12004V/PRO/11

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 11.Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0339 - 0340


11. PROTOKOLL DWAR IL-KRITERJI TA' KONVERĠENZA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jistabbilixxu d-dettalji dwar il-kriterji ta' konverġenza li ser imexxu l-Unjoni fid-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni li jittieħdu biex jintemmu d-derogi ta' dawk l-Istati Membri b'deroga msemmija fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

Il-kriterju ta' l-istabbilità tal-prezzijiet previst fl-Artikolu III-198(1)(a) tal-Kostituzzjoni għandu jfisser li l-Istat Membru involut jkollu grad ta' stabbilità tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn 1.5 %, dik ta' l-aħjar tliet Stati Membri f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi paragunabbli, meħud kont tad-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 2

Il-kriterju tas-sitwazzjoni dwar il-finanzi tal-gvern kif previst fl-Artikolu III-198(1)(b) tal-Kostituzzjoni għandu jfisser li fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru involut ma jkunx is-suġġett ta' deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill taħt l-Artikolu III-184(6) tal-Kostituzzjoni dwar l-eżistenza ta' deficit eċċessiv.

Artikolu 3

Il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea kif previst fl-Artikolu III-198(1)(ċ) tal-Kostituzzjoni għandu jfisser li l-Istat Membru involut ikun irrispetta l-marġni normali ta' varjazzjoni previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarju Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal mill-inqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perjodu.

Artikolu 4

Il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax previst fl-Artikolu III-198(1)(d) tal-Kostituzzjoni għandu jfisser li, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, l-Istat Membru involut kellu rata ta' l-imgħax medja nominali b'terminu twil li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali, dik ta' l-aħjar tliet Stati Membri f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. Ir-rati ta' l- imgħax għandhom jitkejlu abbażi ta' bonds tal-gvern b'terminu twil jew titoli paragunabbli, kont meħud tad-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 5

L-informazzjoni statistika li għandha tintuża għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll għandha tkun mogħtija mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, previst fl-Artikolu III-192 tal-Kostituzzjoni, għandu jadotta disposizzjonijiet approprjati biex jistabbilixxi d-dettalji tal-kriterji ta' konverġenza previsti fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni, li għandhom imbagħad jieħdu post dan il-Protokoll.

--------------------------------------------------