|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/5549 |
27.10.2026 |
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Kontroll, l-Attivazzjoni u l-Kollokament f'Impjieg
(C/2026/5549)
Waqt in-negozjati dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, għadd ta' Stati Membri enfasizzaw l-importanza tal-miżuri ta' kontroll, attivazzjoni jew kollokament f'impjieg għall-persuni qiegħda li jmorru fi Stat Membri ieħor għajr dak kompetenti biex ifittxu impjieg hemmhekk. Dawn huma każijiet fejn, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, persuna kompletament qiegħda tuża l-possibbiltà li żżomm il-benefiċċji tal-qgħad mill-Istat Membru kompetenti għal perjodu limitat ta' żmien filwaqt li tfittex impjieg fi Stat Membru ieħor. Waqt dan il-perjodu, il-persuna kkonċernata trid tirreġistra mas-servizzi tal-impjiegi tal-Istat Membru l-ieħor bħala persuna li qed tfittex xogħol biex tkun soġġetta għall-proċedura ta' kontroll organizzata hemm u taderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat Membru daqslikieku kienet qed tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad minn hemm.
Waqt dak il-perjodu, kull xahar l-istituzzjoni tal-Istat Membru riċeventi trid tipprovdi lill-Istat Membru l-informazzjoni rilevanti dwar is-segwitu tas-sitwazzjoni tal-persuna qiegħda, b'mod partikolari jekk din tal-aħħar tkun għadha rreġistrata mas-servizzi tal-impjiegi u tkun qed tikkonforma mal-proċeduri ta' attivazzjoni jew ta' kollokament f'impjieg fis-seħħ hemmhekk.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza li l-persuni li jesportaw il-benefiċċji tal-qgħad tagħhom jikkonformaw kompletament mal-miżuri ta' kontroll, attivazzjoni jew kollokament f'impjieg fis-seħħ fl-Istat Membru riċeventi, skont l-istess kundizzjonijiet bħall-persuni qiegħda li jirċievu l-benefiċċji minn dak l-Istat Membru. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni reċiproka biex tappoġġa l-monitoraġġ u l-kontroll tal-persuni qiegħda meta jikkonformaw mal-proċeduri u l-miżuri fl-Istat Membru l-ieħor ħalli jżidu ċ-ċans tagħhom ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-bżonn li jissaħħu aktar il-monitoraġġ u l-kontroll permezz ta' skambju tad-data awtomatiku u strutturali mill-inqas dwar it-tkomplija tax-xogħol u introjtu jew benefiċċju ieħor. Biex tikseb dak l-objettiv, il-Kummissjoni ser issaħħaħ il-kooperazzjoni reċiproka, tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju bejn l-istituzzjonijiet, meta meħtieġ, fil-kuntest tal-qafas legali rivedut, u timmonitorja mill-qrib dik l-implimentazzjoni mal-Istati Membri.
Fil-kuntest tal-ħidma fuq il-Pakkett dwar il-mobbiltà ġusta tal-ħaddiema, il-Kummissjoni se tesplora kif tkompli timmodernizza u tissimplifika r-regoli għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Dan se jinkludi, fost l-oħrajn, proposta għal soluzzjonijiet biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju tad-data dwar il-miżuri ta' kontroll, attivazzjoni jew kollokament f'impjieg bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-obbligu ta' rapportar tal-Istati Membri riċeventi. Jista' jinkludi wkoll l-iskambju tad-data fil-każ ta' tkomplija tax-xogħol, jew jekk ikun hemm sorsi oħra ta' introjtu jew benefiċċji oħra. Ġeneralment, dan se jkollu l-għan li jsaħħaħ ir-responsabbiltà u jiżgura l-konformità sħiħa tal-persuni li jesportaw il-benefiċċji tagħhom mal-miżuri ta' kontroll, attivazzjoni jew kollokament f'impjieg fl-Istat Membru riċeventi daqslikieku jkunu qed jirċievu benefiċċji tal-qgħad minn dak l-Istat Membru. Dan mhux biss iżid il-probabbiltà ta' integrazzjoni ta' persuna qiegħda fis-suq tax-xogħol iżda wkoll isaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri fis-sistema ta' koordinazzjoni. Fit-terminu l-qasir, skont il-qafas legali rivedut, il-Kummissjoni diġà ser tibda tesplora t-titjib possibbli fl-iskambju tal-informazzjoni diġitalizzat u standardizzat bejn l-Istati Membri rigward il-kontroll u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-persuni qiegħda li jesportaw il-benefiċċji tagħhom. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ser tipproponi titjib fl-iskambji tad-data bejn l-istituzzjonijiet fis-sistemi tal-iskambju elettroniku tal-informazzjoni dwar is-sigurtà soċjaliis-sistemi tal-iskambju elettroniku tal-informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali (EESSI) permezz tal-proċess regolari tal-ġestjoni tat-tibdil. Il-Kummissjoni se tipproponi li l-kampijiet tad-data standardizzati li jikkonfermaw li l-persuna qed tfittex xogħol b'mod attiv u t-tkomplija tax-xogħol, se jkunu kompletament operazzjonali sad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5549/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)