KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
NORKUS
ippreżentati fit‑3 ta’ Lulju 2025 ( 1 )
Kawża C‑485/24
Locatrans Sarl
vs
ES
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation - chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni – Awla Soċjali, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Konvenzjoni ta’ Ruma) – Artikolu 6 – Kuntratt ta’ xogħol – Għażla tal-partijiet – Dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla – Kriterji ta’ rabta – Ħaddiem li jwettaq ix-xogħol tiegħu f’diversi Stati kontraenti – Post abitwali ta’ xogħol – Bidla tal-post abitwali ta’ xogħol waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt – Evalwazzjoni bbażata fuq it-tul kollu tal-kuntratt jew tal-perijodu l-iktar reċenti ta’ eżerċizzju ta’ attivitajiet”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu bħala kuntest ġuridiku l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali ( 2 ). B’mod iktar preċiż, id-domanda magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 6 ta’ din il-konvenzjoni. L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-prinċipju tal-awtonomija tar-rieda tal-partijiet fl-għażla tal-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. Skont dan il-prinċipju, komuni għall-Istati Membri, il-kuntratt huwa rregolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-Artikolu 6, li l-interpretazzjoni tiegħu hija fil-qalba ta’ din id-domanda, jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol fin-nuqqas ta’ għażla magħmula b’konformità mal-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni u b’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-istess konvenzjoni ( 3 ). |
|
2. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija ta’ trasport, sewwieq li ħadem għal din il-kumpannija, fir-rigward ta’ diversi talbiet għal kumpens imressqa minn dan tal-aħħar fil-konfront tal-persuna li kienet timpjegah, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
|
3. |
F’dan il-kuntest ġuridiku u fattwali, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż fejn il-ħaddiem, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. |
|
4. |
B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni tippreċiża l-kunsiderazzjonijiet li hija għamlet fis-sentenza Koelzsch ( 4 ), f’kuntest fattwali simili għal dak ta’ din is-sentenza, iżda li jqajjem kwistjoni għall-ewwel darba. Din il-kwistjoni tikkonċerna l-perijodu ta’ xogħol li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-liġi li tkun applikabbli skont din id-dispożizzjoni fil-każ fejn il-ħaddiema eżerċita l-attivitajiet tiegħu mal-persuna li timpjegah f’żewġ fażijiet distinti: l-ewwel, f’diversi Stati, imbagħad, matul il-perijodu ta’ qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, għal żmien twil fi Stat wieħed. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
Minbarra l-Artikoli 1, 3 u 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (li sar l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008) ( 5 ), għandu importanza partikolari f’din il-kawża, il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 6 ) (li sar l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001) ( 7 ). |
III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
6. |
Permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż fil‑15 ta’ Ottubru 2002, ES kien ġie ingaġġat bħala sewwieq minn Locatrans Sàrl (iktar ’il quddiem Locatrans), kumpannija ta’ trasport stabbilita f’Bettembourg (il-Lussemburgu). Il-kuntratt ta’ xogħol kien jipprevedi tul ta’ 166 siegħa fix-xahar. Kien jistipula li l-liġi applikabbli kienet il-liġi Lussemburgiża u li l-pajjiżi essenzjalment ikkonċernati mit-trasport kienu l-Ġermanja, il-Benelux, l-Italja, Spanja, il-Portugall u l-Awstrija. |
|
7. |
Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Jannar 2014, Locatrans informat lill-impjegat bid-deċiżjoni tagħha li tnaqqas in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol tiegħu għal 35 kull ġimgħa, jew għal 151.55 siegħa kull xahar, sa mis‑16 ta’ Lulju 2014, emenda li għaliha wera l-oppożizzjoni tiegħu. |
|
8. |
Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2014, Locatrans informat lill-impjegat li, wara l-analiżi tal-attività tiegħu fuq l-aħħar tmintax-il xahar, hija kienet ikkonstatat li huwa kien wettaq parti sinjifikattiva mill-attività tiegħu bħala impjegat, jiġifieri iktar minn 50 %, fi Franza u li hija kellha l-obbligu li tirreġistrah mas-sigurtà soċjali Franċiża. |
|
9. |
Locatrans ikkonfermat proposta ta’ reklutaġġ fir-rigward tal-impjegat ma’ kumpannija Franċiża permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ April 2014 u indikatlu li ma kienx ser jibqa’ parti mill-persunal tal-impriża sa mis‑16 ta’ Lulju 2014 wara r-rifjut tiegħu li jnaqqas il-ħin tax-xogħol tiegħu. |
|
10. |
Fit‑8 ta’ Jannar 2015, filwaqt li kkontesta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, l-impjegat ressaq quddiem il-conseil de prud’hommes de Dijon (il-Qorti Industrijali ta’ Dijon, Franza) diversi talbiet għal kumpens. |
|
11. |
Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ April 2017, il-conseil de prud’hommes de Dijon (il-Qorti Industrijali ta’ Dijon) ma laqgħetx it-talbiet tal-impjegat għar-raġunijiet li l-liġi Lussemburgiża kienet applikabbli għall-eżekuzzjoni u għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, li r-riżenja tiegħu kienet ċara u mingħajr ekwivoku u li ma kienx hemm lok li tiġi rriklassifikata bħala xoljiment abbużiv. |
|
12. |
Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, il-cour d’appel de Dijon (il-Qorti tal-Appell ta’ Dijon, Franza), fuq appell tal-impjegat, varjat is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017. F’dan ir-rigward, din il-qorti rrilevat li, skont il-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni, il-partijiet kienu għażlu li jissuġġettaw ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għad-dritt Lussemburgiż. Madankollu, fl-ittra tagħha tal‑31 ta’ Marzu 2014, Locatrans kienet irrikonoxxiet li l-impjegat kien wettaq il-parti l-kbira tax-xogħol tiegħu fi Franza, u l-impjegat kien ipproduċa l-prova ta’ dan il-fatt. Fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-għażla tal-liġi Lussemburgiża mill-partijiet ma setax ikollha bħala riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni żgurata lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi Franċiża, bħad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-emenda u t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti, peress li rriklassifikat it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol bħala tkeċċija u kkonstatat li t-tkeċċija ma kinitx ibbażata fuq kawża reali u serja, ikkundannat lil Locatrans tħallas lill-impjegat xi somom bħala kumpens. |
|
13. |
Locatrans appellat minn din is-sentenza fil-kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation – chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni – Awla Soċjali, Franza), il-qorti tar-rinviju. |
|
14. |
Essenzjalment, din il-qorti fakkret ir-regola dwar il-kunflitt prevista fl-Artikolu 6(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ fejn il-ħaddiem jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, u dan b’mod partikolari fis-sentenza Koelzsch ( 8 ). F’din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha wkoll fuq il-ġurisprudenza tagħha dwar il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li juri l-intenzjoni li tingħata interpretazzjoni inekwivoka tal-kriterji ta’ rabta fil-qasam tal-kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet u tal-kunflitt ta’ liġijiet. Fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju fakkret ukoll ir-rilevanza tas-sentenza Weber ( 9 ). |
|
15. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja li l-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Koelzsch ( 10 ) dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jistgħu jwasslu, b’applikazzjoni tal-prinċipju favor laboris, sabiex jiġi sostnut il-kriterju tal-aħħar post fejn l-impjegat abitwalment wettaq ix-xogħol tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li, fis-sentenza Weber ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espressament għat-teħid inkunsiderazzjoni tat-“tul kollu tar-relazzjoni ta’ xogħol” mingħajr ma qieset il-kriterju tal-aħħar post fejn l-impjegat abitwalment wettaq ix-xogħol tiegħu, kif stabbilit fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. |
