KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑26 ta’ Settembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑393/23
Athenian Brewery SA,
Heineken NV
vs
Macedonian Thrace Brewery SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal domanda preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni speċjali – Il-punt 1 tal-Artikolu 8 – Diversi konvenuti – Rabta stretta – Artikolu 102 TFUE – Kunċett ta’ impriża – Kumpannija omm u s-sussidjarja – Ksur imwettaq mis-sussidjarja – Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm – Responsabbiltà in solidum – Deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Azzjonijiet għad-danni tat-tip follow on”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Parti li tkun ġarrbet ħsara minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tista’ tressaq azzjoni kontra l-kumpannija li wettqet dan il-ksur fis-sede tal-kumpannija omm tagħha fi Stat Membru ieħor? Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
2. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat għalhekk l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni speċjali fil-każ ta’ konnessjoni fattwali prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”) ( 2 ) fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (private enforcement). Fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din il-ġurisdizzjoni speċjali tippermetti li diversi parteċipanti f’akkordju kontra l-Artikolu 101 TFUE jitħarrku fid-domiċilju ta’ wieħed minnhom, jekk il-parteċipazzjoni tagħhom tkun ġiet stabbilita minn qabel b’mod vinkolanti permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni (azzjonijiet għad-danni tat-tip follow on). |
|
3. |
B’differenza minn din il-kawża, il-kwistjoni hawnhekk hija dwar jekk kumpannija (sussidjarja) li, skont deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE tistax tiġi mħarrka, flimkien mal-kumpannija omm tagħha, fis-sede ta’ din tal-aħħar, li jinsab fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, il-Pajjiżi l-Baxxi) li ma huwiex dak tas-sussidjarja (f’dan il-każ, il-Greċja). |
|
4. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tal-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ impriża msemmi fl-Artikoli 101 u 102 TFUE u dwar l-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà fi ħdan unità ekonomika fuq it-tqassim tal-kompetenzi skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, f’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet preżunzjoni konfutabbli li kumpannija omm teżerċita influwenza determinanti fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja meta hija jkollha (kważi) 100 % tal-kapital tagħha (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni ta’ influwenza”), li jippermetti li jiġi imputat lilha l-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħha u li din tinżamm responsabbli in solidum ( 4 ). |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Ir‑Regolament Brussell Ia
|
5. |
Il-premessi 15, 16 u 21 tar-Regolament Brussell Ia jipprovdu:
[…]
|
|
6. |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia huwa fformulat kif ġej: “1. Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”. |
|
7. |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell Ia huwa fformulat kif ġej: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.” |
|
8. |
Il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia jirregola ġurisdizzjoni internazzjonali speċjali: “Persuna li tkun iddomiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti:
[…]” |
B. Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003
|
9. |
L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE] ( 5 ) jipprovdi: “Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu 234 tat-Trattat.” |
C. Id‑Direttiva 2014/104
|
10. |
L-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 2014/104/UE dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea ( 6 ) jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “kontraventur” u ta’ “liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni” kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
11. |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/104 jikkonċerna d-dritt għal kumpens sħiħ: “L-Istati Membri għandhom jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara.” |
|
12. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104 jikkonċerna l-effett tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 1 tittieħed fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni finali tista’, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, tiġi ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala tal-inqas evidenza prima facie tal-fatt li seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u, kif xieraq, tista’ tiġi valutata flimkien ma’ kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-partijiet. 3. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE.” |
III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
13. |
