Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Kroazja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU, adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk l-UE tkun tista’ tikseb is-sigurtà tal-enerġija u tiddiversifika l-provvista tal-enerġija tagħha, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Il-Kroazja żiedet kapitolu ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, li tinforma d-deċiżjonijiet ta’ politika u toħloq il-kundizzjonijiet qafas li jżid it-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività. Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ fatturi identifikati li jsaħħu l-kompetittività.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih ma identifikatx lill-Kroazja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Kroazja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet adottata mill-Kunsill fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġiet adottata mill-Kunsill fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk fih ir-Regolament emendat (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva emendata 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Dan jippromwovi s-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta fil-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika fejn applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti anki għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Kroazja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-28 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Kroazja, li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 dwar l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Kroazja laħqet l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill b’mod sodisfaċenti. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-objettivi intermedji u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Kroazja fid-19 ta’ Ġunju 2024. Hija vvalutat il-progress tal-Kroazja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u rat fiex waslet l-implimentazzjoni tal-Kroazja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Dan ivvaluta wkoll il-progress tal-Kroazja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(9)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Kroazja naqas minn surplus ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2022 għal defiċit ta’ 0,7 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 67,8 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 63,0 % fi tmiem l-2023.
(10)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li l-Kroazja tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali, u tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Kroazja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Kroazja ġiet irrakkomandata wkoll li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali kienet espansjonarja, bi 3,0 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,3 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi iż-żieda fl-ispiża tal-miżuri ta’ appoġġ immirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fuq livell nazzjonali fl-2023 kienet għalhekk parzjalment dovuta biss għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) kien xprunat ukoll minn miżuri tal-enerġija ta’ emerġenza mhux immirati, żidiet permanenti fil-pagi tas-settur pubbliku u benefiċċji soċjali. It-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 3,4 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 1,4 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Kroazja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Il-Kroazja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħar-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini, il-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-idroġenu, l-infrastruttura tal-ilma u tal-iskart, l-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, l-investimenti fid-dijanjostika u t-tagħmir diġitali fl-isptarijiet, l-appoġġ għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tas-settur tan-negozju, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(11)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 3,3 % fl-2024 u bi 2,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 3,5 % fl-2024 u 2,2 % fl-2025.
(12)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,6 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 59,5 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment żieda ulterjuri fin-nefqa minħabba r-riforma l-ġdida tal-pagi pubbliċi, żieda ulterjuri fil-pensjonijiet u l-assistenza soċjali u żieda għolja fl-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG fl-2024, minkejja pożizzjoni fiskali espansjonarja, huwa dovut għal effett tad-denominatur minn tkabbir tal-PDG li għadu robust u aġġustament bejn il-fondi u l-flussi li jnaqqas id-dejn. Dan tal-aħħar jinkludi l-użu parzjali ta’ riżervi ta’ depożitu biex jitħallas lura parti mid-dejn fl-2024 (wara li ġew irreġistrati depożiti ogħla fl-2023 minħabba l-prefinanzjament ta’ parti mir-ripagamenti futuri tad-dejn) u t-tranżazzjonijiet kontabilistiċi f’termini tal-ESA wara l-konsenja ta’ ġettijiet militari li tħallsu fis-snin preċedenti. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija proġettata li tkun espansjonarja b’1,2 % tal-PDG fl-2024.
(13)In-nefqa li tammonta għal 1,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbel ma’ 0,7 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mil-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn tal-Kroazja. Nefqa li tammonta għal 0,3 % tal-PDG hija mistennija li tkun appoġġata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.
(14)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda li l-Kroazja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 5,1 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Kroazja hija pproġettata li tiżdied b’14,4 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 3,6 % tal-PDG fl-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.