|
16. |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi ddeterminata l-liġi li ser tkun applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet, għandux, f’dan il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul kollu tar-relazzjoni ta’ xogħol sabiex jiġi identifikat il-post fejn il-parti kkonċernata abitwalment wettqet ix-xogħol tagħha, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jew jekk għandux jitqies il-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti. Hija tqis li, minkejja li l-kriterju tal-aħħar post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu huwa rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti, sa fejn dan jippermetti lill-impjegat jieħu azzjoni b’inqas spejjeż, għad hemm dubju dwar il-possibbiltà li dan il-kriterju jiġi applikat sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet, peress li, b’mod partikolari, tali approċċ jista’ jwassal sabiex dan l-istess kuntratt ta’ xogħol ikun sussegwentement suġġett għal liġijiet imperattivi differenti, skont bidliet li jseħħu fir-rigward tal-post tax-xogħol. |
|
17. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation, chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Soċjali), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 3 u 6 tal-[Konvenzjoni ta’ Ruma], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn il-persuna impjegata tkun teżerċita l-istess attivitajiet għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegaha f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, għandu, sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul kollu tar-relazzjoni ta’ xogħol sabiex jiġi ddeterminat il-post li fih il-persuna kkonċernata kienet abitwalment twettaq xogħolha jew għandu jintuża l-perijodu ta’ xogħol l-iktar riċenti f’sitwazzjoni fejn il-ħaddiem, wara li jkun wettaq xogħlu għal ċertu żmien f’post partikolari, ikun jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fuq żmien twil f’post differenti, liema post ikun intiż, skont ir-rieda ċara tal-partijiet, li jsir il-post il-ġdid tax-xogħol abitwali?” |
|
18. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Franċiż u dak Ċek kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammitx seduta. |
IV. Fuq id-domanda preliminari
|
19. |
Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 u 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn, minn naħa, impjegat l-ewwel eżerċita l-istess attivitajiet għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah f’diversi Stati u mbagħad, matul il-perijodu preċedenti għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, eżerċita l-attivitajiet tiegħu għal żmien twil fi Stat wieħed, b’dan tal-aħħar intiż, skont ir-rieda ċara tal-partijiet, li jsir post abitwali ta’ xogħol ġdid, u min-naħa l-oħra, il-kontestazzjoni ta’ dan l-impjegat tirrigwarda t-terminazzjoni tal-kuntratt, għandux, sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn l-imsemmi impjegat abitwalment wettaq ix-xogħol tiegħu, u konsegwentement, il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet, isir riferiment għat-tul kollu tar-relazzjoni ta’ xogħol jew għall-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti. |
|
20. |
Għalhekk, din il-qorti tistaqsi essenzjalment, dwar liema minn dawn iż-żewġ kriterji huwa applikabbli għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni peress li din it-terminazzjoni tinvolvi kunflitt bejn il-liġijiet applikabbli ( 12 ). Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-każ tal-ewwel kriterju invokat, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul kollu tar-relazzjoni ta’ xogħol ikollu l-konsegwenza li l-fondatezza tat-talbiet imressqa minn ES tkun eżaminata abbażi tal-liġi Lussemburgiża u li dawn it-talbiet ikollhom konsegwentement jiġu miċħuda. Mill-banda l-oħra, fil-każ tat-tieni kriterju previst, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti biss, tkun imbagħad applikabbli l-liġi Franċiża fil-qasam tal-emenda u tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, li tkun iktar favorevoli għal ES. |
|
21. |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tikkunsidra li jeżisti dubju raġonevoli fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kriterju tal-aħħar post fejn l-impjegat abitwalment wettaq ix-xogħol tiegħu, rilevanti għad-determinazzjoni tal-qorti kompetenti, jistax jiġi sostnut ukoll għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ xogħol fin-nuqqas ta’ għażla, peress li tali approċċ jista’ b’mod partikolari jwassal sabiex l-istess kuntratt ta’ xogħol ikun suġġett suċċessivament għal liġijiet imperattivi differenti, skont il-bidliet li jaffettwaw il-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol. |
|
22. |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet interessati ma jaqblux fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. |
|
23. |
Locatrans u l-Gvern Ċek jargumentaw, billi jirreferu, b’mod partikolari, għas-sentenza Weber, li fil-każ fejn l-impjegat jeżerċita l-istess attivitajiet għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah f’iktar minn Stat wieħed, sabiex jiġi identifikat il-post fejn il-persuna kkonċernata abitwalment wettqet ix-xogħol tagħha, u konsegwentement, il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul kollu tar-relazzjoni tax-xogħol. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Franċiż iqis li, madankollu, il-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, l-eżistenza ta’ rabtiet iktar stretti ma’ pajjiż ieħor. Mill-banda l-oħra, ES isostni, preliminarjament, li minkejja l-formulazzjoni tad-domanda preliminari, huwa ma bidilx il-post tax-xogħol tiegħu matul ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ( 13 ). Għalhekk, is-sitwazzjoni tiegħu hija distinta b’mod ċar minn dik li tat lok għas-sentenza Weber, fejn il-ħaddiem kien eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’żewġ postijiet ta’ xogħol differenti suċċessivament. Fi kwalunkwe każ, anki jekk is-sentenza Weber tiġi meqjusa effettivament rilevanti għal din il-kawża, għandu jsir riferiment għall-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kontestazzjoni tirrigwarda t-terminazzjoni tal-kuntratt u fejn il-fatti rilevanti sabiex tiġi deċiża seħħew fit-tmiem tiegħu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti. |
|
24. |
Fid-dawl tad-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju u fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet interessati, ser nippreżenta, fl-ewwel lok, xi kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-għan u l-istruttura ġenerali tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-regola dwar il-kunflitt prevista fl-Artikolu 6 tagħha (Taqsima A). Fit-tieni lok, ser nindirizza l-kunċett ta’ “pajjiż fejn il-ħaddiem, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) ta’ din il-konvenzjoni, u dan fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, sabiex minnha jinsiltu l-konsegwenzi għal din il-kawża (Taqsima B). |
A. Kummenti preliminari fuq l-għan u l-istruttura ġenerali tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-regola dwar il-kunflitt ta’ liġijiet prevista fl-Artikolu 6 tagħha
|
25. |
Għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ), mill-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirriżulta li din ġiet konkluża sabiex jitkompla, fil-kamp tad-dritt internazzjonali privat, ix-xogħol ta’ armonizzazzjoni ġuridika mibdi permezz tal-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 15 ). |
|
26. |
