KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑30 ta’ Jannar 2025 ( 1 )
Kawża C‑783/23
Liège Airport Security
vs
État belge, irrappreżentat mill-Ministre de l’Intérieur
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 300/2008 – Trasport – Trasport bl-ajru – Sigurtà tal-avjazzjoni ċivili – Artikolu 4 u l-Anness I – Standards bażiċi komuni – Artikolu 9 – Awtorità kompetenti responsabbli mill-koordinazzjoni u mill-monitoraġġ tal-istandards bażiċi komuni – Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jikkontrollaw is-servizzi privati ta’ sigurtà li joperaw f’ajruport – Portata”
|
1. |
Il-Ministère de l’Intérieur (Service Public Fédéral Intérieur) (il-Ministeru għall-Intern (Dipartiment Pubbliku Federali tal-Inern), il-Belġju) issanzjona lill-kumpannija inkarigata mill-kompiti ta’ sigurtà fl-ajruport ta’ Liège (il-Belġju) u lil żewġ impjegati tagħha, minħabba li din tal-ewwel ma kellhiex l-awtorizzazzjoni meħtieġa mil-liġi u minħabba li l-impjegati ma kellhomx dokument ta’ identifikazzjoni, li kellhom jintalbu mingħand il-Ministeru stess. |
|
2. |
Peress li ġie ppreżentat rikors kontra dawn is-sanzjonijiet, il-qorti li għandha tagħti deċiżjoni dwaru fl-aħħar istanza tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 ( 2 ). Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-kompetenza mogħtija lill-awtorità nnominata skont din id-dispożizzjoni teskludix intervent bħal dak imwettaq, fil-każ ineżami, mill-Ministeru għall-Intern. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt internazzjonali. L‑Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l‑Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas‑7 ta’ Diċembru 1944 ( 3 )
|
3. |
Il-Kapitolu 1 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi li: “Atti ta’ interferenza illegali. Atti, jew attentati, intiżi li jikkompromettu s-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, inklużi, mingħajr ma din il-lista ma hija eżawrjenti, dawn li ġejjin:
[…].” |
|
4. |
Skont il-Punt 2.1.1 tal-Kapitolu 2: “Kull Stat kontraenti għandu bħala għan prinċipali s-sigurtà tal-passiġġieri, tal-ekwipaġġ, tal-persunal fuq l-art u tal-pubbliku ġenerali fil-kwistjonijiet kollha marbuta mas-salvagwardja kontra l-atti ta’ interferenza illegali fl-avjazzjoni ċivili.”[traduzzjoni mhux uffiċjali] |
B. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea. Ir‑Regolament Nru 300/2008
|
5. |
Skont l-Artikolu 1 (“Objettivi”): “1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għall-protezzjoni ta’ l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali li jimminaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili. Huwa jipprovdi wkoll il-bażi għal interpretazzjoni komuni ta’ l-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. 2. Il-mezzi sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 għandhom ikunu:
|
|
6. |
L-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni”) jipprovdi li: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal dawn li ġejjin:
[…].” |
|
7. |
L-Artikolu 3 (“Definizzjonijiet”) jindika li: “Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…].” |
|
8. |
L-Artikolu 4 (“Standards bażiċi komuni”) jipprovdi li: “1. L-istandards bażiċi komuni għas-salvagwardja ta’ l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali li jimminaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness. Standards bażiċi komuni addizzjonali mhux previsti fid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu ma’ l-Anness skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat. 2. Għandhom jiġu adottati miżuri ġenerali, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1 billi jissupplimentawhom, skond il-proċedura regulatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3). Dawn il-miżuri ġenerali għandhom jikkonċernaw:
Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 19(4). 3. Miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1 u l-miżuri ġenerali msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 19 (2). […].” |
|
9. |
