni għandhom ikunu temporanji u li l-persuni kkonċernati jistgħu jinvokaw biss sitwazzjoni ta’ inċertezza legali matul perijodu limitat. Il-punt 149 tas-sentenza appellata jirreferi għal sitwazzjoni ta’ inċertezza legali bejn l‑2005 u l‑2018. Fil-fehma tiegħi, l-implikazzjoni li ċertu aġir kien legali (billi ma ġewx imposti multi fil-konfront tiegħu) u l-inċertezza dwar il-legalità tiegħu matul perijodu daqshekk twil issaħħaħ, pjuttost milli ddgħajjef, il-ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.

59.

Kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-punti 151 u 152 tas-sentenza appellata, ir-riluttanza tal-awtoritajiet federali li jitolbu l-opinjoni tal-Bundesrat (is-Senat Federali) sabiex jiċċaraw id-dritt applikabbli ma tistax tipprekludi lill-persuni kkonċernati milli jinvokaw kwalunkwe inċertezza legali sabiex jopponu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuqhom. Peress li dawn il-persuni ma jistgħux jaċċedu għal din il-proċedura, huma ma għandhomx isofru konsegwenzi negattivi mir-riluttanza tal-awtoritajiet li jinvokawha.

60.

Il-motivazzjoni mogħtija fil-punti 144 u 145 tas-sentenza appellata ma ssostnix il-konstatazzjonijiet li hemm fihom. Għalkemm huwa aċċettat li wieħed ma jistax jinvoka nuqqas ta’ ċarezza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sabiex tiġi trasposta direttiva, id-Direttiva 94/62 ma tobbligax lill-Istati Membri jimponu fuq il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera l-ġbir ta’ depożitu, kif jispjegaw il-punti 49 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

61.

Kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-punti 160 sa 163 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma kinitx ipprojbita milli tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ diffikultajiet raġonevoli fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Huwa irrilevanti jekk l-awtoritajiet reġjonali ma imponewx multi peress li bbażaw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet jew peress li huma qiesu li ma kienx hemm ksur tal-liġi. Anki kieku rriżulta sussegwentement li d-dritt Ġermaniż kien jeżiġi l-ġbir ta’ depożitu, id-diffikultajiet raġonevoli li ltaqgħu magħhom l-awtoritajiet reġjonali sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dan l-obbligu jipprovdu l-ġustifikazzjoni oġġettiva għan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera. Kif sostniet IGG, il-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tas-sentenza appellata huma wkoll ivvizzjati bi żball ta’ liġi.

62.

Barra minn hekk, nirrileva li, skont il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali stabbiliti fl-Artikolu 4(3) TUE u l-attribuzzjoni tal-kompetenzi u l-bilanċ istituzzjonali fl-Artikolu 13(2) TUE, huma qabelxejn l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri li għandhom jiċċaraw is-sens tad-drittijiet nazzjonali rispettivi tagħhom permezz tal-proċeduri ġudizzjarji li huma jipprevedu. Għalkemm il-Kummissjoni tista’ tkun obbligata tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest, inter alia, tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, u tiddefendi din l-interpretazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 68 ), hija ma hijiex legalment obbligata twettaq dan l-eżerċizzju fil-każijiet kollha fejn hija tapplika l-proċedura tal-Artikolu 108(3) TFUE. Għall-istess raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-talba ta’ Dansk Erhverv intiża sabiex tikseb sostituzzjoni tal-punti 135 sa 138 tas-sentenza appellata.

63.

Fid-dawl kemm tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kien fiha eżami insuffiċjenti u inkomplet tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi fuq il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera.

64.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara fondati l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji ta’ IGG u tannulla s-sentenza appellata fuq din il-bażi.

65.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ din il-proposta, ma jkunx neċessarju li hija teżamina r-raba’ u l-ħames aggravju ta’ IGG. Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li ma ssegwix l-opinjoni tiegħi f’dan ir-rigward, ser neżamina dawn iż-żewġ aggravji.

2. Żbalji ta’ liġi dwar kunsiderazzjonijiet addizzjonali insostenn tal‑eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il‑Kummissjoni

a) Argumenti tal‑partijiet

66.

Ir-raba’ aggravju ta’ IGG isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tagħha tal-argumenti addizzjonali ta’ Dansk Erhverv favur il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat li jirriżulta min-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi.

67.

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata meta ddeċidiet li l-awtoritajiet reġjonali kienu eżentaw lill-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera minn multi mingħajr bażi legali. Id-deċiżjoni kkontestata pjuttost ikkonstatat li l-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera ma kinux obbligati jiġbru d-depożitu u li għalhekk ma kien hemm l-ebda raġuni għall-awtoritajiet reġjonali li jimponu multi.

68.

It-tieni, is-sentenza appellata żnaturat id-deċiżjoni kkontestata u applikat ħażin il-kunċett ta’ diffikultajiet serji, peress li l-Kummissjoni spjegat b’mod adegwat għaliex id-diverġenza fl-interpretazzjoni bejn l-awtoritajiet federali u dawk reġjonali ma għandhiex twassal għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

69.

It-tielet, is-sentenza appellata ddeċidiet li ma kienx ġie stabbilit li d-deroga mill-obbligu li jinġabar id-depożitu kienet ġiet applikata b’mod konsistenti fiż-żoni tal-fruntiera Ġermaniża kollha. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kkontestata u applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ diffikultajiet serji peress li l-ħwienet fil-fruntiera inkwistjoni jinsabu fi Schleswig-Holstein u Mecklenburg-Vorpommern.

70.

Ir-raba’, is-sentenza appellata żnaturat il-provi billi bbażat ruħha b’mod selettiv fuq it-test ta’ abbozz ta’ proposta ta’ emenda tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ tal‑2004, li kien jinkludi l-indikazzjoni li huwa kien intiż li jippromwovi l-għanijiet tad-Direttiva 94/62 u li jimponi fuq il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera l-obbligu li jipparteċipaw fis-sistemi ta’ depożitu tal-Istati Membri l-oħra.

71.

Il-ħames, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ diffikultajiet serji meta eżiġiet li l-Kummissjoni teżamina b’mod eżawrjenti l-kuntest ġuridiku nazzjonali tal-obbligu li jinġabar ta’ depożitu.

72.

Is-sitt, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kkontestata billi ċaħdet l-analoġija mwettqa għall-finijiet tal-ġbir tad-depożitu bejn il-prodotti għall-esportazzjoni u x-xorb f’imballaġġ li jintuża darba mixtri għall-konsum barra mill-pajjiż.

73.

Dansk Erhverv titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ aggravju.

b) Analiżi

74.

Il-punti 47 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma fl-ewwel, fit-tieni, fil-ħames u fis-sitt parti ta’ dan l-aggravju. Għalhekk ser nillimita l-eżami tiegħi għaż-żewġ elementi rimanenti ta’ dan l-aggravju.

75.

IGG issostni li l-punti 178 sa 182 tas-sentenza appellata żnaturaw id-deċiżjoni kontenzjuża billi kkunsidraw li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż kienet ġiet applikata b’mod konsistenti fiż-żoni tal-fruntiera kkonċernati.

76.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi. Peress li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 69 ). Allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, għandha, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati u l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu għal dan l-iżnaturament. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 70 ).

77.

Kif tirrileva IGG, il-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata tosserva li l-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera jeżistu fiż-żewġ Länder inkwistjoni minħabba d-differenza fil-prezzijiet tal-birra u ta’ xorb ieħor bejn il-Ġermanja, id-Danimarka u l-Isvezja. Is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni kkonfermaw dan il-fatt, kif jirriżulta mill-punt 179 tas-sentenza appellata. Xejn ma jindika li xi ħwienet simili li jinsabu fil-fruntiera kienu joperaw f’Länder oħra. Il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 178 sa 182 tas-sentenza appellata huma bbażati għalhekk fuq żnaturament kemm tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali.

78.

IGG issostni wkoll li l-punti 183 sa 190 tas-sentenza appellata żnaturaw il-provi billi bbażaw ruħhom b’mod selettiv fuq it-test ta’ abbozz ta’ proposta ppreżentat miż-żewġ Länder bl-għan li jiġi emendat id-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ fl‑2004.

