European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/494

12.3.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/494

tal-11 ta' Marzu 2025

b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi, il-programm intersessjonali tagħha u t-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”).

(2)

L-Unjoni qed timplimenta b'mod attiv l-Istrateġija tal-UE u tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari dawk il-miżuri relatati mat-tisħiħ, l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC).

(3)

Il-Boxxla Strateġika għall-2022 għas-Sigurtà u d-Difiża tirreferi għat-theddida persistenti tal-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, u tesprimi l-objettiv tal-Unjoni li ssaħħaħ azzjonijiet konkreti b'appoġġ għall-għanijiet tad-diżarm, tan-nonproliferazzjoni u tal-kontroll tal-armi.

(4)

Fi ħdan il-qafas tal-Istrateġija tal-UE, il-Kunsill adotta b’appoġġ għall-Kunsill tal-BTWC l-Azzjonijiet Konġunti 2006/184/PESK (1) u 2008/858/PESK (2) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/421/PESK (3), (PESK) 2016/51 (4), (PESK) 2019/97 (5), (PESK) 2021/2033 (6), (PESK) 2023/123 (7) u (PESK) 2024/349 (8). Dak l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jitkompla.

(5)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni tiġi fdata lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-Boxxla Strateġika dwar is-Sigurtà u d-Difiża, l-Unjoni għandha tagħti aktar appoġġ lill-attivitajiet tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet tad-Diżarm (UNODA) permezz ta' azzjoni operazzjonali b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), il-programm intersessjonali tagħha u t-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni (l-“azzjoni”).

2.   L-objettivi tal-azzjoni għandhom ikunu:

(a)

li tappoġġa l-programm intersessjonali tal-BTWC billi tiffaċilita d-diskussjonijiet li qed isiru fil-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tisħiħ tal-BTWC kif ukoll it-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni fl-2027.

(b)

li ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni billi tibni fuq il-kisbiet ta' Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill (PESK).

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha ssir mill-UNODA.

3.   L-UNODA għandha twettaq il-kompitu msemmi fil-paragrafu 2 taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-UNODA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-azzjoni (in-“nefqa”) għandu jkun ta' EUR 1 474 753,82.

2.   In-nefqa għandha tkun amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa . Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi ftehim ta' kontribuzzjoni mal-UNODA (il-“ftehim”). Il-ftehim għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-azzjoni.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim. Madankollu, għandha tiskadi 6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkunx ġie konkluż il-ftehim f'dak il-perjodu.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/PESK tas-27 ta' Frar 2006 b'appoġġ għall-Konvenzjoni tal-Armi Bioloġiċi u Tossiċi, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda tal-Massa (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/184/oj).

(2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/858/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (ĠU L 302, 13.11.2008, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/858/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/421/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 61, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/421/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/51 tat-18 ta' Jannar 2016 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/51/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/97 tal-21 ta' Jannar 2019 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 19, 22.1.2019, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/97/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2033 tad-19 ta' Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 415, 22.11.2021, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2033/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/123 tas-17 ta' Jannar 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 16, 18.1.2023, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/123/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/349 tas-16 ta' Jannar 2024 b'appoġġ tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (ĠU L, 2024/349, 17.01.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/349/oj).


ANNESS

Dokument ta' Proġett relatat ma' Deċiżjoni tal-Kunsill

b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi, il-programm intersessjonali tagħha u t-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni tagħha

1.   SFOND U LOĠIKA

Il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC) hija element ewlieni fl-isforzi tal-komunità internazzjonali biex tindirizza l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva.

Il-BTWC bħalissa tinsab f'salib it-toroq importanti, kif rifless fil-programm intersessjonali ambizzjuż li dwaru l-Istati Parti għall-BTWC qablu fid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni li saret fl-2022 u l-emerġenza mill-ġdid ta' suġġetti bħall-verifika fuq l-aġenda. L-appoġġ tal-programm intersessjonali, inkluż it-tħejjija tal-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni, li fiha jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet lejn it-tisħiħ tal-BTWC, huma għalhekk ta' importanza kritika.

