European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/753

1.4.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/753

tal-31 ta’ Marzu 2026

li tirrikonoxxi li r-rapport ippreżentat mil-Latvja skont l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fih data akkurata għall-finijiet tal-kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra assoċjati mal-kultivazzjoni tal-lift f’dak l-Istat Membru

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 teżiġi li l-bijokarburanti, il-bijolikwidi, u l-karburanti mill-bijomassa jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-karburanti fossili biex ikunu jistgħu jingħaddu ħalli jintlaħqu l-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva. Għal dak il-fini, l-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxi livelli limitu speċifiċi tal-iffrankar tal-emissjonijiet għal dawk il-karburanti, u l-Artikolu 31 jirregola kif irid jiġi kkalkulat l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tagħhom. Meta jsiru dawk il-kalkoli, jistgħu jintużaw il-valuri prestabbiliti fl-Annessi V u VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Minflok il-valuri prestabbiliti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-kultivazzjoni tal-materja prima agrikola, jistgħu jintużaw il-valuri tipiċi f’ċerti kundizzjonijiet. Dawk il-valuri tipiċi, li jirrappreżentaw il-valur medju f’żona speċifika, jistgħu jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi terzi. Il-valuri tipiċi jistgħu jintużaw biss jekk il-Kummissjoni tirrikonoxxihom bħala akkurati.

(2)

Fit-23 ta’ Lulju 2025, il-Latvja ppreżentat rapport finali lill-Kummissjoni bid-data għall-finijiet tal-kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra assoċjati mal-kultivazzjoni tal-lift li jiġi prodott tipikament f’żoni fit-territorju tagħha kklassifikati bħala livell 2 fin-nomenklatura tal-unitajiet territorjali għall-istatistika. Il-Latvja talbet li d-data tiġi rikonoxxuta bħala akkurata f’konformità mal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(3)

Il-Kummissjoni vvalutat ir-rapport u sabet li fih data akkurata għall-finijiet tal-kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra assoċjati mal-kultivazzjoni tal-lift li jiġi prodott tipikament fir-reġjuni NUTS 2 fil-Latvja.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-Karburanti mill-Bijomassa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rapport ippreżentat mil-Latvja fit-23 ta’ Lulju 2025 għar-rikonoxximent tal-Kummissjoni fih data akkurata għall-finijiet tal-kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra assoċjati mal-kultivazzjoni tal-lift li jiġi prodott tipikament fir-reġjuni NUTS 2 fil-Latvja. Is-sommarju tad-data tar-rapport huwa stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Jekk id-data li hemm fir-rapport, kif ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2025 għar-rikonoxximent tal-Kummissjoni, tinbidel b’mod li jaf jaffettwa l-akkuratezza tad-data u b’hekk il-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, il-Latvja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni minnufih b’tali bidliet. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati biex tiddetermina jekk ir-rapport ikunx għadu jipprovdi d-data akkurata li għaliha huwa rikonoxxut.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tieqaf tapplika fil-21 ta’ April 2031.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj.


ANNESS

Emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-kultivazzjoni tal-lift fil-Latvja għar-reġjuni NUTS 2 (tunnellati CO2eq/tunnellata ta’ lift maħsud fuq il-bażi tal-materja niexfa)

Reġjun NUTS 2 skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003

N2O fil-ħamrija

Integrat

Użu tal-karburant

Żerriegħa

Total

Dirett

Indirett

Fertilizzant

Newtralizzazzjoni

Pestiċida

LV000

Il-Latvja

0,332

0,03

0,206

0,037

0,004

0,093

0,001

0,705


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/753/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)