(15)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Kroazja tieħu azzjoni biex trażżan il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza fis-seħħ, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ġodda jew kontinwi ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Kroazja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, bi prezz fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 1,9 % tal-PDG fl-2023, u proġettat fil-livell ta’ 0,6 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B’mod partikolari, il-miżuri tal-limiti massimi tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass huma preżunti li se jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar ta’ Settembru 2024. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-proġettazzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2024, billi n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 2,2 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija mhumiex ipproġettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat mhuwiex ipproġettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal ukoll għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,1 % tal-PDG fl-2024 (0,4 % fl-2023), li minnhom 0,1 % tal-PDG jippreservaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika (0,3 % fl-2023).
(16)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Kroazja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jonqos għal 4,5 % tal-PDG fl-2024 minn 3,6 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rakkomandat mill-Kunsill. Imbagħad, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tonqos għal 2,3 % tal-PDG fl-2024 minn 3,4 % tal-PDG fl-2023. Dan it-tnaqqis huwa xprunat mit-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-UE, li għalihom il-fondi huma disponibbli sal-2023.
(17)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,6 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jonqos għal 59,1 % sa tmiem l-2025.
(18)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal- Kroazja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Kroazja tkompli l-implimentazzjoni tar-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza riskji ta’ dewmien filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. Jistgħu jitfaċċaw sfidi ta’ assorbiment minħabba l-konċentrazzjoni għolja ta’ investimenti lejn tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP). Iż-żamma ta’ livell b’saħħtu biżżejjed ta’ koordinazzjoni fost il-livelli differenti ta’ amministrazzjoni tnaqqas dawn ir-riskji billi tiżgura governanza effettiva u tiffaċilita l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(19)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Kroazja hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluża f’kull programm. Filwaqt li l-Kroazja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet reġjonali sinifikanti bejn il-belt kapitali u l-bqija tal-Kroazja f’termini ta’ produttività tax-xogħol, livelli ta’ investiment u impjiegi. Hija kruċjali l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha tal-gvern. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programm għadhom rilevanti. Lil hinn mill-miżuri tal-kapaċità amministrattiva, huwa importanti li wieħed jara implimentazzjoni rapida tal-investimenti fir-R&Ż ’il barra mir-reġjun kapitali. Jeħtieġ ukoll li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima billi jiġu implimentati l-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta, jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u jinħolqu komunitajiet tal-enerġija. It-titjib fil-ġbir u l-ġestjoni tal-iskart jibqa’ prijorità. Huwa importanti li jiġu promossi politiki attivi tas-suq tax-xogħol, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid bil-ħsieb ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment, tiġi appoġġata d-deistituzzjonalizzazzjoni u jsir investiment f’servizzi soċjali adegwati u affordabbli bbażati fil-komunità. Il-Kroazja tista’ tuża l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tgħin fit-trasformazzjoni tal-kompetittività tagħha permezz ta’ investimenti fl-oqsma tat-teknoloġiji diġitali u l-innovazzjoni profonda, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u l-bijoteknoloġiji u l-produzzjoni mediċinali.
(20)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Kroazja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-aċċess għal sorsi diversi ta’ finanzjament u l-promozzjoni tas-swieq kapitali, id-diskrepanzi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol, u l-frammentazzjoni tal-istituzzjonijiet pubbliċi li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni.
(21)Il-finanzjament mhux bankarju fil-Kroazja għadu mhux żviluppat biżżejjed. Il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ishma u l-livell ta’ ħruġ ta’ strumenti ta’ dejn u ekwità għadhom lura b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-medja tal-UE. L-attivitajiet tas-suq tal-ekwità privata u tal-kapital ta’ riskju juru xejriet pożittivi limitati. Il-livell baxx ta’ fiduċja u n-nuqqas ta’ attraenza ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament jaġixxu bħala ostaklu ulterjuri biex it-tfaddil privat jiġi dirett lejn is-suq kapitali u l-iżvilupp tas-suq tal-ishma. Iż-żieda fil-kapaċità ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju innovattivi biex jiksbu l-prontezza tas-suq u jattiraw l-investituri tista’ tippromwovi klima ta’ investiment aktar kompetittiva. Miżuri li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni diretta tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq tal-bonds u tal-ekwità u jindirizzaw l-ostakli relatati mat-tassazzjoni għall-investituri jkomplu jsaħħu r-rwol tal-finanzjament tas-suq.
(22)Ix-xejriet pożittivi fis-suq tax-xogħol tal-Kroazja għadhom għaddejjin, għalkemm b’diskrepanzi persistenti fil-ħiliet. Dawn jaggravaw in-nuqqas ta’ ħaddiema filwaqt li jillimitaw iż-żidiet fil-produttività. In-nuqqas ta’ ħaddiema huwa partikolarment evidenti fil-kostruzzjoni, fit-turiżmu u f’xi partijiet tal-industrija. Minkejja t-titjib, ir-rata tal-impjiegi għadha baxxa, speċjalment għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet. Hemm għadd dejjem jikber ta’ persuni inattivi fost dawk ta’ bejn il-15 u d-29 sena barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Id-disponibbiltà limitata ta’ faċilitajiet ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u kura fit-tul deistituzzjonalizzata adegwata jfixklu l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, b’mod partikolari min-nisa. Dan iżid l-iskarsezzi tal-forza tax-xogħol u jipprevjeni l-użu sħiħ tal-forza tax-xogħol domestika fost xejriet demografiċi avversi. In-nuqqas ta’ għalliema tal-fiżika u tal-matematika jaffettwa l-ħiliet bażiċi u r-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA, Programme for International Student Assessment), li jxekklu l-akkwist ta’ ħiliet aktar avvanzati, it-titjib tal-kisba tal-edukazzjoni terzjarja (li huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE), iż-żieda fl-għadd ta’ studenti fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM, science, technology, engineering, and math), u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-ekonomija. Il-parteċipazzjoni fi programmi ta’ tagħlim għall-adulti hija limitata ħafna. B’riżultat ta’ dan, id-disponibbiltà ta’ persunal imħarreġ hija meqjusa min-negozji bħala wieħed mill-ostakli ewlenin għall-investiment. Il-Kroazja qed timplimenta investimenti u riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż skont l-RRP u l-politika ta’ koeżjoni, biex ittejjeb il-provvista ta’ ħaddiema tas-sengħa u tallinja l-programmi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Madankollu, hemm kemm il-ħtieġa kif ukoll l-ambitu li dawn l-isforzi jiġu intensifikati billi jiġu aġġustati l-miżuri eżistenti u jiġu introdotti kontijiet individwali tal-apprendiment biex it-tagħlim għall-adulti jsir aktar attraenti u aċċessibbli, inkluż għall-popolazzjoni inattiva fl-età tax-xogħol u għall-ħaddiema barranin. Huma meħtieġa wkoll aktar sforzi biex jiġu żviluppati l-ħiliet meħtieġa biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, kemm fis-sistema edukattiva kif ukoll fis-suq tax-xogħol.
(23)Il-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Kroazja tkompli turi xejriet pożittivi. Madankollu, il-progress ulterjuri huwa mxekkel sa ċertu punt minn xenarju frammentat ħafna ta’ riċerka pubblika, żvilupp u innovazzjoni fl-istituzzjonijiet u l-fakultajiet tar-riċerka pubblika fl-universitajiet. B’mod partikolari, l-għadd kbir ta’ istituzzjonijiet u l-frammentazzjoni tagħhom ifixklu l-effiċjenza u jnaqqsu l-ambitu għall-kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien, inkluż bejn in-negozju u l-akkademja. Il-Kroazja qed timplimenta riformi skont l-RRP biex tnaqqas l-għadd ta’ istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka. Madankollu, żieda fil-kamp ta’ applikazzjoni, l-ambizzjoni u l-pass tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-isforzi jkunu ta’ benefiċċju. Barra minn hekk, is-sehem tan-nefqa tan-negozju għar-R&Ż u l-adozzjoni ta’ skemi ta’ innovazzjoni min-negozji għadu ferm taħt il-medja tal-UE, li jwassal għal tnaqqis ġenerali fil-prestazzjoni.
(24)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Kroazja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex: