European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2274

14.4.2025

OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta’ Marzu 2025

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar ċiklu iqsar tas-saldu fl-Unjoni

(CON/2025/7)

(C/2025/2274)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-13 u l-24 ta’ Marzu 2025 l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar ċiklu iqsar tas-saldu fl-Unjoni (1) (minn issa ‘l quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetenza tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) biex jiġu żgurati sistemi ta’ kklerjar u ta’ pagament effiċjenti u sodi fl-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra, kif imsemmi fl-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Skont l-Artikolu 17.5, l-ewwel sentenza tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jilqa’ l-objettiv tar-regolament propost li jnaqqas it-tul massimu taċ-ċiklu tas-saldu fir-rigward ta’ ċerti tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli minn jumejn ta’ negozju għal jum ta’ negozju wieħed wara d-data tan-negozju, komunement imsejħa T + 1. Kif innotat fil-proposta tal-Kummissjoni, saldu rapidu, effiċjenti u affidabbli huwa prekundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp tal-Unjoni tat-Tfaddil u l-Investimenti. Barra minn hekk, l-effiċjenza u r-reżiljenza mtejba tal-proċessi ta’ wara n-negozjar li jkunu xprunati minn ċaqliq potenzjali għal T + 1 jiffaċilitaw il-kisba tal-objettiv ta’ promozzjoni ulterjuri tal-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni (2). Barra minn hekk, din ir-riforma tnaqqas l-impatti assoċjati ma’ allinjament ħażin ma’ ġurisdizzjonijiet globali ewlenin oħra fejn ikunu twettqu riformi simili.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Marzu 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2025) 38 finali.

(2)  Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-ESMA (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), id-DĠ FISMA tal-Kummissjoni Ewropea (id-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali), u l-BĊE-DĠ MIP (id-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura tas-Swieq u Pagamenti), “Tqassir taċ-ċiklu tas-saldu tat-titoli standard fl-Unjoni Ewropea: passi li jmiss’”, 15 ta’ Ottubru 2024, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2274/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)