L-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-BTWC (ISU) tkompli tirċievi wkoll talbiet għal assistenza mill-Istati Parti għal taħriġ iddedikat għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs) tal-BTWC li jaqbżu l-kapaċitajiet u l-fondi disponibbli tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet u għall-fini li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil xi elementi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, dan il-proġett ser iservi bħala għodda ta' politika operazzjonali b'appoġġ għall-programm intersessjonali attwali, it-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni u t-taħriġ u fora ddedikati għall-iskambju għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-BTWC (NCPs).

2.   OBJETTIVI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta ser ikollha żewġ objettivi ewlenin.

L-ewwel objettiv prinċipali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ser ikun li jiġi appoġġat il-programm intersessjonali tal-BTWC billi jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet li qed isiru fil-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tisħiħ tal-BTWC, li nħoloq mid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni fl-2022 (ara BTWC/CONF.IX/9), kif ukoll it-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni fl-2027.

Il-Grupp ta' Ħidma ngħata l-mandat li jindirizza s-seba' suġġetti li ġejjin:

a)

Miżuri dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali skont l-Artikolu X;

b)

Miżuri dwar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti għall-Konvenzjoni;

c)

Miżuri dwar it-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza;

d)

Miżuri dwar il-konformità u l-verifika;

e)

Miżuri dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-Konvenzjoni;

f)

Miżuri dwar l-assistenza, ir-rispons u l-istat ta' tħejjija skont l-Artikolu VII;

g)

Miżuri dwar arranġamenti organizzattivi, istituzzjonali u finanzjarji.

Il-Konferenza ddeċidiet ukoll li tiżviluppa bil-ħsieb li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiffaċilita u jappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa tal-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali (ICA) skont l-Artikolu X u mekkaniżmu biex jiġu rieżaminati u vvalutati l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi (S&T) rilevanti għall-Konvenzjoni u biex l-Istati Parti jingħataw pariri rilevanti. Sabiex dawn il-mekkaniżmi jiġu stabbiliti, il-Grupp ta' Ħidma dwar it-tisħiħ tal-Konvenzjoni ser jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.

Is-sett ta' attivitajiet proposti hawn taħt ser jiffaċilitaw id-diskussjonijiet b'mod flessibbli fil-Grupp ta' Ħidma dwar is-suġġetti b'mandat elenkati hawn fuq u dwar l-istabbiliment tal-mekkaniżmi ICA u S&T.

It-tieni objettiv ewlieni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ser ikun l-implimentazzjoni msaħħa tal-Konvenzjoni billi tibni fuq il-kisbiet tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/2072. Dawn jinkludu għadd akbar ta' nomini ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs) tal-BTWC u għadd akbar ta' rapporti ppreżentati dwar Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja (CBM). Abbażi ta' dan il-momentum, kull sena ser jiġu pprovduti korsijiet ta' taħriġ iddedikati għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs) tal-BTWC maħtura ġodda u ser jiġi organizzat avveniment globali tal-NCP sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambju u n-networking fost l-NCPs.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta ser tikkomplementa l-attivitajiet li għaddejjin taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2024/349 b'appoġġ għall-BTWC, li qed tiġi implimentata mill-Fergħa ta' Ġinevra tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA), f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ISU tal-BTWC. Il-flussi ta' ħidma ewlenin tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/349 huma l-universalizzazzjoni tal-BTWC fir-reġjun tal-Paċifiku, il-programmi ta' assistenza biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-BTWC fil-livelli nazzjonali, il-ħolqien ta' networks dwar il-bijosigurtà fost xjenzjati żgħażagħ min-Nofsinhar Globali, l-appoġġ għall-programm intersessjonali permezz ta' kontribuzzjonijiet lill-Programm ta' Sponsorizzazzjoni tal-BTWC kif ukoll l-iżvilupp ta' materjal ta' sensibilizzazzjoni u materjal edukattiv. L-appoġġ propost għall-programm intersessjonali attwali tal-BTWC u t-tħejjijiet tal-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni kif ukoll it-twettiq ta' attivitajiet ta' bini tal-kapaċità għall-NCPs għalhekk jikkostitwixxu flussi ta' ħidma komplementari.