L-Artikolu 6 (“Miżuri aktar strinġenti applikati minn Stati Membri”) jipprovdi li: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri aktar strinġenti mill-istandards bażiċi komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 4. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jaġixxu abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u b’konformità mal-liġi Komunitarja. Dawk il-miżuri għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi, mhux diskriminatorji u proporzjonati mar-riskju li jkun qed jiġi indirizzat. […].” |
|
10. |
L-Artikolu 9 (“Awtorità Kompetenti”) jipprovdi li: “Fejn, fi Stat Membri wieħed, ikun hemm żewġ korpi jew aktar involuti fis-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili, dak l-Istat Membru għandu jinnomina awtorità waħda (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-awtorità kompetenti) li għandha tkun responsabbli mill-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni msemmijin fl-Artikolu 4.” |
|
11. |
L-Anness I jispeċifika l-“[I]standards Bażiċi Komuni għas-Salvagwardja ta’ l-Avjazzjoni Ċivili Kontra Atti ta’ Interferenza Illegali (Artikolu 4).” |
C. Id‑dritt Belġjan
1. Il-Loi du 2 octobre 2017 réglementant la sécurité privée et particulière ( 4 )
|
12. |
L-Artikolu 4 jikkunsidra bħala impriża ta’ sigurtà kull impriża li toffri jew twettaq attivitajiet ta’ sorveljanza jew li tippreżenta ruħha bħala tali. |
|
13. |
Skont l-Artikolu 16, ħadd ma jista’ joffri s-servizzi ta’ sigurtà jew jorganizza servizz intern ta’ sigurtà mingħajr ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Ministeru għall-Intern. |
|
14. |
L-Artikolu 76(1) jeżiġi li l-persuni inkarigati li jeżegwixxu kompiti ta’ sigurtà jkunu detenturi ta’ karti ta’ identifikazzjoni maħruġa mill-Ministeru għall-Intern. |
|
15. |
L-Artikolu 208 jipprevedi l-eżistenza ta’ spetturi, li jkunu membri tal-persunal tas-servizzi pubbliċi, inkarigati li jissorveljaw l-osservanza tal-LSPP u tar-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha. |
|
16. |
L-Artikolu 210 jinkariga lill-ispetturi jfasslu rapporti dwar il-ksur tal-LSPP u tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni tagħha. |
|
17. |
L-Artikolu 216 jagħti lill-ispetturi setgħat investigattivi bl-għan li jiġbru l-informazzjoni li huma jqisu neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli dwar is-sigurtà privata. |
|
18. |
L-Artikolu 236 jipprovdi li s-sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti biss għal ksur tal-LSPP jew tar-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha kontra persuni li jkunu s-suġġett ta’ rapport ta’ ksur. |
2. Id-Décret walon du 23 juin 1994 ( 5 )
|
19. |
L-Artikolu 4ter(2) jipprovdi li:
|
|
20. |
L-Artikolu 4ter(3) jipprovdi li, għal kull ajruport, għandha tinħoloq kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt pubblika, fejn il-kapital tagħha jkun miżmum b’ 49 % mill-impriża konċessjonarja responsabbli għall-operat tal-ajruport u b’51 % mir-Reġjun ta’ Wallonie (il-Belġju). Il-kumpannija operitriċi tiddelega l-kompiti ta’ sigurtà lil din il-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, imsejħa Liège Airport-Security (iktar ’il quddiem “LAS”) fil-każ tal-ajruport ta’ Liège-Bierset. |
II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domanda preliminari
|
21. |
Is-sommarju tal-fatti li sar mill-qorti tar-rinviju ( 6 ) huwa kif ġej:
|
|
22. |
Fis‑27 ta’ Novembru 2020, il-Ministeru għall-Intern impona multa ta’ EUR 15000 fuq LAS. Fil‑11 ta’ Marzu 2021, huwa impona multa ta’ EUR 500 fuq kull wieħed miż-żewġ impjegati. |
|
23. |
LAS ressqet rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Ministeru għall-Intern quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), fejn hija sostniet li, fil-Belġju, id-direction générale du transport aérien (id-Direttorat Ġenerali tat-Trasport bl-Ajru; iktar ’il quddiem id-“DGTA”) ( 7 ) kien l-awtorità inkarigata mill-koordinazzjoni u mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-istandards bażiċi komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008. |
|
24. |
Skont LAS, billi ssottomettiet is-servizzi ta’ sigurtà ta’ ajruport għall-kontroll tal-Ministeru għall-Intern, il-Belġju kiser l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008, jiġifieri huwa ma osservax ir-rekwiżit (li jinsab f’din id-dispożizzjoni) li jaħtar awtorità kompetenti waħda. |
|
25. |
