17.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/790

tad-9 ta’ Ġunju 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u r-regoli ta’ proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2017.

(2)

L-Artikolu 56(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jiżgura l-implimentazzjoni u l-funzjonament adatt tal-Ftehim (il-“Kumitat Konġunt”).

(3)

L-Artikolu 56(6) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u l-Artikolu 56(4) tal-Ftehim jipprevedi li jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma speċjalizzati bil-għan li jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(4)

L-Artikolu 28(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment.

(5)

L-Artikolu 28(3) tal-Ftehim jipprevedi li s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u s-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjonijiet mehmużin tal-Kumitat Konġunt u tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (2).

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment stabbilit bil-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Investiment (2).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)   ĠU L 326, 9.12.2017, p. 7.

(2)  Ara d-dokument ST 6856/20 fuq is-sit web http://register.consilium.europa.eu