Il-kawża prinċipali tikkonċerna tilwima bejn, minn naħa, Macedonian Thrale Brewery SA (iktar ’il quddiem “MTB”) u, min-naħa l-oħra, Athenian Brewery SA (iktar ’il quddiem “AB”) u l-kumpannija [buż]nanna tagħha Heineken NV (iktar ’il quddiem “Heineken”). Heineken hija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li AB għandha s-sede tagħha fil-Greċja. Madankollu, MTB titlob quddiem il-qrati Olandiżi, li kemm AB kif ukoll Heineken jinżammu responsabbli in solidum għad-dannu li hija tallega li ġarrbet minħabba ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 102 TFUE, imwettaq minn AB fis-suq Grieg tal-birra. |
|
14. |
MTB hija birrerija stabbilita fil-Greċja u attiva fis-suq Grieg tal-birra. AB hija parti mill-grupp Heineken u teżerċita wkoll l-attivitajiet tiegħu fil-Greċja. Heineken, filwaqt li tiddefinixxi l-istrateġija u l-għanijiet tal-grupp Heineken, ma twettaqx hija stess attivitajiet operattivi fil-Greċja. Heineken indirettament kellha madwar 98.8 % tal-kapital ta’ AB matul il-perijodu rilevanti għal din il-proċedura. |
|
15. |
B’deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2014, l-awtorità tal-kompetizzjoni Griega ddeċidiet, li bejn Settembru 1998 u l‑14 ta’ Settembru 2014, AB abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Grieg tal-birra u li dan l-aġir għandu jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 2 tal-Liġi Griega dwar il-Kompetizzjoni. |
|
16. |
Għaldaqstant, MTB kienet talbet lill-awtorità tal-kompetizzjoni Griega sabiex tinkludi lil Heineken fl-investigazzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, l-awtorità tal-kompetizzjoni Griega indikat li hija ma kienet tara l-ebda raġuni li tagħmel dan. Hija kkunsidrat, b’mod partikolari, li ebda parteċipazzjoni diretta ta’ Heineken fil-ksur ikkonstatat ma ġiet stabbilita u li ma kinux jeżistu ċirkustanzi partikolari li inevitabbilment jagħtu lok għall-preżunzjoni li Heineken kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq AB. Hija ma ddeċidietx dwar il-preżunzjoni ta’ influwenza. |
|
17. |
MTB talbet lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) tikkonstata li Heineken u AB jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur imsemmi iktar ’il fuq fis-suq Grieg tal-birra u, għaldaqstant, li huma obbligati in solidum jikkumpensaw id-dannu kollu subit minn MTB wara dan il-ksur. Heineken u AB talbu, b’mod inċidentali, lir-rechtbank Amsterdam tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni kontra AB. Ir-rechtbank Amsterdam laqgħet din it-talba u ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni kontra AB. |
|
18. |
Il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat is-sentenza tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) fl-appell u ċaħdet it-talba inċidentali. Heineken u AB għalhekk appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). |
|
19. |
Il-Hoge Raad (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, iż-żewġ domandi li ġejjin: 1. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tad-domiċilju tal-kumpannija omm għandha, sabiex tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-[Regolament Brussell Ia], fir-rigward tas-sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, tibbaża ruħha, fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ rabta stretta msemmi f’din id-dispożizzjoni, fuq il-preżunzjoni, ammessa fil-qasam tad-dritt sostantiv tal-kompetizzjoni, ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja li hija s-suġġett tat-tilwima? 2. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, kif għandu jiġi interpretat il-kriterju stabbilit fis-sentenzi Kolassa u Universal Music? Huwa suffiċjenti f’dan il-każ, meta l-influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja tiġi kkontestata, li ma jiġix eskluż a priori li tali influwenza determinanti kienet eżistiet sabiex il-qorti tiddikjara li jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sussidjarja kkonċernata skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussel Ia? |
IV. Analiżi ġuridika
|
20. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-eżami tal-ġurisdizzjoni internazzjonali skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, wieħed għandux jibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni ta’ influwenza rrikonoxxuta fid-dritt tal-kompetizzjoni, kif spjegat fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li skontha huwa preżunt, b’mod konfutabbli, li kumpannija omm teżerċita influwenza determinanti fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja meta hija jkollha (kważi) 100 % tal-kapital tagħha. Fl-affermattiv, hija tixtieq tkun taf ukoll liema huwa l-kriterju ta’ evalwazzjoni applikabbli meta l-konvenut jikkontesta l-eżistenza ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja. |
|
21. |
Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali minħabba li Heineken biss, stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, quddiem il-qrati Olandiżi u mhux AB, stabbilita fil-Greċja. AB tista’ madankollu tiġi mfittxija fil-Pajjiżi l-Baxxi flimkien ma’ Heineken jekk teżisti “rabta stretta”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, bejn l-azzjonijiet imressqa kontra Heineken u AB. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, sa fejn il-preżunzjoni ta’ influwenza, ibbażata fuq il-fatt li Heineken għandha kważi 100 % tal-kapital ta’ AB, tista’ tiġi invokata bħala bażi għal tali rabta stretta. |
|
22. |
Essenzjalment, il-kwistjoni hija dwar jekk u sa fejn il-preżunzjoni ta’ influwenza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali u sa fejn għandu jiġi eżaminat jekk din il-preżunzjoni ġietx ikkonfutata (ara, f’dan ir-rigward, il-punti B u C). |
|
23. |
Sabiex jiġi eżaminat l-effett eventwali tal-preżunzjoni ta’ influwenza fuq l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, qabel kollox, għandu jiġi spjegat fil-qosor is-sens u l-għan tiegħu kif ukoll il-funzjoni tiegħu fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punt A). |
A. Il-kunċetti ta’ “impriża”, ta’ “unità ekonomika” u ta’ “preżunzjoni ta’ influwenza konfutabbli” fis‑sens tal‑Artikoli 101 u 102 TFUE
|
24. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “impriża”, jiġifieri dak ta’ awtur ta’ ksur, imsemmi fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, jirreferi għal “unità ekonomika” li tista’ tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi ( 7 ). |
|
25. |
Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur ( 8 ). Madankollu, tali ksur għandu jiġi imputat lil persuna li fil-konfront tagħha jistgħu jiġu imposti multi jew li jitressqu azzjonijiet għad-danni. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża” jew ta’ “unità ekonomika” tista’ tagħti lok għal responsabbiltà in solidum tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li kienu jifformaw l-unità ekonomika kkonċernata fil-mument tat-twettiq tal-ksur ( 9 ). |
|
26. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta persuni ġuridikament distinti jkunu organizzati fil-forma ta’ grupp, dawn jifformaw l-istess impriża waħda, meta dawn ma jiddeterminawx, b’mod awtonomu, l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni, iżda, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqduhom ma’ kumpannija omm, għal dan l-għan, dawn ikunu suġġetti għall-effetti tal-eżerċizzju effettiv, minn din l-unità ta’ tmexxija, ta’ influwenza determinanti ( 10 ). |
|
27. |
Il-preżunzjoni ta’ influwenza esposta fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet tirrigwarda l-każ fejn l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huwa preżunt (inkonfutabbli) lil kumpannija omm li għandha direttament jew indirettament il-kapital (kważi) kollu tas-sussidjarja ( 11 ). Din il-preżunzjoni tapplika, għalhekk, mhux biss għar-relazzjoni indiretta bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, iżda wkoll, bħal f’dan il-każ, għar-relazzjoni diretta bejn il-kumpannija nanna u s-sottosussidjarja ( 12 ). Għalhekk, iktar ’il quddiem ser nitkellem biss dwar il-kumpannija omm u s-sussidjarja. |
|
28. |
Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, din il-preżunzjoni ta’ influwenza għandha tapplika, skont il-ġurisprudenza, mhux biss fil-qasam tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (public enforcement), iżda wkoll fil-qasam tal-azzjonijiet għad-danni minħabba ksur ta’ dawn ir-regoli (private enforcement). Dawn iż-żewġ elementi huma parti integrali mis-sistema ta’ implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 13 ). F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “impriża” li jinsab fl-Artikoli 101 u 102 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod uniformi ( 14 ). Ma jistax ikun mod ieħor għall-preżunzjoni ta’ influwenza żviluppata mill-ġurisprudenza fil-kuntest tal-kunċett ta’ impriża. |
|
29. |
Madankollu, il-kumpannija omm tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza billi turi li hija ma tat ebda istruzzjoni lis-sussidjarja matul il-perijodu tal-ksur u li hija ma pparteċipat la direttament u lanqas indirettament fid-deċiżjonijiet tas-sussidjarja dwar l-attività ekonomika kkonċernata ( 15 ). |
|
30. |
Min-naħa l-oħra, jekk il-preżunzjoni ta’ influwenza ma tapplikax, l-awtorità tal-kompetizzjoni jew ir-rikorrenti għandhom jistabbilixxu li l-kumpannija omm effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja matul it-tul tal-ksur, b’mod partikolari fl-istruzzjonijiet mogħtija ( 16 ). |
|
31. |
Il-preżunzjoni għalhekk toħloq inverżjoni tal-oneru tal-prova favur il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara li titlob azzjoni għad-danni u għad-detriment tal-kumpannija omm konvenuta ( 17 ). Hija tissemplifika l-applikazzjoni tad-dritt għall-parti li tkun ġarrbet il-ħsara, u b’hekk issaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-azzjonijiet għad-danni jikkontribwixxu wkoll sabiex jiddisswadu lill-impriżi milli jaġixxu b’mod antikompetittiv u, għaldaqstant, sabiex iżommu kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni ( 18 ). |
|
32. |
