SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
21 ta’ Mejju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà – Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 9(1)(i) – Persuna kkonċernata li ma dehritx personalment fil-proċess li wassal għall-kundanna tagħha – Eċċezzjonijiet – Mandat mogħti mill-persuna kkonċernata lil konsulent legali sabiex jiddefendiha fil-kawża tagħha u sabiex jirċievi n-notifiki li jsirulha – Informazzjoni dwar id-data tas-seduta u l-post stabbilit għal dan il-proċess – Rinunzja volontarja u inekwivoka tal-persuna kkonċernata milli tidher personalment fl-imsemmi proċess – Marġni ta’ diskrezzjoni l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”
Fil-Kawża C‑447/24 [Höldermann] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
Staatsanwaltschaft Berlin,
fil-preżenza ta’:
SO,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, E. Regan (Relatur), D. Gratsias, B. Smulders u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal SO, minn K. Bobisch, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold, F. Tomat u J. Vondung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Settembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ sentenza ta’ kundanna għal piena ta’ priġunerija mogħtija minn qorti Pollakka kontra ċittadin Ġermaniż wara kawża li fiha huwa ma deherx personalment. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584
|
3 |
L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”) intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:
|
Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:
|
|
5 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Għan u ambitu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.” |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Kriterji għat-trasmissjoni ta’ sentenza u ċertifikat lil Stat Membru ieħor”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dment li l-persuna sentenzjata fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni, u dment li l-persuna tat il-kunsens tagħha fejn meħtieġ taħt l-Artikolu 6, sentenza, flimkien ma’ ċertifikat li tieghu tingħata l-formula standard fl-Anness I, jista’ jintbagħat lil wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9.” |
|
8 |
L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk: […]
[…]” |
Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299
|
9 |
Fi kliem il-premessi 1, 4, 6, 8 u 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
10 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/299, intitolat “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “1. L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huma li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, li tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, b’mod partikolari, li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri. 2. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat, inkluż id-dritt ta’ difiza ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward m’għandux jiġi milqut. 3. Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli komuni għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi Stat Membru wieħed (l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni) maħruġa minn Stat Membru ieħor (l-Istat Membru emittenti) wara l-proċedimenti li għalihom il-persuna konċernata ma kenitx preżenti, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584], […] tal-Artikolu 9(1)(i) tad-[Deċiżjoni Kwadru 2008/909] […]” |
|
11 |
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, intitolat “Emendi għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584]”, daħħal, konformement mal-punt 1 tiegħu, Artikolu 4a fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, intitolat “Emendi għad-Deċiżjoni Qafas [2008/909]”, daħħal, konformement mal-punt 1 tiegħu, l-Artikolu 9(1)(i) fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909. |
Id-Direttiva (UE) 2016/343
|
12 |
L-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), huwa fformulat kif ġej: “F’ċerti ċirkostanzi għandu jkun possibbli li deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata tingħata minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-proċess. Dan jista’ jkun il-każ fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata, fi żmien debitu, dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra u xorta, madankollu, ma tidhirx. Li persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata dwar il-proċess għandu jinftiehem li jfisser li l-persuna tħarrket personalment jew, b’mezzi oħrajn, li dik il-persuna ngħatat informazzjoni uffiċjali dwar id-data u l-post tal-proċess b’mod li jippermetti lilu jew lilha li jsiru konxji mill-proċess. Li persuna suspettata jew akkużata tiġi infurmata dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, għandu, b’mod partikolari, jiġi interpretat li jfisser li l-persuna ġiet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx fil-proċess.” |
|
13 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:
|
Id‑dritt Ġermaniż
|
14 |
L-Artikolu 84 tal-Gesetz über internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Ġunju 1994 (BGBl. 1994 I, p. 1537), kif emendat bil-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2022 (BGBl. 2022 I, p. 2632) (iktar ’il quddiem l-“IRG”), intitolat “Kundizzjonijiet addizzjonali għall-ammissjoni”, jipprovdi: “(1) L-eżekuzzjoni m’għandhiex tkun permessa jekk: […]
[…] (3) B’deroga mill-punt 1 tal-paragrafu 2, l-eżekuzzjoni għandha tkun permessa wkoll jekk:
[…]
(4) Irrispettivament mill-punt 2 tal-paragrafu 1, l-eżekuzzjoni hija ammissibbli wkoll meta, wara n-notifika tad-deċiżjoni, il-persuna kkundannata
Il-persuna kkundannata preċedentement trid tkun ġiet informata b’mod espliċitu bid-dritt tagħha għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jew għal proċedura ta’ appell, li fiha hija għandha d-dritt li tipparteċipa u li tippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda, u tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali.” |
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Permezz ta’ sentenza mogħtija fil-5 ta’ Awwissu 2019, is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze, il-Polonja) ikkundannat lil SO għal piena ta’ priġunerija ta’ sena għal assoċjazzjoni kriminali. |
|
16 |
Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Marzu 2022, is-Sąd Apelacyjny w Poznaniu (il-Qorti tal-Appell ta’ Poznan, il-Polonja) ċaħdet l-appell ippreżentat kontra din is-sentenza mid-difensur ta’ SO. |
|