Minn dan il-preambolu jirriżulta wkoll li din il-konvenzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi regoli uniformi li jirrigwardaw il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, ikun xi jkun il-post fejn tkun ser tingħata s-sentenza. Fil-fatt, kif jirriżulta wkoll mir-rapport dwar l-imsemmija konvenzjoni, din tnisslet mill-għan li jiġu evitati l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mid-diversità tar-regoli dwar il-kunflitt fil-qasam tal-kuntratti ( 16 ). |
|
27. |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest li fih taqa’ r-regola dwar il-kunflitt prevista fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandhom jiġu rrilevati, il-kriterji ġenerali stabbiliti minn din il-konvenzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli. F’dan ir-rigward, ir-regoli uniformi stabbiliti fit-Titolu II tal-imsemmija konvenzjoni jistabbilixxu l-prinċipju li għandha tingħata l-prijorità lir-rieda tal-partijiet, li għandhom, skont l-Artikolu 3 tal-istess konvenzjoni, il-libertà tal-għażla tal-liġi applikabbli. Fin-nuqqas ta’ tali għażla, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprevedi l-kriterji ta’ rabta li abbażi tagħhom il-qorti għandha tiddetermina din il-liġi ( 17 ). Dawn il-kriterji japplikaw għal kull kategorija ta’ kuntratt ( 18 ). |
|
28. |
Bħalma huwa magħruf, għal ċerti tipi ta’ kuntratti, huma previsti wkoll regoli speċifiċi. B’mod partikolari, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jistabbilixxi regola dwar il-kunflitt ta’ liġi applikabbli għall-kuntratti individwali ta’ xogħol. Din ir-regola dwar il-kunflitt speċjali (l-istess bħal dik prevista fl-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I) hija magħmula minn żewġ dispożizzjonijiet ġenerali (paragrafu 1 u paragrafu 2(a)), minn dispożizzjoni sussidjarja (paragrafu 2(b)) u minn klawżola ta’ eċċezzjoni (l-aħħar sentenza tal-paragrafu 2) ( 19 ). Skont l-edituri ta’ din il-konvenzjoni, tali regola dwar il-kunflitt speċjali kienet intiża sabiex tintroduċi regolament iktar xieraq ta’ oqsma fejn l-interessi tal-Istati kkonċernati ma jkunux kollha fuq l-istess livell, filwaqt li tiżgura protezzjoni iktar xierqa lill-parti meqjusa, mill-perspettiva soċjoekonomika, l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali ( 20 ). |
|
29. |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija konvenzjoni jistabbilixxi li “[m]inkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3, f’kuntratt ta’ impjieg għażla ta’ liġi magħmula mill-partijiet m’għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatarji tal-liġi li tkun applikabbli skond il-paragrafu 2 [ta’ dan l-Artikolu] fin-nuqqas ta’ għażla” ( 21 ). Fin-nuqqas ta’ tali għażla, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 6 jistabbilixxi żewġ kriterji ta’ rabta, jiġifieri, prinċipalment, il-“liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt” (punt (a)), li għalhekk hija l-liġi oġġettivament applikabbli, jew, sussidjarjament, “jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, […] il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab” (punt (b)) ( 22 ). Klawżola ta’ eċċezzjoni hija introdotta fl-aħħar sentenza ta’ dan il-paragrafu 2, li tipprovdi li dawn iż-żewġ kriterji ta’ rabta ma humiex applikabbli meta jkun “jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż”. |
|
30. |
Huwa f’dan il-kuntest ( 23 ), u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet differenti tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni, li ser nipproċedi issa għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż fejn il-ħaddiem, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. |
B. Fuq il-kunċett ta’ “pajjiż fejn il-ħaddiem, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma
1. Fuq il-ġurisprudenza rilevanti u l-interpretazzjonijiet litterali, kuntestwali u teleoloġika
|
31. |
L-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jipprevedi li minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u fin-nuqqas ta’ għażla eżerċitata b’konformità mal-Artikolu 3, il-kuntratt ta’ xogħol huwa rregolat mil-“liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ukoll jekk ikun temporanjament impjegat f’pajjiż ieħor”. |
|
32. |
Mill-qari ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li interpretazzjoni litterali ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi ddefinit il-kunċett awtonomu tal-“liġi tal-pajjiż fejn il-ħaddiem, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”. Huwa fis-sentenza Koelzsch ( 24 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għall-ewwel darba, dwar dan il-kunċett, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 25 ). |
a) Fuq is-sentenza Koelzsch: l-isfumaturi tal-kunċett
1) L-għan li tiġi żġurata protezzjoni xierqa lill-ħaddiem u l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kriterju ta’ rabta
|
33. |
Fis-sentenza Koelzsch, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet interpretazzjoni wiesgħa sabiex tindika l-isfumaturi tal-kunċett awtonomu ta’ “liġi tal-pajjiż fejn il-ħaddiem, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”. Sabiex tagħmel dan, hija indikat, qabelxejn, li tali interpretazzjoni ma għandhiex tinjora lil dik relatata mal-kriterji previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell billi dawn jistabbilixxu r-regoli ta’ determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni għall-istess oqsma u jistabbilixxu kunċetti simili ( 26 ). Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha li tinterpreta din id-dispożizzjoni ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fil-każ fejn il-ħaddiem jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu f’iktar minn Stat wieħed, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess li tiġi żgurata protezzjoni xierqa għall-ħaddiem bħala l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa ( 28 ). |
|
34. |
Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-qasam tal-kuntratt ta’ xogħol, il-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Konvenzjoni ta’ Ruma għandhom l-istess għan, jiġifieri l-protezzjoni xierqa tal-ħaddiem. Għalhekk, hija ddeċidiet, fid-dawl ta’ dan l-għan, li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jinqara bħala li jiggarantixxi l-applikabbiltà tal-liġi tal-Istat li fih il-ħaddiem jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu pjuttost milli dik tal-Istat tas-sede tal-persuna li timpjega ( 29 ). Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet identiċi għaż-żewġ konvenzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ġurisprudenza li tinterpreta l-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tibqa’ rilevanti fl-analiżi tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 30 ). |
|
35. |
Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li meta l-provvista ta’ xogħol titwettaq f’iktar minn Stat Membru wieħed, il-kriterju tal-pajjiż tat-twettiq abitwali tax-xogħol għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa u għandu jinftiehem li jirreferi għall-post li fih jew li minnu l-ħaddiem effettivament jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu, u fin-nuqqas ta’ ċentru ta’ kummerċ, għall-post fejn dan iwettaq il‑parti l-kbira tal-attivitajiet tiegħu ( 31 ). Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk ħaddiem wettaqx abitwalment ix-xogħol tiegħu f’wieħed mill-Istati kkonċernati, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa lill-kriterju ta’ rabta stabbilit fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 32 ). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tax-xogħol fis-settur tat-trasport internazzjonali, u ppreċiżat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tal-ħaddiem ( 33 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jiġi interpretat fis-sena li, fil-każ fejn il-ħaddiem jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, il-pajjiż li fih il-ħaddiem, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa dak fejn jew li minnu, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-imsemmija attività, il-ħaddiem iwettaq il‑parti l-kbira mill-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah ( 34 ). |
2) Ir-regola bażika u l-metodu ċirkustanzjali li jippermetti l-konkretizzazzjoni tagħha: il-kriterju kwalitattiv
|