Kif applikabbli, id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta ser tibni fuq il-kisbiet ta' Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-passat b'appoġġ għall-BTWC, mingħajr ma tiddupplika kwalunkwe attività li għaddejja mwettqa skont id-Deċiżjoni (PESK) 2024/349, kif deskritt hawn fuq. Matul il-fażi ta' implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta, ser isir l-aħjar użu mis-sinerġiji possibbli mad-Deċiżjoni (PESK) 2024/349.

Din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tkun iggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

(a)

Li jsir l-aħjar użu mill-esperjenza miksuba permezz tal-Azzjonijiet Konġunti 2006/184/PESK u 2008/858/PESK u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/421/PESK, (PESK) 2016/51, (PESK) 2019/97 u (PESK) 2021/2072;

(b)

Li l-iffukar ikun fuq l-eżiti tad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni, l-appoġġ għall-programm intersessjonali l-ġdid u t-tħejjijiet tal-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni;

(c)

Li jingħata appoġġ lill-Presidenti tal-laqgħat tal-BTWC u l-aħjar użu tal-mandat tal-ISU tal-BTWC;

(d)

Li tiġi inkoraġġuta s-sjieda lokali u reġjonali tal-proġetti sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom u biex tinbena sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u partijiet terzi fil-qafas tal-BTWC;

(e)

Li jingħata kontribut biex jiġu avvanzati l-objettivi tal-paċi dinjija u dawk relatati mas-sigurtà u s-saħħa permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-BTWC mill-Istati Parti tagħha;

(f)

F'konformità mal-politiki tan-NU, jinkoraġġixxu rappreżentanza ġeografika u tal-ġeneru ugwali fl-attivitajiet kollha tal-proġett.

3.   RIŻULTATI U ATTIVITAJIET MISTENNIJA

L-UE għandha tappoġġa l-attivitajiet li ġejjin li jikkorrispondu għal miżuri tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva:

3.1.   Attività 1 – Appoġġ għall-programm intersessjonali tal-BTWC billi jiġu ffaċilitati l-konsultazzjonijiet u jiġu integrati l-perspettivi xjentifiċi dwar suġġetti li qed jiġu diskussi

3.1.1.   Għan tal-Attività

Din l-attività ser ikollha l-għan li tappoġġa l-involviment attiv tal-Istati Parti għall-BTWC u l-osservaturi fil-programm intersessjonali mill-2025 sal-2026, kif ukoll l-isforzi tad-detenturi ta' kariga tal-BTWC, il-Ħbieb tal-President u l-ISU tal-BTWC.

Fid-dawl tal-ħolqien tal-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tisħiħ tal-BTWC mid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni u l-għadd limitat ta' jiem ta' laqgħat uffiċjali mogħtija lill-Grupp ta' Ħidma, din l-attività għandha l-għan li tiffaċilita d-diskussjonijiet dwar is-suġġetti fil-mandat tal-Grupp ta' Ħidma.

3.1.2.   Deskrizzjoni tal-Attività

Għal dak l-għan, ser jingħata appoġġ lill-konsultazzjonijiet li jsiru f'formati differenti - pereżempju workshops reġjonali jew trattati mill-ġdid għall-Istati Parti tal-BTWC - dwar suġġetti li qed jiġu diskussi fil-Grupp ta' Ħidma, pereżempju dwar il-konformità u l-verifika. L-appoġġ għal dawn il-konsultazzjonijiet ser jiffaċilita l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma u ser jgħin biex jinbena kunsens dwar suġġetti speċifiċi li qed jiġu diskussi b'mod flessibbli. Liema attivitajiet ser jiġu appoġġati ser jiġi determinat mill-UNODA/ISU tal-BTWC f'konsultazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra f'Ġinevra.

Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta' esperti ddedikati fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma tista' tiġi sponsorjata, jekk ikun meħtieġ biex tippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom. L-esperti sponsorjati ser ikunu mistennija jagħmlu kontributi kritiċi u jarrikkixxu d-deliberazzjonijiet fil-Grupp ta' Ħidma.