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2023, Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze) laqgħet it-talba ta’ SO intiża għall-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà fil-Ġermanja, minħabba li huwa kien ċittadin Ġermaniż, li ċ-ċentru tal-interessi tiegħu kien jinsab f’Berlin (il-Ġermanja) u li l-familja tiegħu kienet tgħix ukoll f’dan l-Istat Membru. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2023, li magħha kienu annessi kemm din id-deċiżjoni, iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, is-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2019 mogħtija fl-ewwel istanza u s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2022 mogħtija fl-appell kif ukoll in-notifika tat-talba ta’ SO bil-lingwa Pollakka u Ġermaniża, l-imsemmija qorti talbet lill-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, il-Ġermanja), bħala awtorità Ġermaniża kompetenti, sabiex jieħu inkarigu tal-eżekuzzjoni tal-piena imposta kontra SO. |
|
19 |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin għalhekk talab lill-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) tiddikjara ammissibbli l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà imposta permezz tas-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2019. |
|
20 |
Quddiem din l-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni, SO oppona t-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, billi sostna, b’mod partikolari, li huwa kien deher personalment biss għal tnejn mit-28 seduta tal-proċess tiegħu fil-Polonja, li allegatament żvolġa fl-ewwel istanza, fuq iktar minn erba’ snin u nofs, u li huwa lanqas ma kien deher personalment fis-seduta tal-appell. SO jgħid li jinjora jekk kienx ġie difiż fl-ewwel istanza matul is-26 jum l-ieħor ta’ seduta u fl-appell. |
|
21 |
Peress li l-imsemmija Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze), din tal-aħħar indikat, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Lulju 2023, li SO kienet dehret fl-ewwel istanza fi tliet seduti matul is-snin 2012 u 2014, ippreżentat osservazzjonijiet fuq il-mertu u talbet li s-seduti l-oħra jinżammu fil-kontumaċja fil-każ ta’ assenza. SO ġie informat bid-dritt tiegħu li jidher fil-proċess u bl-obbligu li jikkomunika kull bidla fl-indirizz li għalih huwa jista’ jiġi ċċitat kif ukoll li jindika indirizz fil-Polonja għal dan l-għan. Min-naħa l-oħra, SO ma deherx fl-appell, iżda rrikorra għall-assistenza ta’ difensur li assista għas-seduti fiż-żewġ istanzi. Il-preżenza tal-akkużat fl-appell, bħal dik ta’ difensur, ma hijiex obbligatorja fid-dritt Pollakk. It-taħrika għad-dehra fl-appell ġiet innotifikata fl-indirizz Pollakk indikat minn SO sabiex tirċievi n-notifiki indirizzati lilha, jiġifieri l-uffiċċju tal-avukati tad-difensur tagħha. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2023, is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze), wara talba ġdida mill-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin), ipprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedura fl-ewwel istanza. |
|
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2023, l-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) ċaħdet it-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin intiża sabiex l-eżekuzzjoni tal-kundanna ta’ SO fil-Ġermanja tiġi ddikjarata ammissibbli, peress li, skont l-informazzjoni pprovduta mis-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze), SO ma ġiex imħarrek għal ċerti seduti tal-proċess, filwaqt li huwa ppreċiżat li la jidher li atti proċedurali mwettqa f’dawn is-seduti tal-proċess fl-ewwel istanza kienu biss jikkonċernaw lill-koakkużati u lanqas li SO kellu għarfien ta’ din l-informazzjoni b’mod ieħor. Lanqas ma kien hemm difensur li għenu. |
|
24 |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa jsostni li d-dehra ta’ SO f’ċerti seduti, li matulhom huwa esprima ruħu fuq il-mertu u talab li jiġi ġġudikat anki fl-assenza tiegħu, hija suffiċjenti, peress li kienet taqa’ taħt id-deċiżjoni awtonoma tiegħu li ma jiħux sehem fid-dibattiti ta’ ġranet oħra. Barra minn hekk, SO stess talab, permezz tad-difensur tiegħu quddiem is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze), li l-kundanna tiegħu tiġi eżegwita fil-Ġermanja, u b’hekk irrinunzja għall-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 84 (1) (2) tal-IRG. |
|
25 |
Skont dikjarazzjoni tad-difensur tiegħu, SO ma kienx jaf bil-proċess tal-appell. Huwa ma ġiex iċċitat fl-indirizz tiegħu fil-Ġermanja. Konsegwentement, huwa lanqas ma seta’ jagħti mandat ad litem sabiex jirrappreżentah matul dan il-proċess billi kien jaf bis-seduta ffissata għalih. |
|
26 |
Wara talba tal-qorti tar-rinviju, id-difensur ta’ SO quddiem il-qrati Pollakki, permezz ta’ dikjarazzjoni tat-28 ta’ Frar 2024, indika li s-setgħat tiegħu kienu jestendu kemm għall-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll għal dik tal-appell, li SO kien indika l-indirizz tal-uffiċċju tal-avukati tiegħu bħala dak li lilu setgħu jsiru n-notifiki indirizzati lilu fil-Polonja u li lilha setgħu jiġu kkomunikati lilu ittri b’mod validu konformement mad-dritt Pollakk u li, fl-appell, huwa kien issostitwixxa ruħu b’oħrajn. Huwa probabbli li huwa ma informax lil SO bid-data tas-seduta, peress li l-preżenza ta’ dan tal-aħħar fis-seduta ma kinitx obbligatorja u li kien issostitwit minn kollega. |
|
27 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk taħrika għad-dehra nnotifikata lil mandatarju li l-persuna kkundannata mingħajr ma dehret hija stess ħatret sabiex tirċievi n-notifiki indirizzati lilha tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, b’tali mod li hija għandha tirrikonoxxi u teżegwixxi s-sentenza li kkundannat lil din il-persuna. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li l-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 9(1) (i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jinftiehem bl-istess mod bħall-kunċett identiku li jinsab fl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li diġà ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628), u tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (C‑397/22, EU:C:2023:1030), peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom termini identiċi, ġew emendati mill-istess deċiżjoni qafas u ma hemm ebda raġuni sabiex il-każijiet ta’ konsenja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jiġu ttrattati b’mod differenti mill-każijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna. Dan il-kunċett għandu għalhekk ikopri biss, meta proċeduri kriminali jinkludu diversi istanzi, il-kawża li matulha tkun ingħatat deċiżjoni definittiva, wara eżami ġdid fil-fatt u fid-dritt, dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata u dwar il-kundanna tagħha għal piena. F’dan il-każ, din hija s-seduta tal-appell tal-24 ta’ Marzu 2022 quddiem is-Sąd Apelacyjny w Poznaniu (il-Qorti tal-Appell ta’ Poznan) u mhux il-kawża fl-ewwel istanza msemmija mill-awla ta’ eżekuzzjoni tal-pieni tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin). |
