|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1789 |
5.9.2025 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1789
tal-5 ta’ Settembru 2025
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998. |
|
(2) |
Fit-8 ta’ Diċembru 2020, permezz tad-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem għal kull persuna hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha. |
|
(3) |
Mill-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mill-Federazzjoni Russa fl-2014, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea marret għall-agħar b’mod sinifikanti. Ir-residenti tal-peniżola jħabbtu wiċċhom ma’ restrizzjonijiet sistematiċi tal-libertajiet fundamentali tagħhom, u jseħħ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-Krimea, fosthom trattament krudili, inuman u degradanti tad-detenuti. |
|
(4) |
F’dak il-kuntest, jenħtieġ li żewġ persuni jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/1998 jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1998/oj.
ANNESS
Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998, l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:
|
|
Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin) |
Ismijiet |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet għall-elenkar |
Data tal-elenkar |
|
“134. |
Vadim Viktorovich BULGAKOV magħruf ukoll bħala Vadym Viktorovych BULHAKOV |
Вадим Викторович БУЛГАКОВ (Ortografija Russa) |
Pożizzjoni: Kap tad-Direttorat tas-Servizz Federali Russu tal-Infurzar Penali għar-‘Repubblika tal-Krimea u l-Belt ta’ Sevastopol’ Data tat-twelid: 30.1.1969 Post tat-twelid: Simferopol, Ukraine Nazzjonalità: Ukrena, Russa Identità tat-taxxa Ukrena (ДРФО): 2523214611 Identità tat-taxxa Russa (ИНН): 910218275068 Sess: raġel Indirizz: Simferopol, Autonomous Republic of Crimea, Ukraine Individwi assoċjati: Arkady Alexandrovich Gostev, Direttur tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu Aleksei Nikolaevich Pikin, Viċi Kap tad-Direttorat tas-Servizz Federali Russu tal-Infurzar Penali għar-‘Repubblika tal-Krimea u l-Belt ta’ Sevastopol’ |
Minn Novembru 2014, Vadim Bulgakov huwa l-Kap tad-Direttorat tas-Servizz Federali Russu tal-Infurzar Penali għar-‘Repubblika tal-Krimea u l-Belt ta’ Sevastopol.’ Huwa għandu awtorità unika fuq l-attivitajiet tad-Direttorat u, għalhekk, għandu responsabbiltà personali għal, fost affarijiet oħra, l-għoti xieraq ta’ servizzi mediċi lid-detenuti u lill-priġunieri fil-Krimea. F’din il-kapaċità, huwa responsabbli għaċ-ċaħda mifruxa u sistematika ta’ kura medika adegwata u trattament għad-detenuti u l-priġunieri, b’mod partikolari l-priġunieri politiċi. Dan jammonta għal trattament krudili, inuman jew degradanti. Sa mill-ħatra tiegħu bħala Kap tad-Direttorat fl-2014, ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-Krimea ġie ddokumentat min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. B’mod partikolari, il-prattika amministrattiva tat-trattament ħażin u ċ-ċaħda tal-kura medika lill-priġunieri politiċi, li tikkostitwixxi att ta’ trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti, seħħet ripetutament fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Simferopol fil-Krimea sa mill-ħatra tiegħu. B’mod partikolari, huwa responsabbli għat-trattament ħażin tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Iryna Danylovych u Amet Suleymanov, li ġew miċħuda kura medika xierqa għal diversi xhur matul il-priġunerija tagħhom fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Simferopol. Għalhekk, Vadim Bulgakov huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ priġunieri politiċi miżmuma f’ċentri ta’ detenzjoni fil-Krimea. |
5.9.2025 |
|
135. |
Aleksei Nikolaevich PIKIN magħruf ukoll bħala Alexey Nikolaevich PIKIN |
Алексей Николаевич ПИКИН (Ortografija Russa) |
Pożizzjoni: Viċi Direttur tad-Direttorat tas-Servizz Federali Russu tal-Infurzar Penali għar-‘Repubblika tal-Krimea u l-Belt ta’ Sevastopol’ Data tat-twelid: 9.8.1975 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Indirizz: Voronezh, Voronezh Region, Russia Individwi assoċjati: Arkady Alexandrovich Gostev, Direttur tas-Servizz Penitenzjarju Federali Russu Vadim Viktorovich Bulgakov, Kap tad-Direttorat tas-Servizz Federali Russu tal-Infurzar Penali għar-‘Repubblika tal-Krimea u l-Belt ta’ Sevastopol’ |
Aleksei Pikin huwa l-Viċi Kap tad-Direttorat tas-Servizz Federali Russu tal-Infurzar Penali għar-‘Repubblika tal-Krimea u l-Belt ta’ Sevastopol’ minn Mejju 2016. F’dik l-istruttura, huwa responsabbli għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni tas-sistema penali reġjonali fil-Krimea u Sevastopol, inkluż l-imġiba tal-persunal, il-benesseri tal-priġunieri u l-prevenzjoni ta’ ksur tal-liġi fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni. Minħabba dan il-mandat, huwa responsabbli għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq kontra individwi kkundannati għal priġunerija fil-Krimea, inkluż abbużi minn persunal, miżuri dixxiplinari illegali, jew nuqqas ta’ prevenzjoni tat-tortura, trattament ħażin jew ċaħda ta’ drittijiet bażiċi fis-sistema penali. Huwa responsabbli għaċ-ċaħda mifruxa u sistematika ta’ kura medika adegwata u l-għoti ta’ trattament lid-detenuti u lill-priġunieri, b’mod partikolari lill-priġunieri politiċi. Dan jammonta għal trattament krudili, inuman jew degradanti. Sa mill-ħatra tiegħu bħala Viċi Kap fl-2016, ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-Krimea ġie ddokumentat min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. B’mod partikolari, il-prattika amministrattiva tat-trattament ħażin u ċ-ċaħda tal-kura medika lill-priġunieri politiċi, li tikkostitwixxi att ta’ trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti, seħħet ripetutament taħt l-awtorità tiegħu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Simferopol fil-Krimea sa mill-ħatra tiegħu. B’mod partikolari, huwa responsabbli għat-trattament ħażin tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Iryna Danylovych u Amet Suleymanov, li ġew miċħuda kura medika xierqa għal diversi xhur matul il-priġunerija tagħhom fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Simferopol. Għalhekk, Aleksei Pikin huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ priġunieri politiċi miżmuma f’ċentri ta’ detenzjoni fil-Krimea. |
5.9.2025.” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1789/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)