Ir-rikors ta’ LAS ġie miċħud mill-qorti tal-ewwel istanza permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Frar 2022, li kontriha din il-kumpannija ppreżentat appell. Fih hija tinvoka mill-ġdid in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Ministeru għall-Intern biex jikkontrolla l-attivitajiet ta’ sigurtà tal-ajruport. |
|
26. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti maħtura taħt dik id-dispożizzjoni tiżgura s-superviżjoni [l-monitoraġġ] tal-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe awtorità oħra, biss meta dawn l-istandards jirriżultaw minn regoli speċifiċi għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili?” |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
27. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Diċembru 2023. |
|
28. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn LAS, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
29. |
Ma ġiex ikkunsidrat meħtieġ li tinżamm seduta. |
IV. Evalwazzjoni
A. Id‑delimitazzjoni tat‑tilwima
|
30. |
Il-leġiżlazzjoni li tirregola s-sigurtà privata u personali fil-Belġju (il-LSPP) timponi, fuq kull intrapriża ta’ sigurtà li toffri jew teżerċita attivitajiet ta’ sorveljanza, jew li tippreżenta ruħha bħala tali, l-obbligu li tikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Ministeru għall-Intern. |
|
31. |
Barra minn hekk, il-LSPP timponi fuq il-persuni inkarigati mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi l-obbligu li jkollhom karta ta’ identifikazzjoni jew dokument ta’ identifikazzjoni, maħruġa mill-Ministeru għall-Intern. |
|
32. |
Il-LSPP fiha regolament ta’ natura ġenerali (orizzontali) applikabbli għall-impriżi kollha tas-sigurtà privata jew personali ( 8 ), mingħajr ma tirreferi speċifikament għall-kompiti jew għas-servizzi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll li huma pprovduti f’ajruport. |
|
33. |
Id-Digriet ta’ Wallonie tat‑23 ta’ Ġunju 1994 jispeċifika s-sistema legali tal-ajruporti ta’ dan ir-reġjun. Abbażi tiegħu:
|
|
34. |
Il-kontroll tal-persuni fl-ajruporti Belġjani huwa rregolat mill-istandards bażiċi komuni (fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 300/2008) li monitoraġġ tagħhom huwa responsabbiltà tad-DGTA, filwaqt li l-leġiżlazzjoni ġenerali tal-entitajiet ta’ sigurtà privata tinsab fil-LSPP. |
|
35. |
Skont LAS, b’konsegwenza ta’ dan tiġi ġġenerata sovrappożizzjoni ta’ kompetenzi li ma hijiex konformi mar-Regolament Nru 300/2008, peress li l-impriżi u l-aġenti tas-sigurtà li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ sorveljanza privata fl-ajruporti Belġjani jistgħu jiġu kkontrollati kemm mid-DGTA kif ukoll mill-Ministeru għall-Intern ( 9 ). |
|
36. |
L-argument ta’ LAS huwa kkontestat mill-Kummissjoni, mill-Gvern Belġjan u mill-gvernijiet l-oħra li intervjenew fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari. |
|
37. |
Fid-dawl tal-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju, nifhem li l-kontenzjuż għandu jkun limitata għall-istabbiliment ta’ jekk: (a) il-Ministeru għall-Intern jistax jeżerċita, b’applikazzjoni tal-LSPP, ċertu kontroll fuq l-awtorizzazzjoni li LAS għandu jkollha u fuq id-dokumenti ta’ identifikazzjoni tal-impjegati tagħha; jew ta’ jekk (b) dan il-kontroll huwiex, esklużivament, taħt ir-responsabbiltà tal-“awtorità kompetenti” (id-DGTA) maħtura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008. |
|
38. |
Ma huwiex ikkontestat li LAS, minkejja li ġiet inkorporata bħala kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt pubbliku, hija suġġetta għall-osservanza tar-regoli Belġjani applikabbli għall-entitajiet ta’ sigurtà privata. |
|
39. |
LAS, wara li ssostni li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà bejn il-LSPP u r-Regolament Nru 300/2008, tkompli tesponi li l-analiżi għandha tiġi estiża għall-problemi li jirriżultaw mill-“ġerarkija Belġjana tar-regoli [li fiha] id-digrieti reġjonali għandhom il-valur ta’ regoli leġiżlattivi, fuq l-istess livell tal-liġijiet federali” ( 10 ). Abbażi ta’ din il-premessa, hija tafferma li l-LSPP “ma għandiex preċedenza fuq id-Digriet ta’ Wallonie tat‑23 ta’ Ġunju 1994.” |
|
40. |
