KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti. /* COM/2014/0635 final */
1. INTRODUZZJONI L-indirizzar tat-traffikar
tal-bnedmin huwa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità kif
ukoll il-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi tiegħu. Il-Kunsill sabiex
jikkontribwixxi għal dawn l-objettivi u sabiex isaħħaħ
il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, adotta d-Direttiva 2004/81/KE
li tirregola l-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanju lil
ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin
jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni
tal-immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet
għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-allegati traffikanti
tal-bnedmin[1].
Fl-għaxar snin ta'
wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, ittieħdu l-passi rilevanti
fil-politika tal-UE sabiex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin. Din
il-komunikazzjoni tqis il-progress miksub u tipprovdi stampa
aġġornata dwar kwistjonijiet legali u prattiċi prinċipali
marbutin mal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE[2]. Fil-5 ta' April 2011,
id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu ġiet
adottata[3].
Filwaqt li d-Direttiva 2004/81/KE tistabbilixxi
regoli speċifiċi dwar il-permessi tar-residenza u t-trattament ta’
ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw mal-awtoritajiet,
id-Direttiva 2011/36/UE tapplika bħala qafas orizzontali kemm
għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għal dawk li mhumiex. Din
tal-aħħar isaħħaħ uħud
mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fid- Direttiva 2004/81/KE,
inkluż il-qafas msaħħaħ għall-protezzjoni tat-tfal u
l-assistenza għalihom. Għaldaqstant,
iż-żewġ testi jridu jinqraw flimkien[4]. Barra minn
hekk, fl-2012 il-Kummissjoni, ppreżentat l-Istrateġija tal-UE
sabiex jixxejjen it-Traffikar tal-Bnedmin għall-2012-2016[5], li r-rapport ta’ nofs
it-term tagħha huwa ppreżentat f’pakkett ma’ din il-Komunikazzjoni. Fl-ewwel rapport dwar
l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE fl-2010[6], il-Kummissjoni kienet
semmiet ukoll xi inizjattivi attwali li qed jikkontribwixxu
għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin,
li sadanittant ġew konklużi. Dawn jinkludu l-adozzjoni ta’ Direttiva
dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi
tal-kriminalità fl-2012[7]
u t-tlestija tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil f’Ġunju 2013, li
twaqqaf standards komuni u li tipprovdi kooperazzjoni aktar
b’saħħitha sabiex jiġi żgurat trattament ġust
għall-applikanti għall-asil[8].
Waħda mill-isfidi
enfasizzati fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2010 kienet d-disponibbiltà
limitata ta’ dejta komparabbli. Minn dakinhar, żewġ Dokumenti ta’
Ħidma tal-Eurostat dwar it-traffikar tal-bnedmin ġew ippubblikati[9]. Barra minn hekk, sa
mill-2010, mistoqsijiet ad hoc dwar it-traffikar tal-bnedmin kif ukoll
studju ffukat dwar “L-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin
għall-protezzjoni internazzjonali u l-proċeduri ta’ ripatrijazzjoni
furzata” ġew ippubblikati min-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni[10]. L-aħħar
ċifri disponibbli juru li fl-UE, ingħataw
856 permess ta’ residenza tal-ewwel darba fl-2013, 1,124 fl-2012 u 1,194
fl-2011[11]. Skont l-aħħar Dokument ta’ Ħidma
tal-Eurostat dwar it-traffikar tal-bnedmin, fit-23 Stat Membru li setgħu
jipprovdu dejta, 2,171 ċittadin li mhumiex mill-UE ġew
identifikati/kienu preżunti vittmi ta’ traffikar fl-2012 u, 2,002 ġew
identifikati/kienu preżunti vittmi fl-2011.
Mad-19-il Stat Membru pprovdew id-dejta għall-2011 u għall-2012 dwar
l-għadd ta’ vittmi mogħtija perjodu ta’ riflessjoni, li ammontaw
għal 1,110 vittmi fl-2012 u 1,011-il vittma fl-2011. 2. DEFINIZZJONIJIET U L-KAMP
TA’ APPLIKAZZJONI Wara d-dħul
fis-seħħ tad-Direttiva 2011/36/UE, id-definizzjoni rilevanti ta’
“traffikar tal-bnedmin” għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE hija
dik li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE. L-Istati Membri kollha
jridu japplikaw id-Direttiva 2004/81/KE għaċ-ċittadini kollha
tal-pajjiżi terzi inkwistjoni, inkluż f’każijiet ta’ dħul
irregolari fit-territorju tagħhom. Skont
l-Artikolu 3(2), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li
japplikaw ukoll id-Direttiva għal dawk li kienu suġġetti għall-kuntrabandu,
jiġifieri l-faċilitazzjoni ta’ dħul mhux awtorizzat,
tranżitu u permanenza, kif definiti mid-Direttiva 2002/90/KE. Għaxar
Stati Membri[12]
għamlu użu minn din l-opportunità. L-Art. 3(3)
jippermetti lill-Istati Membri li jinkludu lit-tfal fil-kamp ta’
applikazzjoni tad-Direttiva. Kollha għamlu hekk, ħlief għas-SK,
filwaqt li fil-LT it-tfal huma inklużi b'kundizzjonijiet
speċifiċi. 3. L-IDENTIFIKAZZJONI
TAL-VITTMI U L-GĦOTI TAL-INFORMAZZJONI L-identifikazzjoni bikrija
tal-vittmi hija kruċjali għall-applikazzjoni effikaċi
tad-Direttiva, li tippermetti li l-vittmi jkunu infurmati fil-pront dwar
drittijiethom, sabiex jibdew proċess ta’ rkupru u jkunu jistgħu
jirriflettu qabel ma jiddeċiedu jekk jikkooperawx mal-awtoritajiet. Skont l-Art. 5,
il-vittmi għandhom jingħataw l-informazzjoni meħtieġa dwar
il-possibilitajiet offruti mid-Direttiva “meta l-awtoritajiet kompetenti
tal-Istat Membru jkunu tal-parir li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz
jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha”. L-obbligu li
l-informazzjoni trid tingħata issa huwa stabbilit ukoll
fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2011/36/UE, li b’mod espliċitu
tirreferi għad-Direttiva 2004/81/KE. L-interpretazzjoni
tal-waqt li fih l-awtoritajiet huma obbligati li jagħtu l-informazzjoni
hija aktar ċara bis-saħħa ta’ Artikolu 11(2)
tad-Direttiva 2011/36/UE, li skontu l-Istat Membru jrid jipprovdi
lill-vittmi b’assistenza u appoġġ “hekk kif l-awtoritajiet kompetenti
jkollhom indikazzjoni raġonevoli” li persuna tista’ tkun vittma. Għaxar Stati Membri
indikaw id-dispożizzjoni għall-għażla taż-żmien
fil-leġiżlazzjoni[13].
Fil-leġiżlazzjoni ta’ xi Stati Membri[14] mhuwiex ċar jekk
l-informazzjoni hijiex mogħtija wkoll lill-preżunti vittmi, jew
inkella meta jiġu identifikati uffiċjalment biss, jew fil-bidu
tal-proċedimenti kriminali. F’xi Stati Membri[15],
il-leġiżlazzjonijiet stabbilixxew kundizzjonijiet addizzjonali,
bħal pereżempju l-ksib ta' informazzjoni utli dwar l-allegat reat
mill-vittma, jew għandhom riferiment għall-għoti ta’ informazzjoni
miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi “li jikkooperaw
mal-awtoritajiet”, li jista' jqajjem tħassib dwar l-implimentazzjoni
korretta tad-Direttiva. Fir-RO l-liġi ma
tispeċifikax liema awtorità għandha tagħti l-informazzjoni, u
lanqas il-kontenut u l-format. Fl-AT l-informazzjoni jidher li fil-prattika
tingħata, iżda l-Art. 5 ma ġiex traspost b’mod
espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ħlief permezz ta’
regoli ġenerali tal-liġi amministrattiva. Fil-HR u fil-PL ma hemmx
rekwiżit ċar fil-liġi li juri li l-informazzjoni tirreferi
għall-possibilitajiet kollha offruti mid-Direttiva. L-għadd
relattivament baxx ta’ permessi ta’ residenza juri l-bżonn li
l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar trid tkompli titjieb, kif ġie rikonoxxut fl-Istrateġija tal-UE sabiex jixxejjen
it-Traffikar tal-Bnedmin. Sal-lum, mill-inqas 15-il Stat Membru waqqfu
Mekkaniżmi ta’ Riferiment Nazzjonali jew Reġjonali (NRM)
għall-vittmi[16].
Barra minn hekk, l-Art. 11 tad-Direttiva 2011/36/UE jobbliga
lill-Istati Membri biex “jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex
jistabbilixxu l-mekkaniżmi adegwati għall-identifikazzjoni bikrija
tal-vittmi, għall-assistenza u l-appoġġ għalihom”[17]. Minoranza ta’ Stati Membri
speċifikaw il-format tal-informazzjoni fil-leġiżlazzjoni[18]. Fil-prattika,
il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jipprovdu l-informazzjoni kemm
bil-fomm kif ukoll bil-miktub[19].
Xi wħud[20]
għandhom stipulat fil-leġiżlazzjoni li l-informazzjoni
għandha tingħata f’lingwa li l-persuna tifhem. Prattiki komuni
jinkludu fuljetti stampati[21],
websajts[22],
u linji telefoniċi apposta[23]. Fl-aħħar nett,
f’xi Stati Membri l-istess awtorità li hija responsabbli mill-identifikazzjoni
formali hija wkoll responsabbli biex tipprovdi l-informazzjoni[24], għalkemm dan ma
jeskludix l-involviment ta’ awtoritajiet oħrajn. F’bosta każijiet
l-informazzjoni tingħata wkoll minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili[25].
4. IL-PERJODU TA' RIFLESSJONI Sabiex ikunu jistgħu
jirkupraw u jieħdu deċiżjoni infurmata, il-vittmi jridu
jingħataw perjodu ta’ riflessjoni, li matulu (u filwaqt li qed jistennew
deċiżjoni mill-awtorità kompetenti) huma intitolati għal
miżuri ta’ għajnuna u huma protetti mill-infurzar ta' ordnijiet ta’
tkeċċija. L-Istati Membri kollha
ttrasponew l-Art. 6 fil-liġi nazzjonali, bl-eċċezzjoni
tal-AT u l-IT. Għal dawn l-Istati Membri, madankollu, jidher li dan
il-perjodu fil-prattika jingħata, jew qed jiġi sostitwit
mill-possibilità ta' permess ta’ residenza li jingħata minnufih,
irrispettivament minn jekk hemmx kooperazzjoni mal-awtoritajiet[26]. Il-biċċa
l-kbira tal-liġijiet tal-Istati Membri jipprojbixxu b'mod espliċitu
l-implimentazzjoni tal-ordnijiet ta’ tkeċċija[27]. Jirriżulta min-natura
tiegħu stess u minn għanijietu, li l-perjodu ta’ riflessjoni ma
jistax jingħata bil-kundizzjoni li l-vittma għandha l-intenzjoni li
tikkoopera. Din id-dispożizzjoni hija msaħħa ulterjorment
mill-premessa 18 tad-Direttiva 2011/36/UE, li skontha mill-inqas
matul il-perjodu ta’ riflessjoni għandhom jingħataw assistenza u
appoġġ mingħajr kondizzjonijiet, anke lill-vittmi
residenti b'mod illegali. Huwa biss wara li jitlesta l-proċess ta’
identifikazzjoni jew li jiskadi l-perjodu ta’ riflessjoni li l-Istati Membri ma
jibqgħux obbligati li jipprovdu appoġġ lil vittma li “ma tkunx
ikkunsidrata eliġibbli għal permess ta’ residenza jew inkella ma
jkollhiex residenza regolari f’dak l-Istat Membru, jew jekk il-vittma tkun
telqet mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru”. La ż-żmien meta
l-perjodu ta’ riflessjoni għandu jibda (wara li jinsabu jew jiġu
identifikati b'mod uffiċjali l-vittmi) u lanqas it-tul ta’ żmien
tiegħu ma huma stipulati fid-Direttiva[28],
madankollu din tobbliga lill-Istati Membri biex jiddeterminaw dawn
fil-liġi nazzjonali. Fil-prattika, madwar nofs l-Istati Membri
uffiċjalment jagħtu l-perjodu ta’ riflessjoni wara l-identifikazzjoni
formali biss[29].
