|
1.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 170/59 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1170
tas-26 ta' Ġunju 2017
dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra marbutin mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawn ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella. |
|
(4) |
Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta' tliet xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata f'konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Stephen QUEST
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Apparat żgħir, li jaħdem bil-batterija u li jaħdem fuq truf is-swaba' (magħruf bħala “pulse oximeter”), li jikkombina proċessur elettroniku, par dijodi li jemettu d-dawl (LED), fotodijodu u display tal-LED (li toffri diversi modalitajiet ta' wiri) f'unità waħda. Huwa mgħammar ukoll b'indikatur ta' livell baxx tal-batterija, funzjoni ta' allarm f'każ ta' rati tal-polz jew tal-ossiġnu fid-demm baxxi jew għoljin, u apparat biex jitqabbad bi klipp fuq wieħed mis-swaba' tal-utent. Jintuża bħala metodu mhux invażiv għall-monitoraġġ tas-saturazzjoni tal-ossiġnu ta' persuna u biex jitkejjel il-polz permezz tar-radjazzjoni ottika. Wara li l-apparat jitqabbad ma' wieħed mis-swaba' tal-utent, l-LEDs jgħaddu żewġ tulijiet differenti tal-mewġ tad-dawl minn ġewwa subgħet l-utent għall-fotodijodu. Ikejjel il-bidla fl-assorbenza f'kull wieħed mit-tulijiet tal-mewġ u mbagħad jiddetermina/jikkalkula s-saturazzjoni tal-ossiġnu u r-rata tal-qalb. Jista' jintuża fil-prattika medika professjonali kif ukoll fir-riċerka, fl-isport, fin-negozju eċċ. (pereżempju fi kmamar tal-ossiġnu, f'kundizzjonijiet estremi tal-muntanji f'atmosfera b'livell baxx tal-ossiġnu, għadis f'baħar fond; minn piloti, ħaddiema tat-tifi tan-nar, astronawti, eċċ.). ara l-istampa (*1). |
9018 19 10 |
Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mit-test tal-kodiċi tan-NM 9018 , 9018 19 u 9018 19 10 . L-apparat jaqa' fl-ambitu tal-intestatura 9018 li jkopri firxa wiesgħa ħafna ta' strumenti u apparati li, fil-maġġoranza kbira tal-każijiet, jintużaw biss fil-prattika professjonali biex jimpedixxu jew jikkuraw il-mard, jew għall-operazzjonijiet, eċċ. L-istrumenti u l-apparati kklassifikati hawnhekk jistgħu jkunu mgħammar bi strumenti ottiċi; jistgħu wkoll jużaw l-elettriku (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9018 ). Filwaqt li dan it-tip ta' apparat jista' jintuża minn persuni li mhumiex professjonisti, l-apparat huwa tat-tip li jintuża għal finijiet mediċi u jipprovdi informazzjoni dwar “funzjonijiet vitali tal-ġisem” li jistgħu jeħtieġu analiżi ulterjuri mill-professjonisti. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9027 bħala strumenti u apparati għall-analiżi fiżika jew kimika permezz tar-radjazzjoni ottika hija għaldaqstant eskluża. Għalhekk għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9018 19 10 bħala strumenti u apparati użati fix-xjenza medika, apparat għall-monitoraġġ ta' żewġ parametri jew aktar. |
(*1) L-istampa għandha tintuża biss għal finijiet ta' informazzjoni.