Faċilment, wieħed jista’ jifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kuntest ġuridiku ppreżentat mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tidħol f’kontroversji li huma ta’ natura purament nazzjonali, bħal dik imqajma minn LAS. |
B. Ir‑risposta għad‑domanda preliminari
|
41. |
Skont il-premessa (25) tiegħu, ir-Regolament Nru 300/2008 huwa intiż għas-“salvagwardja ta’ l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali u li jipprovdi għal interpretazzjoni komuni ta’ l-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.” |
|
42. |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 300/2008 jistabbilixxi l-għan li “l-avjazzjoni ċivili [tiġi protetta] kontra atti ta’ interferenza illegali li jimminaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili.” Il-lista ta’ dawn l-atti (jew attentati) tinsab fil-Kapitolu 1 tal-Anness 17 tal-Konvenzjoni msemmija, li tinkludi lista ta’ eżempji ( 11 ). |
|
43. |
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 300/2008, is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tfisser “taħlita ta’ miżuri u riżorsi umani u materjali maħsubin għas-salvagwardja ta’ l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali li jimminaw is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili”, jiġifieri “kwalunkwe operazzjoni fl-ajru mwettqa b’inġenju ta’ l-ajru ċivili ( 12 ).” |
|
44. |
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 300/2008 jippreċiża l-mezzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-regolament. Dawn jinkludu “l-istabbiliment ta’ regoli komuni u standards bażiċi komuni dwar is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni”, u l-“mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità.” |
|
45. |
L-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Anness I tar-Regolament Nru 300/2008 għandhom impatt fuq madwar tnax-il qasam speċifiku ( 13 ). Barra minn hekk, ir-Regolament jippermetti l-adozzjoni ta’ standards bażiċi addizzjonali, li għandhom jiġu indikati wkoll fl-Anness tar-Regolament, u miżuri ġenerali biex jiġu emendati elementi mhux essenzjali tal-istandards bażiċi komuni. |
|
46. |
Għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-attenzjoni għandha tkun iffokata fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju. Il-kontenut tiegħu jagħmel parti mill-kuntest tal-mekkaniżmi intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament innifsu. |
|
47. |
L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008 jinkludi żewġ dispożizzjonijiet dwar “l-awtorità kompetenti” sabiex tikkoordina u tikkontrolla l-konformità mal-istandards bażiċi komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili:
|
|
48. |
Mil-perspettiva letterali, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008 jippermetti, mingħajr ebda ambigwità, l-konfluwenza ta’ diversi entitajiet li jwettqu kompiti fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. Irrispettivament minn jekk ikunx hemm diversi entitajiet jew le, l-Istat Membru għandu, fi kwalunkwe każ, jinnomina awtorità waħda responsabbli mill-koordinazzjoni u mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4. |
|
49. |
Anki l-kuntest leġiżlattiv jissuġġerixxi li l-pluralità ta’ organiżmi, li l-azzjoni tagħhom għandha tkun ikkoordinata u ssorveljata mill-awtorità kompetenti, hija ammissibbli. Dan huwa rifless fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 300/2008. |
|
50. |
Għalhekk, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008, hija l-awtorità waħda kompetenti maħtura minn kull Stat Membru li għandha tassumi l-kompiti ta’ “koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ” fl-applikazzjoni tal-istandards bażiċi komuni. Xejn inqas, iżda lanqas xejn iktar (apparti li, kif ser nirrileva immedjatament, Stat Membru jafda lil din l-awtorità b’funzjonijiet oħra). |
|
51. |
L-eżitu tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008 ma huwiex dak li din l-awtorità għandha neċessarjament tingħata funzjonijiet supplimentari (pereżempju, eżekuttivi jew ta’ spezzjoni) differenti minn dawk ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-entitajiet l-oħra li lilhom l-Istat Membru jkun assenja kompiti ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. |