36. |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiem wettaqx abitwalment ix-xogħol tiegħu f’wieħed mill-Istati kontraenti u sabiex jiġi ddeterminat f’liema fosthom, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tistabbilixxi, fil-punt 50 tas-sentenza Koelzsch, regola bażika bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi kriterji fattwali. Skont din ir-regola, “il-pajjiż li fih il-ħaddiem, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” huwa dak fejn jew li minnu, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-imsemmija attività, il-ħaddiem iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah ( 35 ). |
|
37. |
Sabiex tagħti gwida lill-qorti nazzjonali fl-applikazzjoni tal-imsemmija regola, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-partikolarità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol fis-settur tat-trasport, diversi indizji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi f’liema Stat jinsab il-post li minnu l-ħaddiem iwettaq il-missjonijiet ta’ trasport tiegħu, jirċievi l-istruzzjonijiet dwar il-missjonijiet tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post fejn tinsab l-għodda tax-xogħol. Hija għandha wkoll tivverifika liema huma l-postijiet fejn it-trasport isir prinċipalment, il‑postijiet tal-ħatt tal-merkanzija kif ukoll il-post fejn il-ħaddiem jirritorna wara l-missjonijiet tiegħu ( 36 ). |
|
38. |
Fl-opinjoni tiegħi, dan il-“metodu ċirkustanzjali” jikkostitwixxi element importanti sabiex tinftiehem il-portata ta’ kunċett bħal dak tal-“post fejn jew li minnu l-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” waqt l-applikazzjoni tiegħu f’każ konkret. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi metodu mhux biss jippermetti l-aħjar riflessjoni tar-realtà tar-relazzjonijiet legali, li fiha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tal-ħaddiem, iżda wkoll jipprevjeni li dan il-kunċett jiġi strumentalizzat jew jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ evażjoni ( 37 ). |
|
39. |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li sabiex tistabbilixxi r-regola bażika invokata iktar kmieni ( 38 ), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha relatata mal-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 39 ). Fil-fatt, ma għandux jintesa li l-kawżi li taw lok għal din il-ġurisprudenza, kienu jirrigwardaw ħaddiem li kien jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu f’diversi Stati, iżda li kellu f’wieħed minn dawn l-Istati, fejn dan il-ħaddiem kien stabbilixxa r-residenza tiegħu, uffiċċju li minnu kien jorganizza x-xogħol tiegħu għan-nom tal-persuna li timpjegah u li fih kien jirritorna wara kull ċaqliq professjonali barra mill-pajjiż. Għaldaqstant, għall-finijiet tad-determinazzjoni konkreta tal-post fejn il-ħaddiem “abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan huwa l-post li minnu l-ħaddiem iwettaq prinċipalment l-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah, jew dak li fih huwa stabbilixxa ċ-ċentru effettiv tal-attivitajiet professjonali tiegħu ( 40 ). |
|
40. |
Barra minn hekk, infakkar li l-espressjoni “li minnu” kienet miżjuda fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Ruma I ( 41 ) waqt it-trasformazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma f’regolament ( 42 ). Għalhekk, permezz ta’ din l-espressjoni ġdida, il-leġiżlatur tal-Unjoni integra, f’dan ir-regolament, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 43 ). |
|
41. |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ltaqgħet ukoll, fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-qasam ta’ kuntratt ta’ xogħol eżegwit fit-territorju ta’ diversi Stati, ma’ sitwazzjoni oħra li fiha ebda post ma seta’ jiġi identifikat, fost il-ħafna postijiet ikkonċernati, bħala dak fejn jew li minnu l-ħaddiem jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu. Dan kien il-każ fis-sentenza Weber. |
b) Fuq is-sentenza Weber: il-kriterju ratione temporis
|
42. |
Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Weber, qamet, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk għandux, sabiex jiġi ddeterminat jekk ħaddiem wettaqx ix-xogħol tiegħu “abitwalment” fi Stat kontraenti, jittieħed inkunsiderazzjoni “t-tul kollu” tar-relazzjoni ta’ xogħol jew l-aħħar perijodu tagħha biss ( 44 ). |
|
43. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn il-kawża li kellha quddiemha u dawk li taw lok għas-sentenzi Mulox IBC u Rutten, li fihom, għall-kuntrarju ta’ din il-kawża, il-ħaddiem kellu f’wieħed mill-Istati kontraenti uffiċċju li jikkostitwixxi ċ-ċentru effettiv tal-attivitajiet professjonali tiegħu u li minnu kien iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah ( 45 ). Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ġurisprudenza li toħroġ minn dawn is-sentenzi ma tistax tiġi trasposta fl-intier tagħha għall-imsemmija kawża ( 46 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din il-ġurisprudenza tibqa’ rilevanti sa fejn hija timplika li, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ xogħol eżegwit fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti, il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandu jiġi interpretat li jirrigwarda l-post fejn, jew li minnu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, il-ħaddiem iwettaq fil-fatt il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah ( 47 ). |
|
44. |
Fit-tieni lok, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterju rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-post abitwali ta’ xogħol, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa, bħala prinċipju, il-post fejn il-ħaddiem wettaq il-parti l-kbira tal-ħin tax-xogħol tiegħu għan-nom tal-persuna li timpjegah ( 48 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fin-nuqqas ta’ kriterji oħra, li dan il-post huwa dak fejn il-ħaddiem wettaq il-parti l-kbira tal-ħin tax-xogħol tiegħu ( 49 ). |
|
45. |
Għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kriterju ratione temporis, ibbażat fuq it-tul rispettiv taż-żmien ta’ xogħol imwettaq fl-Istati kontraenti differenti inkwistjoni, loġikament jimplika li l-intier tal-perijodu tal-attività tal-ħaddiem jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn l-impjegat wettaq il-parti l-iktar sinjifikattiva tal-impjieg tiegħu u fejn, f’tali każ, ikun jinsab iċ-ċentru ta’ gravità tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu mal-persuna li timpjega ( 50 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ xogħol li fl-eżekuzzjoni tiegħu l-impjegat jeżerċita l-istess attivitajiet għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, bħala prinċipju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul kollu tar-relazzjoni ta’ xogħol sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn il-persuna kkonċernata abitwalment wettqet ix-xogħol tagħha ( 51 ). |
|
46. |
F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja pprevediet dak li mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ jidher bħala eċċezzjoni tar-regola tal-kriterju ratione temporis li tipprovdi li l-post abitwali ta’ xogħol huwa dak fejn il-ħaddiem wettaq il-parti l-kbira tal-ħin tax-xogħol tiegħu. Issa, jiena tal-opinjoni li din ma hijiex eċċezzjoni, iżda pjuttost applikazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dan il-kriterju ratione temporis f’każ speċifiku. Fil-fatt, hija ppreċiżat li l-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti għandu jiġi sostnut meta l-ħaddiem, wara li jkun wettaq ix-xogħol tiegħu għal ċertu tul ta’ żmien f’post partikolari, jeżerċita mbagħad l-attivitajiet tiegħu għal żmien twil f’post differenti, peress li, skont ir-rieda ċara tal-partijiet, dan tal-aħħar huwa intiż li jsir post abitwali ta’ xogħol ġdid ( 52 ). Għalhekk, fl-assenza ta’ ċentru effettiv tal-attivitajiet professjonali tal-ħaddiem, il-kriterju ratione temporis stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza huwa bbażat fuq regola bażika, li ma tistax tiġi eskluża ħlief fil-każ fejn, fid-dawl tal-elementi fattwali tal-każ inkwistjoni, is-suġġett tal-kontestazzjoni inkwistjoni jippreżenta rabtiet iktar stretti ma’ post ieħor ta’ xogħol ( 53 ). Iktar tard ser nerġa’ ndur fuq il-kriterju ratione temporis li għandu importanza partikolari fl-eżami tad-domanda preliminari ( 54 ). |
|
47. |
Sabiex niġbor fil-qosor din il-parti tal-analiżi tiegħi, irrid infakkar, fl-ewwel lok, li sabiex tistabbilixxi r-regola bażika li tipprovdi li l-pajjiż li fih il-ħaddiem, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu huwa dak fejn jew li minnu, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-imsemmija attività, il-ħaddiem iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, fil-punt 50 tas-sentenza Koelzsch, fuq il-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta mis-sentenza Mulox IBC ( 55 ) u Rutten ( 56 ). Kif diġà spjegajt, din ir-regola kienet ikkonfermata, sussegwentement, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza Weber ( 57 ). Minn dan jirriżulta li l-verifika tal-imsemmija regola tikkostitwixxi l-punt tat-tluq tal-evalwazzjoni tal-qrati nazzjonali fil-każijiet kollha fejn, bħal f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ xogħol huwa eżegwit fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti. |
|
48. |
Fit-tieni lok, kif irrilevajt iktar kmieni, sabiex jiġi identifikat l-Istat li jista’ jiġi kkunsidrat bħala “il-post fejn jew li minnu”, il-ħaddiem iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet kriterju kwalitattiv ( 58 ) u kriterju ratione temporis ( 59 ) li l-qrati nazzjonali ( 60 ) għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, minkejja li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju ratione temporis għandu, bħala prinċipju, jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu kollu tal-attività tal-ħaddiem fir-rigward tal-persuna li timpjegah, il-Qorti tal-Ġustizzja pprevediet l-applikazzjoni ta’ din il-kriterju ratione temporis fil-każ speċifiku fejn is-suġġett tal-kontestazzjoni inkwistjoni jippreżenta rabtiet “iktar stretti ma’ post ieħor ta’ xogħol” ( 61 ). F’dan il-każ, huwa l-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti li għandu jiġi sostnut fl-evalwazzjoni tiegħu mill-qorti nazzjonali ( 62 ), u mhux il-perijodu kollu ta’ attività ( 63 ). |
|
49. |
Għalhekk, din il-ġurisprudenza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża. |
2. Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-analiżi tal-ġurisprudenza għal din il-kawża
|
50. |
F’dan l-istadju tar-raġunament, nosserva li mill-argumenti mressqa mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-partijiet interessati jirriżulta li d-domanda tal-qorti tar-rinviju donnha tinsab f’salib it-toroq bejn iż-żewġ linji ġurisprudenzjali, a priori, distinti. Madankollu, fl-aħħar tal-analiżi preċedenti, dawn iż-żewġ approċċi, minkejja d-diverġenza evidenti tagħhom jaqgħu f’linja ġurisprudenza waħda u unika li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet regola bażika dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju kwalitattiv u ratione temporis għall-applikazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterju kwalitattiv, li jikkonsisti l-kriterju determinanti. Madankollu, fl-assenza ta’ elementi kwalitattivi, jew meta ma jkunux suffiċjentement preċiżi, il-kriterju ratione temporis isir rilevanti. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ kriterji jistgħu jkunu konkominanti u kumplimentari ( 64 ). Fil-każijiet kollha, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prossimità u tal-protezzjoni tal-ħaddiem. |
|
51. |
Barra minn hekk, irrid nirrileva li sa fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol hija ta’ natura ta’ żmien twil, l-elementi li jikkaratterizzaw din ir-relazzjoni, bħall-provvista ta’ xogħol, il-post ta’ twettiq tax-xogħol jew ir-remunerazzjoni, jistgħu jevolvu. B’mod partikolari, f’sitwazzjoni ta’ xogħol transkonfinali, il-pajjiż fejn il-ħaddiem “abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” jista’ jinbidel ukoll skont l-evoluzzjoni ta’ ċirkustanzi oġġettivi ( 65 ). Fi kliem ieħor, il-liġi applikabbli fl-assenza ta’ għażla tal-partijiet tista’ tinbidel minħabba n-natura nnifisha tar-relazzjoni ta’ xogħol, li hija għal żmien twil. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma huwa li ssaħħaħ il-fiduċja fl-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet tal-kuntratt, il-bidla tal-liġi applikabbli li tirriżulta mill-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali għandha tirriżulta wkoll mir-rieda ċara tal-partijiet. Fil-fatt, din il-bidla ma jistax ikollha konsegwenzi fuq ir-relazzjonijiet ġuridiċi mnissla qabel l-imsemmi bidla, b’tali mod li, ratione temporis, it-tilwima tibqa’ rregolata mil-liġi applikabbli fil-mument li fih seħħew dawn iċ-ċirkustanzi (tempus regit actum). |
|
52. |
Fid-dawl tal-preċedenti, il-kwistjoni essenzjali li tqum hija dik dwar liema hu, f’dan il-każ, il-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat b’mod konkret il-mument li fih tnissel is-suġġett tal-kontestazzjoni sabiex jiġi identifikat il-post fejn il-ħaddiem abitwalment wettaq ix-xogħol tiegħu, u konsegwentement, il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet. |
|
53. |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Locatrans informat lill-impjegat li l-analiżi tal-attività tiegħu matul l-aħħar tmintax-il xahar kienet irrilevat li huwa kien wettaq parti sinjifikattiva mill-attività tiegħu bħala impjegat fi Franza u li, għal din ir-raġuni, huwa kellu jiġi rreġistrat mas-sigurtà soċjali Franċiża. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-ħaddiem eżerċita, matul dan il-perijodu preċedenti għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, l-attivitajiet tiegħu għal żmien twil fi Franza biss. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi sostnut li tali evoluzzjoni jew tali bidla fis-sitwazzjoni tal-ħaddiem li għandha bħala konsegwenza l-eżerċizzju għal żmien twil tal-attività fi Stat kontraenti wieħed, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, taqa’ taħt l-applikazzjoni tal-kriterju ratione temporis, kif ifformulat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 53 u 54 tas-sentenza Weber. Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta Locatrans, sa fejn il-fatti rilevanti jinsabu fit-tmiem tal-ħajja tal-kuntratt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu kollu ta’ attività tal-ħaddiem ma jistax ikun rilevanti f’dan il-każ. |
|
54. |
F’dan ir-rigward, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kontestazzjoni tal-ħaddiem tirrigwarda t-terminazzjoni tal-kuntratt jew fejn il-fatti rilevanti sabiex tiġi deċiża din il-kontestazzjoni seħħew fit-tmiem tiegħu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti ( 66 ), u dan għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
55. |
L-ewwel nett, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni, mill-qrati nazzjonali, tal-kriterju l-iktar rilevanti (dak kwalitattiv jew ratione temporis) sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn il-ħaddiem abitwalment wettaq ix-xogħol tiegħu għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għan, imfittex mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li tiżgura protezzjoni xierqa lill-ħaddiem. Għalhekk, l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni tax-xogħol previsti mid-dritt tal-Istat li fih l-ħaddiem jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu għandha, sa fejn huwa possibbli, tiġi ggarantita ( 67 ). Madankollu, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, dan l-għan ma jistax jintlaħaq b’mod sħiħ ħlief jekk, fil-każ ta’ bidla jew evoluzzjoni għal żmien twil tal-pajjiż li fih abitwalment jitwettaq ix-xogħol, id-dritt applikabbli jinbidel ukoll ( 68 ). |
|
56. |
It-tieni nett, din l-interpretazzjoni jidhirli li hija kompatibbli mal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li hija intiża sabiex tgħolli l-livell taċ-ċertezza legali billi ssaħħaħ il-fiduċja fl-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet tal-kuntratt ( 69 ). Fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex kwistjoni li l-kriterju tal-post tat-twettiq abitwali tax-xogħol ikun dipendenti b’mod ġenerali fuq l-aħħar post fejn żvolġa x-xogħol, iżda pjuttost li jiġi applikat, fil-kuntest tal-metodu ċirkustanzjali, fid-dawl tal-fatt li l-kontestazzjoni tal-ħaddiem tirrigwarda t-terminazzjoni tal-kuntratt, il-kriterju ratione temporis relatat mal-“perijodu l-iktar reċenti”. Għalhekk, applikazzjoni korretta ta’ dan il-kriterju ratione temporis ma għandhiex tikkostitwixxi sors ta’ imprevedibbiltà għall-partijiet. Infakkar li l-mument li minnu dan l-aħħar post jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-post ta’ twettiq abitwali tax-xogħol huwa rregolat mill-kundizzjonijiet previsti fis-sentenza Weber ( 70 ). |
|
57. |
It-tielet nett, l-imsemmija interpretazzjoni tippermetti l-osservanza tal-koerenza bejn l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (forum et ius) ( 71 ). Fil-fatt, il-qorti tal-post fejn (jew li minn fejn) il-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu (jew jekk ikun il-każ, dak tal-aħħar post fejn huwa abitwalment wettaq ix-xogħol tiegħu) ( 72 ) ikollha bħala regola ġenerali ġurisdizzjoni fir-rigward tat-tilwim li jirriżulta minn kuntratt ta’ xogħol. Fl-istess waqt, dan il-qorti ser tapplika r-regoli imperattivi tad-dritt tagħha stess (lex loci laboris) ( 73 ). F’dan ir-rigward, il-fatt li l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ratione temporis relatat mal-“perijodu l-iktar reċenti” tkun iddeterminata mis-suġġett tal-kontestazzjoni, mis-sitwazzjoni ratione temporis tal-fatti rilevanti u mir-rieda ċara tal-partijiet, jippermetti li tiġi limitata s-sitwazzjoni li fiha diversi liġijiet japplikaw b’mod simultanju. |
V. Konklużjonijiet
|
58. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de Cassation chambre sociale (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Soċjali) tkun kif ġej: L-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn, minn naħa, impjegat l-ewwel eżerċita l-istess attivitajiet għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah f’diversi Stati, imbagħad, matul il-perijodu preċedenti għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, eżerċita l-attivitajiet tiegħu għal żmien twil fi Stat wieħed, b’dan tal-aħħar intiż, skont ir-rieda ċara tal-partijiet, li jsir post abitwali ta’ xogħol ġdid, u min-naħa l-oħra, il-kontestazzjoni ta’ dan l-impjegat tirrigwarda t-terminazzjoni tal-kuntratt, sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn l-imsemmi impjegat abitwalment wettaq ix-xogħol tiegħu, u konsegwentement, il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet, għandu jsir riferiment għall-perijodu ta’ xogħol l-iktar reċenti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005, C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”). Fid-dawl tad-data tal-konklużjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol, dan tal-aħħar għadu rregolat minn din il-konvenzjoni.
( 3 ) L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprevedi mekkaniżmu ġenerali li jippermetti li tiġi identifikata l-liġi applikabbli għal kuntratt fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet.
( 4 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2011 (C‑29/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Koelzsch”, EU:C:2011:151, punti 40, 46, 50 u d-dispożittiv).
( 5 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”). Dan ir-regolament issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma u japplika għall-kuntratti konklużi sa mis‑17 ta’ Diċembru 2009. Għalhekk, peress li l-kuntratt kontenzjuż kien konkluż fil‑15 ta’ Ottubru 2002, din il-konvenzjoni hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.
( 6 ) Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad‑29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).
( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”). Dan ir-regolament issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell. Ir-Regolament Brussell I tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”). L-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I sar l-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell Ia.
( 8 ) Ara l-punti 40, 46, 50 u d-dispożittiv ta’ din is-sentenza.
( 9 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2002 (C‑37/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza Weber”, EU:C:2002:122, punti 54 u 58).
( 10 ) Punti 40 u 46 ta’ din is-sentenza.
( 11 ) Dispożittiv 2 ta’ din is-sentenza.
( 12 ) L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprevedi li “[i]r-regoli ta’ din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għall-obbligi kuntrattwali f’kull sitwazzjoni li tinvolvi għażla bejn il-liġijiet ta’ pajjiżi differenti”.
( 13 ) Fil-fatt, ES jargumenta li huwa eżerċita l-attività tiegħu ta’ trasport f’diversi postijiet, filwaqt li żamm rabta sinjifikattiva ma’ Franza, l-Istat ta’ residenza tiegħu, li l-persuna li timpjegah kienet kuntenta li tirrikonoxxi din is-sitwazzjoni fattwali eżistenti minn qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar, minn naħa, li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għat-tilwima u tislet minnhom il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li ntalbet tagħti. Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju, sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, ICF (C‑133/08, EU:C:2009:617, punti 22 u 23).
( 15 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 7 tar-Regolament Ruma I tistabbilixxi li “[l]-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-[Regolament Brussell I] u mar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Regolament Ruma II). Barra minn hekk, skont il-premessa 7 ta’ dan l-aħħar regolament, “[i]l-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-[Regolament Brussell I] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali” (enfasi miżjuda minni). Għalhekk, minn dan tirriżulta ħtieġa li jiġu żgurati kemm il-koordinazzjoni ta’ testi tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni kif ukoll il-koerenza tal-kampijiet ta’ applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn it-testi; ara, b’mod partikolari, Gaudemet‑Tallon, H. “Fasc. 337: Convention de Rome du 19 juin 1980 et règlement ‘Rome I’ du 17 juin 2008 – Champ d’application – Clauses générales”, JurisClasseur Commercial, 2023, p. 1 sa 39, b’mod partikolari l-punt 81, u Szpunar, M., “Droit international privé de l’Union: cohérence des champs d’application et/ou des solutions?”, Revue critique du Droit International Privé, Nru 3, 2018, p. 573 sa 582.
( 16 ) Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, minn Mario Giuliano, professur tal-Università ta’ Milan, u Paul Lagarde, professur tal-Università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Giuliano u Lagarde”).
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, ICF (C‑133/08, EU:C:2009:617, punti 24 u 25), u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Diamond Resorts Europe et (C‑632/21, EU:C:2023:671, punti 67 u 69).
( 18 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, ICF (C‑133/08, EU:C:2009:617, punt 25).
( 19 ) Skont l-awturi tad-dottrina, l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I jirriproduċi essenzjalment l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jiġifieri l-possibbiltà li tintgħażel il-liġi applikabbli, mingħajr ħsara madankollu għall-protezzjoni żgurata mid-dispożizzjonijiet tal-liġi oġġettivament applikabbli, li normalment hija dik tal-Istat tal-post fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol, jew fin-nuqqas dik tal-post li fih jinsab l-istabbiliment ta’ reklutaġġ, ħlief għall-possibbiltà li tiġi applikata l-klawżola ta’ eċċezzjoni. Ara, b’mod partikolari, Lagarde, P. u Tenenbaum, A., “De la convention de Rome au règlement Rome I”, Revue critique de droit international privé, 2008, p. 727 sa 780, b’mod partikolari l-paragrafu 18. Ara wkoll, Palao, Moreno, G., “Article 8”, Commentary on the Rome I Regulation, Magnus, U., u Mankowski, P. (edituri), Verlag Dr. Otto Schmidt, Cologne, 2017, vol. 22, p. 577 sa 599, b’mod partikolari p. 586, punt 7.