Mat-13-il Stat Membru jagħtu mill-inqas 30 jum[30], li f’xi każijiet
jistgħu jiġu estiżi, għall-kategoriji vulnerabbli, jew
minħabba ċirkostanzi personali tal-vittma, filwaqt li oħrajn
jagħżlu direttament perjodi itwal ta’ 45[31], 60[32] jew 90 jum[33]. Hemm varjazzjoni
konsiderevoli rigward it-tul massimu, li jista’ jvarja minn xahar bla ebda
estensjoni antiċipata[34]
għal diversi xhur[35],
jew inkella jista’ jiġi estiż skont il-każ[36], u skont it-tip ta’
status ta’ residenza mogħti[37].
Fl-aħħar nett,
l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jtemm il-perjodu ta’ riflessjoni jekk
il-persuna kkonċernata attivament, volontarjament u fuq l-inizjattiva
tagħha tkun reġgħet ikkuntattjat lill-awturi tar-reat, jew
minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew għall-protezzjoni
tas-sigurtà nazzjonali (l-Art. 6(4)). Il-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni.[38] F’xi każijiet[39], ir-raġunijiet
għat-terminazzjoni jmorru lil hinn mill-kriterji stipulati fid-Direttiva,
u jistgħu jkunu eċċessivament wiesgħa. 5. IT-TRATTAMENT TA' QABEL MA JINĦAREĠ IL-PERMESS
TAR-RESIDENZA L-Artikolu 7 jirrigwarda
t-trattament tal-vittmi matul il-perjodu ta' riflessjoni u waqt li tkun
mistennija d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti. Il-kontenut
tiegħu jiġi speċifikat aktar meta jinqara mad-Direttiva
2011/36/UE. L-ewwel, id-Direttiva
2011/36/UE tenfasizza li l-appoġġ u l-għajnuna matul
il-perjodu ta' riflessjoni jridu jiġu pprovduti inkondizzjonalment
lill-vittmi kollha, irrispettivament mill-istatus ta' residenza
tagħhom. Madankollu, wara li jiskadi l-perjodu jew li jitlessta
l-proċess ta' identifikazzjoni, id-Direttiva 2011/36/UE tapplika "mingħajr
preġudizzju għad-Direttiva 2004/81/KE jew għal regoli nazzjonali
simili" (l-Artikolu 11(3)). Għalhekk, jekk il-vittma ma
titqiesx eleġibbli għal permess tar-residenza jew ma għandhiex
residenza legali f’dak l-Istat Membru, jew tkun telqet mit-territorju ta' dak
l-Istat Membru, dan tal-aħħar ma jkunx obbligat li jkompli jipprovdi
għajnuna u appoġġ fuq il-bażi tad-Direttiva 2011/36/UE
(il-premessa 18). It-tieni, rigward
il-kontenut tal-appoġġ, l-għajnuna u l-protezzjoni mogħtija
lill-vittmi, l-Artikoli 11 sa 16 tad-Direttiva 2011/36/UE jsaħħu dak
li hemm provdut fid-Direttiva 2004/81/KE. 5.1 Standards tal-għajxien li jiżguraw sussistenza Qabel ma
jinħareġ permess tar-residenza, l-Istati Membri huma obbligati biex
lill-vittmi li ma għandhomx biżżejjed riżorsi
jingħataw livell ta' għajxien li jiżgura sussistenza, kif ukoll
aċċess għal trattament mediku ta' emerġenza u attenzjoni
għal ħtiġijiet speċjali ta' dawk l-aktar vulnerabbli,
inkluża għajnuna psikoloġika fejn xieraq. Jidher li fil-prattika
l-akkomodazzjoni qed tiġi pprovduta minn bosta Stati Membri, l-aktar
permezz ta' faċilitajiet speċifiċi[40]. Madankollu, fl-HU
mhuwiex ċar jekk l-obbligu tal-vittmi biex iressqu ċertifikat,
pprovdut lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali meta japplikaw, jinkludix
diġà livell ta' kooperazzjoni qabel ma' jkunu jistgħu jingħataw
għajnuna u akkomodazzjoni, u fil-BG u fir-RO, il-perjodu ta' akkomodazzjoni
fil-postijiet ta' kenn huwa ffissat għal għaxart ijiem, li hija inqas
mit-tul tal-perjodu ta' riflessjoni, u jista' jiġi estiż b'talba
mill-vittmi jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji. It-trattament mediku, fejn
bosta drabi jkun oltre l-kura ta' emerġenza[41] li jiġi deskritt
fl-Artikolu 7(1), jidher li jiġi provdut mill-Istati Membri kollha.
