Brussell, 13.5.2015

COM(2015) 266 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

fuq il-programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ungerija għall-2015

u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija tal-2015


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

fuq il-programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ungerija għall-2015

u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija tal-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 3 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni għat-tnedija ta' strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Europe 2020, ibbażata fuq il-koordinazzjoni mtejba ta' politiki ta' ekonomija. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn it-teħid ta' azzjoni hu meħtieġ biex jitjieb il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir u kompetittività mtejba.

(2)Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri. Flimkien dawn jagħmlu“il-linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)Fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Ungerija għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ konverġenza aġġornat tal-Ungerija għall-perjodu 2014.

(4)Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 5 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 6 , li fih l-Ungerija ġiet identifikata bħala waħda mill-Istati Membri li dwarha għandha titwettaq rieżami fil-fond.

(5)Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex tingħata spinta lill-investiment, biex b'hekk kienu aċċelerati r-riformi strutturali u tkompliet it-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Ungerija 7 . Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta’ Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż kien jinkludi wkoll ir-riżultati tar-rieżami fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni tasal biex tikkonkludi li l-Ungerija qed tesperjenza żbilanċji makroekonomiċi li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ . B'mod partikolari, għandha tingħata attenzjoni għar-riskji li jitqajmu mill-pożizzjoni internazzjonali netta (li, minkejja xi progress fl-ibbilanċjar mill-ġdid tal-kontijiet esterni, għadha negattiva ħafna), il-livell għoli tad-dejn pubbliku, il-piż regolatorju sinifikanti fuq is-settur finanzjarju u l-livell goħli ta' self improduttiv, li jagħmlu d-diżingranaġġ diffiċli.

(7)Fit-30 ta' April 2015, l-Ungerija ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma għall-2015 u l-programm ta' konverġenza għall-2015 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)Attwalment l-Ungerija qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola ta' dejn tranżizzjonali għall-2013-2015. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2015, il-gvern qed jippjana li jtejjeb b'mod gradwali d-defiċit nominali għal 2,4% tal-PDG fl-2015 u ulterjorment għal 1.6% fl-2018, u li l-objettiv ta' medju terminu - defiċit strutturali ta' 1.7% tal-PDG - jintlaħaq sal-2017. Skont il-Programm ta' Konverġenża, il-gvern qed jippjana li jnaqqas b'mod gradwali l-proporzjon ta' dejn għal PDG għal 74.9% fl-2015 u għal 68.9% fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji hu l-aktar plawżibbli sal-2016 u jsir favorevoli wara. Miżuri li jappoġġaw il-miri ta' defiċit ippjanati mill-2016 'il quddiem ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti, b'mod partikolari lil hinn mill-2016. Ibbażat fuq it-tbassir ta' rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2015, kemm il-bilanċ strutturali u wkoll it-tkabbir tan-nefqa nett iħarsu lejn devjazzjoni sinifikanti mit-triq ta' aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv tat-terminu medju fl-2015 u fl-2016. Għalhekk, se jinħtieġu aktar miżuri fl-2015 u fl-2016. Fl-istess ħin, l-Ungerija hi mbassra li tkun konformi mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fl-2015 u, wara t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni, il-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2016. Ibbażat fuq il-valutazzjoni tal-Programm ta' Konverġenza u waqt li jikkunsidra t-tbassir ta' rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li hemm riskju li l-Ungerija ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet fil-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir. Is-sistema ta' governanza fiskali tal-pajjiż tibbenefika mill-applikazzjoni rigoruża tal-qafas baġitarju fuq terminu medju diġà leġiżlat u mill-assenjazzjoni ta' rwol analitiku aktar prominenti għall-Kunsill Fiskali.

(9)L-isfidi ewlenin tas-settur bankarju komplew jippersistu fl-aħħar 12-il xahar, b'mod partikolari l-isfidi ta' restawr ta' self ibbażat fuq is-suq permezz ta' possibbiltajiet ta' akkumulazzjoni ta' kapital u tindif aktar effiċjenti tal-portafoll. Min-nofs l-2013, is-self minn banek kien jiddependi l-aktar fuq skemi sussidjati, inkluż għal madwar 40% tas-self lill-SMEs. It-twaħħid ta' piżijiet sinifikanti ta' taxxa u dawk regolatorji u proporzjon goħli ta' self problematiku ma jipprovdix lil banek bl-inċentivi neċessarji biex iżidu l-attività tagħhom normali ta' self mhux sussidjat. L-esponiment estern tal-Ungerija u r-riskji ta' stabbilt finanzjarja relatati naqsu b'mod konsiderevoli minħabba l-konverżjoni riċenti ta' mutwi ipotekarji f'munita barranija għall-munita lokali. Fl-istess ħin, il-pożizzjoni ta' dejn f'munita barranija tal-unitajiet domestiċi għadha raġuni ewlenija wara s-sehem għoli ta' kreditu improduttiv. Il-biċċa l-kbira tal-iskemi ta' għajnuna ta' skambju barrani adottati s'issa għadhom ma ġewx immirati lejn min jissellef u jinsab finanzjarjament magħfus, bl-eċċezzjoni tal-aġenzija ta' ġestjoni tal-assi nazzjonali fis-settur tal- unitajiet domestiċi, u x'aktarx li mhux se jsolvu l-problema ta' self improduttiv. Tindif effiċjenti tal-portafoll hu mxekkel, inter alia, minn nuqqas ta' preklużjonijiet ta' dritt ipotekarju u l-ineffiċjenza tal-proċedimenti ta' riżoluzzjoni fil-qorti u barra 'l qorti. Ftehim riċentement konkluż mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp jinkludi numru ta' impenji mill-gvern biex jindirizza l-isfidi fis-settur finanzjarju, inkluż, inter alia, billi b'mod gradwali inaqqas l-imposti bankarji u jirrispetta l-prinċipju ta' konsultazzjoni preċedenti. L-implimentazzjoni b'mod rigoruż ta' dawn il-miżuri twassal għal qafas ta' politika soda u previdibbli. Fl-aħħar sena, l-Ungerija b'mod ripetut estendiet is-sjieda diretta tagħha fis-settur bankarju. L-intervent tal-Istat fis-settur bankarju, imwettaq permezz ta' sjieda diretta, jista' jinvolvi riskji fiskali sinifikanti, anke fejn ikunu temporanji biss.

(10)Bidliet riċenti f'dan il-qasam ta' tassazzjoni (l-introduzzjoni ta' taxxi ġodda u ż-żidiet għat-taxxi eżistenti) raw ritorn għat-tendenza ta' qabel ta' żieda fl-importanza tat-taxxi korporattivi speċifiċi għas-settur. Kemm l-imprevidibbiltà u s-selettività ta' dawn il-bidliet jagħtu lok għal distorsjonijiet fl-investiment f'bosta setturi. Għalkemm ġew introdotti numru ta' miżuri ġodda, il-piż tat-taxxa fuq xi gruppi ta' persuni bi dħul baxx baqa' fost l-ogħla fl-UE, b'persuni waħedhom partikolarment affettwati. Jidher li hemm skop għal tibdil ulterjuri tal-piż tat-taxxa lejn sorsi ta' dħul aktar favur it-tkabbir. Bosta miżuri introdotti fl-aħħar sena qed jgħinu biex sistemi ta' kontra l-evażjoni tat-taxxa jsiru aktar stretti. Wara t-tlestija b'suċċess tal-programm li jorbot cash registers ta' ħwienet ma' sistema onlajn, issa hemm ippjanat li l-programm jiġi estiż għal numru ta' servizzi tas-suq fl-2015. Tnaqqas il-limitu minimu li jekk maqbuż ikollha ssir dikjarazzjoni dettaljata tal-VAT. Fl-2015 ġiet introdotta ispezzjoni elettronika għal merkanzija tat-triq, li l-għan ewlieni tagħha kien li tnaqqas frodi karusell tal-VAT. Madankollu għad hemm skop sinifikanti għal titjib fl-effiċjenza amministrattiva tal-ġbir tat-taxxa u għat-tnaqqis tal-kostijiet ta' konformità ta' tassazzjoni, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

