2.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/46


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (AFFARIJIET ĠENERALI)

tal-1 ta’ Diċembru 2009

li tistabbilixxi l-lista ta’ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill b’żieda ma dawk imsemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 16(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

(2009/878/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji jipprevedi li sad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea rigward il-lista ta’ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, il-lista ta’ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, barra minn dawk tal-Affarijiet Ġenerali u Affarijiet Barranin, għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi.

(2)

Il-lista ta’ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill ġiet stabbilita mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali) fit-22 ta’ Lulju 2002, bħala parti mill-Anness I għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill u b’segwitu għal-lista li ġiet maqbula fil-Kunsill Ewropew li ltaqgħa f’Sevilja fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 2002.

(3)

Sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, huwa xieraq li din il-lista tiġi addattata, u għandha tiddaħħal fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji hija mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiġi ppubblikata f’ll Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


ANNESS

LISTA TA' KONFIGURAZZJONIJIET TAL-KUNSILL

1.

Affarijiet ġenerali (1);

2.

Affarijiet barranin (2);

3.

Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji (3);

4.

Ġustizzja u affarijiet interni (4);

5.

Impjiegi, politika soċjali, saħħa u affarijiet tal-konsumatur;

6.

Kompetittività (suq intern, industrija u riċerka) (5);

7.

Trasport, telekomunikazzjonijiet u enerġija;

8.

Agrikoltura u sajd;

9.

Ambjent;

10.

Edukazzjoni, żgħażagħ u kultura (6).

(1)  Din il-konfigurazzjoni hija stabbilita bl-Artikolu 16(6), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)  Din il-konfigurazzjoni hija stabbilita bl-Artikolu 16(6), it-tielet subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)  Inkluż il-baġit.

(4)  Inkluża l-protezzjoni ċivili.

(5)  Inkluż it-turiżmu.

(6)  Inklużi l-affarijiet awdjoviżwali.