Ser neżamina issa jekk u sa fejn il-preżunzjoni ta’ influwenza għandha effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia (l-ewwel domanda preliminari). |
B. Fuq l‑ewwel domanda preliminari: l‑effett tal‑preżunzjoni ta’ influwenza fuq l‑applikazzjoni tal‑punt 1 tal‑Artikolu 8 tar‑Regolament Brussell Ia
1. Il‑kunċett ta’ “rabta stretta” previst fil‑punt 1 tal‑Artikolu 8 tar‑Regolament Brussell Ia
|
33. |
L-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia jipprevedi, b’żieda mal-forum ġenerali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut (Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia), ġurisdizzjoni speċjali bbażata fuq konnessjoni fattwali. |
|
34. |
Skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’, fil-każ ta’ diversi konvenuti, tiġi mħarrka quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed mill-konvenuti, imsejħa “konvenut ta’ ankraġġ”. Madankollu, dan japplika biss jekk it-talbiet ikunu tant marbuta b’mod strett li jkun hemm interess li jinstemgħu u jiġu ġġudikati fl-istess ħin. B’hekk għandu jiġi eskluż li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament. |
|
35. |
Il-kundizzjonijiet li fihom tali rabta stretta tista’ teżisti għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sistema u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia ( 19 ). Sussegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali rabta bejn id-diversi talbiet fil-każ konkret ( 20 ). |
|
36. |
Iktar ’il quddiem ser nesponi, l-ewwel nett, li teżisti rabta stretta bejn it-talbiet meta l-kumpannija omm u s-sussidjarja jkunu responsabbli in solidum għal ksur (ara taħt il-punt 2). Sussegwentement, ser nispjega għaliex, bħala regola ġenerali, tali rabta stretta teżisti anki jekk, fl-ewwel lok, tapplika biss il-preżunzjoni ta’ influwenza, jiġifieri meta l-kumpannija omm iżżomm (kważi) direttament jew indirettament il-kapital kollu tas-sussidjarja, mingħajr ma jkun diġà ġie stabbilit b’mod definittiv jekk it-tnejn humiex responsabbli in solidum jew jekk il-preżunzjoni ta’ influwenza tistax tiġi kkonfutata (ara taħt il-punt 3). |
2. Ir-responsabbiltà in solidum tal‑kumpannija omm u tas‑sussidjarja bħala każ ta’ applikazzjoni tal‑punt 1 tal‑Artikolu 8 tar‑Regolament Brussell Ia
|
37. |
Skont il-premessi 16 u 21 Regolament Brussell Ia, l-Artikolu 8(1) tiegħu għandu l-għan li jiffaċilita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li b’hekk jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament ( 21 ). |
|
38. |
Madankollu, is-sempliċi riskju ta’ deċiżjonijiet diverġenti bejn kawżi differenti ma huwiex biżżejjed f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, din id-diverġenza għandha tikkonċerna l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi ( 22 ). |
|
39. |
Konsegwentement, fil-każ ta’ diversi konvenuti, il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia huwa applikabbli meta diversi impriżi jkunu pparteċipaw, fuq il-livell ġeografiku u ratione temporis, fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat f’deċiżjoni tal-Kummissjoni u jiġu kkundannati in solidum għad-danni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, teżisti l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt, b’tali mod li l-impriżi kollha kkonċernati jistgħu jiġu mħarrka fis-sede ta’ konvenut ta’ ankraġġ ( 23 ). |
|
40. |
A fortiori, l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi teżisti meta kemm il-kumpannija omm kif ukoll is-sussidjarja jinżammu responsabbli in solidum għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE ( 24 ), minħabba li huma jifformaw unità ekonomika, jiġifieri l-istess “impriża”. Fil-fatt, anki f’dan il-każ, teżisti sitwazzjoni ta’ fatt uniku, jiġifieri l-ksur imwettaq mis-sussidjarja, li huwa imputat lill-kumpannija omm (b’mod partikolari abbażi tal-preżunzjoni ta’ influwenza) daqslikieku hija stess kienet wettqet dan il-ksur. L-azzjonijiet kontra l-kumpannija omm u s-sussidjarja huma bbażati, għalhekk, fuq l-istess fatti li jagħtu lok għar-responsabbiltà. Barra minn hekk, sa fejn iż-żewġ azzjonijiet għandhom bħala suġġett l-istess ksur tal-Artikolu 102 TFUE, l-istess sitwazzjoni legali teżisti fir-rigward tal-fatt li jagħti lok għar-responsabbiltà. Għalhekk, jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet irrikkonċiljabbli meta qrati differenti jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà rispettiva tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja. |
3. Is-sinjifikat tal‑preżunzjoni ta’ kontroll għall‑applikazzjoni tal‑punt 1 tal‑Artikolu 8 tar‑Regolament Brussell Ia
|
41. |
Madankollu, dan iqajjem il-kwistjoni li ġejja dwar jekk jistax ikun hemm rabta stretta fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia anki meta r-responsabbiltà konġunta tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja tagħha għall-ksur tkun għadha ma ġietx stabbilita. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ tal-kawżi msejħa “stand-alone”, li, għall-kuntrarju tal-azzjonijiet tat-tip “follow-on”, ma jikkonċernawx deċiżjoni (vinkolanti) ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, kemm tal-Kummissjoni (Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003) jew ta’ awtorità nazzjonali) jew ta’ awtorità nazzjonali (Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104). Barra minn hekk, ir-responsabbiltà konġunta tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja tagħha tista’ wkoll tkun inċerta meta tkun teżisti deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, iżda din tikkonstata biss il-ksur imwettaq minn waħda mill-kumpanniji parteċipanti. B’hekk, f’dan il-każ, ir-responsabbiltà konġunta ta’ AB u ta’ Heineken ma tirriżultax mid-deċiżjoni tal-awtorità Griega tal-kompetizzjoni, peress li din ikkonstatat biss il-ksur imwettaq minn AB, filwaqt li hija ma inkludietx lil Heineken fl-investigazzjoni. Għalhekk, hemm azzjoni tat-tip follow on biss fir-rigward ta’ AB, u mhux ta’ Heineken. |
|
42. |
F’tali ċirkustanzi, teżisti rabta stretta bejn it-talbiet imressqa kontra l-kumpannija omm u s-sussidjarja biss meta l-influwenza determinanti tal-kumpannija omm fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia ma tkunx ikkontestata jew tkun stabbilita? Jew din id-dispożizzjoni tkun applikabbli wkoll meta l-influwenza determinanti, minkejja li ma tkunx stabbilita, tiġi preżunta (b’mod inkonfutabbli) abbażi tal-preżunzjoni ta’ influwenza, minħabba li l-kumpannija omm iżżomm direttament jew indirettament kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja? Għall-kuntrarju, għandha tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ rabta stretta fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia meta l-kumpannija omm tipproduċi provi sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza? |
|
43. |
Iktar ’il quddiem ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, il-fatt, li fuqu hija bbażata l-preżunzjoni ta’ influwenza, li l-kumpannija omm għandha (kważi) il-kapital kollu tas-sussidjarja jikkostitwixxi indizju tant serju tal-eżistenza ta’ rabta stretta bejn l-azzjonijiet diretti kontra l-kumpannija omm u s-sussidjarja, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, li ebda indikazzjoni addizzjonali ma hija normalment neċessarja sabiex jiġi konkluż li teżisti din ir-rabta stretta (ara, taħt il-punt (a)). Din l-interpretazzjoni ma tmurx kontra r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali (ara, taħt il-punt (b)). Barra minn hekk, hija tiżgura l-effett utli tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, mingħajr ma r-rikorrent ikun jista’ jiġi akkużat bi prattika abbużiva (ara, taħt il-punt (c)). |
a) Iż‑żamma ta’ (kważi) l‑azzjonijiet kollha tal‑kapital, bħala indikazzjoni serja tal‑eżistenza ta’ rabta stretta
|
44. |
Ir-Regolament Brussell Ia ma jirregolax espressament il-portata tal-obbligi ta’ stħarriġ tal-qrati nazzjonali fil-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom ( 25 ). Dan huwa aspett tad-dritt proċedurali nazzjonali li ma ġiex standardizzat mir-Regolament Brussell Ia ( 26 ). Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti ma għandhiex tippreġudika l-effett utli ta’ dan ir-regolament ( 27 ). |
|
45. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ġustament li, li l-għan taċ-ċertezza legali jeħtieġ li l-qorti nazzjonali adita tkun tista’ faċilment tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess, mingħajr ma tkun imġiegħla teżamina l-kawża fuq il-mertu ( 28 ). F’dan l-istadju, il-qorti adita la għandha tevalwa l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tidentifika biss l-elementi ta’ rabta mal-Istat tal-qorti li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni ( 29 ). Madankollu, ir-regoli proċedurali nazzjonali għandhom jippermettu lill-qorti tar-rinviju teżamina l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut ( 30 ). |
|
46. |
Il-fatt li l-kumpannija omm iżżomm kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja, b’tali mod li tapplika l-preżunzjoni ta’ influwenza, jikkostitwixxi indizju serju tal-eżistenza ta’ rabta stretta bejn l-azzjonijiet diretti kontra dawn il-kumpanniji, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia. |
|
47. |
Fil-fatt, f’tali każ, teżisti probabbiltà kbira ta’ responsabbiltà in solidum tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja tagħha għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar. Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ influwenza hija bbażata preċiżament fuq l-ipoteżi li influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja hija eżerċitata meta l-kumpannija omm iżżomm kważi l-azzjonijiet kollha tal-kapital tas-sussidjarja ( 31 ). F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita wara s-sentenza Akzo Nobel ( 32 ), huwa għal kollox diffiċli għall-kumpannija omm li tressaq il-prova kuntrarja neċessarja sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ( 33 ). |
|
48. |
Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta stretta fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, il-qorti ma hijiex obbligata teżamina l-fatti u l-provi prodotti mill-kumpannija omm sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza. Hija lanqas ma hija obbligata tivverifika jekk din tal-aħħar effettivament eżerċitatx influwenza determinanti fuq is-sussidjarja. Għall-kuntrarju, dan huwa rilevanti biss fil-kuntest tal-fondatezza tar-rikors. |
|
49. |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi applikata l-preżunzjoni ta’ influwenza bħala tali fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni. Fil-fatt, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Brussell Ia ma teħtieġx li l-kumpannija omm tkun eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja, iżda sempliċement tippreżumi rabta stretta bejn it-talbiet. Huwa biss fil-kuntest tal-eżami tal-mertu li r-responsabbiltà tal-kumpannija omm għandha tiġi deċiża billi tiġi stabbilita l-influwenza determinanti tagħha fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja, b’tali mod li huwa biss f’dan il-kuntest li tapplika l-preżunzjoni ta’ influwenza bħala tali flimkien mal-inverżjoni tal-oneru tal-prova li hija timplika. |
|
50. |
Il-fatt li l-kumpannija omm għandha kważi l-azzjonijiet kollha tal-kapital tas-sussidjarja, minn naħa, iwassal għalhekk, fil-mertu, għall-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm u, min-naħa l-oħra, għandu bħala effett, fil-qasam tal-kompetenza, li teżisti rabta stretta bejn l-azzjonijiet diretti kontra l-kumpannija omm u s-sussidjarja. |
|
51. |
Konsegwentement, l-oġġezzjoni li l-preżunzjoni ta’ influwenza tal-verifika tal-ġurisdizzjoni tkun inkonfutabbli jekk tiġi invokata fiha sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta stretta fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia lanqas ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, kriterju ieħor huwa eżaminat fil-qasam tal-ġurisdizzjoni. Lanqas ma hemm lok li jiġi ddeterminat jekk teżistix realment influwenza determinanti fl-eżami tal-ġurisdizzjoni. |
b) Il-prevedibbiltà tal‑qorti li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali
|
52. |
Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan jimponi li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali tiġi interpretata b’mod li tippermetti lil konvenut normalment avżat jipprevedi quddiem liema qorti, minbarra dik tal-Istat tad-domiċilju tiegħu, fejn jista’ jiġi mfittex ( 34 ). Barra minn hekk, l-għan taċ-ċertezza legali jeħtieġ li l-qorti nazzjonali adita tkun tista’ faċilment tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess, mingħajr ma tkun imġiegħla teżamina l-kawża fuq il-mertu ( 35 ). |
|
53. |
Il-fatt li, f’każ bħal dak inkwistjoni, huwa biżżejjed li l-kumpannija omm iżżomm direttament jew indirettament (kważi) il-kapital kollu tas-sussidjarja ma jwassalx għall-imprevedibbiltà tal-qorti jekk jiġi aċċettat li r-rabta stretta meħtieġa mill-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia hija suffiċjenti. Fil-fatt, għall-kumpanniji (l-omm u s-sussidjarja) konvenuti, dan huwa kriterju ċar, sempliċi u faċilment verifikabbli kemm minnhom kif ukoll mill-qorti adita. |
|
54. |
Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku, sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni, kellha tiġi pprovata l-influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-attività kummerċjali tas-sussidjarja. Sabiex isir dan, huwa neċessarju, minn dan l-istadju tal-proċedura, li jsir eżami komplet u kultant kumpless, kif ukoll li ssir evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi, li l-eżitu tagħhom ma jistax preċiżament ikun is-suġġett ta’ livell għoli ta’ prevedibbiltà għall-partijiet fis-sens tal-premessa 15 tar-Regolament Brussell Ia. Dan iwassal għad-dannu tar-rikorrent li ġarrab il-ħsara li jsostni r-riskju li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
55. |
Fil-fehma tiegħi, sabiex ikun suffiċjentement prevedibbli, lanqas ma huwa neċessarju li deċiżjoni vinkolanti tal-Kummissjoni tkun ikkonstatat minn qabel responsabbiltà in solidum tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja għall-kwalunkwe multi imposti. Il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta’ private enforcement, regola ta’ kompetenza li tiffaċilita l-applikazzjoni tad-dritt mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara hijiex applikabbli ma tistax tiddependi mill-intervent minn qabel tal-Kummissjoni. |
|
56. |
Barra minn hekk, huwa preċiżament f’każ fejn, wara deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-ksur ma jiġix stabbilit b’mod vinkolanti fl-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet irrikkonċiljabbli meta qrati differenti jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet għad-danni kontra l-kumpannija omm u s-sussidjarja. Pereżempju, meta, bħal f’dan il-każ, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun iddeċidiet minn qabel li kienet teżisti responsabbiltà (tal-inqas tas-sussidjarja), skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, din id-deċiżjoni torbot biss lill-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li qrati oħra ta’ Stat Membru, bħal f’dan il-każ il-qrati Olandiżi, għandhom jeħduha inkunsiderazzjoni biss prima facie (Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2014/104). |
