KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )
Kawża C‑201/19 P
Servier SAS,
Servier Laboratories Ltd,
Les Laboratoires Servier SAS
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-perindopril, prodott mediċinali intiż għall-kura tal-mard kardjovaskulari – Ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi fil-qasam tal-privattivi konklużi bejn laboratorju ta’ verżjonijiet tal-bidu proprjetarju ta’ privattivi u kumpanniji ta’ ġeneriċi – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan – Tul tal-ksur – Kunċett ta’ ksur uniku – Multi”
Werrej
|
I. Introduzzjoni |
|
|
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
|
A. Il-fatti |
|
|
1. Operaturi kkonċernati b’din il-kawża |
|
|
2. Il-prodott u l-privattivi inkwistjoni |
|
|
3. Kawżi dwar privattivi relatati mal-perindropil u tnedija ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindropil |
|
|
a) Il-kawżi quddiem l-UEP |
|
|
b) Il-kawżi quddiem il-qrati nazzjonali |
|
|
4. Ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi dwar privatttivi kkonċernati minn din il-kawża, konklużi minn Servier ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi |
|
|
a) Ftehimiet konklużi ma’ Niche u Matrix |
|
|
b) Ftehim konkluż ma’ Teva |
|
|
c) Ftehim konkluż ma’ Lupin |
|
|
B. Id-deċiżjoni kkontestata |
|
|
C. Is-sentenza appellata |
|
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal‑partijiet |
|
|
IV. Evalwazzjoni |
|
|
A. Fuq il-konstatazzjoni tal-ksur |
|
|
1. Struttura u ammissibbiltà tal-argument ta’ Servier |
|
|
2. Fuq il-kompetizzjoni potenzjali (it-tieni aggravju u l-ewwel partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji) |
|
|
a) Fuq il-portata tal-privattivi waqt l-analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali |
|
|
b) Fuq l-analiżi tal-possibbilitajiet reali u konkreti tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq minkejja l-preżenza ta’ ostakoli |
|
|
1) Fuq il-preżenza ta’ ftehim li jeskludi lill-operaturi ġodda potenzjali tas-suq |
|
|
2) Fuq l-attivitajiet preparatorji mwettqa mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l-intenzjoni tagħhom li jegħlbu l-ostakoli |
|
|
3) Fuq il-preżenza ta’ diversi ostakoli |
|
|
c) Fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova |
|
|
d) Fuq l-argumenti addizzjonali li jirrigwardaw lil kull waħda mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi involuti |
|
|
1) Niche/Unichem u Matrix |
|
|
2) Teva |
|
|
3) Lupin |
|
|
e) Konklużjoni |
|
|
3. Fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet bħala restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan (l-ewwel aggravju u t-tieni partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji) |
|
|
a) Fuq l-esperjenza u n-natura “faċilment identifikabbli” ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni |
|
|
b) Fuq il-pagamenti u l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet |
|
|
1) Fuq il-pagamenti |
|
|
2) Fuq l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet |
|
|
c) Fuq l-eżami tal-għan restrittiv ta’ kompetizzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni |
|
|
1) Fuq il-ftehimiet Niche/Unichem u Matrix |
|
|
2) Fuq il-ftehim Teva |
|
|
i) Fuq l-għanijiet u l-allegati effetti “ambivalenti” tal-ftehim Teva |
|
|
– Fuq l-allegati effetti “ambivalenti” jew “favur il-kompetizzjoni” |
|
|
– Fuq l-allegat nuqqas ta’ dannu tal-klawżoli tal-ftehim Teva |
|
|
ii) Fuq il-ħlasijiet |
|
|
3) Fuq il-ftehim Lupin |
|
|
i) Fuq il-ħlas |
|
|
ii) Fuq il-klawżoli tal-ftehim Lupin |
|
|
d) Konklużjoni |
|
|
4. Fuq id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwita mill-ftehim Lupin (it‑tielet parti tal-ħames aggravju) |
|
|
5. Fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehim Niche, minn naħa, u tal-ftehim Matrix, min-naħa l-oħra, bħala ksur distinti (is-sitt aggravju) |
|
|
B. Fuq il-multi |
|
|
1. Fuq l-iżbalji ta’ liġi relatati mal-multi invokati minn Servier (is‑seba’ aggravju) |
|
|
a) Fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege |
|
|
b) Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-evalwazzjoni tal‑gravità tal-ksur |
|
|
2. Fuq il-multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim Lupin (it‑tielet parti tal-ħames aggravju) |
|
|
3. Konklużjoni dwar il-multi |
|
|
C. Konklużjoni intermedja |
|
|
V. L-ispejjeż |
|
|
VI. Konklużjoni |
I. Introduzzjoni
|
1. |
Wara l-kawżi Generics (UK) et ( 2 ) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni ( 3 ), din il-kawża, li tifforma parti minn disa’ appelli ippreżentati kontra tmien sentenzi tal-Qorti Ġenerali ( 4 ), mill-ġdid tirrigwarda l-evalwazzjoni, mill‑perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ta’ diversi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi dwar privattivi konklużi minn produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali, f’dan il‑każ Servier, ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi. |
|
2. |
Bħal fil-kawżi Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni, dawn il-ftehimiet daħlu fis-seħħ f’sitwazzjoni li fiha l-privattiva fuq is‑sustanza attiva tal-prodott mediċinali inkwistjoni, f’dan il-każ il‑perindropil, kienet diġà fid-dominju pubbliku, minkejja li Servier kien għad baqagħlu privattivi msejħa “sekondarji” fuq ċerti proċessi ta’ produzzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali. |
|
3. |
Il-ftehimiet ikkontestati essenzjalment ippermettew illi l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi, li xtaqu jidħlu fis-suq b’verżjonijiet ġeneriċi tal-imsemmi prodott mediċinali, obbligaw ruħhom jipposponu d-dħul tagħhom inkambju għal trasferiment ta’ valur minn Servier. |
|
4. |
Fid-deċiżjoni kkontestata ( 5 ), il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-ftehimiet inkwistjoni, konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva, Krka u Lupin, kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett u konsegwentement ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
5. |
Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-konklużjoni tagħhom, flimkien ma’ aġir ieħor bħall-akkwist ta’ teknoloġiji għall-produzzjoni tal-ingredjent farmaċewtiku attiv (IFA) tal-perindropil, kienet tikkostitwixxi, min-naħa ta’ Servier, strateġija intiża li tipposponi d‑dħul ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi tal-perindropil fis-suq ta’ dan il-prodott mediċinali, li fih Servier kellu pożizzjoni dominanti. Għalhekk, il‑Kummissjoni ssanzjonat dan l-aġir bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE. |
|
6. |
Fis-sentenza appellata u fis-sentenzi l-oħra tagħha fil-grupp ta’ kawżi kkonċernat, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin. Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma kkontestati minn Servier f’dan l-appell, li sservi bħala l-kawża “prinċipali”, u minn dawn il-kumpanniji ta’ ġeneriċi fl‑appelli rispettivi tagħhom ippreżentati kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernawhom. |
|
7. |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett tal-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Krka, u f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ Servier, peress li l‑Kummissjoni wettqet żbalji waqt id-definizzjoni tas-suq rilevanti. |
|
8. |
Dawn l-annullamenti mill-Qorti Ġenerali huma kkontestati mill‑Kummissjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Servier et (C‑176/19 P), li fiha qed nippreżenta wkoll konklużjonijiet illum, u fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Krka (C‑151/19 P). Dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet ġodda li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan ta’ ftehim dwar liċenzja konkluż fl‑istess ħin ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar privattiva, il-klassifikazzjoni ta’ tali grupp ta’ ftehimiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett u d-definizzjoni tas-suq rilevanti fil‑qasam farmaċewtiku. |
|
9. |
Għall-kuntrarju, din il-kawża essenzjalment tqajjem biss kwistjonijiet li ġew diskussi fil-kawżi Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni, li minnhom konsegwentement għandhom jiġu applikati l-prinċipji fil-qafas tal-każ. |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
A. Il-fatti
|
10. |
Il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-fatti li wasslu għall-kawża fil‑punti 1 sa 73 tas-sentenza appellata li, għall-finijiet ta’ din il‑proċedura tal-appell, jistgħu jitqassru bil-mod segwenti. |
1. Operaturi kkonċernati b’din il-kawża
|
11. |
Il-grupp Servier, magħmul b’mod partikolari minn Servier SAS, il‑kumpannija omm tiegħu, stabbilita fi Franza, minn Laboratoires Servier SAS u minn Servier Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Servier”), jiġbor kumpanniji farmaċewtiċi fuq livell globali. Les Laboratoires Servier hija kumpannija tal-farmaċewtika Franċiża speċjalizzata fl-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali tal-verżjonijiet tal-bidu, b’mod partikolari għat-trattament ta’ mard kardjovaskulari ( 6 ). Biogaran hija sussidjarja 100 % ta’ Laboratoires Servier inkarigata mill-ġeneriċi ( 7 ). |
|
12. |
Niche Generics Ltd (iktar ’il quddiem “Niche”) hija impriża attiva fit-tqegħid fis-suq u l-provvista ta’ prodotti farmaċewtici ġeneriċi, miżmuma fil-bidu sa 60 %, sussegwentement, mill-2006, sa 100 % mill‑kumpannija farmaċewtika Indjana Unichem Laboratories Ltd, li hija attiva fir-riċerka u l-produzzjoni ta’ IFA u ta’ prodotti lesti (iktar ’il quddiem “Unichem”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Niche/Unichem”) ( 8 ). |
|
13. |
Matrix Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Matrix”) hija kumpannija Indjana li tiżviluppa, tipproduċi u tikkummerċjalizza prinċiparjament IFA għal kumpanniji ta’ ġeneriċi. Wara diversi xiri ta’ ishma, mill-2011, Mylan Inc. għandha bejn 97 u 98 % tal-kapital ta’ Matrix, li mill-5 ta’ Ottubru 2011 bdiet tissejjaħ Mylan Laboratories Ltd ( 9 ). |
|
14. |