79.

It-test ta’ dan l-abbozz ta’ proposta jindika li din kienet iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, ta’ impjieg u ta’ protezzjoni ambjentali u li din tinkludi obbligu għall-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera li jipparteċipaw fis-sistemi ta’ depożitu fi Stati Membri oħra. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti quddiemha billi injorat il-fatt li l-proposta kienet intiża sabiex issaħħaħ il-protezzjoni ambjentali billi obbligat il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera jipparteċipaw fis-sistemi ta’ depożitu operati fi Stati Membri oħra.

80.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-raba’ aggravju ta’ IGG fondat.

3. Żbalji ta’ liġi dwar kunsiderazzjonijiet addizzjonali li jsostnu l‑assenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il‑Kummissjoni

a) Argumenti tal‑partijiet

81.

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, IGG issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet żewġ argumenti li hija kienet ressqet sabiex issostni l-assenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta l-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tagħha.

82.

L-ewwel, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-awtoritajiet kompetenti “jistgħu” jimponu multi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jinġabar id-depożitu. Minn dan isegwi li dawn l-awtoritajiet għandhom setgħa, u mhux obbligu, li jimponu multi. B’hekk, is-sentenza appellata żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u l-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali.

83.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet l-argument ta’ IGG, ibbażat fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Radlberger ( 71 ), fis-sens li l-ġbir tad-depożitu kien jikkostitwixxi taxxa fuq l-esportazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE. F’din is-sentenza, li kienet tikkonċerna t-tranżizzjoni minn sistema ta’ ġbir għal sistema mandatorja ta’ depożitu u ta’ ritorn għar-riċiklaġġ tal-imballaġġi li jintużaw darba fil-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru għandu jiżgura li jkun hemm numru suffiċjenti ta’ postijiet ta’ ritorn sabiex il-konsumaturi li jkunu ħallsu depożitu jkunu jistgħu jieħduh lura mingħajr ma jkollhom jirritornaw fil-post minn fejn inxtrat il-landa ( 72 ).

84.

Dansk Erhverv titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames aggravju.

b) Analiżi

85.

Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, IGG issostni li l-awtoritajiet reġjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, indipendentement miċ-ċarezza jew le tar-regoli li għandhom jiġu applikati.

86.

Skont il-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 4 tas-sentenza appellata, skont l-Artikolu 15(1)(14) tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ, in-nuqqas ta’ ġbir tad-depożitu bi ksur tal-Artikolu 9(1) jikkostitwixxi ksur amministrattiv. L-Artikolu 69(3) tal-Gesetz zur Neuordnung des Kreislaufwirtschafts- und Abfallrechts (l-Att li jirriformula l-Liġi dwar iċ-Ċiklu tal-Ħajja u l-Ġestjoni tal-Iskart), tal‑24 ta’ Frar 2012 ( 73 ), jipprevedi li dan it-tip ta’ ksur huwa punibbli b’multa li tista’ tammonta għal EUR 100000.

87.

Għalkemm il-punt 136 tas-sentenza appellata jirrikonoxxi li l-Istati Membri, bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedu li jimponu multi, b’mod partikolari meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli, il-punt 223 tagħha jiddikjara ġustament li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq dan l-argument. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tal-ħames aggravju ta’ IGG.

88.

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, is-sentenza Radlberger ( 74 ) ma ssostnix il-fehma li l-ġbir tad-depożitu fiċ-ċirkustanzi inkunsiderazzjoni jikser l-Artikolu 34 TFUE, kif issostni IGG. Dan ma japplikax għall-piżijiet pekunjarji peress li ma japplikax għall-ostakoli għall-kummerċ indirizzati minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat. L-Artikolu 28, 30 u 110 TFUE jindirizzaw ostakoli ta’ natura pekunjarja jew li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali u għalhekk ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE ( 75 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, kull piż pekunjarju, impost b’mod unilaterali, jissejjaħ kif jissejjaħ u jkun xi jkun il-mod kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li din taqsam il-fruntiera, meta dan ma huwiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa b’effetti ekwivalenti fis-sens tal-Artikoli 28 TFUE u 30 TFUE ( 76 ). IGG ma bbażatx l-argument b’riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-ħames aggravju ta’ IGG.

