|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4420 |
10.7.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2024/4420)
Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, jistgħu jippreżentaw, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Manisa Mesir Macunu”
Nru tal-UE: PGI-TR-02893 – 5.1.2023
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Manisa Mesir Macunu”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
It-Turkija
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 2.3. Ħobż, prodotti tal-pastiċċiera, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem
Il-“Manisa Mesir Macunu” hija tip ta’ ħelwa tradizzjonali prodotta fil-provinċja ta’ Manisa. Hija magħmula minn 41 tipi ta’ ħwawar, ħxejjex aromatiċi u frott differenti, li jitħalltu f’pejst taz-zokkor. Hija ppreżentata jew bħala pejst likwidu f’vażetti tal-ħġieġ jew bħala stikek solidi ta’ 11-12 cm jew 3-4 cm imgeżwra fil-fojl. Il-konsistenza tagħha hija ratba, u għandha konsistenza li twaħħal ħafna b’togħma pikkanti-ħelwa u morra. Filwaqt li t-togħmiet kawstiċi, morri u ħorox tal-ħwawar huma pprovduti prinċipalment minn materjali mhux volatili, ir-riħa u l-aroma jiġu ġġenerati permezz ta’ żjut volatili. Minbarra dan, il-fenoli (katekina: 455,6 – 1 253,6 mg/kg) fil-pejst huma responsabbli għat-togħma punġenti tagħha. Il-kulur tagħha jvarja minn ambra għal kannella skur. Il-pejst likwidu jrid ikollu mill-inqas 70 % ilma, is-solidi solubbli u l-istikek solidi 80 %.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Fil-produzzjoni jintużaw iz-zokkor, ix-xropp tal-glukożju, l-aċidu ċitriku, l-ilma, 41 tip ta’ ħwawar, ħxejjex aromatiċi u frott.
Tipi ta’ ħwawar u l-elementi użati tagħhom
|
|
Isem bil-Latin |
Isem komuni |
Elementi użati |
|
1 |
Papaver somniferum |
Peprin |
Żerriegħa |
|
2 |
Alpinia officinarum Hance |
Galanga |
Riżoma |
|
3 |
Brassicanigra, Brassica juncea, Sinaps alba |
Mustarda |
Żerriegħa |
|
4 |
Calluna vulgaris L. |
Ħaxixet il-mikinsa |
Fjuri, Qxur tas-siġar, Weraq |
|
5 |
Cassia angustifolia Vahl |
Senna |
Frott |
|
6 |
Cassia fistula L. |
Golden shower |
Frott |
|
7 |
Cinnamomum sp. |
Kannella |
Fjuri |
|
8 |
Citrus sinensis L. Osbeck |
Larinġ |
Fjuri, Qxur |
|
9 |
Citrus limon L. Osbeck |
Lumi |
Frott, Qxur |
|
10 |
CoCos nucifera L. |
Ġewż tal-Indi |
Frott |
|
11 |
Commiphora molmol |
Mirra |
Reżina |
|
12 |
Coriandrum sativum L. |
Kosbor |
Weraq, Frott |
|
13 |
Crocus sativus L. |
Żagħfran |
Stigma |
|
14 |
Curcuma zedoaria Roxb. |
Żagħfran tal-Indja abjad |
Riżoma, Għeruq |
|
15 |
Elettaria cardamomum L. Manton |
Kardamomu |
Frott |
|
16 |
Eugenia caryophyllata L. Thunb. |
Imsiemer tal-qronfol |
Blanzun |
|
17 |
Foeniculum vulgare subsp. vulgare |
Bużbież |
Frott |
|
18 |
Urtica dioica L. |
Ħurrieq |
Żerriegħa |
|
19 |
Ceratonia siliqua L. |
Ħarrub |
Frott |
|
20 |
Cuminum cyminum L. |
Kemmun |
Frott |
|
21 |
Glycyrrhiza glabra L. |
Għud is-sus |
Estratt tal-għeruq (għasel tal-likorizja) |
|
22 |
Hibiscus sabdariffa L. |
Ibisku |
Fjuri, Żerriegħa |