Teva Pharmaceutical Industries Ltd hija kumpannija multinazzjonali farmaċewtika li tiżviluppa, tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti mediċinali ġeneriċi u IFA għall-produzzjoni farmaċewtika tagħha stess u għal kumpanniji oħra. Teva UK Ltd hija sussidjarja 100 % ta’ Teva Pharmaceuticals Europe BV, li hija wkoll sussidjarja 100 % ta’ Teva Pharmaceutical Industries (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Teva”). Teva hija fost l-ikbar gruppi farmaċewtiċi mondjali li joperaw fis-settur tal-prodotti mediċinali ġeneriċi. Fis‑26 ta’ Jannar 2006, Teva ngħaqdet ma’ Ivax Europe (iktar ’il quddiem “Ivax”), kumpannija multinazzjonali farmaċewtika li tipproduċi prodotti mediċinali ġeneriċi li b’hekk saret sussidjarja 100 % ta’ Teva ( 10 ). |
|
15. |
Lupin Ltd hija kumpannija omm, irreġistrata fl-Indja, ta’ kumpanniji li jiffurmaw parti mill-grupp Lupin, fosthom Lupin (Europe) Limited, li hija prinċiparjament attiva fil-bejgħ ta’ IVA u ta’ prodotti lesti ta’ Lupin, iżda wkoll fl-għoti ta’ liċenzji għall-fajls ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (ATS) ta’ prodotti ta’ Lupin u fil-bejgħ dirett fuq skala żgħira fir-Renju Unit ta’ prodotti lesti ta’ Lupin (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Lupin”) ( 11 ). |
2. Il-prodott u l-privattivi inkwistjoni
|
16. |
Servier żviluppa l-perindopril, prodott mediċinali indikat bħala mediċina kardjovaskulari, intiż prinċipalment sabiex tiġi miġġielda l‑pressjoni għolja u l-insuffiċjenza kardijaka. L-IFA tal-perindropil hija fil-forma ta’ melħ. Il-melħ użat inizjalment kien l-erbumina (jew tert‑butilamina), li jippreżenta ruħu f’forma kristallina minħabba l‑proċess użat minn Servier għas-sinteżi tiegħu ( 12 ). |
|
17. |
Il-privattiva EP0049658 marbuta mal-molekula tal-perindopril ġiet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) fid‑29 ta’ Settembru 1981. Din il-privattiva kellha tiskadi fid‑29 ta’ Settembru 2001, iżda l-protezzjoni tagħha ġiet estiża f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju Unit, sat-22 ta’ Ġunju 2003 ( 13 ). Fi Franza, il-protezzjoni tal-imsemmija privattiva ġiet estiża sat-22 ta’ Marzu 2005 u, fl-Italja, sat-13 ta’ Frar 2009 ( 14 ). L-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (ATS) għal pilloli ta’ perindropil erbumina (2 u 4 mg) għat-trattament tal-pressjoni għolja arterjali fl‑Ewropa sar bejn l-1988 u l-1989 ( 15 ). |
|
18. |
Wara l-applikazzjoni għall-privattiva ta’ molekula, Servier applika għal diversi privattivi ta’ proċess relatati mal-produzzjoni tal‑perindropil quddiem l-UEP. Il-privattivi kkonċernati b’din il‑proċedura huma, b’mod partikolari, il-privattivi EP0308339, EP0308340 u EP0308341 (iktar ’il quddiem, rispettivament, il‑“privattiva 339”, il-“privattiva 340” u l-“privattiva 341”), li għalihom applika fl-1988 u li kellhom jiskadu fl-2008, u, barra minn hekk, il‑privattiva EP1296947 (magħrufa “privattiva alpha”, iktar ’il quddiem il‑“privattiva 947”), li għaliha applika fl-2001. Il-privattiva 947 kienet tkopri l-forma kristallina alpha tal-perindopril erbumina u l-metodi sabiex tiġi prodotta u ngħatat fl-4 ta’ Frar 2004 ( 16 ). |
|
19. |
Servier ippreżenta wkoll applikazzjonijiet għal privattivi nazzjonali f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, pereżempju fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja. Huwa għalhekk li ngħataw privattivi fis-16 ta’ Mejju 2006 fil-Bulgarija, fis-17 ta’ Awwissu 2006 fl-Ungerija, fit-23 ta’ Jannar 2007 fir‑Repubblika Ċeka, fit-23 ta’ April 2007 fis-Slovakkja u fl-24 ta’ Marzu 2010 fil-Polonja. Dawn il-privattivi kienu jikkorrispondu, essenzjalment, għall-privattivi li għalihom saret applikazzjoni quddiem l-UEP ( 17 ). |
|
20. |
B’effett mill-2002, Servier żviluppa perindropil tat-tieni ġenerazzjoni, prodott minn melħ ġdid, l-arginina, li għalih huwa ppreżenta applikazzjoni għal privattiva (EP1354873B) fis-17 ta’ Frar 2003. Din il-privattiva ngħatat fis-17 ta’ Lulju 2004, b’data ta’ skadenza fis-17 ta’ Frar 2023. Id-dħul tal-perindropil arginina fis-swieq tal-Unjoni beda fl-2006. Dan il-prodott huwa verżjoni ġenerika bijoekwivalenti tal-prodott tal-ewwel ġenerazzjoni, iżda jinbiegħ f’dożi differenti minħabba l-piż molekulari differenti tal-melħ il‑ġdid ( 18 ). Il‑perindropil arginina ngħata ATS fi Franza fl-2004 u sussegwentement ġie awtorizzat permezz tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku fi Stati Membri oħra ( 19 ). |
3. Kawżi dwar privattivi relatati mal-perindropil u tnedija ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindropil
|
21. |
Bejn l-2003 u l-2009, Servier kien parti minn sensiela ta’ kawżi li jikkonċernaw il-perindropil, kemm quddiem l-UEP kif ukoll quddiem qrati nazzjonali. Dawn kienu essenzjalment talbiet għal ordnijiet u għal proċeduri relatati mal-privattiva 947, mibdija fi Stati Membri differenti bejn Servier u sensiela ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li kienu qegħdin jippreparaw it-tnedija ta’ verżjoni ġenerika tal-perindropil ( 20 ). |
a) Il-kawżi quddiem l-UEP
|
22. |
L-ewwel nett, għaxar kumpanniji ta’ ġeneriċi, fosthom Niche, Teva u Lupin, ippreżentaw oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP fl‑2004, bil-ħsieb li jiksbu r-revoka totali tagħha kollha, billi invokaw raġunijiet ibbażati fuq nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u fuq il‑karattru insuffiċjenti tal-espożizzjoni tal-invenzjoni ( 21 ). |
|
23. |
Fis-27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità tal‑privattiva 947, wara tibdiliet żgħar fil‑pretensjonijiet inizjali ta’ Servier (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006”). Disa’ kumpanniji ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni, iżda Krka u Lupin innotifikaw l-irtirar tar-rikors tagħhom fil-11 ta’ Jannar u fil-5 ta’ Frar 2007, rispettivament, wara l‑ftehimiet tagħhom ma’ Servier. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2009, il-Bord tal-Appell tekniku tal-UEP annulla d‑deċiżjoni tal‑UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u rrevoka l-privattiva 947 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-UEP tas‑6 ta’ Mejju 2009”). Ir‑rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Servier kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fid‑19 ta’ Marzu 2010 ( 22 ). |
b) Il-kawżi quddiem il-qrati nazzjonali
|
24. |
Il-validità tal-privattiva 947 ġiet ikkontestata wkoll minn kumpanniji ta’ ġeneriċi quddiem il-qrati ta’ ċerti Stati Memri, u Servier ippreżenta talbiet għal ordnijiet provviżorji, li xi drabi kienu aċċettati ( 23 ). Madankollu, il-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi ntemmu qabel l-intervent ta’ deċiżjoni finali dwar il-validità tal-privattiva 947 minħabba ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja konklużi bejn Servier u kumpanniji ta’ ġeneriċi. |
|
25. |
F’dan il-kuntest, madankollu għandu jiġu rrilevati żewġ kawżi bejn Servier u Apotex, l-unika kumpannija ta’ ġeneriċi parti f’kawża ma’ Servier fir-Renju Unit li magħha Servier ma kkonkludiex ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Dawn il-kawżi, waħda pendenti fir-Renju Unit u l-oħra pendenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, għalhekk ma ġewx interrotti permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u sussegwentement wasslu għall-invalidità tal-privattiva 947. |
|
26. |
B’hekk, minn naħa, fl-1 ta’ Awwissu 2006, Servier ippreżenta azzjoni għal kontrafazzjoni tal-privattiva 947 kontra Apotex, li kienet nediet verżjoni ġenerika tal-perindropil “f’riskju” fis-suq tar-Renju Unit, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), ir-Renju Unit) u kiseb id-deċiżjoni ta’ ordni provviżorja fit-8 ta’ Awwissu 2006. Madankollu, wara kontrotalba għall‑annullament tal-imsemmija privattiva mressqa minn Apotex, il‑privattiva 947 ġiet invalidata fis-6 ta’ Lulju 2007, l-ordni tneħħiet u Apotex daħlet fis-suq bil-perindropil ġeneriku, u dan fetaħ is-suq għall‑ġeneriċi fir-Renju Unit. Fid-9 ta’ Mejju 2008, id-deċiżjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947 ġiet ikkonfermata fl-appell ( 24 ). |
|
27. |
Min-naħa l-oħra, fit-13 ta’ Novembru 2007, Katwijk Farma, sussidjarja ta’ Apotex, adixxiet il-qrati Olandiżi b’talba għal annullament tal-parti Olandiża tal-privattiva 947 u nediet, fit-13 ta’ Diċembru 2007, il-perindropil ġeneriku tagħha, filwaqt li talba għal ordni provviżorja minn naħa ta’ Servier ġiet miċħuda. Fil-11 ta’ Ġunju 2008, il-qrati Olandiżi annullaw il-privattiva 947 għall-Pajjiżi l-Baxxi fi tmiem kawża parallela mibdija minn Pharmachemie, sussidjarja ta’ Teva ( 25 ). |
|
28. |
B’effett minn Mejju 2008, Sandoz, kumpannija oħra ta’ ġeneriċi, nediet il-perindropil ġeneriku tagħha f’diversi Stati Membri ( 26 ). |
4. Ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawżi dwar privattivi kkonċernati minn din il-kawża, konklużi minn Servier ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi
|
29. |
Bejn l-2005 u l-2007, Servier kkonkluda ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi Niche/Unichem, Matrix, Teva, Krka u Lupin. Il-ftehimiet ikkonċernati b’dan l-appell huma dawk konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin. |
a) Ftehimiet konklużi ma’ Niche/Unichem u Matrix
|
30. |
Niche/Unichem u Matrix kienu jikkooperaw għat-tnedija ta’ verżjoni ġenerika tal-perindropil. Matrix kellha l-irwol ta’ fornitur ta’ IFA u Niche/Unichem kienu responsabbli mill-kisba ta’ ATS u tad‑distribuzzjoni tal-prodott lest ( 27 ). |
|
31. |
Minbarra l-oppożizzjoni ta’ Niche quddiem l-UEP ( 28 ), Servier u Niche kellhom kawża sa mill-25 ta’ Ġunju 2004 quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)), dwar il-privattivi 339, 340, 341 u 947. Is‑seduta f’din il-proċedura kienet iffissata għas-7 u 8 ta’ Frar 2005. Matrix kienet involuta f’din il-proċedura billi tat xi xhieda, iżda ma kellhiex kawżi kontenzjużi tagħha pendenti ma’ Servier ( 29 ). |
|
32. |
Fit-8 ta’ Frar 2005, Servier ikkonkluda żewġ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, wieħed ma’ Niche/Unichem (iktar ’il quddiem “il‑ftehim Niche”) u wieħed ma’ Matrix (iktar ’il quddiem “il-ftehim Matrix”). Fl-istess jum, Niche ikkonkludiet kuntratt ta’ liċenzja u ta’ provvista ma’ Biogaran, sussidjarja 100 % ta’ Laboratoires Servier. |
|
33. |
Il-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem u Matrix kienu jkopru l-pajjiżi kollha li fihom kienu jeżistu l-privattivi 339, 340, 341 u 947, bl-eċċezzjoni ta’ Stat Membru mhux membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għall-ftehim Matrix. Dawn kienu jistipulaw, fil-qosor ( 30 ), li Niche/Unichem u Matrix kienu ser jastjenu milli jipproduċu jew ifornu l-perindropil meqjus minn Servier bħala li jikser il-privattivi tiegħu u milli jikkontestaw il-privattivi ta’ Servier. |