|
52. |
Jekk tiġi aċċettata l-fehma kuntrarja, ikun ifisser li jinħoloq tip ta’ “awtorità suprema”, u li jkun hemm irduppjar tal-kompetenza ta’ awtoritajiet nazzjonali speċjalizzati oħra, jew saħansitra li jissostitwixxu lil dawn tal-aħħar ( 14 ). |
|
53. |
L-ajruporti jistgħu jiġbru flimkien l-attivitajiet ta’ ħafna entitajiet jew awtoritajiet pubbliċi, suġġetti għar-regoli settorjali operattivi tagħhom stess. Nirrepeti li xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jattribwixxulhom kompiti speċifiċi, inkluż fil-qasam tas-sigurtà tal-ajruporti, li l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom jaqgħu fuq “l-awtorità kompetenti” fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 300/2008. |
|
54. |
Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 300/2008 huwa wiesa’ ħafna: skont il-premessa 6 u l-Artikolu 2(1) tiegħu, dan jinkludi l-ajruporti użati għall-avjazzjoni ċivili li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, l-operaturi li jipprovdu servizzi f’dawn l-ajruporti u l-entitajiet li jipprovdu oġġetti jew servizzi lil dawn l-ajruporti jew permezz ta’ dawn l-ajruporti. |
|
55. |
Huwa loġiku li, fid-dawl ta’ dan il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae daqstant wiesa’, ir-Regolament Nru 300/2008 jillimita ruħu li “jistipula l-prinċipji bażiċi ta’ x’għandu jsir sabiex l-avjazzjoni ċivili tiġi salvagwardjata minn atti ta’ interferenza illegali mingħajr ma jidħol fid-dettalji tekniċi u proċedurali ta’ kif għandhom jiġu implimentati ( 15 ).” |
|
56. |
Bl-istess mod:
|
|
57. |
Skont l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompiti ta’ sigurtà mwettqa minn LAS u mill-impjegati tagħha jikkorrispondu għall-eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-istandards bażiċi komuni previsti fl-Artikolu 4 fl-Anness I tar-Regolament Nru 300/2008. |
|
58. |
Issa, dan il-fatt ma jwassalx sabiex “l-awtorità kompetenti” maħtura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008 tassumi l-kompiti kollha marbuta mal-attività tal-impriżi u tal-uffiċjali tas-sigurtà privata. Kif diġà sostnejt, dan l-artikolu jiddelimita b’mod espliċitu l-kompetenzi ta’ din l-awtorità għall-koordinazzjoni u għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-istandards bażiċi komuni. |
|
59. |
Naturalment, Stat Membru jista’ jżid kompetenzi oħra ma’ dawn, b’tali mod li l-awtorità msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008 teżerċita funzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. F’tali każ, ikunu r-regoli nazzjonali, u mhux ir-Regolament Nru 300/2008, li għandhom jirregolaw kif għandhom jitwettqu tali funzjonijiet u minn min. |
|
60. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta r-Regolament Nru 300/2008 u mhux ir-regoli nazzjonali. Din lanqas ma għandha tiddeċiedi dwar it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan kull Stat Membru f’dan il-qasam. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha l-kompitu li tistabbilixxi liema awtoritajiet jew organi fid-diversi livelli statali u sottostatali għandhom jassumu ċerti setgħat jew setgħat oħra (b’osservanza, fi kwalunkwe każ, ta’ dawk ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-awtorità msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008). |
|
61. |
B’mod partikolari, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 300/2008 ma tipprekludi lill-Belġju milli jattribwixxi lill-Ministeru għall-Intern tiegħu l-kompitu li jeżamina jekk l-entitajiet ta’ sigurtà privata għandhomx l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali settorjali, jew jekk l-impjegati ta’ dawn l-entitajiet għandhomx id-dokumenti ta’ identifikazzjoni neċessarji maħruġa minn dan il-Ministeru. |
|
62. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 16 ), LAS tqiegħed s-setgħat eżerċitati mill-Ministeru għall-Intern fuq l-istess livell tal-kompiti ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ mogħtija lid-DGTA, sabiex tittrażmetti l-idea li teżisti frizzjoni bejn is-sistema tal-LSPP u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008. |
|
63. |
Fil-fehma tiegħi, din is-setgħa u dawn il-kompiti la huma ekwivalenti u lanqas ma huma kunfliġġenti.