(11)B'mod ġenerali, is-suq tax-xogħol Ungeriż tjieb fl-2014, bl-impjiegi jirkupraw fis-settur privat grazzi għall-irkupru ekonomiku. Għad baqa sfidi sinifikanti fir-rigward tal-iskema ta' xogħol pubbliku, li ġiet estiża b'mod sinifikanti mill-2011. L-iskema tidher li hi politika attiva fis-suq tax-xogħol ineffiċjenti u ineffettiva, li qed tirriskja li toħloq distorsjoni fil-funzjonament xieraq tas-suq tax-xogħol. Jekk minfuqin b'mod differenti, l-istess riżorsi jistgħu potenzjalment ikunu ta' iktar benefiċċju għall-ekonomija Ungeriża. Il-kost baġitarju tal-iskema żdied b'erba' darbiet fl-aħħar erba' snin, għal 0.8% tal-PDG, u mistenni li jirdoppja għal darb'oħra bejn issa u l-2018, waqt li jipprevjeni li jintużaw riżorsi għal titjib essenzjali għal taħriġ u servizzi meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol miftuħ. Hemm riskju li xogħlijiet pubbliċi ta' daqs li joħolqu effetti "lock-in" sinifikanti jieħdu post b'mod permanenti s-sistema tal-benefiċċji soċjali għal persuni b'ħilabaxxa. L-iskema mhijiex ikkoordinata b'mod adegwat ma' miżuri ta' politika oħrajn tas-suq tax-xogħol attiv u ma tippromwovix b'mod suffiċjenti l-integrazzjoni mill-ġdid tal-parteċipanti f'suq tax-xogħol miftuħ. Ir-rata ta' suċċess ta' ħruġ mill-iskema ta' xogħol pubbliku kienet biss ta' 13.8% fl-ewwel nofs tal-2014, li jissuġġerixxi li x-xogħlijiet pubbliċi ma jappoġġawx b'mod suffiċjenti l-integrazzjoni mill-ġdid tal-parteċipanti fis-suq tax-xogħol. Għalkemm l-iskema kienet immirata għal dawk qiegħda fuq żmien twil u dawk b'ħila baxxa, 47% tal-parteċipanti fl-2013 kellhom edukazzjoni sekondarja jew terzjarja. Il-perjodu ta' eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-qgħad (tliet xhur) ma żdiedx u għalhekk ma jaqbilx maż-żmien medju (iktar minn sena) li dawk li qed ifittxu xogħol jeħtieġu biex isibu impjieg. Ġew implimentati numru ta' programmi għat-titjib tal-inklużjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol u sistema ta' monitoraġġ. Madankollu għad hemm nuqqas ta' miżuri ssimplifikati u kkoordinati, kapaċi li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-faqar. L-indikaturi tal-faqar, għalkemm jissuġġerixxu xejriet li qed jitjiebu b'mod moderat, għadhom juru faqar f'livell għoli ħafna li hu inkwetanti, speċjalment fost ir-Roma u t-tfal. Għad hemm nuqqasijiet kemm fl-adegwatezza u wkoll fil-kopertura tal-assistenza soċjali.

(12)Għadhom ma tneħħewx ostakli introdotti fl-aħħar snin għad-dħul fis-suq fis-settur tas-servizzi; anzi, ġew introdotti ostakli ulterjuri fl-2014, li jxekklu l-allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi ekonomiċi, li jżidu l-inċertezza għal investituri u jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Ostakli ġodda jinkludu, pereżempju, ir-rekwiżit għall-istabbilimenti tal-bejgħ kollha li jridu jkunu awtorizzati ċentralment. Il-korruzzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza jaffettwaw l-amministrazzjoni pubblika, it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-akkwist pubbliku jibqa' ta' tħassib. Il-livell baxx ta' kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku u l-użu estensiv ta' għoti dirett ta' kuntratti baqgħu jippersistu fl-2014. Saret riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-akkwist pubbliku fl-2014, liema riżultati jridu jiġu monitorjati mill-qrib. F'Novembru tal-2014, l-Ungerija sottomettiet pjan ta' azzjoni għat-traspożizzjoni tad-direttivi l-ġodda ta' akkwist pubbliku u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni u trasparenza. Ġew imħabbra wkoll bosta miżuri għat-titjib tal-qafas ta' kontra l-korruzzjoni.