Fil-prattika jidher li bosta Stati Membri jieħdu ħsieb
il-bżonnijiet speċjali tal-aktar vulnerabbli, inkluż
l-appoġġ psikoloġiku u s-servizzi ta' konsulenza, minkejja li
wħud[42]
ma ttrasponewx b'mod espliċitu dan ir-rekwiżit fil-liġi
nazzjonali. Bosta Stati Membri
jipprovdu wkoll xi forom ta' appoġġ finanzjarju għal bosta
mill-vittmi vulnerabbli jew kollha kemm huma.[43] 5.2 Ħtiġijiet ta' sikurezza u protezzjoni Il-valutazzjoni xierqa
tar-riskju u tal-ħtiġijiet hija kruċjali biex jiġu
ggarantiti s-sikurezza tal-vittmi u l-kooperazzjoni effettiva mal-awtoritajiet
(l-Artikolu 7(2)). Bosta Stati Membri introduċew leġiżlazzjoni,
protokolli jew linji gwida espliċiti dwar il-ħtiġijiet
tas-sikurezza u tal-protezzjoni [44] u/jew fil-prattika jwettqu valutazzjoni
tar-riskju u tal-ħtiġijiet.[45]
L-obbligu li jwettqu
valutazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi u tar-riskji personali
tal-vittma, stipulat fid-Direttiva 2011/36/UE (l-Artikolu 12(3) u (4)),
isaħħaħ aktar il-protezzjoni tal-vittma. 5.3 It-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u l-għajnuna legali
b'xejn L-Artikolu 7(3) jobbliga
lill-Istati Membri biex jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni
liċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati, imma fejn ikun
xieraq biss. Fiċ-CZ mhuwiex ċar jekk l-interpretazzjoni tiġix
ipprovduta b'xejn u jekk hijiex ukoll qabel il-proċedimanti kriminali.
Fil-BG il-liġi tidher li tiggarantixxi l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni
waqt il-proċedimenti kriminali biss. Fuq kollox, bosta Stati
Membri jaħsbu għal traduzzjoni jew interpretazzjoni imma
l-implimentazzjoni prattika tvarja b'mod konsiderevoli u l-aċċess
għall-vittmi, b'mod partikolari dawk barra l-proċedimenti kriminali,
jistgħu jkunu problematiċi. L-għoti fakultattiv
tal-għajuna legali bla ħlas skont l-Artikolu 7(4) ġiet trasposta
f'bosta Stati Membri[46].
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/36/UE jsaħħaħ dan
ir-rekwiżit billi jipprovdi għal konsulenza legali bla ħlas u,
fejn ikun xieraq, rappreżentazzjoni legali, jekk il-vittma ma jkollhiex
riżorsi finanzjarji xierqa. 6. Il-PERMESS TAR-RESIDENZA: ĦRUĠ, NUQQAS TA'
TIĠDID U RTIRAR Biex permess tar-residenza
jinħareġ l-Istati Membri jridu jqisu flimkien l-opportunità
ppreżentata jekk ċittadini minn pajjiż terz jinżammu aktar
fit-territorju nazzjonali għall-investigazzjonijiet jew
għall-proċedimenti ġudizzjarji, kif ukoll dwar jekk din
il-persuna hijiex lesta li tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti u li tkun
qatgħet ir-relazzjonijiet kollha mal-allegati awturi kriminali. Dawn
il-kundizzjonijiet japplikaw mingħajr preġudizzju minħabba
raġunijiet ta' ordni pubbliku u ta' protezzjoni għas-sigurtà
nazzjonali[47].
Fi ftit Stati Membri[48] il-proċedimenti
legali kontra l-allegat kriminal riedu jinbdew qabel mal-vittma seta'
jingħatalha permess tar-residenza. Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet
tista' tiġi interpretata b'mod differenti, li tvarja bejn li
tingħata informazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ilmenti
uffiċjali sa xhieda fil-qorti. Madankollu, l-Artikolu 12
tad-Direttiva 2011/36/UE saħħaħ aktar il-protezzjoni tal-vittma
billi stabbilixxa miżuri espliċiti għal dawk involuti
f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali, flimkien mal-garanziji
pprovduti mid-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet tal-vittmi ta' reat. Uħud
mill-Istati Membri jew ma jagħmlux il-permessi dipendenti fuq
il-kooperazzjoni[49]
jew jippermettu eċċezzjonijiet għal dan ir-rekwiżit fuq
il-bażi taċ-ċirkustanzi personali tal-vittmi[50]. Min-naħa l-oħra,
Stati Membri oħrajn[51]
introduċew kundizzjonijiet addizzjonali ma' dawk speċifikati
fid-Direttiva biex jinħareġ permess tar-residenza, pereżempju
prova ta' akkomodazzjoni jew ħlas ta' kont. Id-dispożizzjoni ta'
rekwiżiti addizzjonali li jagħtu diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet,
b'mod speċjali meta ma jiġux permessi eċċezzjonijiet,
jistgħu jipprevjenu b'mod mhux ġustifikabbli l-aċċess
għal permessi u għalhekk iqajmu tħassib dwar l-implimentazzjoni
tajba tad-Direttiva. Id-Direttiva tistabbilixxi
tul minimu ta' sitt xhur għall-permess. Dan ir-rekwiżit ma
jinsabx fil-leġiżlazzjoni tal-BG, EE, HR, HU, NL[52]. Tliet Stati Membri[53] joħorġu
direttament bil-liġi permess ta' sena, fejn oħrajn[54] jistabbilixxuh fuq
bażi ta' każ b'każ, fuq il-bażi tat-tul
tal-proċedimenti jew taċ-ċirkustanzi individwali. L-Artikolu 8 jagħti
mandat lill-Istati Membri biex iġeddu permess jekk il-kundizzjonijiet
taħt l-Artikolu 8(2) jibqgħux japplikaw. Madankollu, tali tiġdid
mhuwiex stabbilit b'mod ċar fil-liġi tal-PL u jidher li huwa
fakultattivit fil-LT. F'xi Stati Membri l-permess jista' jwassal għal
residenza permanenti taħt ċerti kundizzjonijiet[55]. Fl-aħħar,