|
57. |
F’dan ir-rigward, jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet irrikkonċiljabbli jekk qrati differenti ta’ Stat Membru jiġu aditi b’azzjonijiet diretti kontra l-kumpannija omm u s-sussidjarja, kemm fir-rigward tal-kwistjoni preliminari tal-eżistenza stess ta’ ksur kif ukoll fir-rigward tal-kwistjonijiet ulterjuri ta’ imputazzjoni u ta’ portata tar-responsabbiltà. |
c) L-assenza ta’ abbuż jew ta’ użu ħażin tal‑ġurisdizzjoni
|
58. |
L-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia esposta iktar ’il fuq tippermetti sempliċi stħarriġ tal-ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, huwa preċiżament għaliex ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja tagħha hija probabbli, minħabba l-preżunzjoni ta’ influwenza, li din tiffaċilita lill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara l-implimentazzjoni proċedurali tad-drittijiet tagħha għal kumpens. |
|
59. |
Approċċ abbużiv tar-rikorrent jew użu ħażin tal-ġurisdizzjoni huwa possibbli biss jekk l-azzjoni kontra l-konvenut ta’ ankraġġ tkun manifestament inammissibbli jew infondata u għalhekk tista’ sservi biss sabiex tneħħi lill-konvenuti l-oħra mill-ġurisdizzjoni tiegħu ( 36 ). Fil-preżenza ta’ rabta stretta fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, il-konstatazzjoni ta’ tali devjazzjoni hija possibbli biss b’mod eċċezzjonali, u dan jekk jeżistu biżżejjed indizji li jippermettu li jiġi konkluż li l-applikant ħoloq jew żamm artifiċjalment il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 37 ). Għal dan l-għan, ma huwiex biżżejjed li r-rikors kontra l-konvenut ta’ ankraġġ jidher (potenzjalment) infondat. Għall-kuntrarju, fil-mument tal-preżentazzjoni tiegħu, huwa għandu jkun manifestament infondat jew artifiċjali jew nieqes minn kull interess reali għar-rikorrent ( 38 ). Dan ikun il-każ meta, minkejja l-preżunzjoni ta’ influwenza, ma tkunx teżisti manifestament influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ u meta, konsegwentement, ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija omm tkun eskluża mill-bidu nett. Probabbilment dan huwa biss f’każijiet eċċezzjonali rari. |
|
60. |
Għalkemm il-parti li ġarrbet il-ħsara fittxet ukoll lis-sussidjarja Griega fis-sede tal-kumpannija omm Olandiża u b’hekk irrinunzjat għall-ewwel waħda mill-ġurisdizzjoni tal-qrati Griegi, dan ma jikkostitwixxix tali użu ħażin. Fil-fatt, meta l-konvenuti jkunu ddomiċiljati fi Stati Membri differenti, il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia jħalli lir-rikorrent l-għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex taġixxi ( 39 ). Din il-possibbiltà ta’ għażla timplika li r-rikorrent iressaq il-kawża biss quddiem il-qorti l-iktar adattata għall-interessi tiegħu ( 40 ). |
|
61. |
Għaldaqstant, huwa wkoll irrilevanti li teżisti rabta iktar stretta ma’ qorti oħra, b’mod partikolari minħabba li l-ksur seħħ esklużivament fis-suq Grieg tal-birra u peress li s-sussidjarja Griega biss hija msemmija bħala l-awtur tad-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Griega. Fil-fatt, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ( 41 ) ma jfittxux, bħala prinċipju, l-iktar rabta stretta, iżda biss rabta stretta, diġà ggarantita f’dan il-każ mill-kriterju ta’ “rabta stretta” previst fil-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia. Dan huwa kkonfermat mill-premessa 16 tar-Regolament Brussell Ia, li tgħid li l-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut għandha tiġi kkompletata minn ġurisdizzjonijiet oħra awtorizzati minħabba r-rabta stretta bejn il-qorti u l-kawża. |
C. Fuq it‑tieni domanda preliminari
|
62. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn il-kumpannija omm tinnega li eżerċitat influwenza determinanti fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja, huwiex biżżejjed, sabiex tiġi ammessa l-ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia fir-rigward tas-sussidjarja, li l-eżistenza ta’ tali influwenza ma tistax tiġi eskluża minn qabel. |
|
63. |
Mill-osservazzjonijiet tiegħi fil-punti 48 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet diġà jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fl-affermattiv sa fejn, bħal f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet tal-preżunzjoni ta’ kontroll huma ssodisfatti: Fil-fatt, dan huwa indizju partikolarment serju tal-eżistenza ta’ “rabta stretta”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia, li jikkostitwixxi ġurisdizzjoni u jista’ jiġi kkonfutat biss b’mod eċċezzjonali. |
V. Konklużjoni
|
64. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod konġunt għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej: Fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni bbażati fuq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-qorti tad-domiċilju tal-kumpannija omm għandha, sabiex tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia fir-rigward ta’ sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, tibbaża ruħha, fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ rabta stretta bejn l-azzjonijiet diretti kontra dawn il-kumpanniji, fuq il-fatt li l-kumpannija omm iżżomm direttament jew indirettament (kważi) il-kapital kollu tas-sussidjarja. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, indizji addizzjonali ma humiex neċessarji sabiex jiġi konkluż li teżisti tali rabta stretta. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 351, p. 1).
( 3 ) Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015 (C‑352/13, EU:C:2015:335).
( 4 ) Ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 54 et seq.).
( 5 ) Regolament tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2 p. 205).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 (ĠU 2014, L 349, p. 1).
( 7 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 105), tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 48) u tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 55).
( 8 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 106, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 44 et seq.), u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 107).
( 10 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 108, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 109 u 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punti 86 et seq.).
( 13 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 45), u tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 37).
( 14 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 47), u tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 38); f’dan ir-rigward, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża MOL (C‑425/22, EU:C:2024:131, punt 65).
( 15 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 112). Dwar in-natura konfutabbli tal-preżunzjoni ta’ influwenza ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punti 74 et seq.).
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 114 u 123).
( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell): sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471, punti 29 u 30); ara wkoll, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”): sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (C‑189/87, EU:C:1988:459, punt 10).
( 20 ) Ara, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I: is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Solvay (C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Beverage City Polska (C‑832/21, EU:C:2023:635, punt 34). Ara, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I): is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay (C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Beverage City Polska (C‑832/21, EU:C:2023:635, punt 28). Ara, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I: is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I: sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punti 21 u 33).
( 24 ) Ir-Rapport Jenard jsemmi r-responsabbiltà in solidum bħala eżempju tipiku tal-eżistenza ta’ konnessjoni bejn it-talbiet imressqa kontra kull wieħed mill-konvenuti, ara r-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1, 26).
( 25 ) Ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Brussell I, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Brussell I, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 60).
( 27 ) Ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Brussell I, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni (C‑595/18 P, EU:C:2021:73, punti 32 u 35).
( 32 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 54 et seq.).
( 33 ) Sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni (C‑520/09 P, EU:C:2011:619, punti 37 et seq.), u tat‑8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 68).
( 34 ) Ara, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I: sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C‑103/05, EU:C:2006:471, punti 24 u 25).
( 35 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 27), u tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61).
( 36 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I: sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell: sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (C‑189/87, EU:C:1988:459, punt 9).
( 37 ) Għalhekk, ara fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 29).
( 38 ) Ara, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:302, punt 66).
( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:302, punt 52), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2014:2443, punt 89).
( 40 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Freeport (C‑98/06, EU:C:2007:302, punt 52), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2014:2443, punt 89).
( 41 ) Eċċezzjoni tapplika biss għal raġunijiet esklużivi ta’ ġurisdizzjoni. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni.