27.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/48


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 521/2011

tas-26 ta’ Mejju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 620/2009 li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja tal-importazzjoni għaċ-ċanga ta’ kwalità għolja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 144(1) u 148 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Biex jiġu evitati applikazzjonijiet spekulattivi għal-liċenzji tal-importazzjoni li jingħataw skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 620/2009 (2) u biex jiġi żgurat li l-liċenzji tal-importazzjoni huma attribwiti lill-importaturi ġenwini, ikun xieraq li tiġi stabbilitia kwantità ta’ refernza storika taċ-ċanga u l-vitella li jkunu importati bħala kondizzjoni għall-applikazzjoni għal-liċenzji tal-importazzjoni f’livell xieraq.

(2)

Biex ma jkunx hemm interpretazzjoni ħażina, għandhom jiġu ċċarati r-rekwiżiti għal ċanga ta’ kwalità għolja stipulati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 620/2009; b’mod partikolari, għandu jiġi stabbilit b’mod aktar preċiż li l-kontenut minimu tal-enerġija hija applikabbli għad-dieta sħiħa u li l-erieħ u l-għoġġiela jikkorrispondu rispettivament mal-kategoriji E u C kif huma definiti fil-Parti A tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 620/2009 għandu għaldaqstant jiġi emendat b’dan il-mod.

(4)

Minħabba li s-sena ta’ kwota tariffarja li jmiss tibda fl-1 ta’ Lulju 2011, dan ir-Regolament għandu jibda japplika minn dik id-data u għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji mressqa għal dak il-perjodu.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 620/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-iskop tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikanti għal-liċenzja tal-importazzjoni, x’ħin iressqu l-ewwel applikazzjoni tagħhom rigward perjodu tal-kwota partikolari, għandhom jagħtu l-prova li, matul kull wieħed miż-żewġ perjodi msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jkunu importaw mill-anqas 100 tunnellata ta’ prodotti li jkunu jaqgħu taħt il-Parti XV tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.”

(2)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament għandu japplika mis-sena ta’ kwota tariffarja li tibda mill-1 ta’ Lulju 2011 u għall-applikazzjonijiet tal-liċenzji mressqa għal dak il-perjodu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 182, 15.7.2009, p. 25.


ANNESS

Fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 620/2009, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.

Il-qatgħat taċ-ċanga jinkisbu minn karkassi ta’ erieħ u għoġġiela (*1) b’età ta’ inqas minn 30 xahar li, tal-anqas matul l-aħħar 100 jum qabel il-qatla, ikunu ngħalfu b’dieta li tinkludi mhux inqas minn 62 % ta’ konċentrati u/jew koprodotti tal-għalf tal-qamħ, abbażi ta’ materja niexfa, li jilħqu jew jisbqu kontenut tal-enerġija metabolizzabbli ta’ ’l fuq minn 12,26 mega joules kull kilogramm ta’ materja niexfa.

(*1)  Għall-finijiet ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-erieħ u l-għoġġiela jikkorrispondu rispettivament mal-kategoriji E u C kif huma definiti fil-Parti A tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.” ”