l-Artikolu 14 jiddikjara li l-permessi jistgħu jiġu rtirati fi
kwalunkwe ħin, jekk ma jibqgħux jiġux sodisfatti
l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom. Għadd
żgħir ta' Stati Membri[56]
adottaw raġunijiet aktar estensivi ta' rtirar, bħal raġunijiet
ta' saħħa pubblika, li bosta drabi tapplika għall-permessi
tar-residenza kollha. F'ċerti każijiet dawn jistgħu jaqbżu
l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. 7. IT-TRATTAMENT WARA LI JINĦAREĠ IL-PERMESS
TAR-RESIDENZA Skont l-Artikolu 9,
wara li jinħareġ il-permess tar-residenza, il-vittmi
mingħajr riżorsi suffiċjenti jridu jingħataw mill-inqas
l-istess trattament kif stipulat fl-Artikolu 7. Barra minn hekk, għal
kemm itul il-permess ta’ residenza, il-vittmi għandu jkollhom
aċċess għas-suq tax-xogħol, għat-taħriġ
vokazzjonali u għall-edukazzjoni skont ir-regoli stipulati mil-liġi
nazzjonali (l-Art. 11). L-aċċess
għas-suq tax-xogħol, għat-taħriġ vokazzjonali u
għall-edukazzjoni jidher li jingħata mill-biċċa l-kbira
tal-Istati Membri, għalkemm f’xi każijiet l-aċċess
għas-suq tax-xogħol jista’ jkun problematiku[57]. L-Art. 12 jagħti
lill-vittmi l-aċċess għall-programmi għall-irkupru ta'
ħajja soċjali normali, inkluż pereżempju, it-titjib
tal-ħiliet professjonali. F’dawk l-Istati Membri li implimentaw programmi
mmirati għall-vittmi[58],
il-partijiet kkonċernati involuti huma ġeneralment pożittivi
dwarhom. Fil-HR il-parteċipazzoni fil-programm ta’ assistenza u
protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar hija kundizzjoni
għall-ħruġ u t-tiġdid tal-permess. 8. IT-TFAL L-Istati Membri li
japplikaw id-Direttiva għat-tfal għandhom, jikkunsidraw l-aħjar
interessi tagħhom, u jiżguraw li
l-proċeduri huma xierqa u jipprovdulhom aċċess
għall-edukazzjoni fuq l-istess bażi bħaċ-ċittadini,
possibbilment b’restrizzjoni għas-sistema pubblika (Artikolu. 10).
L-Istati Membri kollha jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni. Xi Stati Membri adottaw
dispożizzjonijiet speċifiċi fuq il-prinċipju tal-aħjar
interessi tat-tfal[59],
oħrajn ikkunsidraw li din kienet diġà fis-seħħ
fil-liġi nazzjonali, inkluż permezz tar-ratifika tal-Konvenzjoni
tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u għalhekk ma kinitx teħtieġ
azzjoni leġiżlattiva ulterjuri. Madankollu, l-għażla
tal-aħħar mhux dejjem tista’ tiċċara biżżejjed
il-limitu tal-applikabilità tal-Konvenzjoni fir-rigward ta’
dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva[60]. Fi kwalunkwe
każ, l-Istati Membri kollha huma marbuta bir-rispett
għall-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal meta jimplimentaw
il-liġi tal-UE.[61] Artikolu 10 (c) jiffoka
fuq tfal mhux akkumpanjati u jobbliga lill-Istati
Membri biex jiżguraw rappreżentanza legali skont il-liġi
nazzjonali kif ukoll biex jistabbilixxu l-identità, in-nazzjonalità u l-istatus
ta' mhux akkumpanjati tagħhom, u biex isibu lill-familji tagħhom
malajr kemm jista’ jkun. Mhux l-Istati Membri kollha introduċew
espliċitament dawn ir-rekwiżiti fil-liġi nazzjonali[62]. F’Settembru 2012,
il-Kummissjoni adottat rapport ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni
tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Minuri mhux Akkumpanjati 2010-2014[63], u b'hekk tapprova
l-fehma li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom il-prijorità fuq
l-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom, u li ġiet milqugħa
b’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew f’Settembru 2013[64]. Fost it-tħassib imqajjem
dwar l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 10 hemm l-identifikazzjoni xierqa,
l-istabbilment ta' proċeduri xierqa b’kunsiderazzjoni tal-aħjar
interessi tat-tfal, b'mod partikulari ta' tfal mhux akkumpanjati, kif ukoll
ta' tfal li jaħarbu minn faċilitajiet tal-indukrar. Min-naħa
l-oħra, ġew stabbiliti prattiki tajba dwar proċeduri
speċifiċi sabiex jitħarsu t-tfal li jkollhom x'jaqsmu fi
proċedimenti kriminali (eż. FI, IT). Xi Stati Membri
japplikaw kundizzjonijiet aktar favorevoli għat-tfal, bħal perjodi itwal ta’ riflessjoni[65], permessi ta’
residenza mhux kondizzjonati[66]
jew akkomodazzjoni apposta ta’ kenn[67]. Fl-aħħar nett,
l-Artikoli 13 sa 16 tad-Direttiva 2011/36/UE jiffukaw speċifikament
fuq it-tfal vittmi, filwaqt li jindirizzaw l-assistenza, l-appoġġ u
l-protezzjoni. L-implimentazzjoni tagħhom se jkollhom impatt pożittiv
fuq is-sitwazzjoni tat-tfal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-mod kif
id-Direttiva 2004/81/KE tiġi applikata għalihom. 9. KONKLUŻJONIJIET Minkejja li sar xi
progress f’dawn l-aħħar snin, id-disponibbiltà tad-dejta dwar
l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi mtejba
ulterjurment. Madankollu, ċifri disponibbli diġà juru li l-possibbiltà
tal-ħruġ ta’ permessi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi
skambju għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tintuża ftit li xejn.
Permess ta’ residenza temporanju, validu biss għat-tul ta’
investigazzjonijiet jew ta' proċedimenti kriminali, jista’ ma jkunx
jikkostitwixxi inċentiv b’saħħtu biżżejjed għal
individwi vulnerabbli, li jeħtieġu ż-żmien biex jirkupraw
minn esperjenza trawmatika qabel ma jiddeċiedu jekk iridux jibdew
kooperazzjoni formali ma’ awtoritajiet ġudizzjarji u ta’ infurzar
tal-liġi. Xi Stati Membri diġà qed jipprovdu permessi ta’ residenza
mhux kondizzjonati għall-vittmi kollha jew għal xi wħud minnhom,
minħabba ċ-ċirkostanzi personali tagħhom jew ta’
vulnerabbiltà. Madankollu, f’ħafna każijiet dawn huma
eċċezzjonijiet għal skema ta’ permessi mogħtija fuq
il-kooperazzjoni, sabiex il-vittmi ma jkunux jafu sew jekk huma jew mhumiex se jirċievu
l-permess. Barra minn hekk, mhuwiex ċar kemm-il darba huma effettivament
jiġu mogħtija u fuq liema bażi l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà
u ċ-ċirkostanzi personali titwettaq. Kriterji anqas stretti
għall-kondizzjonalità fuq il-kooperazzjoni u kundizzjonijiet oħra
aktar favorevoli, bħal dissoċjazzjoni ta’ validità ta' permess
mit-tul kollu tal-proċedimenti jew perjodu itwal ta’ żmien minimu,
jistgħu jikkontribwixxu wkoll sabiex jiġi assistit l-irkupru
tal-vittmi u b’hekk titrawwem il-kooperazzjoni tagħhom. Diversi
dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/81/KE huma marbuta mill-qrib ma’
u se jissaħħu permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE
u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE rigward il-Qerda tat-Traffikar
tal-Bnedmin. Bħala riżultat ta’ dawn l-istrumenti,
il-leġiżlazzjoni nazzjonali qed tiġi jew dalwaqt se tinbidel.
Għalhekk, il-Kummissjoni se tkun tista’ tevalwa bir-reqqa
l-ħtieġa u l-valur miżjud ta’ ħruġ ta’ gwidi
għat-talba jew li temenda d-Direttiva 2004/81/KE biss wara
l-analiżi tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE, li hija
mistennija fl-2015. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tesplora modi biex
tikkonsolida l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin,
inkluż fir-rigward ta’ permessi ta’ residenza lil vittmi li jkunu ċittadini
ta’ pajjiż terz. Sadanittant,
il-Kummissjoni bi ħsiebha tidħol fi skambji bilaterali mal-Istati
Membri bil-ħsieb li tinkiseb implimentazzjoni sħiħa u korretta
tad-Direttiva 2004/81/KE. Dan il-proċess se jikkontribwixxi wkoll
għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati mit-Task Force
għall-Mediterran, imwaqqfa f’Ottubru 2013 bil-għan li jiġi
evitat it-telf tal-ħajjiet tal-immigranti fuq il-baħar billi, fost
oħrajn, tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar u
l-kuntrabandu ta’ immigranti. Minbarra l-leġiżlazzjoni, miżuri konkreti,
bħat-tisħiħ ta’ proċessi ta’ identifikazzjoni, it-twettiq
ta' valutazzjonijiet tar-riskju individwali għall-vittmi kollha qabel u
matul il-kooperazzjoni tagħhom, jew it-titjib tal-proċeduri għal
għoti ta’ perjodi ta’ riflessjoni f’waqthom u permessi ta’ residenza,
għandhom impatt sinifikanti fuq l-effikaċja tal-applikazzjoni
tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita skambju ta’
informazzjoni u ta’ prattiki tajba ulterjuri fil-qafas ta’ strutturi
eżistenti u li jinvolvu l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili,
l-aġenziji tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jindirizzaw
it-traffikar tal-bnedmin b’mod aktar effettiv. [1] ĠU L 261, 06/08/2004 [2] Bħar-rapport preċedenti, din il-komunikazzjoni hija
bbażata fuq studju mwettaq għall-Kummissjoni. L-Istati Membri marbuta
bid-Direttiva ġew mogħtija l-opportunità li jirrieżaminaw
l-informazzjoni fattwali rilevanti li tinsab f’dan ir-rapport. L-IE, id-DK u
r-UK ma jiħdux sehem f'din id-Direttiva. F’dan ir-rapport “SM” tfisser
l-Istat Membru marbut bid-Direttiva. [3] ĠU L 101, 15/04/2011 [4] Dan ir-rapport ma janalizzax id-dispożizzjonijiet
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jimplimentaw
id-Direttiva 2011/36/UE, iżda jenfasizza l-punti l-aktar rilevanti
fejn id-Direttiva 2011/36/UE tħalli impatt fl-applikazzjoni
tagħha. 2004/81/KE.
Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar it-traspożizzjoni
tad-Direttiva 2011/36/UE fl-2015. [5] COM(2012)286 [6] COM(2010)493 [7] ĠU L 315, 14/11/2012 [8] Ara http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-532_en.htm
[9] L-ewwel Dokument ta’ Ħidma tal-Eurostat kien ippubblikat fl-2013 http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-RA 13-005/EN/KS-RA-13-005-EN.PDF.
It-tieni wieħed qed jiġi ppubblikat fl-istess żmien ta’ din il-Komunikazzjoni [10] Il-mistoqsijiet ad hoc kollha kif ukoll l-istudju msemmi li
ġie ppubblikat fl-2013, huma disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/networks/european_migration_network/reports/index_en.htm [11] Sors: Il-bażi tad-dejta tal-Eurostat ((migr_resoth),
aġġornata l-aħħar fis-26 ta’ Settembru 2014.
Ċifri għall-AT għadhom mhumiex disponibbli. [12] AT, BE, CZ, EL, EE, LU, MT, PT, RO, SE. Fil-BE l-persuni
soġġetti għal “tip serju ta’ kuntrabandu” biss huma
inklużi, kif definit fil-liġi nazzjonali, filwaqt li fil-EL,
il-kuntrabandu jrid jitwettaq minn organizzazzjoni kriminali [13] BE, BG, CZ, EL, IT, LT, LU, MT, NL, PT [14] Pereż. AT, EL, RO, SI [15] CZ, LV, MT [16] BE, BG, CY, CZ, DE, HR, HU, LV, LT, MT, NL, PL, PT, RO, SK [17] F’Settembru 2013 il-Kummissjoni adottat “Linji Gwida
għall-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin” billi offriet
appoġġ prattiku lis-servizzi konsulari u lill-gwardji tal-fruntiera.
Ara http://ec.europa.eu/antitrafficking/EU+Policy/Guidelines_identification_victims [18] BE, CY, CZ, ES, LV, PL [19] AT, MT, PT, SK u SI jipprovduha bil-fomm [20] BG, CY, CZ, DE, FR, PL, PT, ES [21] Pereż. BE, CZ, SK, ES, SE [22] Pereż FI. [23] Pereż. PL, HU, EL, PT, MT [24] AT, FR, HR, EE, ES, LT, LV, LU, NL, PL, PT, RO, SE, SI [25] F’mill-inqas 16-il Stat Membru (AT, CZ, DE, FI, HR, HU, IT, LT, LU,
LV, MT, NL, PL, PT, SI, SK) hemm ftehimiet ma’ NGOs u assoċjazzjonijiet li
jinkludu l-għoti tal-informazzjoni. F’bosta mill-Istati Membri, l-NGOs
jipparteċipaw b’modi differenti fil-proċess tal-identifikazzjoni. [26] Fl-AT, perjodu ta’ riflessjoni ta’ 30 jum ġie introdott
mill-Ministeru Federali tal-Intern, iżda dan biss b'digriet intern [27] Dan mhuwiex il-każ fil-BG. F’xi Stati Memebri, il-protezzjoni
mit-tkeċċija waqt li l-vittmi jkunu qed jistennew
id-deċiżjoni tal-awtorità dwar il-permess ta’
residenza tista’ tkun problematika [28] Ta' min jinnota li t-tul tal-perjodu ta’ riflessjoni ta’ mill-inqas 30
jum huwa preskritt mill-Art. 13.1 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa
dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS 197), li
daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2008. Sal-lum,
l-Istati Membri kollha ħlief tlieta (CZ, HR u EE) rratifikaw il-Konvenzjoni.
L-EE ffirmat iżda ma rratifikathiex [29] BG, CZ, FI, DE, EL, ES, HR, HU, LV, LU, PL, PT, RO, SK, SE [30] BG, CY, CZ, EE, EL, FI, FR, HU, LT, LV, PT, ES, SE [31] BE [32] HR, MT [33] LU, NL, PL, RO, SI, SK u DE (tliet xhur) [34] Pereżempju CZ, FR, HU, LV [35] Pereżempju, it-tul ta’ ħin standard ta’ tliet xhur flimkien
ma’ estensjoni ta’ xahrejn fil-EL, l-aktar għat-tfal [36] Pereż. AT, CY, SE [37] F’xi Stati Membri, kundizzjonijiet aktar
favorevoli jingħataw lit-tfal rigward it-tul jew l-estensjoni tal-perjodu
ta’ riflessjoni, jew l-istatus mogħti matulu. Ara infra, il-Kapitolu 8. [38] BE, CY, CZ, DE, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, LT, LU, LV, MT, NL, PL,
RO, SE, SI, SK [39] Pereż. FI, NL, SI [40] AT, BG, BE, CY, CZ, DE, EE, EL, ES, FI, HR, HU, IT, LT, LV, MT, NL,
PL, PT, RO, SE, SK [41] AT, BE, CY, CZ, EL, ES, FI, HR, LT, NL, PT, RO, SE,
SK [42] BE, BG, CZ, EL, FR, NL, HU, LT, LU, LV, PL, SI [43] Pereż. AT, BE, CY, CZ, DE, FI, EL, HR, HU, LT, LU, MT, NL, PL,
RO, SI, SK, SE. Fl-IT mhuwiex stabbilit fil-liġi imma fil-prattika
jistgħu jingħataw. Fil-PL l-vittmi jistgħu japplikaw
għall-benefiċċju wara li jiġu identifikati formalment u
wara jingħataw permess biex joqogħdu fit-territorju għal perjodu
ta' riflessjoni [44] AT, BE, BG, EL, ES, FI, FR, HR, LV, MT, PT, SK [45] AT, BE, CY, EE, ES, FI, EL, LV, LU, MT, NL, SE diġà qed iwettqu
jew qed jippjanaw li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju. CZ, EE, ES, FI, EL,
LU, LV, MT, NL, u SK diġà qed iwettqu jew qed jippjanaw li jwettqu
valutazzjonijiet tar-riskju. [46] BE, BG, CZ, DE, EL, ES, FI, FR, HR, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE
u SI ttrasponew b'mod espliċitu dan l-Artikolu li jkopri l-perjodu kemm
qabel kif ukoll wara li jinħareġ il-permess tar-residenza.
F'każijiet oħrajn hemm dispożizzjonijiet legali
speċifiċi dwar id-disponibbiltà tal-konsulenza legali wara li jinħareġ
il-permess tar-residenza imma mhux qabel (HU), minkejja li fil-prattika tista'
tiġi pprovduta (EE). F'CY u l-LV l-għajuna legali bla ħlas
tiġi pprovduta ladarba l-persuna tiġi formalment rikonoxxuta
bħala vittma [47] AT, BE, CY, DE, EE, FI, FR, LU, MT, SE, SI jipprovdu b'mod
espliċitu l-possibbiltà ta' rifjut għal dawn ir-raġunijiet.