|
|
64. |
Għalhekk, naqbel mal-Kummissjoni u mal-gvernijiet kollha li intervjenew f’din il-proċedura li l-kontroll, attribwit lill-Ministeru għall-Intern fit-termini diġà esposti, tal-entitajiet ta’ sigurtà privata ma jinterferixxix neċessarjament mal-missjonijiet ta’ monitoraġġ u ta’ koordinazzjoni speċifiċi għall-awtorità maħtura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008. |
|
65. |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-iżvolġiment tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Ministeru għall-Intern huwa awtorizzat bis-saħħa tal-LSPP li jivverifika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà privata li l-osservanza tagħhom tikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ din l-attività. |
|
66. |
Bħala rekwiżit indispensabbli (u prerekwiżit) għat-twettiq ta’ kompiti ta’ sigurtà privata, l-awtorizzazzjoni tal-Ministeru għall-Intern hija meħtieġa irrispettivament mill-qasam spazjali li fih l-entitajiet privati jwettqu dawn il-kompiti. F’din il-perspettiva, ma huwiex rilevanti jekk huwiex ajruport jew tip bini ieħor, pubbliku jew privat. |
|
67. |
Il-verifika dwar jekk, f’każ konkret, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjonijiet li l-entitajiet ta’ sigurtà privata għandu jkollhom, jew li jirregolaw id-dokumenti ta’ identifikazzjoni tal-impjegati tagħhom, humiex osservati huwa kompitu li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi mod ieħor, jista’ jagħmel parti mis-sensiela ta’ kompetenzi ta’ awtorità settorjali (fil-kawża ineżami, il-Ministeru għall-Intern), u mhux neċessarjament mis-sensiela ta’ kompetenzi tal-awtorità msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008. |
|
68. |
Ninsiti li, għal dawn il-finijiet, huwa irrilevanti jekk l-entitajiet tas-sigurtà privati jaġixxux f’ajruport jew fi kwalunkwe spazju ieħor: tali ċirkustanza ma tbiddilx is-sistema ta’ awtorizzazzjoni li huma suġġetti għaliha. Din is-sistema hija stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi fi ħdan kull Stat Membru bejn l-organi jew l-awtoritajiet tiegħu stess (statali jew sottostatali). |
|
69. |
L-għan tal-ispezzjoni mwettqa mill-Ministeru għall-Intern ma kienx dak li jiġi vverifikat jekk, fil-kawża ineżami, LAS u l-impjegati tagħha kinux qegħdin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-sigurtà tal-ajruporti b’mod materjalment korrett: din kienet limitata għall-verifika ta’ jekk LAS u l-impjegati tagħha kellhomx, jew le, l-awtorizzazzjoni (minn qabel u obbligatorja) u d-dokumenti ta’ identifikazzjoni biex iwettqu dawn il-funzjonijiet. |
|
70. |
Inqis, fil-qosor, li l-kontroll imwettaq minn awtorità bħall-Ministeru għall-Intern bl-ebda mod ma jaffettwa ħażin d-dispożizzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 300/2008, u lanqas ma jinterferixxi mas-setgħat ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ mogħtija lill-“awtorità kompetenti” indikata fih. |
V. Konklużjoni
|
71. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) kif ġej: “L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li: ma jipprekludix li l-kontroll tal-osservanza tar-regoli li jirregolaw lill-entitajiet ta’ sigurtà privata, f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjonijiet li dawn l-entitajiet għandu jkollhom u d-dokumenti ta’ identifikazzjoni li l-impjegati tagħhom għandu jkollhom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġi eżerċitat minn awtorità li ma hijiex l-“awtorità kompetenti”, indikata bħala responsabbli mill-koordinazzjoni u mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 300/2008. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li s-servizzi pprovduti minn entitajiet ta’ sigurtà privata jiġu pprovduti f’ajruport.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU 2008, L 97, p. 72), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 18/2010 tat‑8 ta’ Jannar 2010 (ĠU 2010, L 7, p. 3).
( 3 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 15, Nru 102, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”). Għalkemm l-Unjoni Ewropea ma rratifikatx il-Konvenzjoni ta’ Chicago, hija għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). L-Istati Membri huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO. L-Anness 17 ta’ din il-konvenzjoni ġie adottat fit‑22 ta’ Marzu 1974.