Din l-attività ser timmira wkoll li tiffaċilita d-diskussjonijiet intersessjonali dwar ir-reviżjoni tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ta' rilevanza għall-Konvenzjoni, inkluż id-diskussjonijiet dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' reviżjoni, kif ukoll biex ittejjeb l-inklużjoni ta' approċċi xjentifiċi għal suġġetti oħra li qed jiġu diskussi mill-Grupp ta' Ħidma, bħal pereżempju dwar il-konformità u l-verifika. Sabiex isir dan u abbażi tal-esperjenzi li saru taħt il-pilastru S&T tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/2072, taħt din l-attività ser tiġi organizzata serje ta' avvenimenti interattivi u innovattivi ta' “Xjenza għad-Diplomatiċi” f'Ġinevra (kull meta possibbli flimkien ma' laqgħat uffiċjali tal-BTWC, iżda wkoll bejn laqgħat uffiċjali). L-avvenimenti ser ilaqqgħu flimkien rappreżentanti mill-komunità xjentifika, l-industrija, l-akkademja, is-soċjetà ċivili kif ukoll rappreżentanti mill-Istati Parti u osservaturi.

It-tim tal-proġett ser ikompli jesplora u jaħdem mal-ISU tal-BTWC dwar suġġetti ġodda allinjati mal-prijoritajiet tal-Grupp ta' Ħidma biex titrawwem l-espansjoni tal-għarfien għall-inizjattiva “Xjenza għad-Diplomatiċi” permezz tal-iżvilupp ta' dokumenti, prodotti u materjali ta' taħriġ ġodda. Dawn ir-riżorsi ser jitfasslu biex jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet emerġenti, anke dawk li għad iridu jiġu identifikati bis-sħiħ.

3.1.3.   Riżultati mistennija tal-Attività

1.

Il-konsultazzjonijiet li saru f'formati differenti - pereżempju workshops reġjonali jew trattati mill-ġdid għall-Istati Parti u osservaturi tal-BTWC - dwar suġġetti li qed jiġu diskussi fil-Grupp ta' Ħidma, huma mistennija li jinfurmaw u jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet sostantivi li ser isiru fil-qafas tal-Grupp ta' Ħidma u matul l-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni.

2.

L-esperti sponsorjati ser ikunu mistennija jagħmlu kontributi kritiċi u jarrikkixxu d-deliberazzjonijiet fil-Grupp ta' Ħidma bl-għarfien espert tagħhom.

3.

Is-serje ta' avvenimenti “Xjenza għad-Diplomatiċi” ser ikollha l-għan li tiżgura li dawk li jfasslu l-politika jkunu konxji ta' kif l-avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi jistgħu kemm jibbenefikaw kif ukoll jisfidaw il-Konvenzjoni, u kif ukoll jesponuhom għall-fehim tagħhom tal-approċċi xjentifiċi għal suġġetti li qed jiġu diskussi fil-Grupp ta' Ħidma, u jtejbu t-tali fehim. Is-serje ta' avvenimenti ser tipprovdi wkoll opportunità għall-komunità u l-industrija tax-Xjenza u t-Teknoloġija biex jikkontribwixxu u jappoġġaw l-isforzi diplomatiċi biex tissaħħaħ il-BTWC. L-avvenimenti jkunu kkoordinati mill-qrib mal-President tal-Grupp ta' Ħidma, il-Ħbieb tal-President u d-Delegazzjoni tal-UE f'Ġinevra u jagħtuhom opportunitajiet addizzjonali biex ikollhom konsultazzjonijiet informali mal-Istati Parti kif ukoll ifittxu kontribut u feedback minn firxa estiża ta' atturi.

3.2.   Attività 2 – Tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-BTWC u appoġġ għad-diskussjonijiet intersessjonali dwar l-implimentazzjoni nazzjonali u l-miżuri dwar it-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza

3.2.1.   Għan tal-Attività

Din l-attività għandha l-għan li tibni fuq il-kisbiet tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/2072 li taħtha ġie żviluppat kors ta' taħriġ iddedikat għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs) tal-BTWC u għodod ta' tagħlim elettroniku u twettqu serje ta' sitt korsijiet ta' taħriġ reġjonali għall-NCPs (għall-Istati fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku, l-Asja Ċentrali, l-Ewropa, l-Amerka Latina u l-Karibew u l-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq).