|
23 |
Linum usitatissimum L. |
Żerriegħa tal-kittien |
Żerriegħa |
|
24 |
Melissa officinalis L |
Melissa |
Weraq |
|
25 |
Nigella sativa L. |
Niġella |
Żerriegħa |
|
26 |
Silybum marianum L. Gaertn |
Xewk bagħli |
Żerriegħa |
|
27 |
Pimenta officinalis Lind L. |
Bżar tal-Ġamajka |
Frott |
|
28 |
Pimpinella anisum L. |
Ħlewwa |
Frott |
|
29 |
Piper cubeba Bojer |
Bżar tal-kubeb |
Frott |
|
30 |
Piper longum L. |
Bżar twil |
Frott |
|
31 |
Piper nigrum L. |
Bżar iswed |
Frott |
|
32 |
Piper nigrum L. |
Bżar abjad |
Frott |
|
33 |
Rosa canina L. |
Fosdoq il-warda |
Frott, żejt taż-żerriegħa |
|
34 |
Curcuma longa L. |
Żagħfran tal-Indja |
Riżoma |
|
35 |
Rosmarinus officinalis L. |
Klin |
Weraq |
|
36 |
Terminalia citrina Retz |
Myrobalan (isfar) |
Frott |
|
37 |
Terminalia chebula Retz |
Myrobalan (iswed) |
Frott |
|
38 |
Vanilla fragrans Ames |
Vanilla |
Frott, Żerriegħa |
|
39 |
Vitex agnus-castus L. |
Vitex |
Frott |
|
40 |
Vitis vinifera L. |
Żbib |
Frott |
|
41 |
Zingiber officinale Roascoe |
Ġinġer |
Riżoma |
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“Manisa Mesir Macunu” jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita fit-Taqsima 4, mit-tisħin u t-taħlit tal-ingredjenti sat-tiswir.
3.5. Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għat-taħkik, għall-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat
Pejst: It-terminu “pejst” jirreferi għal sustanza li twaħħal u densa użata b’mod komuni fil-kuntest tal-“Manisa Mesir Macunu”. Il-pejst użat fil-produzzjoni tal-“Manisa Mesir Macunu” tipikament ikun fih diversi ħwawar, estratti tal-pjanti, u zokkor.
Stikek: Il-“Manisa Mesir Macunu” tradizzjonalment titħejja f’forma magħrufa bħala “ħabel”. Dan jimplika li l-pejst jiġi ffurmat f’forma ċilindrika twila u rqiqa. Sussegwentement, din il-“Manisa Mesir Macunu” twila f’forma ta’ ħabel tinqasam f’biċċiet iżgħar (stikek) għall-konsum. F’dan il-każ, li l-pejst jingħata f’forma ta’ stikek jippermetti ġarr u konsum aktar faċli mill-utent. Il-“Manisa Mesir Macunu” f’forma ta’ stikek hija ta’ spiss popolari f’festivals tradizzjonali jew f’avvenimenti speċjali.
Wara li tinkiseb il-konsistenza meħtieġa permezz tal-impastar, għall-verżjoni tal-“Manisa Mesir Macunu” fi stikek solidi, il-pejst jiġi ffurmat fil-forma ta’ ħabel twil u jiġi rfinut. Il-ħabel imbagħad jitqatta’ u jiġi ppakkjat f’tulijiet ta’ piż ta’ 8-10 g (21-23 g għad-daqs akbar: “l-istikka t-twila”). Barra minn hekk, il-pejst likwidu jiġi ppakkjat f’vażetti ta’ 200, 400 jew 1 000 g.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat
—
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ddefinita għall-produzzjoni tal-“Manisa Mesir Macunu” hija l-provinċja ta’ Manisa fit-Turkija.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta bejn il-“Manisa Mesir Macunu” u ż-żona ġeografika ġejja mir-reputazzjoni tal-prodott. “Mesir Macunu” kienet prodotta għall-ewwel darba f’Manisa fis-seklu 16 matul l-era Ottomana. Il-“Manisa Mesir Macunu” għadha tiġi kkunsmata llum.
L-inventur magħruf tal-prodott fil-kultura, l-istorja u ċ-ċivilizzazzjoni Ottomana huwa Muslihiddin Merkez Efendi. Merkez Efendi, li kien tabib fl-isptar, ivvinta l-“Mesir Macunu” fl-1527. Meta Hafize Sultan, omm Süleyman il-Kbir, mardet matul iż-żmien meta dan tal-aħħar kien prinċep f’Manisa, Merkez Efendi għenha bil-“Mesir Macunu” li ħejja. Meta Hafize Sultan irkuprat, xtaqet taqsam din il-pejst ma’ oħrajn. Hekk kif żdiedu t-talbiet min-nies, is-Sultan qal lil Merkez Efendi biex kull sena jqassam il-pejst lin-nies bħala parti minn festival. Għal dan l-għan, intgħażel il-21 ta’ Marzu minħabba li jissimbolizza l-bidu tar-rebbiegħa, u l-parti ta’ fuq tal-koppli u l-minaretti tal-Moskea Sultan intgħażlu bħala l-post għal dan. Iċ-Ċelebrazzjoni Mesir bdiet b’dan il-mod bejn l-1527 u l-1528. Minn dak iż-żmien ’l hawn, kull sena fil-21 ta’ Marzu jew għall-ħabta ta’ dak iż-żmien, waqt il-festival tar-rebbiegħa Nevruz, eluf ta’ nies jinġabru quddiem il-Moskea Sultan f’Manisa biex jaqbdu l-ħelu “Mesir Macunu” imgeżwra f’karta u mitfugħa mill-bejt tal-moskea.
Il-Festival famuż Mesir ta’ Manisa huwa ċċelebrat fil-jum ta’ Nevruz. Din it-tradizzjoni tmur lura għaż-żmien ta’ Merkez Muslihiddin Efendi, li ngħata l-ġestjoni ta’ sptar f’Manisa mwaqqaf minn Sulejman il-Kbir. L-aktar parti sinifikanti taċ-ċerimonja ssir f’Nevruz. Jiġifieri, biċċiet żgħar tal-“Mesir Macunu” ppreparati minn diversi ħxejjex aromatiċi u ħwawar, u mgeżwra f’biċċiet żgħar tal-karti jintefgħu mill-minaretti tal-Moskea Sultan f’Manisa, u n-nies li jkunu qed jistennew isfel jippruvaw jaqbdu waħda.
Fl-2012, il-“Mesir Macunu” ta’ Manisa (il-Pejst Mesir) iddaħħal fil-Lista Rappreżentattiva tal-UNESCO tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità.
Il-“Manisa Mesir Macunu” titħejja bl-użu ta’ metodu tradizzjonali li ġie mgħoddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. L-għażla tal-ingredjenti tal-aqwa kwalità, il-preparazzjoni tal-pejst taz-zokkor u t-tul ta’ żmien u t-temperatura għat-tisjir tal-pejst jaffettwaw it-togħma u l-konsistenza mistennija tal-prodott.
Il-“Manisa Mesir Macunu” għandha l-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin:
|
— |
Il-konsistenza tagħha hija ratba, |
|
— |
Għandha konsistenza twaħħal ħafna, |
|
— |
Għandha aroma pikkanti intensa u togħma pikkanti-ħelwa, |
|
— |
Il-kulur tagħha jvarja minn ambra għal kannella, |
|
— |
Tista’ tinbiegħ bħala pejst likwidu jew stikek solidi. |
Ir-reputazzjoni tal-prodott hija kkonfermata minn għadd kbir ta’ referenzi li jmorru lura sekli, f’reġistri, pubblikazzjonijiet, gwidi kulinarji, artikli u kitbiet fl-istampa u fl-istampa online, u f’bosta avvenimenti organizzati għall-promozzjoni ta’ prodotti tradizzjonali lokali.
Fil-ktieb tiegħu dwar “Manisa Mesir Macunu” ppubblikat fl-1963, Baytop iddikjara li l-41 ingredjent fil-“Manisa Mesir Macunu” ġew adottati mill-antidotu ta’ 60 ingredjent maħluq mit-tabib magħruf Ibn-i Sina, iżda l-għadd tal-ingredjenti tnaqqas, u l-pejst imbagħad kien magħmul minn 41 ħwawar u ħxejjex aromatiċi, peress li kellhom diffikultà biex jiksbu xi ingredjenti tal-kompost ta’ Ibn-i Sina mill-flora ta’ Anatolja, flimkien mal-importanza mistika tan-numru 41.
Fost pubblikazzjonijiet oħra dwar “Manisa Mesir Macunu”, insibu: “Gastronomik Bir Değer ve Kültürel Miras Olarak Mesir Macunu” (il-Pejst Mesir bħala Valur Gastronomiku u Wirt Kulturali) (Yurdakul u Çekal, 2022); “Mesir macunu ve terkibine giren maddeler” (il-pejst Mesir u l-ingredjenti tiegħu) (Yörükoğlu, 1985); “Manisa Mesir Bayramı ve Dârüşşifa'sı” (il-Festival u l-Isptar ta’ Manisa Mesir) (Bayat, 1981); “Mesir ve Manisa” (Mesir u Manisa) (Karaöz, 1954); u “Geçmişten Günümüze Manisa” (Manis mill-Imgħaddi għall-Preżent) (Tepekaya u Atar, 2018).
Fir-riċerka tagħhom dwar il-Pejst Mesir bħala Valur Gastronomiku u Wirt Kulturali ppubblikata fl-2022, Yurdakul u Çekal semmew li l-Festival ta’ Mesir sar f’Manisa bejn il-21 u s-27 ta’ Marzu bil-kooperazzjoni tal-Governanza ta’ Manisa, il-Muniċipalità ta’ Manisa u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu u l-Promozzjoni ta’ Manisa u Mesir, li kkontribwew b’mod sinifikanti għall-ħajja kulturali, turistika u ekonomika. Barra minn hekk, ġie rrapportat li l-Festival Internazzjonali Manisa Mesir ġie inkluż fil-Lista tal-UNESCO tal-Wirt Kulturali Intanġibbli fl-2012. Min-naħa l-oħra, apparti li fil-memorja kulturali tal-poplu ta’ Manisa huwa magħruf bħala l-pejst deskritt, “Manisa Mesir Macunu” intuża wkoll bħala isem għal toroq, parks u binjiet tan-negozju (Yurdakul u Çekal, 2022).
Filwaqt li kkwota mill-ktieb tiegħu, Nihat Yörükoğlu ssuġġerixxa li r-raġuni għaliex inbdew il-festivals ta’ mesir kienet li l-belt, li tinsab fuq għolja, tirnexxi u titħalla tinżel lejn il-pjanura, li kien aktar konvenjenti.
Tepekaya u Atar irrappurtaw li skont il-klassifikazzjoni ta’ William Bascom tal-erba’ funzjonijiet tal-folklor, il-Festival ta’ Manisa Mesir ipprovda lill-parteċipanti bi żmien pjaċevoli, appoġġa l-valuri u d-drawwiet u żgura t-trażmissjoni tal-kultura lill-ġenerazzjonijiet futuri billi jżommha ħajja.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Bullettin elettroniku uffiċjali tal-Uffiċċju Tork tal-Privattivi u t-Trademarks Nru 26, 02.04.2018, pp. 31-34.
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4420/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)