( 4 ) Il-Liġi tat‑2 ta’ Ottubru 2017 dwar is-Sigurtà Privata u Personali (Moniteur belge tal‑31 ta’ Ottubru 2017, p. 96776; iktar ’il quddiem l-“LSPP”).
( 5 ) Relatif à la création et à l’exploitation des aéroports et aérodromes relevant de la Région wallonne (id-Digriet tar-Reġjun ta’ Wallonie dwar l-istabbiliment u l-operat tal-ajruporti u tal-ajrudromi li jaqgħu taħt ir-Reġjun ta’ Wallonie) (Moniteur belge tal‑15 ta’ Lulju 1994, p. 18666), fil-verżjoni tiegħu applikabbli ratione temporis għall-fatti, introdotta bid-Digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2007 (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 2007, p. 65947), iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Wallonie tat‑23 ta’ Ġunju 1994”.
( 6 ) Punt II tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 7 ) Integrat fis-Servizz Pubbliku Federali tal-Mobbiltà u tat-Trasport.
( 8 ) Meta jiddefinixxi l-attivitajiet ta’ sorveljanza privata u personali, l-Artikolu 3 tal-LSPP jagħmel riferiment, inter alia, u b’mod wiesa’ ħafna, kemm għal kull forma ta’ għassa statika ta’ proprjetà, ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ tal-pubbliku intiża li tiggarantixxi s-sigurtà u l-iżvolġiment tajjeb ta’ avvenimenti, kif ukoll għall-kompiti taż-żamma tas-sigurtà f’postijiet aċċessibbli jew mhux aċċessibbli għall-pubbliku.
( 9 ) Punti 45 u 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ LAS.
( 10 ) Nota ta’ LAS ippreżentata fil‑15 ta’ Lulju 2024, li fiha hija titlob li tinżamm seduta sabiex tiġi diskussa, inter alia, din il-kwistjoni. Kif diġà ntqal, il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx din it-talba.
( 11 ) Il-ħtif illegali ta’ inġenji tal-ajru; il-qerda ta’ inġenju tal-ajru fis-servizz; it-teħid ta’ ostaġġi abbord inġenji tal-ajru jew ajrudromi; l-intrużjoni bil-forza abbord inġenju tal-ajru, f’ajruport jew ġewwa faċilità ajrunawtika; l-introduzzjoni ta’ armi jew tagħmir (jew sustanzi) perikoluż għal finijiet kriminali f’ajruport jew abbord inġenju tal-ajru; l-użu ta’ inġenju tal-ajru fis-servizz bil-ħsieb li jikkaġuna mewt, korrimenti serji fuq il-persuna jew ħsara serja lill-proprjetà jew lill-ambjent; il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni falza li tipperikola s-sigurtà ta’ inġenju tal-ajru waqt titjira, jew fuq l-art, jew is-sigurtà tal-passiġġieri, tal-ekwipaġġ, tal-persunal fuq l-art u tal-pubbliku f’ajruport jew fis-siti ta’ faċilità tal-avjazzjoni ċivili.
( 12 ) L-operazzjonijiet imwettqa minn inġenji tal-ajru tal-Istat imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali huma esklużi.
( 13 ) It-tnax-il qasam jikkonċernaw: 1) is-sigurtà tal-ajruport; 2) iż-żoni demarkati tal-ajruporti; 3) is-sigurtà tal-inġenji tal-ajru; 4) il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina; 5) il-bagalji tal-istiva; 6) il-merkanzija u l-posta; 7) il-posta u l-materjal tat-trasportatur tal-ajru; 8) il-provvisti għat-titjira; 9) il-provvisti tal-ajruport; 10) il-miżuri ta’ sigurtà matul it-titjira; 11) ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal; u 12) it-tagħmir ta’ sigurtà. F’konformità mal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 300/2008, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal‑5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU 2015, L 299, p. 1).
( 14 ) Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk, punti 17 u 18.
( 15 ) Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 300/2008, li tenfasizza “l-ħtieġa għal aktar flessibilità fl-adozzjoni ta’ miżuri u proċeduri ta’ sigurtà sabiex il-valutazzjonijiet tar-riskju li qed jevolvu jiġu sodisfatti u sabiex ikunu jistgħu jiġu introdotti teknoloġiji ġodda.”
( 16 ) Punti 56, 87, 101 u 102.