89.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames aggravju ta’ IGG kollu kemm hu.

IV. Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

90.

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 47 sa 64 u 75 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors fis-sentenza appellata intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

V. Fuq l‑ispejjeż

92.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

93.

L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprevedi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

94.

Peress li l-Kummissjoni u IGG rebħu fil-kuntest tal-appelli tagħhom, nipproponi li Dansk Erhverv tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-appellanti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

VI. Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Dansk Erhverv vs Il‑Kummissjoni (T‑47/19, EU:T:2021:331).

(2)

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Dansk Erhverv quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T‑47/19.

(3)

Dansk Erhverv għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG) fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u ta’ dawn l-appelli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.

( 2 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Dansk Erhverv vs Il‑Kummissjoni (T‑47/19, EU:T:2021:331, (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 3 ) Il-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li Dansk Erhverv ma kinitx sostniet li n-nuqqas ta’ perċezzjoni tad-depożitu kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

( 4 ) BGBl. 1998 I, p. 2379.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349.

( 6 ) Premessi 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-Artikolu 9(1) tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ, “Id-distributuri li jikkummerċjalizzaw xarbiet f’ippakkjar ta’ xarbiet li jintużaw darba b’kapaċità ta’ 0.1 litru sa 3 litri huma marbuta li jiffatturaw lill-klijenti tagħhom depożitu ta’ mill-inqas [EUR 0.25] għal kull ippakkjar, inkluża [VAT]. L-ewwel sentenza ta’ hawn fuq ma tapplikax għall-ippakkjar mibjugħa lill-konsumaturi finali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan id-Digriet. Id-depożitu huwa ffatturat minn kull distributur tal-output, fl-istadji kollha tal-katina kummerċjali, sal-bejgħ tal-ippakkjar lill-konsumatur finali. Id-distributuri jindikaw fuq l-ippakkjar ta’ xarbiet mibjugħa f’ippakkjar ta’ xarbiet li jintużaw darba suġġetti għall-obbligu ta’ depożitu skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, qabel il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, b’mod kjarament viżibbli u leġġibbli, li huma suġġetti għad-depożitu, u jieħdu sehem f’sistema ta’ depożitu implimentata fuq livell federali li tippermetti lill-parteċipanti jħallsu bejniethom l-applikazzjonijiet għal rimbors tal-ammont tad-depożitu. Dan jitħallas lura waqt l-irkupru tal-ippakkjar. Huwa ma jistax jiġi rrimborsat fin-nuqqas tal-irkupru tal-ippakkjar. […]”

( 7 ) Premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 8 ) Premessi 40 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 9 ) Premessi 45 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 10 ) Premessi 48 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 11 ) Premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 12 ) Premessi 51 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 13 ) Premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-premessa 59 tagħha tosserva li l-konsumaturi jkollhom jivvjaġġaw sa 500 kilometri jekk ikunu jixtiequ jirritornaw il-laned.

( 14 ) Premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 15 ) Premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 16 ) Premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 17 ) L-awtoritajiet federali lanqas ma kienu ressqu l-kwistjoni quddiem il-Bundesrat (is-Senat Federali, il-Ġermanja) għal soluzzjoni: premessi 61 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 18 ) Premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 19 ) Punt 45 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Punt 46 tas-sentenza appellata.

( 21 ) Punti 59 sa 65 tas-sentenza appellata.

( 22 ) Punti 68 u 69 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Punti 74 u 75 tas-sentenza appellata.

( 24 ) Punt 88 tas-sentenza appellata.

( 25 ) Punt 96 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Punti 89 sa 97 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ibbażat ruħha fuq is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 21).

( 27 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9).

( 28 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579) u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑279/08 P, EU:C:2011:551).

( 29 ) Punti 130 sa 136 tas-sentenza appellata.

( 30 ) Punt 143 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Punt 144 tas-sentenza appellata.

( 32 ) Punt 149 tas-sentenza appellata.

( 33 ) Punti 150 sa 152 tas-sentenza appellata.

