|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/462 |
12.3.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/462
tal-11 ta’ Marzu 2025
dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja Protokoll tal-Istati Uniti dwar l-Assigurazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Fażola tas-Sojja (“SSAP”, US Soybean Sustainability Assurance Protocol) biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti għall-bijomassa agrikola stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi r-rekwiżiti għal ċerti karburanti, jiġifieri l-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat. Ir-rekwiżiti għal dawk il-karburanti jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jingħaddu biss mal-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva jekk ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jekk jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-karburanti fossili. L-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi u għall-karburanti mill-bijomassa. |
|
(2) |
L-iskemi volontarji jaqdu rwol importanti billi jipprovdu evidenza ta’ konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi u għall-karburanti mill-bijomassa. Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex jiċċertifikaw il-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti f’dik id-Direttiva u jipprovdu data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom. |
|
(3) |
Fis-17 ta’ Awwissu 2022, l-iskema volontarja Protokoll tal-Istati Uniti dwar l-Assigurazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Fażola tas-Sojja (“SSAP”) ressqet talba inizjali lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni vvalutat l-iskema u identifikat xi kwistjonijiet li jeħtieġu emenda. Fl-aħħar talba tagħha li tressqet mill-ġdid fit-13 ta’ Diċembru 2023, l-iskema volontarja SSAP indirizzat il-kwistjonijiet identifikati u l-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema volontarja SSAP kopriet b’mod adegwat il-kriterji għall-produzzjoni tal-bijomassa agrikola u tipprovdi data preċiża dwar l-iffrankar rilevanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. |
|
(4) |
L-iskema tkopri l-bijomassa agrikola mill-fażola tas-sojja prodotta fl-Istati Uniti. Din tkopri biss l-Istati Uniti u l-produzzjoni u l-esportazzjoni tal-bijomassa agrikola mill-fażola tas-sojja. |
|
(5) |
Fil-valutazzjoni tal-iskema volontarja SSAP, il-Kummissjoni sabet li din kopriet b’mod adegwat il-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(3) sa (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-iskema pprovdiet data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva u applikat metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dik id-Direttiva. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni sabet li l-iskema volontarja SSAP kienet konformi b’mod adegwat mar-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (2). |
|
(7) |
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-iskema volontarja SSAP ikkonkludiet li din laħqet b’mod adegwat l-istandards tal-affidabbiltà, tat-trasparenza u tal-awditjar indipendenti u li kienet konformi mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness V tad-Direttiva (UE) 2018/2001. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema volontarja Protokoll tal-Istati Uniti dwar l-Assigurazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Fażola tas-Sojja (“SSAP”), imressqa għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2023, hija rikonoxxuta li turi l-konformità tal-kunsinni tal-bijomassa agrikola mill-fażola tas-sojja mal-Artikolu 29(3) sa (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
L-iskema volontarja SSAP hija rikonoxxuta li fiha data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-kunsinni tal-bijomassa agrikola mill-fażola tas-sojja u għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 peress li tiżgura li l-informazzjoni rilevanti kollha mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’il fuq fil-katina tal-kustodja tingħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel fil-katina tal-kustodja.
L-iskema volontarja SSAP hija rikonoxxuta li turi l-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-obbligu li jdaħħlu informazzjoni preċiża fil-bażi tad-data tal-Unjoni dwar il-karburanti rinnovabbli f’konformità mal-Artikolu 31a(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
Artikolu 2
Meta l-kontenut tal-iskema volontarja SSAP, kif imressqa għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2023, jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-motiv ta’ din id-Deċiżjoni, l-iskema volontarja SSAP għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn il-bidliet mingħajr dewmien.
Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jivvalutaw il-bidliet notifikati biex jistabbilixxu jekk l-iskema volontarja SSAP għadhiex tkopri b’mod adegwat il-kriterji li għalihom hi rikonoxxuta.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika sal-1 ta’ April 2030.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/996/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/462/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)