|
29 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li risposta negattiva għad-domanda magħmula tirriżulta mis-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346), u tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (C‑397/22, EU:C:2023:1030), dwar id-dispożizzjoni redatta f’termini identiċi u li tinsab fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taħrika kkonsenjata lil adult li jagħmel parti mid-dar tal-persuna kkonċernata, li impenjat ruħha li tikkonsenjaha lill-persuna kkonċernata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni biss jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jippermetti li jkun magħruf jekk u, jekk ikun il-każ, meta din il-persuna effettivament ikkonsenjatha lill-persuna kkonċernata. Awtorità ġudizzjarja emittenti għandha għalhekk tindika fil-mandat ta’ arrest Ewropew l-elementi li ppermettewlha tistabbilixxi li l-persuna kkonċernata effettivament irċeviet uffiċjalment l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha. Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għaċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li ma jinkludix tali informazzjoni f’dan il-każ. |
|
30 |
Madankollu, il-fatti fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk eżaminati fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi sa fejn, f’dan il-każ, dak li rċieva n-notifika kkonċernata kien inħatar espressament minn SO quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti bħala mandatarju awtorizzat li jirċievi notifiki billi jindika l-indirizz tiegħu bħala dak li lilu setgħu jsiru tali notifiki. Minn dan jista’ jiġi dedott li SO xtaq li n-notifiki magħmula lill-mandatarju awtorizzat li jirċievi dawn tal-aħħar jitqiesu bħala notifiki li saru lilu stess. |
|
31 |
Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi eżaminat jekk il-persuna kkundannata mingħajr ma dehret hija stess kinitx irrappreżentata fl-appell b’mod li jelimina r-raġuni għar-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li kkundannatha. Għaldaqstant, hija tixtieq tkun taf jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i) u (ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 humiex issodisfatti jekk din il-persuna, fil-mument meta hija tagħti mandat lid-difensur tagħha sabiex jirrappreżentaha, kinitx taf mhux bid-data tal-proċess, iżda biss bil-fatt li kien ser iseħħ proċess. |
|
32 |
Din il-qorti tindika li, skont din id-dispożizzjoni, l-iffissar tas-seduta tal-proċess għandu jippreċedi l-ħruġ tal-mandat lil avukat difensur. Madankollu, dan ma japplikax neċessarjament għal proċedura ta’ appell. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tirrileva li, bħala regola ġenerali, persuna kkundannata fl-ewwel istanza li tagħti mandat lid-difensur tagħha sabiex jappella tkun qed tagħtih mandat ukoll sabiex jiddefendiha fil-proċess tal-appell, anki fil-każ ta’ assenza, sa fejn id-dritt nazzjonali jippermetti dan u sa fejn il-preżenza ta’ din il-persuna ma hijiex meħtieġa waqt dan il-proċess tal-appell. L-istess qorti tosserva li l-imsemmija persuna għandha ċ-ċertezza li proċess ser iseħħ fl-appell, peress li hija tappella, iżda għadha ma hijiex taf bid-data preċiża li fiha l-qorti tal-appell ser tiffissa s-seduta tal-proċess. |
|
33 |
Skont il-qorti tar-rinviju, is-sempliċi fatt li jkun magħruf li ser iseħħ proċess ta’ appell huwa suffiċjenti, peress li, fil-kumplament tal-proċedura, huwa ser ikun biss għall-persuna kkundannata mingħajr ma tkun dehret hija stess fl-ewwel istanza jekk tagħmilx jew le kuntatt mal-qorti u mad-difensur tagħha sabiex tiġi informata bid-data stabbilita għal dan il-proċess tal-appell. |
|
34 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li, anki fil-każijiet fejn id-difensur jappella mingħajr l-għarfien tal-klijent tiegħu, meta, fl-assenza ta’ kuntatt ma’ dan tal-aħħar, huwa jkollu l-intenzjoni li josserva, b’mod kawtelatorju, it-terminu tal-appell, il-proċedura ta’ appell ma tiġix segwita mingħajr ma jsir riferiment għall-persuna kkonċernata u mingħajr ma tirċievi konferma min-naħa tagħha. Għaldaqstant, dik il-qorti tiddeduċi mill-interventi tad-difensur magħżul u tal-kollega li ssostitwixxih quddiem is-Sąd Apelacyjny w Poznaniu (il-Qorti tal-Appell ta’ Poznan) l-eżistenza ta’ konsultazzjoni ma’ SO u l-għarfien ċert minnu tal-imminenza ta’ proċess ta’ appell, anki jekk id-data tas-seduta ma kellhiex tkun għadha stabbilita fil-mument ta’ din il-konsultazzjoni. |
|
35 |
Fit-tielet lok, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda u ta’ risposta għat-tieni domanda fis-sens li s-seduta tal-proċess għandha tkun diġà ġiet stabbilita u li l-persuna kkonċernata għandha tkun taf biha fil-mument meta jingħata l-mandat lid-difensur tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-kundanna ma huwiex ammissibbli skont il-punt 1 tal-Artikolu 84 (2) tal-IRG, peress li d-deroga prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 84 (3) tal-IRG, li jittrasponi, fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ma tkunx applikabbli. |
|
36 |
Madankollu, dik il-qorti tosserva li, filwaqt li l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jagħti setgħa diskrezzjonali lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-punt 1 tal-Artikolu 84 (2) tal-IRG jipprevedi raġuni assoluta għal rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni. L-imsemmija qorti tqis li ma huwiex possibbli għaliha li tinterpreta din id-dispożizzjoni contra legem, jiġifieri fis-sens li hija għandha, waqt l-eżami tar-raġuni għal rifjut, setgħa diskrezzjonali li tmur lil hinn mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 84b (3) u (4) tal-IRG. |
|
37 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, jekk hija kellha tali setgħa diskrezzjonali, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-kundanna jitqies ammissibbli. Fil-fatt, minkejja l-appell li huwa ppreżenta, SO ma żammx kuntatt suffiċjenti mal-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki u mad-difensur tiegħu, li huwa kien indika l-indirizz tal-uffiċċju tal-avukati bħala dak li lilu setgħet issir kull notifika. Għalhekk, ma jidhirx li kien hemm raġuni partikolari għalfejn wieħed jipparteċipa huwa stess fil-proċess tal-appell. Barra minn hekk, huwa SO stess li talab it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-kundanna tiegħu fil-Ġermanja. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, dik il-qorti ma tidentifikax interess leġittimu ta’ SO li l-eżekuzzjoni tal-kundanna tiegħu f’dan l-Istat Membru tiġi rrifjutata. |
|
38 |
Dan iwassal lill-imsemmija qorti sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li risposta fis-sens ta’ inkompatibbiltà tista’ tiġi dedotta mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (C‑396/22, EU:C:2023:1029), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt Ġermaniż kien inkompatibbli mal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għall-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. |
|
39 |
Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-persuna kkundannata mingħajr ma tkun dehret hija stess tistax tirrinunzja għall-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u, fl-affermattiv, jekk it-talba indirizzata minn din il-persuna lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti intiża sabiex il-kundanna tagħha tiġi eżegwita fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha tikkostitwixxix tali rinunzja. |
|
40 |
L-attitudni ta’ SO hija, f’dan il-każ, kontradittorja, peress li, minn naħa, huwa talab fil-Polonja, mingħajr ma qajjem riżervi jew oġġezzjonijiet għall-kundanna tiegħu, li l-piena tiegħu tiġi eżegwita fil-Ġermanja, filwaqt li, min-naħa l-oħra, huwa qajjem, f’dan l-Istat Membru, fl-istadju ta’ din l-eżekuzzjoni, oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandu jkollha sabiex tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza li kkundannat persuna mingħajr ma tkun dehret hija stess. Madankollu, id-dritt nazzjonali ma jirrikonoxxilhiex tali setgħa diskrezzjonali. |
|
41 |
Anki jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tinkludi ebda bażi legali li minnha hija tista’ tiddeduċi li huwa possibbli għall-persuna kkundannata mingħajr ma tkun dehret hija stess li tirrinunzja għall-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 9(1)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas, dik il-qorti tikkonstata li din id-dispożizzjoni tirrigwarda każ li fih din il-persuna tista’ tiddeċiedi, bl-attitudni li hija tadotta fil-proċedura, jekk hija tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni kontra r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fl-assenza tagħha. Fil-fatt, il-punt (iii) tal-imsemmija dispożizzjoni jipprevedi l-possibbiltà għall-imsemmija persuna li tirrinunzja milli tikkontesta tali deċiżjoni. Għalkemm in-natura eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni tista’, f’dan ir-rigward, tiddependi mir-rieda tal-persuna kkundannata mingħajr ma tkun dehret hija stess, huwa konċepibbli li jiġi ammess ukoll li l-bqija tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tiddependi minn din ir-rieda, li, f’dan il-każ, ġiet espressa minn SO meta talab lis-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze) li l-piena tiegħu tiġi eżegwita fil-Ġermanja. |
|
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
43 |
Għandu jitfakkar li, bħad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tikkonkretizza, fil-qasam kriminali, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku. Din id-deċiżjoni qafas issaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji kriminali meta persuni jkunu ġew ikkundannati għal pieni jew għal miżuri ta’ ċaħda ta’ libertà fi Stat Membru ieħor, bil-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tagħhom (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna b’konsegwenza ta’ MAE), C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha l-għan li tistabbilixxi r-regoli li, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata, jippermettu lil Stat Membru jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor. |
|
45 |
Għal dan l-għan, l-Artikolu 4(1) (a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedi l-possibbiltà li sentenza akkumpanjata miċ-ċertifikat, li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni qafas, tiġi trażmessa lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkundannata li fit-territorju tiegħu hija tgħix. |
|
46 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, obbligata tilqa’ t-talba, intiża għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna għal piena jew għal miżura li ċċaħħad il-libertà mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tkun ġiet trażmessa lilha konformement mal-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Bħala prinċipju, hija tista’ tirrifjuta li tilqa’ tali talba biss għar-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 9 tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2023, Staatsanwaltschaft Aachen, C‑819/21, EU:C:2023:841, punt 20). |
|
47 |
B’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li huwa s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza u li teżegwixxi kundanna jekk, skont iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni kkonċernata. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li l-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja), C‑398/22, EU:C:2023:1031, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ xenarju, bħal dak inkwistjoni, fejn il-proċess żvolġa matul żewġ istanzi suċċessivi, jiġifieri l-ewwel istanza segwita bi proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija fl-appell li hija rilevanti biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm din l-istanza kienet intiża għad-deċiżjoni li ma tistax tiġi suġġetta għal appell ordinarju li għaldaqstant ddeċidiet b’mod definittiv il-kawża fir-rigward tal-mertu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja), C‑398/22, EU:C:2023:1031, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li ġew inklużi fiż-żewġ deċiżjonijiet qafas inkwistjoni mill-istess att tal-Unjoni, jiġifieri mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, b’mod partikolari permezz, rispettivament, tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 5(1) ta’ din tal-aħħar, għandhom formulazzjoni simili, jew saħansitra identika, u jsegwu għanijiet analogi dwar, b’mod partikolari, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tidher personalment fil-proċess tagħha u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna kkonċernata meta ma tkunx dehret personalment fil-proċess li wassal għall-kundanna tagħha, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1, 4, 6 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. |
|
51 |
L-istess japplika, għal raġunijiet identiċi, għall-interpretazzjoni tal-kunċetti l-oħra li jinsabu fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari dik li tirrigwarda l-kunċetti u l-espressjonijiet li huma s-suġġett tal-punti (a) sa (c) tal-imsemmija dispożizzjoni, li t-termini tagħhom jikkorrispondu eżattament għal dawk li jinsabu fil-punti (i) sa (iii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li huma s-suġġett tad-domandi magħmula. |
|
52 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula. |
Fuq l-ewwel domanda
|
53 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi magħmulin lilha. F’dan ir-rigward, hija għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2025, Nuratau, C‑349/24, EU:C:2025:397, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
F’dan il-każ, mill-kliem tal-ewwel domanda jirriżulta li din tirrigwarda formalment il-każ imsemmi fl-Artikolu 9(1)(i)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Dan il-każ jirrigwarda sitwazzjoni li fiha, skont iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-proċess li wassal għas-sentenza ta’ kundanna, iżda, fi żmien xieraq, konformement mal-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, jew ġiet imsejħa personalment u għalhekk ġiet informata bid-data u l-post skedati għall-proċess li wassal għal din is-sentenza, jew ġiet informata uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra bid-data u l-post stabbiliti għal din il-kawża, b’tali mod li ġie stabbilit b’mod inekwivoku li hija kienet taf bil-proċess previst, u, skont it-tieni inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, ġiet informata li setgħet tingħata deċiżjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra. |
|
55 |
Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi mhux dwar sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata li deċiżjoni setgħet tingħata fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra, iżda dwar sitwazzjoni li fiha din il-persuna kkonċernata tkun tat mandat lil konsulent legali u tkun effettivament ġiet difiża minn dan il-konsulent matul il-kawża, li hija msemmija fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. |
|
56 |
Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk din l-aħħar dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjoni dwar l-għarfien tal-proċess previst, stabbilita fiha, hija ssodisfatta meta taħrika għad-dehra tkun ġiet innotifikata mhux direttament lill-persuna kkonċernata, iżda lil konsulent legali li lilu din tkun tat mandat sabiex jiddefendiha fil-proċess tagħha u li hija tkun ħatret fl-Istat Membru emittenti sabiex tirċievi n-notifiki li jsirulha. |
|
57 |
Skont l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi sentenza ta’ kundanna jekk, skont iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta f’din id-deċiżjoni, ħlief jekk dan iċ-ċertifikat jindika li l-persuna kkonċernata, konformement mar-rekwiżiti proċedurali l-oħra ddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat emittenti, tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) jew (iii) ta’ dan l-Artikolu 9(1)(i). |
|
58 |
Minn dan isegwi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, obbligata tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza ta’ kundanna, minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża li wasslet għal din id-deċiżjoni, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) jew (iii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ikunu ssodisfatti. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 35). |
|
59 |
Fil-fatt, f’kull wieħed mill-każijiet imsemmija f’dawn il-punti, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna ma jippreġudikawx id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u lanqas id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, kif stabbiliti fl-Artikolu 47 fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-persuna kkonċernata hija, f’dawn il-każijiet, meqjusa li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti għall-proċess tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 52). |
|
60 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 9(1)(i)u (ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija suġġetta għall-obbligu li tirrikonoxxi u li teżegwixxi sentenza ta’ kundanna, minkejja l-fatt li l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta f’din is-sentenza, meta, fi żmien xieraq, din il-persuna kkonċernata, li kienet taf bil-proċess previst, tat mandat lil konsulent legali, li kien maħtur jew mill-imsemmija persuna kkonċernata jew mill-Istat Membru, sabiex jiddefendiha fil-proċess, u kienet effettivament difiża minn dan il-konsulent matul il-proċess. |
|
61 |
Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 9(1)(i), (i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li jirrigwarda, essenzjalment, kif ġie rrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-każ fejn il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-proċess li wassal għall-kundanna tagħha, iżda ġiet imsejħa personalment jew ġiet informata uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra bid-data u l-post stabbiliti għal dan il-proċess, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-formulazzjoni tal-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprovdi li għandu jiġi stabbilit b’mod inekwivoku li din il-persuna kkonċernata “kienet taf bil-proċess skedat”, il-fatt li taħrika ġiet ikkonsenjata lil terza persuna li timpenja ruħha li tibgħat din it-taħrika lill-persuna kkonċernata ma jippermettix li jiġi stabbilit b’mod inekwivoku la l-fatt li l-persuna kkonċernata “effettivament” irċeviet l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess tagħha u lanqas, jekk ikun il-każ, il-mument preċiż ta’ din ir-riċezzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 47, u tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja), C‑397/22, EU:C:2023:1030, punt 31). |
|
62 |
Madankollu, l-istess japplika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, għas-sitwazzjoni li fiha taħrika għad-dehra tkun ġiet innotifikata lil konsulent legali li lilu l-persuna kkonċernata tkun tat mandat sabiex jiddefendiha fil-proċess tagħha u li hija tkun ħatret fl-Istat Membru emittenti sabiex tirċievi n-notifiki li jsirulha. |
|
63 |
Fil-fatt, il-komunikazzjoni, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti, ta’ din it-taħrika għad-dehra fl-indirizz tal-uffiċċju tal-konsulent legali tal-persuna kkonċernata tikkostitwixxi informazzjoni lil din il-persuna kkonċernata stess, peress li din tal-aħħar hija, f’dan il-każ, meqjusa li rċeviet l-imsemmija taħrika għad-dehra. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2025, Kachev, C‑135/25 PPU, EU:C:2025:366, il-punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni dwar l-għarfien tal-proċess previst, stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hija ssodisfatta meta taħrika għad-dehra tkun ġiet innotifikata mhux direttament lill-persuna kkonċernata, iżda lil konsulent legali li lilu din tkun tat mandat sabiex jiddefendiha fil-proċess tagħha u li tkun ħatret fl-Istat Membru emittenti sabiex tirċievi n-notifiki li jsirulha. |
Fuq it-tieni domanda
|
65 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(i), (ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-applikazzjoni tagħha għall-fatt li l-persuna kkonċernata tkun taf bid-data tas-seduta stabbilita għall-proċess tagħha fil-mument meta tkun tat mandat lil konsulent legali sabiex jiddefendiha f’dan il-proċess. |
|
66 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, hija obbligata tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza ta’ kundanna meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta f’din id-deċiżjoni jekk din il-persuna kkonċernata, skont ir-rekwiżit tal-istess dispożizzjoni, li kienet taf bil-proċess previst, tkun tat mandat lil konsulent legali, li jkun ġie maħtur jew mill-imsemmija persuna kkonċernata jew mill-Istat, sabiex jiddefendiha f’dan il-proċess, u tkun ġiet effettivament difiża minn dan il-konsulent matul l-imsemmija proċess. |
|
67 |
Sabiex tingħata risposta għal din it-tieni domanda, hemm lok, għaldaqstant, li tiġi ddeterminata l-portata tar-rekwiżit li jinforza l-punt (ii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 dwar l-għarfien, mill-persuna kkonċernata, tal-proċess previst, li jikkostitwixxi, fl-assenza ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Unjoni. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 28 sa 31). |
|
68 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2025, Casa Judeta’ eană de Asigurări de Sănătate Mureș et, C‑489/23, EU:C:2025:651, punt 31). |
|
69 |
Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha, ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’mod inekwivoku jekk l-imsemmija dispożizzjoni teżiġix, għall-applikazzjoni tagħha, li l-persuna kkonċernata tkun saret taf bid-data preċiża tas-seduta ffissata għall-proċess li wassal għall-kundanna tagħha. |
|
70 |
B’mod partikolari, għalkemm il-verżjoni bil-lingwa Taljana tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) ta’ din id-deċiżjoni qafas tinkludi espressament tali rekwiżit, ċerti verżjonijiet, bħal dawk bil-lingwa Franċiża u dik Ingliża, sempliċement jeżiġu li tkun “konxja mill-proċess skedat”, filwaqt li oħrajn jeżiġu, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża u Ungeriża, l-“konxja mis-seduta stabbilita” jew, bħal dawk bil-lingwa Ċeka, Pollakka u Svediża, “konxja mis-seduta skedata”. |
|
71 |
Għalkemm, ċertament, dawn id-diversi espressjonijiet jistgħu jissuġġerixxu li l-persuna kkonċernata għandha, bħalma tipprevedi b’mod espliċitu l-verżjoni bil-lingwa Taljana ta’ din id-dispożizzjoni, tkun taf bid-data preċiża tas-seduta ffissata għall-proċess li wassal għall-kundanna tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni tagħha jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. B’hekk, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2025, Naturvårdsverke (Trattament tal-iskart wara t-teħid lura), C‑221/24 u C‑222/24, EU:C:2025:818, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntest tal-punt (ii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jiġi kkonstatat li l-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni jeżiġi li l-persuna kkonċernata tkun ġiet imsejħa personalment u għalhekk tkun ġiet informata bid-“data u l-post skedati tal-proċess” li rriżultat f’din id-deċiżjoni, jew tkun ġiet informata uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra dwar “id-data u l-post skedati għal dak il-proċess”, b’tali mod li tkun ġiet stabbilita inekwivokabbilment “li kienet konxja mill-proċess skedat”. |
|
73 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem stess tal-Artikolu 9(1)(i)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jirriżulta li l-espressjoni “konxja mill-proċess skedat” li tinsab fih teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata bid-data tas-seduta u tal-post skedat għall-proċess li wassal għall-kundanna tagħha. |
|
74 |
Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni kuntestwali, minn dan jidher li jista’ jiġi dedott li r-rekwiżit korrispondenti, li jinvadi l-punt (ii) ta’ dan l-Artikolu 9(1)(i), jista’, għal raġunijiet ta’ koerenza, jingħata l-istess portata, b’tali mod li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li teħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata bid-data tas-seduta u bil-post stabbilit għall-proċess li wassal għall-kundanna tagħha. |
|
75 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343, li tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw ċerti elementi tal-proċeduri kriminali, fosthom id- “dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess”, b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha, li jikkostitwixxi element kuntestwali rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas minħabba r-rabta funzjonali eżistenti bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid) (C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 48). |
|
76 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jagħti lok għal deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata jista’ jsir fl-assenza tagħha, sakemm jew, skont il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, din il-persuna ssuspettata jew akkużata tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċess u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, jew, skont il-punt (b) tal-imsemmija dispożizzjoni, l-imsemmija persuna ssuspettata jew akkużata, li tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess, jew irrappreżentata minn avukat imqabbad, li jkun inħatar jew mill-istess persuna ssuspettata jew akkużata, jew mill-Istat. |
|
77 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 jagħti importanza partikolari għall-informazzjoni tal-persuna kkonċernata, sa fejn jissuġġetta espressament kull possibbiltà li jiġi organizzat proċess fil-kontumaċja għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun ġiet informata biż-żamma ta’ dan il-proċess. Billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-premessa 36 ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kundizzjoni, stabbilita kemm fil-punt (a) kif ukoll fil-punt (b) ta’ dan l-Artikolu 8(2), li l-persuna kkonċernata għandha tiġi informata biż-żamma tal-proċess tagħha, teżiġi li din tkun informata bid-data tas-seduta u tal-post stabbiliti għal dan il-proċess, b’tali mod li tkun tista’ tkun taf bl-imsemmi proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċedura kriminali ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju), C‑420/20, EU:C:2022:679, punti 51 u 52). |