F'każijiet oħrajn, dan huwa prinċipju ġenerali li japplika
għall-ħruġ tal-permessi tar-residenza [48] AT, CY, EE, FR, SK. Mhuwiex ċar jekk dan huwiex ukoll il-każ
fl-HU [49] AT, ES, FI, HR, IT, PT. Fil-FI tali permessi
jinħarġu fuq bażi kontinwa fejn jingħata l-intitolament
totali lill-familja tal-familja. Fil-HR
l-vittma trid taqbel li tieħu sehem fi programm ta' għajnuna u
protezzjoni. [50] BE, EL, FR, LU, HU, NL u SE. Il-BE u l-EL
joħorġu permessi bla kundizzjoni lill-minuri. Fl-HU dawn il-permessi
jinħarġu lil persuni bla Stat, u fis-SE lil barranin (inklużi
vittmi tat-traffikar) li għandhom ir-riskju li jiġu trawmatizzati jew
irrifjutati soċjalment jekk jirritornaw fil-pajjiż tagħhom ta'
oriġini, fil-proċedura ta' asil. FR toħroġ permessi
tar-residenza temporanji lill-vittmi “għal raġunijiet relatati
mal-ħajja privata jew tal-familja” f'ċerti każijiet biss,
b'diskrezzjoni tal-awtorità prifettorjali. F'pajjiżi oħrajn, bħall-DE,
ir-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet ta' residenza jippermettu
l-ħruġ ta' permessi fuq raġunijiet umanitarji, li jistgħu
jinkludu vittmi ta' traffikar, skont kundizzjonijiet speċifiċi.
Għandu jitqies ukoll li, skont il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa nru.
197 "kull Parti toħroġ permess tar-residenza rinnovabbli lil
vittmi, f'waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li
ġejjin, jew fit-tnejn: a) l-awtorità kompetenti tqis li l-permanenza
tagħhom tkun meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom;
(b) l-awtorità kompetenti tqis li l-permanenza tagħhom tkun
meħtieġa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet
kompetenti fi proċedimenti kriminali jew ta' investigazzjoni"
(l-Artikolu 14.1) Ara infra, in-nota 28 ta' qiegħ
il-paġna [51] Pereż il-BG, iċ-CZ. Xi pajjiżi jirrikjedu prova
tal-identità għall-ħruġ ta' permess imma jippermettu
eċċezzjonijiet (pereż BE, BG, EL, ES, LT, NL, PL) [52] Fl-HU l-permess huwa validu sa sitt xhur u fil-NL sa sena [53] AT, EL, PT. Fil-prattika, t-tul normalment huwa ta' sena wkoll fil-NL
u fi FR, fejn ċirkolari żiedet it-tul ta' sitt xhur stabbilit
bil-liġi [54] Pereż. CY, DE, NL [55] AT, BE, CZ, DE, ES, FI, LU, NL, PL. Il-vittmi jistgħu japplikaw
għal permess tar-residenza ta' durata bla limitu wara sena (PL), tliet
(AT) jew erba' (FI) snin ta' residenza. Fil-BE l-vittmi jistgħu japplikaw
għal-residenza permanenti, jekk il-proċess tal-qorti jkun wassal
għal kundanna jew b'deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja
kompetenti. L-istess japplika fil-NL, flimkien mal-possibbiltà li tappllika
għal residenza permanent jekk il-każ ġudizzjarju jdum aktar minn
tliet snin, jekk ir-ritorn fil-pajjiż ta' oriġini jinkludi riskji
għall-vittma, jew ikun hemm tħassib dwar kif se tingħaqad
il-familja, eċċ. Fiċ-CZ r-residenza permanenti tista' tiġi
applilkata fit-tmiem tal-proċedura. [56] BG, FI, HR, HU, LT, PL, SE, SI [57] Pereżempju f’MT l-aċċess għas-suq tax-xogħol
jidher li jiddependi b'mod formali fuq jekk tinkisibx l-approvazzjoni
tal-awtorità kompetenti. Fis-SK huwa mogħti fuq kundizzjonijiet differenti
minn dawk taċ-ċittadini u fil-LU huwa permess biss
għall-attivitajiet li għandhom salarju. [58] Pereżempju AT, CZ, ES, FI, HR, IT, LV, NL, PL u SK [59] BE, CY, EE, ES, FI, MT, PT, RO, SE [60] Ara wkoll il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal, Kumment
Ġenerali Nru 5 (2003) [61] L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. [62] Fil-leġiżlazzjoni ta' BG, FR, LU u MT ma jissemmix
espliċitament l-stabbiliment tal-identità, tan-nazzjonalità, l-istatus ta'
mhux akkumpanjati u/jew tal-ħtieġa li jinstabu l-familji mill-aktar
fis possibbli. Fil-leġiżlazzjoni ta' FI u PL f’ċerti
każijiet biss jirreferu għal minuri mhux akkumpanjati li jkunu qed
ifittxu protezzjoni internazzjonali. Ir-rappreżentanza legali f’BG ma
tintweriex b’mod ċar [63] COM(2010)213 [64] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2013-0387+0+DOC+XML+V0//MT [65] BE, BG, CY, EL, ES, FI, HR, PL, PT, SE [66] Pereżempju BE, EL. Fil-PL, minuri taħt il-15 jistgħu
jiġu eżentati mill-obbligu ta' kooperazzjoni. Fi FR, il-minuri
mhumiex soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn (jeżistu
proċeduri speċifiċi għal minuri ta’ età ogħla minn 16
u li jidħlu fis-suq tax-xogħol). Ara wkoll in-nota f’qiegħ
il-paġna 50 għall-Istati Membri li jipprovdu permessi mhux
kondizzjonati inġenerali [67] Pereżempju BE, BG, ES, EL, HR, IT, NL, RO