( 34 ) Punti 153 sa 154 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Punt 155 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Punt 157 tas-sentenza appellata.

( 37 ) Punti 160 sa 163 tas-sentenza appellata.

( 38 ) Punt 237 tas-sentenza appellata.

( 39 ) Punt 238 tas-sentenza appellata.

( 40 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et (C‑167/19 P u C‑171/19 P, EU:C:2022:176, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ibid., punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 43 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑29/99, EU:C:2002:734, punt 45).

( 44 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punt 104) u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 37).

( 45 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punti 105 u 106) u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38).

( 46 ) L-ewwel, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju. It-tielet, dan għandu jiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produtturi ta’ ċerti prodotti meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli (selettività). Ir-raba’, l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-ħames, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 74 u 75 u tat‑3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 40).

( 47 ) Sentenza tas‑17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73-/91, EU:C:1993:97). Jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ġustament approvat l-invokazzjoni mill-Kummissjoni ta’ din is-sentenza. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Dansk Erhverv sabiex tissostitwixxi l-motivi fil-punti 96 sa 105 tas-sentenza appellata.

( 48 ) Sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑224/12 P, EU:C:2014:213).

( 49 ) Ibid., punt 58.

( 50 ) Ibid., punt 62.

( 51 ) Sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235).

( 52 ) Sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Irish Wind Farmers’ Association et vs Il‑Kummissjoni (C‑578/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:898, punti 53 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Ibid., punt 57.

( 54 ) Ibid., punt 58.

( 55 ) Ibid., punt 55.

( 56 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 79).

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punti 42 u 43); tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punti 41 u 42) u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 106).

( 58 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 36).

( 59 ) Ara l-premessi 54, 63 sa 68 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 tad-deċiżjoni kkontestata. Ara wkoll il-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Fir-rigward tal-kunċett ta’ “skart”, ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627) u tas‑17 ta’ Novembru 2022, Porr Bau (C‑238/21, EU:C:2022:885).

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 46).

( 62 ) Ara l-punti 133, 134, 173 u 181 tas-sentenza appellata. Nosserva li l-fatt li, f’ċerti ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti jinterpretaw id-dritt u jikkonkludu li ma jirriżulta l-ebda obbligu minnu ma huwiex ekwivalenti għal deroga, iżda pjuttost jagħmel parti mill-proċess ordinarju tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt.

( 63 ) Kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punti 170 u 171 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma qisitx li l-Artikolu 9(1) tad-Digriet dwar l-Iskart tal-Imballaġġ jimponi fuq il-ħwienet li jinsabu fil-fruntiera l-obbligu li jiġbru depożitu: ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punti 39 sa 41).

( 65 ) Ara, b’analoġija, l-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-reati kriminali.

( 66 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑279/02, EU:T:2006:103, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑266/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:295, punti 38 u 39).

( 67 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 40).

( 68 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), li fiha l-Kummissjoni sostniet b’suċċess li riforma proposta tad-dritt tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ Ġibiltà kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

( 69 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 70 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 71 ) Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799).

( 72 ) Ibid., punt 46.

( 73 ) BGBI. 2012 I, p. 212.

( 74 ) Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft and S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799).

( 75 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2003, De Danske Bilimportører (C‑383/01, EU:C:2003:352, punti 32 u 33).

( 76 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Viamar (C‑402/14, EU:C:2015:830, punt 44). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat taxxa ta’ reġistrazzjoni li l-Greċja kienet tiġbor minn importatur ta’ vetturi mmanifatturati fi Stat Membru ieħor. Il-vetturi la kienu mibjugħa u lanqas irreġistrati fil-Greċja, iżda kienu jiġu esportati mill-ġdid lejn Stat Membru ieħor, fejn ġew imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni u nbiegħu. L-awtoritajiet Griegi rrifjutaw li jirrimborsaw it-taxxa ta’ reġistrazzjoni mħallsa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-taxxa kienet tinġabar minħabba s-sempliċi fatt li jkun sar qsim tal-fruntiera ta’ Stat Membru u għaldaqstant tkun tikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti pprojbita mill-Artikolu 30 TFUE (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Viamar,C-402/14, EU:C:2015:830, punt 45).