|
78 |
L-interpretazzjoni teleoloġika tal-punt (ii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tikkorrobora wkoll l-interpretazzjoni li r-rekwiżit li jinforza dan il-punt (ii) jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata bid-data tas-seduta u bil-post stabbilit għall-proċess li wassal għall-kundanna tagħha. |
|
79 |
Fil-fatt, kif jirriżulta espressament mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 15 tagħha, dan l-Artikolu 9(1)(i) huwa intiż, billi jippreċiża d-definizzjoni tar-raġunijiet komuni ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-proċess tagħha, li jipproteġi d-dritt tagħha li tidher personalment fil-proċess kriminali dirett kontriha, li jikkostitwixxi element essenzjali tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar ġenerali, huwa ta’ importanza kbira fl-osservanza tad-dritt għal smigħ kriminali xieraq, stabbilit fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li jtejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punti 50 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li tgħid li l-persuna kkonċernata għandha tiġi informata bid-data tas-seduta u tal-post stabbilit għall-proċess tagħha, tiffavorixxi t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, peress li tippermetti lill-persuna kkonċernata tidher personalment jekk tkun tixtieq, u dan sal-mument li fih il-proċess effettivament ser jinżamm, jew, alternattivament, li hija ta’ natura li tiżgura ruħha li din il-persuna kkonċernata rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tidher f’dan il-proċess. |
|
81 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, kuntrarjament għal dak li l-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tista’ tissuġġerixxi, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem bħala li teżiġi li l-informazzjoni dwar id-data tas-seduta u l-post stabbiliti għall-proċess tal-persuna kkonċernata tippreċedi l-għoti tal-mandat minnha lill-konsulent legali tagħha sabiex jiddefendiha matul il-proċess tagħha, taħt piena, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġu imposti rekwiżiti formali eċċessivi, bħan-neċessità li dan il-mandat jiġi kkonfermat jew imġedded fid-dawl tal-proċess tal-appell, filwaqt li l-imsemmi mandat ingħata inizjalment sabiex ikopri l-proċedura kollha. |
|
82 |
Fil-fatt, sa fejn tali informazzjoni hija intiża sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tidher personalment fil-proċess tagħha, huwa irrilevanti li din tkun waslitilha qabel jew wara li jingħata mandat lil konsulent legali. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, meta l-persuna kkonċernata tagħti mandat lil konsulent legali sabiex jappella u jirrappreżentaha fil-kuntest tal-proċedura kkonċernata, dan il-mandat neċessarjament jippreċedi l-informazzjoni dwar id-data u l-post stabbiliti għall-proċess tal-appell, li, mid-definizzjoni tagħhom stess, għadhom ma humiex magħrufa f’dan l-istadju. |
|
83 |
Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit li jinforza l-punt (ii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jeżiġi li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bid-data tas-seduta u tal-post stabbiliti għal dan il-proċess, mingħajr ma huwa importanti li din l-informazzjoni tkun waslitilha qabel jew wara li tkun tat mandat lil konsulent legali sabiex jiddefendiha matul il-proċess tagħha. |
|
84 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-applikazzjoni tagħha għall-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bid-data tas-seduta ffissata għall-proċess tagħha, iżda mhux għall-fatt li din il-persuna kkonċernata jkollha din l-informazzjoni qabel ma tagħti mandat lil konsulent legali sabiex jiddefendiha f’dan il-proċess. |
Fuq it-tielet domanda
|
85 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza ta’ kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti. |
|
86 |
Din id-domanda hija utli fil-kuntest tal-kawża prinċipali biss jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata, fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każ imsemmi fil-punt (ii) tal-Artikolu 9(1)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma humiex issodisfatti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. |
|
87 |
Mill-formulazzjoni stess ta’ dan l-Artikolu 9(1)(i), b’mod partikolari mill-indikazzjoni li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni “tista’” tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi s-sentenza ta’ kundanna kkonċernata, jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha l-possibbiltà li tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi sentenza ta’ kundanna jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li wassal għal din is-sentenza, ħlief jekk iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas jindika li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija, rispettivament, fil-punti (i), (ii) u (iii) ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja), C‑396/22, EU:C:2023:1029, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Dan l-Artikolu 9(1)(i) jillimita għalhekk il-possibbiltà li tiġi rrifjutata r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna billi jelenka, b’mod preċiż u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Minn dan isegwi li, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tipproċedi għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna, minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-proċess li wassal għal din is-sentenza, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ wieħed mill-każijiet imsemmija, rispettivament, fil-punti (i), (ii) jew (iii) ta’ dan l-Artikolu 9(1)(i), ikunu ssodisfatti. |
|
90 |
Dan premess, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, wara li tkun ikkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuna li hija s-suġġett ta’ tali sentenza, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ, b’mod partikolari l-aġir ta’ din il-persuna, li jippermettulha tiżgura ruħha li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ma jimplikawx ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-imsemmija persuna (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni), C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punti 76 u 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
91 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tobbliga lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi sentenza ta’ kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) jew (iii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma jkunux issodisfatti. Din il-leġiżlazzjoni għalhekk iċċaħħad lil din l-awtorità minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tivverifika, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jistgħux madankollu jitqiesu li ġew irrispettati u, għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi li tirrikonoxxi u teżegwixxi s-sentenza ta’ kundanna kkonċernata. |
|
92 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. |
|
93 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, peress li dawn ma għandhomx effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati, huma meħtieġa jagħtu, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħhom li tippermettilhom jiżguraw riżultat kompatibbli mal-finalità segwita mid-deċiżjoni qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja), C‑398/22, EU:C:2023:1031, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
94 |
Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux jipproduċu effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom madankollu timplika obbligu min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri f’konformità mad-dritt tal-Unjoni mid-data tal-iskadenza tat-terminu previst għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, dawn l-awtoritajiet huma għalhekk obbligati li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. B’hekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-finalità mfittxija minnha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja), C‑398/22, EU:C:2023:1031, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
Minn dan isegwi li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, b’mod partikolari fil-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni, ma humiex issodisfatti, hija jkollha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu tagħha u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, fis-sens li hija tista’ tevalwa, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jistgħux madankollu jitqiesu li ġew irrispettati, b’tali mod li jkun hemm lok li tiġi rrikonoxxuta u eżegwita s-sentenza ta’ kundanna kkonċernata. |
|
96 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza ta’ kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti meta ebda waħda mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni ma tkun issodisfatta. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
97 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, meta tikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-imsemmija dispożizzjoni ma humiex issodisfatti, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata talbet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti li l-kundanna tagħha tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadin u li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha sabiex tiddeċiedi li din l-eżekuzzjoni ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. |
|
98 |
Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat li r-risposta għal din id-domanda, bħal dik għat-tielet domanda, hija utli fil-kuntest tal-kawża prinċipali biss jekk il-qorti tar-rinviju tasal sabiex tikkonstata, fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każ imsemmi fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma humiex issodisfatti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. |
|
99 |
Kif ġie rrilevat fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 9(1)(i) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistabbilixxi, fil-punti (i) sa (iii) tiegħu, il-kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku li tkun preżenti għall-proċess tagħha, b’tali mod li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tirrikonoxxi u teżegwixxi s-sentenza ta’ kundanna mogħtija fi tmiem tali proċess. |
|
100 |
Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha, tali rinunzja tista’ tirriżulta mill-aġir tal-persuna kkonċernata meta, konformement mal-każ imsemmi fil-punt (iii) ta’ dan l-Artikolu 9(1)(i), din tkun indikat espressament li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni mogħtija wara proċess li fih hija ma dehritx personalment jew li ma talbitx kawża mill-ġdid jew proċedura ta’ appell fit-terminu mogħti. |
|
101 |
Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 129 u 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-persuna kkonċernata kienet talbet, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti li l-piena mogħtija fil-konfront tagħha wara proċess li fih hija ma dehritx personalment tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina u li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha ma jissodisfax, bħala tali, kif tissuġġerixxi, ġustament, il-qorti tar-rinviju permezz tar-raba’ domanda tagħha, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, peress li xejn ma jipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tressaq tali talba filwaqt li tirriżerva d-dritt li tikkontesta s-sentenza ta’ kundanna li tkun tat din il-piena u li titlob iż-żamma ta’ proċess ġdid. |
|
102 |
Dan premess, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 90 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, wara li tkun ikkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma humiex issodisfatti, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna kkonċernata ma jimplikawx ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari l-aġir tagħha. |
|
103 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għalhekk possibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni talba, bħal dik magħmula fil-kawża prinċipali, intiża sabiex il-kundanna tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadina u li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha, sabiex tiddeċiedi li din l-eżekuzzjoni ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, b’tali mod li ma hemmx lok li tiġi applikata r-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti. |
|
104 |
Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, meta tikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-każijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata talbet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti li l-kundanna tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadin u li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha sabiex tiddeċiedi li din l-eżekuzzjoni ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
|
105 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.