Dan wassal għal għadd akbar ta' nomini tal-NCP matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/2072, livelli ogħla ta' interazzjoni mill-UNODA/ISU tal-BTWC mal-NCPs dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell nazzjonali kif ukoll għal skambji intensifikati tal-aħjar prattiki fost l-NCPs fir-reġjuni u bejniethom. Is-segmenti tat-taħriġ tal-kors ta' taħriġ iddedikat dwar l-elaborazzjoni tar-rapporti dwar il-Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja (CBM) ikkontribwew ukoll għal għadd dejjem akbar ta' rapporti tas-CBM sottomessi mill-2021.

L-objettiv ta' dan il-proġett huwa li jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-BTWC billi jkompli jipprovdi tisħiħ tal-kapaċitajiet dedikat lill-NCPs u jrawwem aktar skambju u kooperazzjoni bejniethom fil-livelli reġjonali u internazzjonali.

3.2.2.   Deskrizzjoni tal-Attività

L-attività proposta tinkludi l-għoti ta' kors ta' taħriġ wieħed fis-sena lill-NCPs tal-BTWC maħtura ġodda. Il-kors ta' taħriġ ser isir fin-NU f'Ġinevra flimkien ma' laqgħa uffiċjali tal-BTWC.

L-attività għandha wkoll l-intenzjoni li tkompli toħloq opportunitajiet għal djalogu u skambju ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC fost l-NCPs kif ukoll dwar miżuri dwar it-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza, inkluż il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, permezz tal-organizzazzjoni ta' laqgħa globali waħda li għaliha attendew l-NCPs kollha tal-BTWC. Il-laqgħa globali ser issir fin-NU f'Ġinevra, jekk possibbli flimkien ma' laqgħa uffiċjali tal-BTWC.

Il-kors ta' taħriġ annwali u l-laqgħa globali annwali tal-NCPs kollha ser jintużaw ukoll biex jappoġġaw il-programm intersessjonali, peress li ser jipprovdu opportunitajiet siewja għall-President tal-Grupp ta' Ħidma kif ukoll għall-Ħbieb tal-President biex jindirizzaw suġġetti speċifiċi li qed jiġu diskussi, b'mod partikolari dwar it-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza u dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-Konvenzjoni. Ser tingħata attenzjoni partikolari għall-identifikazzjoni tal-isfidi ta' implimentazzjoni reġjonali, pereżempju dawk li jiffaċċaw l-Istati Parti fl-Afrika, u l-għoti tas-setgħa lid-delegazzjonijiet minn dawn ir-reġjuni biex jipparteċipaw b'mod aktar attiv fil-laqgħat tal-BTWC. Il-kors ta' taħriġ ser jippermetti lill-President u lill-Ħbieb tal-President jiġbru l-feedback tal-NCPs, l-approċċi u l-perspettivi ssuġġeriti tagħhom u mbagħad jikkontribwixxu dan l-għarfien lura fid-deliberazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma.

3.2.3.   Riżultati mistennija tal-Attività

1.

Bħala konsegwenza pożittiva ta' dan il-kors ta' taħriġ, huwa mistenni li bit-tkomplija tad-disponibbiltà tal-programm ta' taħriġ aktar Stati Parti ser jinnominaw NCPs.

2.

Huwa mistenni wkoll li t-taħriġ ipprovdut ser ikompli jirriżulta f'għadd ikbar u kwalità aħjar tar-rapporti dwar Miżuri għat-Tisħiħ tal-Fiduċja ppreżentati kull sena, li ser jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni globalment.

3.

Barra minn hekk, din l-attività hija mistennija li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-NCPs kif ukoll li tinforma d-diskussjonijiet li għaddejjin fil-Grupp ta' Ħidma.

4.

Ir-rispons tal-NCPs ser jinforma d-diskussjonijiet li saru fil-qafas tal-Grupp ta' Ħidma tal-BTWC dwar suġġetti bħall-implimentazzjoni nazzjonali, it-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza.

3.3.   Attività 3 – Appoġġ għat-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni

3.3.1.   Għan tal-Attività

Filwaqt li tibni fuq l-Attività 1 u 2, din l-attività tiffoka fuq il-mobilizzazzjoni tal-Istati Parti tal-BTWC lejn parteċipazzjoni attiva fl-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni fl-2027 billi torganizza ħames workshops reġjonali u billi toffri opportunitajiet biex issir riflessjoni dwar u jiġu diskussi suġġetti ewlenin tal-programm intersessjonali 2023-2026 bil-ħsieb li jitrawmu oqsma ta' kunsens.

3.3.2.   Deskrizzjoni tal-Attività

Qabel l-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni u abbażi tal-esperjenza miksuba skont id-Deċiżjoni (PESK) 2019/97 dwar l-organizzazzjoni ta' avvenimenti bħal dawn, ser jiġu organizzati ħames workshops reġjonali għall-Istati Parti mill-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew, l-Asja u l-Paċifiku, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq u l-Ewropa u Stati oħra tal-Punent. Dawn is-sessjonijiet ta' ħidma ser joffru lill-Istati Parti u lid-detenturi ta' karigi tal-BTWC, inkluż il-President tal-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni, opportunitajiet biex jirriflettu dwar u jiddiskutu suġġetti ewlenin bi tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni u jappoġġaw is-sejba ta' oqsma ta' interess u fehim komuni.

3.3.3.   Riżultati mistennija tal-Attività

1.

L-attività hija mistennija li twassal għal aktar sensibilizzazzjoni dwar il-BTWC u l-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni fl-2027 u s-sinifikat tagħha għall-evoluzzjoni futura tal-BTWC.

2.

Il-workshops reġjonali ser jiffaċilitaw djalogu komprensiv u transreġjonali dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati fl-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni.

4.   KWISTJONIJIET TA' PERSUNAL

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser teħtieġ preżenza ta' persunal f'Ġinevra biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni koordinata u simplifikata tal-attivitajiet kollha taħt din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Huwa għalhekk issuġġerit li jkun hemm Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi P3 u Assistent Amministrattiv GS4 ibbażati fil-Fergħa ta' Ġinevra tal-UNODA.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tiġi implimentata f'koordinazzjoni mill-qrib mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/349 u l-ISU tal-BTWC u taħt il-gwida u r-responsabbiltà ġenerali tal-Kap tal-ISU tal-BTWC.

5.   RAPPURTAR

Il-UNODA/ISU tal-BWTC ser tippreżenta rapporti ta' progress annwali lir-RGħ dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet.

6.   TUL TA' ŻMIEN

L-implimentazzjoni tal-proġett hija stmata li ddum 36 xahar b'kollox.

7.   VIŻIBBILTÀ TAL-UE

Il-UNODA/ISU tal-BTWC ser tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tirreklama l-fatt li l-attivitajiet li saru jkunu ġew iffinanzjati mill-UE. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-Manwali tal-Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-UE stabbiliti u ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-UNODA/ISU tal-BTWC ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE permezz ta' mmarkar u pubbliċità xierqa, li jenfasizzaw ir-rwol tal-UE, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha, u jżidu l-għarfien dwar ir-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni kif ukoll għarfien tal-appoġġ tal-UE għal din id-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dak l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġetti ser juri l-bandiera tal-UE f'konformità mal-linji gwida tal-UE għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

8.   BENEFIĊJARJI

Il-benefiċjarji tal-Attività 1 dwar l-appoġġ għall-programm intersessjonali tal-BTWC billi jiġu ffaċilitati l-konsultazzjonijiet u jiġu integrati l-perspettivi xjentifiċi dwar suġġetti li qed jiġu diskussi huma uffiċjali, xjenzati, akkademiċi u rappreżentanti tal-industrija mill-Istati Parti għall-BTWC u osservaturi.

Il-benefiċjarji tal-Attività 2 fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-BTWC huma l-Istati Parti għall-BTWC, b'mod partikolari uffiċjali maħtura bħala punti ta' kuntatt nazzjonali.

Il-benefiċjarji tal-Attività 3 dwar l-appoġġ għat-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni ser ikunu rappreżentanti tal-Istati Parti għall-BTWC.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/494/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)