( 20 ) Ara r-Rapport Giuliano u Lagarde, p. 25.
( 21 ) Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jillimita għalhekk il-libertà ta’ għażla mill-partijiet tal-liġi applikabbli, stabbilita fl-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni. Fi kliem ieħor, jekk il-liġi applikabbli skont il-paragrafu 2 tagħti lill-ħaddiema protezzjoni ikbar minn dik li tirriżulta mid-dritt magħżul mill-partijiet, dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi magħżula, u japplikaw minflokhom. Ara r-Rapport Giuliano u Lagarde, p. 25. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-liġi magħżula għandhom jingħaqdu ma’ dawk imperattivi tal-liġi oġġettivament applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla jekk dawn ikunu iktar favorevoli għall-ħaddiem. Ara, f’dan is-sens, Palao, Moreno, G., “Article 8”, Commentary on the Rome I Regulation, Magnus, U., u Mankowski, P. (edituri), op. cit., p. 586, b’mod partikolari l-punt 6.
( 22 ) Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li “l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jistabbilixxi ġerarkija bejn il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol”, jiġifieri bejn il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’dan ir-rigward li, “sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli, il-kriterju ta’ rabta tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-post fejn il-ħaddiem iwettaq abitwalment id-dmirijiet tiegħu għandu jieħu prijorità, u l-applikazzjoni tiegħu għandha teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju sussidjarju tal-post tas-sede tan-negozju li ngaġġa lill-ħaddiem”; ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Voogsgeerd”, EU:C:2011:842, punti 32 u 34) fir-rigward tat-trasport marittimu, ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza.. Tali ġerarkija hija applikabbli wkoll għall-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Ruma I, u fiż-żewġ każijiet, twassal, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni wiesgħa lill-kriterju tal-pajjiż fejn il-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu, filwaqt li l-kriterju tal-istabbiliment li rrekluta lill-ħaddiem jista’ japplika biss jekk il-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li tiddetermina l-pajjiż fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol (ara, wkoll, f’dan is-sens, il-punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata fl-imsemmija sentenza).
( 23 ) Fir-rigward ta’ dan il-kuntest ġuridiku, ara s-sentenza Koelzsch (punti 33 sa 36).
( 24 ) Infakkar li, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda t-tkeċċija ta’ xufier internazzjonali ta’ vetturi tqal, iddomiċiljat fil-Ġermanja u impjegat minn kumpannija Lussemburgiża, sussidjarja ta’ kumpannija Daniża. Huwa kien irreġistrat mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża. L-attività ta’ din is-sussidjarja kienet tikkonsisti fit-trasport ta’ fjuri u pjanti oħra mid-Danimarka lejn diversi destinazzjonijiet, prinċipalment fil-Ġermanja, iżda wkoll f’pajjiżi Ewropej oħra, permezz ta’ trakkijiet irreġistrati fil-Lussemburgu u stazzjonati fil-Ġermanja, fejn madankollu l-imsemmija sussidjarja ma kellhiex sede jew uffiċċju. Ara s-sentenza Koelzsch (punti 13 sa 16).
( 25 ) Infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, fis-sens li l-kontenut u l-portata ta’ din ir-regola dwar il-kunflitt għandhom jiġu stabbiliti skont kriterji uniformi u awtonomi sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fir-rigward tal-għanijiet li hija triq tilħaq. Ara f’dan is-sens, is-sentenza Koelzsch (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara s-sentenza Koelzsch (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għall-kuntrarju fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fl-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell I, ara, fil-qasam tat-trasport bl-ajru, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Nogueira et”, EU:C:2017:688, punti 55 u 56).
( 27 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rutten”, EU:C:1997:7, punt 22), u tal‑10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punt 18).
( 28 ) Ara s-sentenza Koelzsch (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huwa f’dan l-ewwel Stat li l-ħaddiem iwettaq il-funzjoni ekonomika u soċjali tiegħu u li l-ambjent professjonali u politiku jinfluwenza l-attività tax-xogħol. Għalhekk, l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni tax-xogħol previsti mid-dritt ta’ dan il-pajjiż għandha, fejn possibbli, tkun iggarantita. Ara s-sentenza Koelzsch (punt 42).
( 30 ) F’dan ir-rigward, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2010:789, punt 83), l-Avukat Ġenerali Trstenjak kien enfasizza li “ma huwiex possibbli li tibda bi preżunzjoni ġenerali li l-kunċetti identiċi jew simili kollha għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi; għandha minflok, dejjem tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ interpretazzjoni konsistenti fil-kuntest ta’ kull każ individwali”.
( 31 ) Ara s-sentenza Koelzsch, punt 45.
( 32 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara s-sentenza Koelzsch (punt 48). F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2010:789, punti 93 sa 96).
( 34 ) Ara s-sentenza Koelzsch (punt 50).
( 35 ) Huwa importanti li jiġi rrilevat li dik li għandha tkun fil-qalba tal-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali hija l-attività tal-ħaddiem u mhux dik tal-persuna li timpjega, ara van Calster, G., European Private International Law, Bloomsbury, 2016, p. 111.
( 36 ) Ara s-sentenza Koelzsch, punt 49. Dawn l-istess indizji ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ partikolari tat-trasport fis-settur marittimu (ara s-sentenza Voogsgeerd (punt 38)). Fil-każ speċifiku tat-trasport fis-settur tal-ajru, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-post fejn huma stazzjonati l-ajruplani li fuqhom ix-xogħol huwa abitwalment imwettaq (ara s-sentenza Nogueira et (punt 64)).
( 37 ) Ara s-sentenza Nogueira et (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) Dan l-Artikolu sar l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Brussell I, li huwa stess sar l-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-Regolament Brussell Ia. Infakkar li, l-espressjoni “minn fejn” ma kinitx miżjuda mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-ewwel dispożizzjoni waqt l-adozzjoni tar-Regolament Brussell I, iżda żdiedet fit-tieni dispożizzjoni waqt l-adozzjoni tar-Regolament Brussell Ia.
( 40 ) Ara, fir-rigward ta’ ħaddiema li għandhom attività ta’ rappreżentazzjoni kummerċjali f’diversi Stati, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C‑125/92, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mulox IBC”, EU:C:1993:306, punti 25 u 26), u Rutten (punti 25 u 27). Infakkar li, huwa fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għall-ewwel darba, dwar il-każ ta’ ħaddiem li jwettaq ix-xogħol tiegħu f’diversi Stati kontraenti.
( 41 ) L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li: “[s]a fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt”. Korsiv miżjud minni.
( 42 ) Kif jirrilevaw l-awturi tad-dottrina, din il-preċiżazzjoni hija intiża sabiex tipproteġi lill-ħaddiema li l-eżekuzzjoni tax-xogħol tagħhom timplika ħafna ċaqliq, kif inhu l-każ tal-persunal fis-setturi tat-trasport internazzjonali, bl-ajru jew marittimu sa fejn dan il-persunal huwa spiss marbut ma’ bażi ta’ xogħol fissa. Ara, f’dan is-sens, Francq, S., “Le règlement Rome I sur la loi applicable aux obligations contractuelles. De quelques changements…”, Journal du droit international (Clunet), 2009, Vol. 36, Nru 1, p. 41 sa 69. Skont l-Avukat Ġenerali Trstenjak, din l-emenda hija importanti għaliex turi, b’mod partikolari, li din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata b’mod wiesa’; ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2010:789, punt 77).
( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Punt 26 ta’ din is-sentenza. Infakkar li, din il-kawża kienet tirrigwarda impjegat, kok, li kien assenjat suċċessivament mill-persuna li timpjegah fuq installazzjonijiet marittimi li kienu jinsabu fuq il-blata kontinentali ħdejn il-Pajjiżi l-Baxxi, u imbagħad fl-ibħra territorjali Daniżi.
( 45 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, M. Weber ma kellux f’wieħed mill-Istati kontraenti kkonċernati uffiċċju li kien jikkostitwixxi “iċ-ċentru effettiv tal-attivitajiet professjonali tiegħu u li minnu huwa kien iwettaq il-parti l-kbira tal-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah”. Ara s-sentenza Weber (punt 48).
( 46 ) Ara s-sentenza Weber (punt 49).
( 47 ) Ara s-sentenza Weber (punt 49 u punt 2 tad-dispożittiv).
( 48 ) Ara s-sentenza Weber (punt 50). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’tali każ, li fih il-ħaddiem kien, matul il-perijodu kollu ta’ xogħol inkwistjoni, eżerċita b’mod permanenti din l-istess attività professjonali għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah, il-kriterju kwalitattiv, ibbażat fuq in-natura u l-importanza tax-xogħol imwettaq f’postijiet differenti tal-Istati kontraenti, ma kienx rilevanti; ara s-sentenza Weber (punt 51).
( 49 ) Ara s-sentenza Weber (punt 58 u punt 2 tad-dispożittiv). Infakkar li, il-kriterju ratione temporis kien diġà deher fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha, flimkien ma’ kriterju kwalitattiv li jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ uffiċċju li minnu l-ħaddiem jorganizza l-attivitajiet professjonali tiegħu; ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Rutten (punt 27).
( 50 ) Ara s-sentenza Weber (punt 52).
( 51 ) Ara s-sentenza Weber (punt 58 u punt 2 tad-dispożittiv).
( 52 ) Ara s-sentenza Weber (punt 54).
( 53 ) Ara s-sentenza Weber (punti 53, 58 u punt 2 tad-dispożittiv). Fir-rigward tal-punt 53 ta’ din is-sentenza, irrid nenfasizza li l-użu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-espressjoni “jippreżenta rabtiet iktar stretti ma’ post ieħor ta’ xogħol” ma għandhiex tiġi konfuża mal-klawżola ta’ eċċezzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Għandu jitfakkar li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li ma jipprevedix tali klawżola ta’ eċċezzjoni.
( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 48 u 50 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza.
( 56 ) Punti 23 u 27 ta’ din is-sentenza. Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 57 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 58 ) Dan il-kriterju huwa bbażat fuq in-natura u l-importanza tax-xogħol imwettaq f’postijiet differenti tal-Istati kontraenti, fil-każ fejn jista’ jiġi identifikat ċentru effettiv tal-attivitajiet tal-ħaddiem. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Koelzsch (punti 48 sa 50).
( 59 ) Dan il-kriterju huwa bbażat fuq it-tul rispettiv taż-żmien tax-xogħol imwettaq f’kull Stat kontraenti, applikabbli meta l-ħaddiem eżerċita, matul il-perijodu kollu ta’ xogħol inkwistjoni, l-istess attività għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weber (punti 51 u 52).
( 60 ) Ara l-punti 37 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 61 ) Din l-espressjoni, li ma għandhiex tiġi konfuża mal-klawżola ta’ eċċezzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet), donnha hija ispirata mill-punt 25 tas-sentenza Mulox IBC: “il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-mument li fih seħħet it-tilwima pendenti quddiemha, l-impjegat kien qed iwettaq ix-xogħol tiegħu esklużivament fit-territorju ta’ dan l-Istat kontraenti”.
( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weber (punti 53 u 54).
( 63 ) Fid-dawl ta’ dan, jidhirli importanti li jiġi nnotat li jekk is-suġġett tal-kontestazzjoni jinsab fil-bidu tar-relazzjoni tax-xogħol, pereżempju, meta jkun jirrigwarda kumpens għad-danni tal-ħaddiem għall-fatti li seħħew fil-bidu tar-relazzjoni kuntrattwali, huwa dan il-perijodu li għamdu jiġi sostnut mill-qorti nazzjonali waqt l-evalwazzjoni tal-post abitwali ta’ xogħol.
( 64 ) Dan ikun il-każ, pereżempju, li fih il-parti l-kbira tal-funzjonijiet tal-ħaddiema jkunu twettqu għal tnax-il xahar fl-ewwel pajjiż, u mbagħad għal għaxar xhur f’ieħor.
( 65 ) Ara, għall-kuntrarju, fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Ruma I, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Liechtensteinische Landesbank (Österreich) (C‑279/24, EU:C:2025:380, punt 53).
( 66 ) Dan il-kriterju ratione temporis jista’ jingħaqad mal-kriterju kwalitattiv fir-rigward tal-fatt li, matul dan l-istess perijodu, il-ħaddiem kien ġie rreġistrat mas-sigurtà soċjali Franċiża mill-persuna li timpjegah. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 67 ) Ara s-sentenza Koelzsch (punt 42) u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 68 ) Fil-fatt, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, dan l-għan jista’ jiġi żgurat biss jekk il-ħaddiem fil-kawża prinċipali jibbenefika bl-istess mod mill-protezzjonijiet mogħtija mid-dritt Franċiż fil-qasam tat-terminazzjoni ta’ kuntratt bħal ħaddiem ieħor li kien irreklutat sena u nofs biss qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt u li matul dan l-istess perijodu ta’ sena u nofs kien wettaq nofs ix-xogħol tiegħu fi Franza.
( 69 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, ICF (C‑133/08, EU:C:2009:617, punti 23 u 44).
( 70 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi tliet kundizzjonijiet: it-tul tal-attività eżerċitata minn post partikolari, l-eżerċizzju ta’ din l-attività għal żmien twil f’post differenti u r-rieda ċara tal-partijiet li dan tal-aħħar huwa intiż li jsir il-post abitwali ta’ xogħol il-ġdid. Ara s-sentenza Weber (punt 54 u punt 2 tad-dispożittiv).
( 71 ) Ara l-punt 28 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 72 ) Dan il-kriterju ta’ rabta huwa previst fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Brussell I, li sar l-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-Regolament Brussell Ia. Minkejja li l-imsemmi kriterju ma huwiex dejjem trasponibbli sabiex tiġi stabbilita l-liġi applikabbli (tempus regit actum), forum et ius jistgħu jikkoinċidu meta s-suġġett tat-tilwima jkun seħħ fit-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol. Peress li r-Regolament Brussell I daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2002, jiġifieri jumejn wara li ngħatat is-sentenza Weber (punt 54), dan il-kriterju jista’, b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, jiddetermina l-qorti kompetenti fil-każ fejn is-suġġett tal-kontestazzjoni jkun jirrigwarda t-terminazzjoni tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li teżisti rieda ċara tal-partijiet u li dan l-“aħħar post” ikun stabbli u għal żmien twil.
( 73 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2010:789, punt 81).