(13)Għalkemm ġew implimentati xi miżuri li jappoġġaw l-edukazzjoni tat-tfal Roma, għad irid jiġi żviluppat approċċ sistematiku għall-promozzjoni ta' edukazzjoni formali inklużiva. Il-proporzjon ta' tfal Roma li jattendu skejjel jew klassijiet fejn il-maġġoranza tal-istudenti huma Roma tibqa' għolja, u l-livell edukattiv milħuq ta' studenti Roma għadu iktar baxx mill-medja nazzjonali. L-għalliema mhumiex mħarrġa biex jipprovdu appoġġ suffiċjenti għal gruppi żvantaġġati. Għad irid isir iktar biex titjieb it-tranżizzjoni bejn forom u stadji differenti tal-edukazzjoni, u mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. Il-bidliet ippjanati għall-allokazzjoni ta' postijiet iffinanzjati mill-Istat fl-edukazzjoni sekondarja u r-rekwiżiti li kull ma jmur qed jiżdiedu għall-ammissjoni għal edukazzjoni għolja jistgħu jillimitaw iktar l-opportunitajiet għal tranżizzjoni bejn forom differenti ta' edukazzjoni, speċjalment għal gruppi żvantaġġati. L-Ungerija kellha l-ogħla rata ta' tluq fl-edukazzjoni għolja fl-UE, b'47%. Il-gvern ħabbar l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għall-edukazzjoni għolja f'Diċembru tal-2014. L-istrateġija nkludiet iż-żieda fil-mira nazzjonali għall-ksib terzjarju għal 34%. B'mod ġenerali, miżuri riċenti naqsu milli jtejbu l-parteċipazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fl-edukazzjoni għolja, u biex jindirizzaw in-nuqqas ta' tlestija ta' edukazzjoni. Is-sistema ta' finanzjament attwali ma tagħtix garanzija ta' aċċess ekwitabbli

(14)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ungerija u ppublikatha fir-rapportar tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali u s-segwitu mgħoti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Ungerija fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 5 hawn taħt.

(15)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-Ungerija, u l-opinjoni tiegħu 8 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt.

(16)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' riforma nazzjonali u l-programm ta' konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet 1 sa 3 hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.Tikseb aġġustament fiskali ta' 0.5% tal-PDG lejn objettiv fuq terminu medju fl-2015 u 0.6% tal-PDG fl-2016.

2.Tieħu miżuri li jreġġgħu lura self normali lill-ekonomija reali u jneħħu ostakli għat-tindif tal-portafoll ibbażat fuq is-suq; tnaqqas b'mod konsiderevoli r-riskji ta' obbligazzjoni kontinġenti għal sjieda l-miżjuda mill-Istat fis-settur bankarju.

3.Tnaqqas it-taxxi distorsivi speċifiċi għas-setturi; tneħħi l-ostakli ta' dħul mhux ġustifikati fis-settur tas-servizzi, inkluż fis-settur tal-bejgħ bl-imnut; tnaqqas il-porzjon ta' taxxa għal dawk bi dħul baxx, inkluż bl-ispostament tat-tassazzjoni għal oqsma li joħolqu inqas distorsjoni għat-tkabbir; tkompli tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, tnaqqas il-kostijiet ta' konformità u ttejjeb l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxi. Issaħħaħ l-istrutturi fl-akkwist pubbliku li jippromwovu l-kompetizzjoni u t-trasparenza u ttejjeb aktar il-qafas ta' kontra l-korruzzjoni.

4.Torjenta mill-ġdid ir-riżorsi tal-baġit allokati għall-iskema ta' xogħol pubbliku għall-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol biex trawwem l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ewlieni, u ttejjeb l-adegwatezza u l-kopertura tal-assistenza soċjali u l-benefiċċji tal-qgħad.

5.Iżżid il-parteċipazzjoni ta' gruppi żvantaġġati b'mod partikolari r-Roma fl-edukazzjoni formali inklużiva u ttejjeb l-appoġġ offrut lil dawn il-gruppi permezz ta' taħriġ immirat għall-għalliema; issaħħaħ il-miżuri biex tiffaċilita t-tranżizzjoni bejn stadji differenti ta' edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u ttejjeb it-tagħlim ta' kompetenzi essenzjali. 

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) COM(2015) 266
(4) P8_TA(2015)0067, P8_TA(2015)0068, P8_TA(2015)0069.
(5) COM (2014) 902
(6) COM(2014) 904 finali
(7) SWD(2015) 36 finali
(8) Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.