|
34. |
Bħala korrispettiv, Servier obbliga ruħu li ma jippreżentax proċeduri ta’ ksur kontra Niche/Unichem u Matrix u li jħallas GBP 11.8 miljuni lil Niche/Unichem minn naħa, u GBP 11.8 miljuni lil Matrix, min‑naħa l-oħra. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ftehim ma’ Biogaran, Niche obbligat ruħha li tittrasferixxi lil Biogaran fajls li jirrigwardaw tliet prodotti mediċinali u neċessarji għall-kisba tal-ATS u ta’ ATS Franċiża għal wieħed minnhom. Inkambju, Biogaran kellha tħallas lil Niche somma ta’ GBP 2.5 miljuni, mhux rimborsabbli, anki f’każ li Biogaran ma tiksibx ATS. |
b) Ftehim konkluż ma’ Teva
|
35. |
Minbarra l-oppożizzjoni ta’ Teva quddiem l-UEP ( 31 ), Servier u Ivax kellhom kawża fir-Renju Unit sa mid-9 ta’ Awwissu 2005 dwar il‑privattiva 947, iżda madankollu kienu ddeċidew li jissospendu l‑proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni finali fil-proċedura ta’ oppożizzjoni quddiem l-UEP. Fil-15 ta’ Awwissu 2007, Pharmachemie, sussidjarja ta’ Teva, ressqet talba għar-revoka tal-privattiva 947, kif ivvalidata fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ntlaqgħet fil-11 ta’ Ġunju 2008 ( 32 ). |
|
36. |
Fit-13 ta’ Ġunju 2006, Servier u Teva kkonkludew ftehim dwar soluzzjoni bonarja li kien ikopri biss ir-Renju Unit (iktar ’il quddiem “il‑ftehim Teva”). Dan il-ftehim kien konkluż għal perijodu ta’ tliet snin u kien rinovabbli għal perijodu addizzjonali ta’ sentejn. |
|
37. |
Skont l-imsemmi ftehim, Teva obbligat ruħha li tforni lilha nnifisha b’mod esklużiv mingħand Servier bil-perindropil erbumina intiż għad-distribuzzjoni fir-Renju Unit, u dan għal perijodu ta’ tliet snin. Inkambju tal-pagament minn Servier ta’ ammont ta’ GBP 5 miljuni, Teva obbligat ruħha li ma tbiegħx perindropil ġeneriku (minbarra dak ipprovdut minn Servier) u li ma tikkontestax il-privattivi ta’ Servier fir‑Renju Unit, peress li hija ma kinitx ipprojbita milli tipproċedi bi proċedura ta’ oppożizzjoni kontra l-privattivi kkontestati quddiem l-UEP. Barra minn hekk, Servier u Teva ftehmu dwar il-ħlas ta’ kumpens b’rata fissa lil Teva f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ perindropil mill-1 ta’ Awwissu 2006 u Teva f’tali każ, ma kellha l-ebda dritt li ttemm il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Wara d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 li kienet tikkonferma l-privattiva 947 u l-ordni mogħtija mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)) kontra Apotex fit-8 ta’ Awwissu 2006 ( 33 ), Servier uża l‑klawżola ta’ kumpens b’rata fissa u Teva b’hekk irċeviet, fuq perijodu ta’ 11-il xahar, is-somma ta’ GBP 5.5 miljuni minn Servier inkambju tan‑nuqqas ta’ provvista ta’ perindropil. B’kollox, kienu għalhekk GBP 10.5 miljuni li tħallsu minn Servier lil Teva fil-qafas ta’ dan il‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja ( 34 ). |
|
38. |
Fit-23 ta’ Frar 2007, Servier u Teva kkonkludew addendum għall‑ftehim Teva, sabiex jikkonfermaw l-implimentazzjoni effettiva tal‑obbligu ta’ xiri esklużiv, billi ddeċidew data li fiha Teva setgħet tibda tiddistribwixxi l-perindropil ġeneriku pprovdut minn Servier. Din id‑data kellha tkun stabbilita b’mod unilaterali minn Servier, jew sabiex tikkorrispondi mad-data tar-revoka jew tal-iskadenza tal-privattiva 947, jew tkun dik li fiha Apotex kienet ser tibda tiddistribwixxi l-perindropil ġeneriku fir-Renju Unit wara r-riżoluzzjoni tal-kawża bejnha u bejn Servier ( 35 ). Finalment, Teva daħlet fis-suq tar-Renju Unit bil-perindropil ġeneriku pprovdut minn Servier wara li l-privattiva 947 għar-Renju Unit ġiet invalidata fis-6 ta’ Lulju 2007 fil-kawża ma’ Apotex ( 36 ). |
c) Ftehim konkluż ma’ Lupin
|
39. |
Minbarra l-oppożizzjoni tagħha quddiem l-UEP ( 37 ), Lupin adixxiet il-qrati Brittaniċi fit-18 ta’ Ottubru 2006 b’kawża għall-invalidità tal‑privattiva 947, kif valida fir-Renju Unit, u għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur tal-imsemmi privattiva mill-verżjoni ġenerika tal‑perindropil li hija kellha l-intenzjoni tikkummerċjalizza f’dan il‑pajjiż ( 38 ). |
|
40. |
Fit-30 ta’ Jannar 2007, Servier u Lupin ikkonkludew ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattiva li jkopri l-pajjiżi kollha, bl‑esklużjoni ta’ pajjiż li ma jappartjenix liż-ŻEE (iktar ’il quddiem “il‑ftehim Lupin”). |
|
41. |
Skont dan il-ftehim, Lupin aċċettat li ma tbiegħx perindropil ġeneriku (sat-tqegħid fis-suq ta’ perindropil ġeneriku minn Servier jew minn terzi jew sal-iskadenza/invalidazzjoni tal-privattivi Servier) u li ma tikkontestax sensiela ta’ privattivi miżmuma minn Servier. Il-ftehim kien jistipula, barra minn hekk, li l-partijiet kienu ser jużaw “il-mezzi kollha raġonevoli” sabiex jikkonkludu ftehim ta’ distribuzzjoni li permezz tiegħu Servier kellu jibda jipprovdi l-perindropil lil Lupin ladarba t‑tqegħid fis-suq ta’ perindropil ġeneriku minn Servier jew minn terzi ikun seħħ. Tali ftehim finalment ma ġiex iffirmat u Lupin qatt ma daħlet fis-suq tal-perindropil. |
|
42. |
Barra minn hekk, Servier u Lupin ikkonkludew ukoll, fil-qafas tal‑ftehim Lupin, ftehim dwar trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ftehim dwar liċenzja. Skont dawn il-ftehimiet, Servier ħallset is-somma ta’ EUR 40 miljuni għax-xiri ta’ talbiet ta’ privattivi ta’ din tal-aħħar li jirrigwardaw il-perindropil u Lupin tat lura l-liċenzji fuq it-talbiet mixtrija mill-ġdid ( 39 ). |
B. Id-deċiżjoni kkontestata
|
43. |
Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata ( 40 ). |
|
44. |
F’dak li jirrigwarda din il-proċedura ta’ appell, il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett. |
|
45. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Krka kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett, u li Servier kien kiser l-Artikolu 102 TFUE billi żviluppa u implimenta, permezz, b’mod partikolari, tal-akkwist ta’ teknoloġija u ta’ dawn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, strateġija ta’ esklużjoni li tkopri s-suq tal-formulazzjonijiet ta’ perindopril fi Franza, fil-Pajjiżi l‑Baxxi, fil-Polonja u fir-Renju Unit u s-suq tat-teknoloġija tal-IFA tal-perindopril. |
|
46. |
Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat li Servier kien kiser l-Artikoli u 102 TFUE u imponietlu multi għal dan il-ksur. |
C. Is-sentenza appellata
|
47. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2014, Servier ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. Quddiem il-Qorti Ġenerali, Servier kien sostnut fit-talbiet tiegħu mill-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA). |
|
48. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, bħala Awla Estiża, fl-ewwel lok, annullat 1) l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata (li kkonstata l-ksur minn Servier tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l‑ftehimiet ma’ Krka); 2) l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata (li kkonstata l-ksur minn Servier tal-Artikolu 102 TFUE), u 3) l‑Artikolu 7(4)(b) u (6) tad-deċiżjoni kkontestata (li kien jimponi l-multi fuq Servier għal dawn iż-żewġ ksur). |
|
49. |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali 4) naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim ma’ Matrix, imsemmi fl‑Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-Artikolu 7(2)(b) tal‑imsemmija deċiżjoni. Fit-tielet lok, hija 5) ċaħdet il-kumplament tar‑rikors u, fir-raba’ lok, 6) u 7) ikkundannat lil Servier, il-Kummissjoni u l-EFPIA jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal‑partijiet
|
50. |
Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Frar 2019, Servier appella mis-sentenza appellata, dejjem sostnut fit-talbiet tiegħu mill-EFPIA. |
|
51. |
Parallelment, id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata li tilfu quddiem il-Qorti Ġenerali appellaw ukoll kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li ċaħdulhom ir-rikors tagħhom kontra l-imsemmija deċiżjoni, filwaqt li l-Kummissjoni appellat kontra l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ partijiet mid-deċiżjoni kkontestata dwar il-ftehimiet ma’ Krka u l-Artikolu 102 TFUE ( 41 ). |
|
52. |
Permezz ta’ att tat‑22 ta’ Mejju 2019, ir-Renju Unit talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. L-intervent ġie aċċettat permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 2019. |
|
53. |
Servier jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
54. |
L-EFPIA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
55. |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
56. |
Ir-Renju Unit ssostni dawn it-talbiet tal-Kummissjoni. |
|
57. |
Fit-13 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill‑partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza Generics (UK) et u dwar is-sentenzi tal-grupp Lundbeck vs Il‑Kummissjoni ( 42 ). |
|
58. |
Fl-20 u 21 ta’ Ottubru 2021, il-partijiet tad-disa’ appelli ppreżentati kontra t-tmien sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjoni kkontestata nstemgħu fl-osservazzjonijiet tagħhom u fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt seduta waħda. |
IV. Evalwazzjoni
|
59. |
Servier isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat il‑konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehimiet konklużi ma’ Niche/Unichem, Matrix, Teva u Lupin kienu jikkostitwixxu ksur tal‑Artikolu 101 TFUE u li setgħet timponi multi fuq Servier għal dan il‑ksur. |
|
60. |
Servier jibni l-argumenti tiegħu madwar seba’ aggravji, li minnhom l-ewwel sitta jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ ksur (A), filwaqt li s-seba’ wieħed jirrigwarda l-multi (B). |
A. Fuq il-konstatazzjoni tal-ksur
1. Struttura u ammissibbiltà tal-argument ta’ Servier
|
61. |
Fil-qafas tal-ewwel żewġ aggravji tiegħu, Servier jikkritika lill‑Qorti Ġenerali, b’mod ġenerali, għal żbalji ta’ liġi kommessi waqt l‑analiżi tal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet (l-ewwel aggravju) u dwar il-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet (it-tieni aggravju). |
|
62. |
Sussegwentement, permezz tat-tielet sal-ħames aggravji, Servier issostni tali żbalji fir-rigward ta’ kull ftehim inkwistjoni, jiġifieri fir‑rigward tal-ftehimiet Niche u Matrix (it-tielet aggravju), il-ftehim Teva (ir-raba’ aggravju) u l-ftehim Lupin (il-ħames aggravju). Fit-tielet parti tal-ħames aggravju tiegħu, Servier isostni, barra minn hekk, li l‑Qorti Ġenerali wettqet żbalji meta stabbilixxiet id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin. |
|
63. |
Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, Servier jinvoka, sussidjarjament, żbalji ta’ liġi kommessi mill-Qorti Ġenerali relatati mal-klassifikazzjoni bħala ksur separati tal-ftehimiet Niche u Matrix. |
|
64. |
Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel u t-tieni aggravji huma parzjalment inammissibbli sa fejn Servier fihom jikkritika b’mod teoretiku u astratt żbalji allegatament kommessi mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma jirreferi għal punti speċifiċi tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, Servier jerġa’ jirrepeti argumenti diġà sottomessi lill‑Qorti Ġenerali u miċħuda minnha mingħajr ma jispjega xi żball allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ċaħdithom. |
|
65. |
Dawn il-kritiki huma ġġustifikati f’dak li jirrigwarda parti mill‑argumenti mressqa minn Servier, u dan mhux biss fil-qafas tal‑ewwel u tat-tieni aggravju tiegħu, iżda wkoll fil-qafas tat-tielet, ir‑raba’ u l-ħames aggravji tiegħu. Fil-fatt, għal parti mill-argument tiegħu, Servier jagħmel kunsiderazzjonijiet ġenerali u jelenka numru kbir ta’ punti tas‑sentenza appellata allegatament żbaljati mingħajr ma jsostni f’hiex kienu jikkonsistu konkretament l-iżbalji kommessi mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti. Bl-istess mod, f’diversi punti tar-rikors tiegħu, Servier sempliċement jirrepeti argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u jirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħu u għad-diversi annessi ppreżentati quddiemha. |
|
66. |
Madankollu, kif il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi, apparti dawn l‑iżviluppi, li huma effettivament inammissibbli, qari flimkien tal‑argumenti mressqa minn Servier fil-qafas tal-aggravji differenti tiegħu juru li Servier jorbot l-aggravji ġenerali tiegħu li jirrigwardaw l‑eżami tal-kompetizzjoni potenzjali u tal-għan antikompetittiv tal‑ftehimiet mill-Qorti Ġenerali mal-eżami minnu ta’ numru kbir ta’ aspetti tar-relazzjonijiet tiegħu u ftehimiet speċifiċi ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni. F’dan il-qafas, Servier jidentifika l-motivi tas‑sentenza msemmija u l-iżbalji allegatament kommessi f’dawn il‑motivi. |
|
67. |
Ċertament, l-eżami ta’ dawn l-argumenti huwa kkumplikat minħabba li dawn l-argumenti ġew ippreżentati f’partijiet differenti tal‑appell. B’hekk, f’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni potenzjali, għandhom jinqraw flimkien it-tieni aggravju u l-ewwel partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-għan antikompetittiv tal-ftehimiet, għandu jsir riferiment għall-ewwel aggravju u għaż-żewġ partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji. Madankollu, b’tali qari, huwa possibbli li jiġu identifikati l-kritiki konkreti ta’ Servier fir-rigward tas-sentenza appellata u għandu jiġi rrikonoxxut li, f’dan ir-rigward, l-argument ta’ Servier huwa ammissibbli. Għalhekk, sussegwentement, waqt l-eżami tal-aggravji differenti ta’ Servier, il-parti ammissibbli tal-argument tiegħu ser tiġi eżaminata, filwaqt li jiġi spjegat li dan l-argument ħafna drabi jaqa’ f’żona griża bejn klassifikazzjoni legali u evalwazzjoni tal-fatti. |
|
68. |
Wara dawn l-ispjegazzjonijiet, għandhom jiġu eżaminati, qabel xejn, l-argumenti ta’ Servier relatati mal-kompetizzjoni potenzjali (2), qabel ma ngħaddu għall-argumenti tiegħu relatati mal-għan antikompetittiv tal-ftehimiet (3), id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin (4) u, finalment, il-klassifikazzjoni tal-ftehim Niche minn naħa u tal-ftehim Matrix min-naħa l-oħra bħala ksur distinti (5). |
2. Fuq il-kompetizzjoni potenzjali (it-tieni aggravju u l-ewwel partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji)
|
69. |
Servier isostni qabel xejn li, meta l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kinux kompetituri potenzjali fil‑mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, il-Qorti Ġenerali wettqet tliet żbalji. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed tal‑portata tal-privattivi (a), ikkonkludiet b’mod żbaljat li xi attivitajiet preparatorji mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu juru kapaċità reali li jidħlu fis-suq (b), u qalbet l-oneru tal-prova (c). Sussegwentement, Servier ma jaċċettax dawn l-iżbalji f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni tiegħu ma’ kull waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi involuti (d). |
a) Fuq il-portata tal-privattivi waqt l-analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali
|
70. |
Servier isostni qabel xejn li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-privattivi billi injorat ostakoli relatati mal-privattivi waqt l-analiżi tagħha tal-kapaċità tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu b’mod mgħaġġel fis-suq. Anki qabel deċiżjoni dwar il-validità tagħha u n-natura ta’ ksur ta’ privattiva ta’ prodott mediċinali ġeneriku, privattiva meqjusa bħala b’saħħitha, bħall-ordnijiet provviżorji li jipprojbixxu lill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi milli jidħlu fis-suq, jistgħu jaffetwaw l‑kapaċità ta’ tali kumpanniji milli jidħlu fis-suq. |
|
71. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi vverifikat jekk impriża parti minn ftehim tikkostitwixxix kompetitur potenzjali f’ċertu suq, għandu jiġi vverifikat jekk dan is-suq għandux ostakoli għad-dħul insurmontabbli ( 43 ) u jekk, fin-nuqqas tal-ftehim inkwistjoni, kienx hemm possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriża inkwistjoni tidħol fis-suq u tikkompeti mal-impriżi li huma stabbiliti fih. Din il-verifika għandha ssir fir-rigward tal-qafas ekonomiku u ġuridiku konkret li fih jaqa’ l-ftehim inkwistjoni ( 44 ). |
|
72. |
Għalhekk, waqt l-eżami tal-kompetizzjoni potenzjali bejn proprjetarju ta’ privattivi li jipproteġu l-proċess ta’ produzzjoni ta’ prinċipju attiv li waqa’ fid-dominju pubbliku, minn naħa, u kumpanniji li jixtiequ jidħlu fis-suq bi prodotti mediċinali ġeneriċi li fihom dan il-prinċipju attiv, min-naħa l-oħra, li kkonkludew il-ftehimiet bħal dawk ikkonċernati f’din il-kawża, ċertament ma jistgħux jiġu injorati l-imsemmija privattivi, li mingħajr dubju jagħmlu parti mill-qafas ekonomiku u ġuridiku inkwistjoni ( 45 ). |
|
73. |
Madankollu, fir-rigward ta’ dan il-qafas, għandu wkoll jitqies li l-preżunzjoni ta’ validità ta’ privattiva fuq proċess ta’ produzzjoni ta’ prodott mediku ma hijiex preżunzjoni ta’ illegalità ta’ prodotti ġeneriċi ta’ dan il-prodott mediċinali li l-proprjetarju tal‑privattiva jqis li huma qegħdin jiksru. Kawżi dwar dan il-punt, kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-validità ta’ privattivi ta’ proċedura u f’dak li jikkonċerna n-natura ta’ ksur tal-prodotti ġeneriċi, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk ġewx prodotti skont il-proċeduri li huma diġà protetti minn privattivi, huma, għall-kuntrarju, attwali, jiġifieri jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet ( 46 ). |
|
74. |
Minn dan isegwi li, f’tali ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ privattiva li tipproteġi l-proċess ta’ produzzjoni ta’ prinċipju attiv li jaqa’ fid-dominju pubbliku ma għandhiex, bħala tali, titqies bħala ostakolu insurmontabbli għad-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi li fihom dan il-prinċipju attiv ( 47 ). |
|
75. |
L-eżami tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il‑proprjetarju ta’ tali privattiva u ta’ kumpanniji li jixtiequ jidħlu fis-suq bi prodotti ġeneriċi, li kkonkludew il-ftehimiet bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, għandu speċifikament jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-eżistenza tad-drittijiet ta’ privattiva inkwistjoni, dawn il‑kumpanniji kellhomx possibilitajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq fil‑mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet. L-eżistenza ta’ tali possibilitajiet tista’ tintwera permezz ta’ sensiela ta’ indizji konsistenti li jinkludu, b’mod partikolari, l-attivitajiet preparatorji mwettqa mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kif ukoll il-perċezzjoni tas-sitwazzjoni minnhom u mill-proprjetarju tal-privattiva ( 48 ). |
|
76. |
Issa, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali pproċediet kif suppost b’tali eżami fil-punti 432 et seq. (li jirrigwardaw lil Niche/Unichem), 579 et seq. (li jirrigwardaw lil Teva) u 718 et seq. (li jirrigwardaw lil Lupin) tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod iddettaljat jekk dawn il-kumpanniji kellhomx possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq minkejja l-ostakoli kkostitwiti mhux biss mill-privattivi ta’ Servier, iżda wkoll minn ostakoli ta’ natura teknika, marbuta mal-iżvilupp tal-prodotti tagħhom, u ta’ natura regolatorja, marbuta mal-kisba ta’ ATS għal dawn il-prodotti. |
b) Fuq l-analiżi tal-possibbiltajiet reali u konkreti tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq minkejja l-preżenza ta’ ostakoli
|
77. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha sabiex, kif jallega Servier, tapplika t-test ta’ sempliċi intenzjoni li tidħol fis-suq b’mod purament teoretiku fi żmien indefinit. Minflok ma qieset biss possibbiltajiet ta’ dħul fis-suq purament ipotetiċi, maqtugħa mill-kuntest, il-Qorti Ġenerali, għall-kuntrarju, eżaminat b’mod speċifiku jekk l-attivitajiet konkreti organizzati mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi kinux juru l-possibbiltajiet reali u konkreti tagħhom li jidħlu fis-suq minkejja l-eżistenza tal-privattivi ta’ Servier. Waqt dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq elementi oġġettivi li l-materjalità tagħhom ma hijiex ikkontestata minn Servier, bħal, b’mod partikolari, l‑investimenti diġà magħmula, l-attivitajiet organizzati sabiex tinkiseb ATS u l-kuntratti konklużi ma’ msieħba kummerċjali. |
|
78. |
Il-kritiki differenti mressqa minn Servier f’dan ir-rigward ma jiżvelawx żbalji ta’ liġi kommessi mill-Qorti Ġenerali waqt dan l-eżami. |
1) Fuq il-preżenza ta’ ftehim li jeskludi lill-operaturi ġodda potenzjali tas-suq
|
79. |
Nibda billi ngħid li, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, il‑Qorti tal-Ġustizzja espliċitament irrikonoxxiet li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, il-konklużjoni minn operaturi ta’ ftehim li għandu bħala għan li jżomm lil xi ħadd minnhom barra mis-suq jikkostitwixxi mhux biss indizju b’saħħtu iżda wkoll l-“iktar prova probatorja” tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejniethom. Jikkostitwixxi wkoll tali indizju l-fatt li produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali jipproċedi bi trasferimenti ta’ valuri lil kumpannija ta’ ġeneriċi inkambju għal posponiment tad-dħul ta’ din tal-aħħar fis-suq. Din l-intenzjoni fil-fatt tiżvela l-perċezzjoni li l-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali jkollu tar-riskju li l-kumpannija ta’ ġeneriċi kkonċernata tirrapreżenta għall-interessi kummerċjali tiegħu, liema perċezzjoni hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali ( 49 ). |
|
80. |
Dan huwa koerenti peress li dawn l-elementi jikkorroboraw preċiżament il-fatt li l-kumpannija ta’ ġeneriċi inkwistjoni għandha possibbiltajiet reali u konkreti li tidħol fis-suq u ma tiltaqax ma’ ostakoli insurmontabbli. Effettivament ma huwiex plawżibbli li, jekk il‑kumpannija ta’ ġeneriċi ma setgħetx tidħol fis-suq u għalhekk ma kinitx ta’ theddida għall-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali, dan kien jikkonkludi magħha ftehim intiż sabiex tibqa’ barra mis-suq permezz ta’ pagament. Għalhekk, waqt l-evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn operaturi ekonomiċi, dawn l-indizji għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess stadju tal‑eżami u bl-istess mod bħall-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq u n-nuqqas ta’ ostakoli insurmontabbli. Dawn il-provi kollha, meħuda flimkien, effettivament jikkostitwixxu, is-serje ta’ indizji li fuqhom tista’ tistrieħ il-Kummissjoni sabiex turi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn operaturi li minnhom wieħed diġà huwa preżenti f’suq li fih l-oħrajn qegħdin jippreparaw li jidħlu. |
|
81. |
Għalhekk, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali magħmula fil‑punt 450 tas-sentenza appellata li l-konklużjoni minn Servier tal‑ftehimiet ikkontestati mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienet element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali bejn dawn l‑operaturi ma hija vvizzjata bl-ebda żball. |
2) Fuq l-attivitajiet preparatorji mwettqa mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l-intenzjoni tagħhom li jegħlbu l-ostakoli
|
82. |
Sussegwentement, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Servier, l-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul fis-suq hija kkonfermata bil-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, il‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu wettqu attivitajiet preparatorji suffiċjenti li jippermettilhom jidħlu fis-suq f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq il-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali. Tali attivitajiet jippermettu li tiġi stabbilita d-determinazzjoni soda kif ukoll il-kapaċità proprja ta’ dawn il-kumpanniji li jidħlu fis-suq ta’ prodott mediċinali li fih prinċipju attiv li kien fid-dominju pubbliku, anki fil-preżenza ta’ privattivi ta’ proċess miżmuma mill-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali ( 50 ). |
|
83. |
Kif il-Qorti Ġenerali korrettament fakkret fil-punti 384, 444, 458 u 728 tas-sentenza appellata, f’dan il-kuntest, l-intenzjoni ta’ operatur li jidħol fis-suq hija fattur li jista’ jikkorrobora l-konstatazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jagħmel dan ( 51 ). Għalhekk, Servier ma għandux jikkritika lill‑Qorti Ġenerali li wettqet żbalji waqt l-evalwazzjoni tagħha tal‑perċezzjoni tar-riskji dwar il-privattivi mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi. Barra minn hekk, minn dawn il-punti kif ukoll mill-punti 445 et seq. u 729 et seq. tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, anki jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi li l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom fiduċja fi tmiem favur tagħhom tal‑kawżi dwar il-privattivi kellhom jitwarrbu, l-attivitajiet tekniċi u kontenzjużi madankollu juru l-intenzjoni tagħhom li jidħlu fis-suq. |
|
84. |
Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali korrettament irrikonoxxiet li dawn l-attivitajiet juru li dawn il-kumpanniji bl-ebda mod ma kienu skorraġiti mill-ostakoli differenti relatati mal‑privattivi, regolamentarji u tekniċi għad-dħul fis-suq u għall‑kuntrarju kellhom determinazzjoni soda li jegħlbuhom. |
3) Fuq il-preżenza ta’ diversi ostakoli
|
85. |
Madankollu Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat id-diffikultajiet relatati mal-privattivi, tekniċi, regolamentari u finanzjarji li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu jiffaċċjaw, u b’mod iktar speċifiku Niche u Matrix, b’mod separat u mhux meħuda flimkien. Anki jekk kull diffikultà ma kinitx insurmontabbli b’mod individwali, dan ma kienx ifisser li dawn il-kumpanniji kellhom il‑kapaċità li jegħlbu dawn id-diffikultajiet kollha. |
|
86. |
Skont il-Kummissjoni, dan l-argument ma tressaqx fl-ewwel istanza u għalhekk ma huwiex ammissibbli. Madankollu, sa fejn l‑imsemmi argument jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u jikkritika l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE minnha, Servier jista’ jsostnih fl-appell ( 52 ). |
|
87. |
Madankollu, fil-mertu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. |
|
88. |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali pproċediet, fil-punti 442 et seq. (fir‑rigward ta’ Niche/Unichem), 589 et seq. (fir-rigward ta’ Teva) u 726 et seq. (fir-rigward ta’ Lupin) tas-sentenza appellata b’eżami bir-reqqa u ddettaljat tal-ostakoli differenti relatati mal-privattivi, tekniċi, regolatorji u finanzjarji li dawn il-kumpanniji, skont Servier, kienu ffaċċjati bihom waqt il-preparazzjoni tad-dħul tagħhom fis-suq bil-prodotti tagħhom. Waqt dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-attivitajiet mingħajr interruzzjoni mwettqa mill-imsemmija kumpanniji sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet juru li dawn tal-aħħar ma kinux ostakoli insurmontabbli li jagħmlu tali dħul fis-suq impossibbli. |
|
89. |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq numru kbir ta’ provi fattwali mhux ikkontestati minn Servier. |
|
90. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, Servier ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li lanqas eżaminat l-ostakoli differenti kollha kemm huma. |
|
91. |
Kif ġustament issostni l-Kummissjoni, Servier ma jispjegax għaliex u lanqas kif dawn l-ostakoli, meħuda flimkien, setgħu jirriżultaw li huma insurmontabbli, filwaqt li l-Qorti Ġenerali analizzat, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu lesti sabiex jegħlbuhom b’mod individwali. Barra minn hekk, Servier lanqas ma jispjega f’hiex kellu jikkonsisti b’mod konkret dan l-eżami u f’hiex kellu jkun differenti mill-eżami implimentat mill-Qorti Ġenerali. |
|
92. |
Qabel xejn, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li hija speċifikament adottat approċċ “ħolistiku” filwaqt li uriet kif il‑kumpanniji ta’ ġeneriċi, u b’mod partikolari Niche, kienu wettqu attivitajiet kemm fuq il-livell ta’ privattivi (azzjonijiet kontenzjużi) kif ukoll tekniku (soluzzjoni ta’ ostakoli tekniċi), regolatorju (korrispondenza mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinkisbu ATS) jew finanzjarju (kuntratti mal-kumpannija omm sabiex ikunu sostnuti). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali mhux biss ivverifikat il-fondatezza tal-provi hekk prodotti mill-Kummissjoni, iżda, fuq kollox, analizzat l‑interdipendenzi bejn il-livelli differenti, pereżempju billi ċaħdet, fil‑punt 494 tas-sentenza appellata, l-allegazzjonijiet ta’ Servier li d‑diffikultajiet finanzjarji ta’ Niche kienu pprekludewha milli tegħleb ir‑riskji ta’ spejjeż ġudizzjarji u ta’ danni relatati mal-kawżi tal-privattivi. |
|
93. |
L-ilment dwar in-nuqqas ta’ analiżi tal-ostakoli għad-dħul fis-suq ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi għalhekk għandu jiġi miċħud ukoll. |
c) Fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova
|
94. |
Servier isostni li l-Qorti Ġenerali, wara li ssodisfatt ruħha mill‑eżistenza ta’ attivitajiet sabiex jiġu stabbiliti l-possibbilitajiet reali u konkreti tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq, talbet li Servier, sabiex jinvalida din il-konstatazzjoni, iġib il-prova li d-dħul fis-suq ta’ dawn il-kumpanniji kien prekluż minn ostakoli insurmontabbli. Madankollu, dan qisu l-istess bħar-rekwiżit ta’ prova negattiva (probatio diabolica). B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova u kisret il-prinċipju li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jidħlu fis-suq kien fuq il-Kummissjoni. |
|
95. |
Dan l-argument ma għandu l-ebda bażi. |
|
96. |
Kif korrettament irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 386 tas‑sentenza appellata, huwa bla dubju veru li l-oneru tal-prova tal‑eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul ta’ kompetitur fis-suq jaqa’ fuq il-Kummissjoni. Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ukoll b’mod korrett fl-imsemmi punt, jekk il-Kummissjoni ġabret serje ta’ indizji konsistenti li juru attivitajiet intiżi għall‑produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott inkwistjoni f’terminu suffiċjentament qasir sabiex itaqqal lill-operatur preżenti fis‑suq, fin-nuqqas ta’ provi kuntrarji relatati ma’ diffikultajiet tekniċi, regolatorji, kummerċjali jew finanzjarji, hija stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ tali possibbiltajiet fiċ-ċirkustanzi tal-każ. |
|
97. |
Kuntrarjament għall-opinjoni ta’ Servier, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova huwa perfettament konformi mal-prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni. Ċertament, minn dan jirriżulta li hija l‑Kummissjoni li għandha ġġib il-prova ta’ ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi adattati sabiex turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l‑eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur ( 53 ). Għal dan il-għan, hija għandha tiġbor provi suffiċjentament preċiżi u konkordanti sabiex tibbaża l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat kien seħħ ( 54 ). Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni tiġbor dawn il-provi, huma l-operaturi kkonċernati li għandhom jissollevaw l-insuffiċjenza ta’ provi użati mill‑Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-elementi li jikkostitwixxu l‑ksur ( 55 ). |
|
98. |
B’hekk, anki jekk l-oneru legali tal-prova, skont dawn il-prinċipji, jaqa’ fuq il-Kummissjoni, jew jaqa’ fuq l-impriża kkonċernata, l-elementi fattwali li parti tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l‑oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema huwa possibbli li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova ġie ssodisfatt ( 56 ). |
|
99. |
F’dan il-każ, preċiżament mill-eżami tal-argumenti ta’ Servier, magħmul fil-punti 70 sa 93 u 108 sa 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji meta kkonfermat li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom, fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehimiet, possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq. Għaldaqstant, huwa għalhekk korrett li l-Qorti Ġenerali kkonfermat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jkun Servier li jipproduċi provi li jistgħu jinvalidaw din il-konstatazzjoni ( 57 ). |
|
100. |
Iktar mill-qrib, l-argument imressaq minn Servier f’dan il-każ jirriżulta fuq kollox minn konfużjoni bejn il-kunċetti ta’ kompetizzjoni attwali u potenzjali. B’hekk, Servier jinterpreta ħażin il-fatt li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, il-Kummissjoni għandha turi biss li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom possibbiltajiet reali u konkreti jidħlu fis-suq f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq il-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali. Għall-kuntrarju, bl-ebda mod ma huwa mitlub li hija turi wkoll b’ċertezza li l-attivitajiet imwettqa mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi effettivament kien se jkollhom suċċess u li dawn il-kumpanniji effettivament kienu ser jidħlu fis-suq ikkonċernat ( 58 ). |
|
101. |
Fl-istess ordni ta’ ideat, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, il-Kummissjoni ma għandhiex turi li l-attivitajiet imwettqa minn kumpannija ta’ ġeneriċi biex tidħol fis-suq neċessarjament jispiċċaw “fi żmien qasir”. Dak li huwa rilevanti huwa li dawn l-attivitajiet juru l‑possibbiltà li tidħol fis-suq f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva. Issa, iktar ma tali attivitajiet jieħdu fit-tul, pereżempju matul korrispondenzi mal-awtorità regolamentari għall-kisba ta’ ATS jew sforzi sabiex jintegħlbu diffikultajiet tekniċi li jirrigwardaw l‑aspetti tal-prodott ġeneriku, huma jkunu prova tal-possibbiltà li jidħlu f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva. Dan huwa iktar u iktar veru jekk l-eżistenza ta’ tali attivitajiet tiġi kkonfrontata, waqt l-eżami tas‑serje ta’ indizji li juru l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, bi provi li jirreferu għall-perċezzjoni, mill-produttur tal-prodott mediċinali tal-bidu, ta’ theddida mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi, bħall-fatt li dan ifittex li jikkonkludi magħhom ftehimiet sabiex jittardja d-dħul tagħhom fis‑suq ( 59 ). |
|
102. |
Għalhekk, Servier ma għandux isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta aċċettat, fil-punt 481 tas-sentenza appellata, ir‑rifjut tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talba, magħmula minn Servier, sabiex tiġi ppreżentata l-korrispondenza bejn Niche jew l-imsieħba tagħha u l‑awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati. Fil-fatt, huwa żbaljat li jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni kellha tevalwa l-possibbiltà ta’ suċċess ta’ Niche li tegħleb l-ostakoli regolatorji li jirrigwardaw il-kisba ta’ ATS billi tistaqsi lil dawn l-awtoritajiet. |
|
103. |
Il-Kummissjoni ma għandhiex effettivament tevalwa l‑possibbiltajiet ta’ suċċess jew ir-riżultat probabbli ta’ proċedura ta’ ATS ippreżentata quddiem l-awtoritajiet nazzjonali minn kumpannija ta’ ġeneriċi. Huwa suffiċjenti li hija tirreferi għal attivitajiet konkreti mwettqa minn tali kumpannija (applikazzjoni għal ATS, korrispondenza mal-awtorità regolatorja kkonċernata) sabiex ikollha ATS f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq il-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali ( 60 ). F’dan ir-rigward, dewmien fil-kisba tal-ATS bl-ebda mod ma juri li l-kumpannija ta’ ġeneriċi ma tikkostitwixxix iktar sors ta’ kompetizzjoni potenzjali, b’mod partikolari jekk l-imsemmija kumpannija tibda, bħall-kumpanniji kkonċernati f’dan il-każ, attivitajiet sabiex issolvi d-diffikultajiet li wasslu għad-dewmien (ara l-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
104. |
F’dan il-kuntest, l-argument ibbażat fuq il-fatt li huma l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi u mhux Servier li huma l-aħjar li jirreferu għal eventwali diffikultajiet li huma kienu ffaċċjati bihom, b’mod partikolari waqt l-applikazzjonijiet tagħhom għal ATS, lanqas huwa ta’ natura li jistabbilixxi qlib tal-oneru tal-prova għad-danni ta’ Servier. Fil-fatt, l‑argument f’dan is-sens jitlaq ukoll mill-premessa żbaljata li, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, għandu jintwera b’ċertezza li l-attivitajiet imwettqa mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom suċċess, u li kien suffiċjenti li jsir riferiment għal diffikultajiet jew dewmien f’dan il-kuntest sabiex tiġi invalidata l-konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
105. |
Issa, kif għadu kemm intwera, u kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, iktar kemm il-kumpanniji ta’ ġeneriċi jkomplu bl-attivitajiet tagħhom mal-awtoritajiet ta’ regolamentazzjoni u ma jabbandunawhomx minħabba eventwali diffikultajiet, iktar ikomplu jipprovaw id‑determinazzjoni soda tagħhom u l-kapaċità tagħhom stess li jidħlu fis‑suq. Għalhekk, il-korrispondenza bejn il-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l‑awtoritajiet ta’ regolamentazzjoni, anki jekk jiġi preżunt li kienu jirreferu għal diffikultajiet, ma kinux ta’ natura li jinvalidaw il‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. |
|
106. |
Qabel xejn, u fi kwalunkwe każ, mill-punt 481 tas-sentenza appellata jirriżulta li Servier kellu aċċess, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, għat-tabella li kienet turi fil‑qosor il-kontenut ta’ dawn il-korrispondenzi prodotta minn Niche, li minnha kien jirriżulta li l-problemi identifikati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma pprekludewx lil Niche milli jagħti risposti, u lanqas li titkompla l-proċedura ta’ ATS. |
|
107. |
Għalhekk, l-argument ibbażat fuq il-qlib tal-oneru tal-prova u fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba għandu wkoll jiġi miċħud. |
d) Fuq l-argumenti addizzjonali li jirrigwardaw lil kull waħda mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi involuti
|
108. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti addizzjonali mressqa minn Servier li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni bħala kompetitur potenzjali ta’ kull waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi involuti lanqas juru li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li, fil‑mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, dawn il-kumpanniji kellhom attivitajiet preparatorji suffiċjenti li ppermettewlhom jidħlu fis-suq f’terminu li seta’ jwassal għal pressjoni kompetittiva fuq Servier. |
1) Niche/Unichem u Matrix
|
109. |
Minn naħa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni Servier, il‑Qorti Ġenerali korrettament qieset li l-attivitajiet imwettqa minn Niche u Matrix sabiex jintgħelbu diffikultajiet tekniċi sabiex jinbidel il‑proċess u l-forma tal-prodott ta’ Matrix, li għalihom jirreferu l‑punti 446 u 447 tas-sentenza appellata, iktar milli juru li l-privattivi ta’ Servier kienu ostakoli insurmontabbli, għall-kuntrarju juru d‑determinazzjoni soda u l-kapaċità proprja ta’ Niche u ta’ Matrix li jidħlu fis-suq minkejja l-eżistenza ta’ dawn il-privattivi. L-istess japplika għal sforzi mwettqa fi stadju avvanzat tal-iżvilupp tal-prodott mediċinali ġeneriku u tal-parteċipazzjoni attiva fil-proċedura ta’ għoti ta’ ATS (punti 459 sa 480 tas-sentenza appellata). F’dan il-kuntest, id-dewmien waqt il-proċedura ta’ ATS bl-ebda mod ma jinvalida l-klassifikazzjoni bħala kompetitur potenzjali ta’ Niche u Matrix, peress li, kif għadu kemm ġie nnotat fil-punti 100 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex mitlub li jintwera li l-attivitajiet sabiex tinkiseb ATS kienu ser jiġu ffinalizzati fil-perijodu mixtieq jew kien ser ikollhom suċċess sabiex jiġu kklassifikati bħala kumpanniji li wettqu tali attivitajiet ta’ kompetituri potenzjali. |
|
110. |
Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 446 tas-sentenza appellata ma juru l-ebda żnaturament. B’hekk l-attivitajiet imwettqa minn Niche msemmija f’dan il-punt, li l-materjalità tagħhom ma hijiex ikkontestata minn Servier, juru d-determinazzjoni ta’ Niche li tegħleb l‑ostakoli marbuta mal-privattivi ta’ Servier u sabiex “tiftaħ it-triq” sabiex tidħol fis-suq billi tikseb dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur, annullament jew invalidazzjoni tal-privattiva 947. Kuntrarjament għal dak li jallega Servier, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx, f’dan il-punt, il‑kwistjoni dwar jekk Niche kinitx “in bona fide”. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ttrattat il-punti mressqa minn Servier f’dan ir-rigward (rifjut minn Niche li tagħti deskrizzjoni ddettaljata tal-proċess ta’ produzzjoni tagħha, li tippermetti spezzjoni tal-fabbriki tagħha jew li tagħti kampjun tal-prodott tagħha). Irrispettivament mill-fatt li tali punti ma jistgħux jiġu eżaminati għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, fi kwalunkwe każ għandu jiġi kkonstatat li ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt u ma jiżvelaw l-ebda żnaturament. |
2) Teva
|
111. |
Qabel xejn, il-kritika ta’ Servier li jsostni li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqu b’mod żbaljat l-oneru li juri li d-dħul fis-suq ta’ Teva kellu ostakoli insurmontabbli, fil-punti 589 et seq. tas-sentenza appellata, ma tistax tiġi aċċettata. Bħal fil-każ tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra, il‑Qorti Ġenerali fil-fatt ikkonstatat wara eżami ddettaljat ta’ provi prodotti minn Servier li dawn tal-aħħar ma kinux jikkontestaw il‑konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-attivitajiet imwettqa minn Teva kienu juru d-determinazzjoni u l-kapaċità tagħha li tidħol fis-suq. |
|
112. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas, kif jallega Servier, ma wettqet żball meta kkonstatat, fil-punti 590 et seq. tas-sentenza appellata, li r-riskju ta’ ordni provviżorja ma kienx affettwa l‑possibbiltajiet reali u konkreti ta’ Teva li tidħol fis-suq, peress li hija rreferiet għal elementi li juru l-intenzjoni ta’ Teva li tassumi dan ir-riskju. Barra minn hekk, Servier jillimita ruħu sabiex jirreferi b’mod ġenerali għall-argumenti tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt mingħajr ma juri żball kommess mill-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ ordnijiet provviżorji ma teskludi bl-ebda mod l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali peress li dawn huma miżuri provviżorji li bl-ebda mod ma jippreġudikaw in-natura fondata ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ( 61 ). |
|
113. |
Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jiddikjara Servier, ir‑raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 601 sa 603 tas-sentenza appellata, li d-dewmien fil-proċeduri ta’ ATS ma setgħux ikunu suffiċjenti sabiex jeskludu l-klassifikazzjoni ta’ kompetitur potenzjali ta’ Teva minkejja li hija wettqet sforzi sabiex tegħleb id-diffikultajiet iffaċċjati, bl-ebda mod ma juri xi żball, għar-raġunijiet diġà indikati fil‑punti 100 sa 103 u 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, Servier jillimita ruħu sabiex jirreferi għar-rikors tiegħu u l-annessi tiegħu fl-ewwel istanza sabiex jiddikjara li l-provi prodotti minnu quddiem il‑Qorti Ġenerali kienu stabbilixxew li dawn id-diffikultajiet kienu affettwaw il-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ Teva li tidħol fis-suq, mingħajr ma ta spjegazzjoni dwar dawn il-provi jew juri żball tal-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tagħhom. |
|
114. |
Sussegwentement, fir-rigward tal-iżnaturamenti allegatament kommessi mill-Qorti Ġenerali waqt l-eżami tal-problemi tekniċi ffaċċjati mill-prodott ta’ Teva, dawn ma jidhrux la fid-dawl tal-allegazzjonijiet ta’ Servier, u lanqas fid-dawl tal-punti tas-sentenza fejn huma msemmija. B’hekk, minn naħa, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil‑punti 586 u 609 sa 612 tas-sentenza appellata, il-provi li juru li Teva ma kellhiex stokk ta’ perindropil vijabbli, mingħajr ma rreferiet għax xi prova li allegatament kienet żnaturata. Min-naħa l-oħra, Servier jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-posta elettronika mibgħuta minn Teva lil Hetero fil-15 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri wara l-konklużjoni tal‑ftehim Teva, posta elettronika li fiha Teva indikat li hija kienet irrinunzjat għat‑tnedija tal-prodott tagħha. Issa, hija preċiżament din ir-rinunzja li kienet prevista b’dan il-ftehim ( 62 ). Għaldaqstant, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li l-posta elettronika inkwistjoni kienet intiża li timplimenta l-imsemmi ftehim ma kinitx tidher li hija vvizzjata b’xi żnaturament. |
|
115. |
Finalment, kuntrarjament għall-kritiki ta’ Servier, fil-punt 610 tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma rrifjutatx li tieħu inkunsiderazzjoni provi sussegwenti għall-ftehim, iżda llimitat ruħha sabiex tikkunsidra, b’mod korrett, li korrispondenza li tirrifletti l‑perċezzjoni minn Teva tas-sitwazzjoni kompetittiva ulterjuri għall‑konklużjoni tal-ftehim ma għandhiex tistabbilixxi li Teva kienet irrinunzjat li tikkummerċjalizza l-prodott tagħha fil-mument tal‑imsemmija konklużjoni ( 63 ). |
3) Lupin
|
116. |
F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-klassifikazzjoni bħala kompetitur potenzjali ta’ Lupin, Servier jillimita ruħu essenzjalment sabiex jirreferi għall-ilmenti ġenerali tiegħu li jirrigwardaw il‑kompetizzjoni potenzjali, li diġà ġew eżaminati fil-punti 70 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
117. |
Għall-kumplament, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li Lupin kellha possibbiltajiet reali u konkreti li tikkummerċjalizza l-prodott tagħha fl-UE kollha, filwaqt li kienet preżenti biss fir-Renju Unit u l-introduzzjoni ta’ msieħba baqgħet teoretika u spekulattiva. Il-Qorti Ġenerali rreferiet għal negozjati bejn Lupin u msieħba potenzjali f’dan ir-rigward, u dan kien jikkostitwixxi attivitajiet konkreti li juru d-determinazzjoni u l-kapaċità ta’ Lupin li tidħol fis-suq ( 64 ). F’dan il-kuntest, il-punt 745 tas-sentenza appellata ma juri l-ebda żnaturament tal-argument ta’ Servier li jallega li Lupin iltaqgħet ma’ ostakoli kummerċjali insurmontabbli, peress li dan huwa preċiżament dak li Servier ikompli jallega fil-qafas ta’ dan l-appell u dak li l-Qorti Ġenerali eżaminat u rrifjutat fil-punti 745 et seq. tas-sentenza appellata. |
e) Konklużjoni
|
118. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument ta’ Servier dwar il-kompetizzjoni potenzjali, imressaq fil-qafas tat-tieni aggravju tiegħu u tal-ewwel partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
3. Fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet bħala restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan (l-ewwel aggravju u t-tieni partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji)
|
119. |
Fil-qafas tal-ewwel aggravju tiegħu u tat-tieni partijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji meta rratifikat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l‑ftehimiet ikkontestati kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan. |
|
120. |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif suppost in-nuqqas ta’ esperjenza fir-rigward tal‑ftehimiet bħal dawk inkwistjoni u tal-fatt li, għal din ir-raġuni, ir‑restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma kinitx faċilment identifikabbli (a). It‑tieni nett, kien impossibbli li jiġi konkluż li l-ftehimiet kellhom għan antikompetittiv minħabba l-effetti pożittivi tagħhom jew tallinqas ambivalenti (b). Finalment, it-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ffukat iżżejjed fuq il-pagamenti jew vantaġġi oħra ta’ inċentiv mogħtija minn Servier lill-kumpanniji ta’ ġeneriċi (c). |
a) Fuq l-esperjenza u n-natura “faċilment identifikabbli” ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni
|
121. |
Sabiex nibda, Servier isostni, filwaqt li jirreferi, b’mod partikolari, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il‑Kummissjoni ( 65 ), li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn sensiela tal‑bidu ta’ żbalji inkwantu jsostni li l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet ikkontestati minkejja n-nuqqas ta’ esperjenza akkwistata u ta’ xjenza ekonomika, u minkejja li r-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni allegata ma hijiex faċilment identifikabbli. |
|
122. |
B’hekk, in-natura ġdida tal-kwistjonijiet imqajma mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja hija murija minn diversi elementi, bħar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Generics (UK) et. Bl-istess mod, huwa xhieda tan-natura faċilment identifikabbli tar-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, b’mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni kellha bżonn mijiet ta’ paġni sabiex tispjega l-argument tagħha. Il-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet fil‑punt 1666 tas-sentenza appellata li n-natura tal-ksur tal-ftehimiet inkwistjoni setgħet ma tidhirx, b’mod ċar, għal osservatur estern bħall‑Kummissjoni jew avukati speċjalizzati. |
|
123. |
Madankollu, dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat peress li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat b’mod espliċitu, bl-ebda mod ma huwa rikjest li l-istess tip ta’ ftehimiet ikun diġà ġie kkundannat mill‑Kummissjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, u dan anki meta dawn jintervjenu f’kuntest speċifiku bħal dak tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ( 66 ). Il-ġurisprudenza ma tirrikjedix li ftehim għandu jkun suffiċjentament dannuż għall-kompetizzjoni mal-ewwel daqqa ta’ għajn jew mingħajr dubju, mingħajr ma jkun hemm eżami ddettaljat tal‑kontenut tiegħu, tal-għan tiegħu u tal-kuntest ekonomiku u legali li fih jaqa’, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan skont l-Artikolu 101 TFUE ( 67 ). |
b) Fuq il-pagamenti u l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet
|
124. |
Għal serje ta’ argumenti li jmiss, Servier isostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kklassifikat il-ftehimiet ikkontestati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan filwaqt li dawn il-ftehimiet kellhom effetti pożittivi jew tallinqas ambivalenti fuq il-kompetizzjoni. |
|
125. |
Min-naħa l-oħra, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-imsemmija ftehimiet kienu tali restrizzjonijiet minħabba l-għan għaliex kienu jistipulaw pagament jew vantaġġi oħra ta’ inċentiv favur kumpanniji ta’ ġeneriċi inkambju ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-privattivi ta’ Servier u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ dawn il-kumpanniji. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat il-kuntest dwar il-privattivi tal-ftehimiet u ħawdet il-kunċetti ta’ limitazzjoni kummerċjali u ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni. |
|
126. |
Għandu jitfakkar li mis-sentenzi Generics (UK) et ( 68 ) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni ( 69 ) jirriżulta li ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja bħal dawk ikkonċernati f’dan il-każ jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan
|
|
127. |
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-argumenti ta’ Servier dwar il‑pagamenti (1) u l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal‑ftehimiet ikkontestati (2) ma għandhomx jintlaqgħu. |
1) Fuq il-pagamenti
|
128. |
Minn dan isegwi li l-argument ta’ Servier li trasferiment ta’ valur min-naħa tal-produttur tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi fil-qafas ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar il-privattiva ma għandux ikun deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta’ tali ftehim bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan għandu jkun miċħud. |
|
129. |
L-isfond tal-privattivi ta’ tali ftehimiet u l-interess pubbliku għas‑soluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kawżi dwar il-privattiva ma jibdlu xejn mill-fatt li dawn il-ftehimiet huma antikompetittivi jekk it‑trasferimenti ta’ valuri mill-produttur ta’ prodotti mediċinali tal-bidu lil kumpannija ta’ ġeneriċi huma spjegabbli biss bl-interess kummerċjali ta’ dawn l-operaturi li ma jikkompetux. F’dan il-kuntest, ma huwiex mitlub, kif jallega Servier, li l-ammont ta’ dawn it-trasferimenti ta’ valuri jikkorrispondi mal-benefiċċji mistennija tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi ( 70 ). |
|
130. |
Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għalhekk applikat it-test korrett sabiex tistabbilixxi jekk il‑ftehimiet ikkontestati kellhomx għan antikompetittiv. Il-Qorti Ġenerali b’hekk spjegat, essenzjalment, fil-punti 263 sa 273, u b’mod partikolari fil‑punti 265 u 272 tas-sentenza appellata, li kumpannija ta’ ġeneriċi għandha titqies bħala li ġiet inċentivata minħabba pagament sabiex tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jekk il-pagament li hija tirċievi ma huwiex iġġustifikat b’korrispettiv ieħor bħal dak li jikkonsisti fin-nuqqas li tikkompeti mal-proprjetarju tal-privattiva. |
|
131. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punti 277 sa 280 tas-sentenza appellata, li ħlas imsejjaħ “invertit”, mill-produttur tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, jista’ jitqies bħala ġġustifikat jekk ikopri spejjeż relatati mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja tal-kawża, pereżempju l-ispejjeż kuntenzjużi sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi fil-qafas tal-kawża dwar il-privattiva, bil-kundizzjoni li l-ammonti ta’ dawn l-ispejjeż ikunu stabbiliti mill-partijiet u ma jkunux eċċessivi. |
|
132. |
Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punti 798 sa 810, u b’mod partikolari fil-punti 804 u 806 tas-sentenza appellata, il-każ tal‑assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar il‑privattiva, li fih klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, ma’ ftehim kummerċjali li jimplika t‑trasferiment ta’ beni li jirrapreżenta valur ekonomiku tal-kumpannija ta’ ġeneriċi għal produttur tal-bidu. F’dan il-każ, il-ftehim Lupin ħa l-forma ta’ tali assoċjazzjoni ( 71 ). |
|
133. |
Il-Qorti Ġenerali spjegat li, fil-preżenza ta’ tali muntaġġ kuntrattwali, għandu jiġi eżaminat jekk il-ħlas magħmul mill-produttur tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jeċċedix il-valur ekonomiku normali tal-beni skambjat, jiġifieri l-valur li dan il-beni jirrappreżenta fil-qafas ta’ tranżazzjoni magħmula skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Skont il‑Qorti Ġenerali, jista’ jiġi konkluż fil-preżenza ta’ ħlas mhux iġġustifikat lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jekk l-ammont tal-ħlas magħmul mill-produttur tal-bidu favur tagħha jeċċedi l-valur ekonomiku tal-beni skambjat. Tali ħlas jista’ jiġi kklassifikat bħala inċentiv sabiex jiġi aċċettat l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni li jirriżulta mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja assoċjat mal-ftehim kummerċjali jekk il-parti mhux iġġustifikata tal-ħlas hija sinjifikattiva biżżejjed sabiex tikkostitwixxi inċentiv. |
|
134. |
It-tabella ta’ analiżi hekk stabbilita mill-Qorti Ġenerali hija perfettament adattata għall-analiżi tal-ftehimiet bħal dawk ikkonċernati f’dan il-każ. Din it-tabella tikkorrispondi, essenzjalment, ma’ dik ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, sabiex jiġi evalwat jekk it-trasferimenti ta’ valur li jinsabu fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, jistgħux jiġu spjegati biss bl-interess kummerċjali tal-partijiet f’dan il-ftehim sabiex ma jikkompetux, għandhom jiġu kkunsidrati t-trasferimenti ta’ valuri kollha mwettqa mill-partijiet, irrispettivament minn jekk humiex finanzjarji jew le. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, b’dan il-mod, għandu jiġi stabbilit jekk il-bilanċ pożittiv tat-trasferimenti ta’ valuri mill-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jistax ikun iġġustifikat bl-eżistenza ta’ eventwali korrispettivi ta’ din il-kumpannija ( 72 ). |
|
135. |
Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq l-analiżi żbaljata tal‑ħlasijiet mill-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud. |
2) Fuq l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet
|
136. |
F’dak li jirrigwarda l-allegati effetti “pożittivi” jew “ambivalenti” tal-ftehimiet ikkontestati, Servier isostni, fl-ewwel lok, li l-effett dannuż tal-ftehimiet imsejħa “pay for delay” huwa relatat mad-dewmien ta’ dħul fis-suq. F’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda dewmien ta’ dħul fis-suq wara l-invalidazzjoni tal-privattiva 947 mill-UEP. |
|
137. |
Peress li l-proċedura ta’ kontestazzjoni tal-privattiva 947 quddiem l-UEP tkompliet, minkejja l-ftehimiet, minn partijiet li ma kkonkludewx ftehim ma’ Servier li jipprojbixxi din it-tkomplija, l-irtirar tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li kkonkludew tali ftehimiet ma setax ikollu bħala għan li jimpedixxi jew jittardja l-kontestazzjoni tal-privattiva. |
|
138. |
Issa, kif il-Qorti Ġenerali korrettament innotat, b’mod partikolari fil-punt 644 tas-sentenza appellata, dan l-argument huwa bbażat fuq ċirkustanzi ipotetiċi u mhux prevedibbli fid-data tal-konklużjoni tal‑ftehimiet, li ma għandhomx jiġu kkunsidrati fil-qafas tal-analiżi tal‑għan restrittiv ta’ kompetizzjoni. |
|
139. |
Barra minn hekk, kif korrettament tinnota l-Kummissjoni, l‑imsemmi argument ma għandux jintlaqa’ peress li jfixkel id-dannu intrinsiku ta’ ftehim ta’ esklużjoni tas-suq inkambju ta’ pagament mal‑possibbiltà li tali ftehim ma jipproduċix effetti sinjifikattivi reali fuq il-kompetizzjoni f’mument sussegwenti, minħabba ċirkustanzi indipendenti tal-volontà tal-partijiet, pereżempju meta l-privattiva hija annullata wara l-kawża ta’ terz. |
|
140. |
Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et ( 73 ), sabiex jiġi analizzat l-għan antikompetittiv ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża dwar privattiva, għandu jiġi vverifikat jekk, permezz tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, il-partijiet issostitwixxewx kooperazzjoni prattika bejniethom bir-riskji tal-kompetizzjoni. Jekk dan huwa l-każ, is-sitwazzjoni maħluqa mill-ftehimiet ma hijiex ir-riżultat tal-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, iżda r-riżultat ta’ koordinazzjoni li permezz tagħha l-partijiet eliminaw ir-riskji ta’ dan il‑funzjonament. Il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni f’termini ta’ privattivi kinitx neċessarjament ser tkun differenti fin-nuqqas ta’ ftehim minħabba żvilupp ulterjuri tas-sitwazzjoni dwar il-privattivi għalhekk ma hijiex deċiżiva sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tal-ftehim li jillimita l‑kompetizzjoni. |
|
141. |
Sabiex tiġi evalwata din il-kapaċità li tillimita l-kompetizzjoni, fil‑fatt ma huwiex deċiżiv li jkun magħruf jekk il-produtturi ta’ ġeneriċi kinux ikunu jistgħu jidħlu jew ma kinux ikunu jistgħu jidħlu fis-suq fin‑nuqqas tal-ftehim minħabba l-iżvilupp tas-sitwazzjoni dwar il‑privattivi (minnu nnifsu mhux magħruf fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehim). Għall-kuntrarju, huwa deċiżiv li jkun magħruf jekk in-nuqqas ta’ dħul ta’ ġeneriċi fis-suq jirriżultax mill-funzjonament tajjeb tal‑kompetizzjoni jew ta’ kooperazzjoni antikompetittiva ( 74 ). |
|
142. |
Fit-tieni lok, Servier isostni li, b’mod partikolari, il-ftehimiet Teva u Lupin kellhom effetti favur il-kompetizzjoni minħabba uħud mill‑klawżoli tagħhom. Kif għamlet il-Qorti Ġenerali, dawn l‑allegazzjonijiet għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-klawżoli speċifiċi tal-ftehimiet ikkonċernati. |
c) Fuq l-eżami tal-għan restrittiv ta’ kompetizzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni
|
143. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hawnhekk għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li permezz tagħhom Servier irid juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji billi kklassifikat il-ftehimiet konklużi ma’ Niche/Unichem u Matrix (1), Teva (2) u Lupin (3) bħala ksur tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan. |
1) Fuq il-ftehimiet Niche u Matrix
|
144. |
Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji meta ddeċidiet li l-ħlas magħmul minn Servier lil Niche u Matrix kien spjegabbli biss mill-interess tagħhom li ma jikkompetux u li kien il‑kawża vera tal-ftehimiet tagħhom dwar soluzzjoni bonarja. B’mod iktar partikolari, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ddeċidietx li l-pagament tiegħu kien il-korrispettiv tal-ispejjeż ta’ Niche u Matrix, bħal, b’mod partikolari, spejjeż li dawn kienu jirriskjaw li jkollhom iħallsu lid-distributuri terzi. |
|
145. |
Kif ġie indikat fil-punt 34 hawn fuq, fil-qafas tal-ftehim Niche, Servier ħallas GBP 11.8 miljuni lil Niche/Unichem. Fil-qafas tal-ftehim Matrix, huwa ħallas GBP 11.8 miljuni lil Matrix. Barra minn hekk, fil‑qafas tal-ftehim konkluż fl-istess jum bejn Niche u Biogaran, din tal‑aħħar ħallset GBP 2.5 miljuni lil Niche. |
|
146. |
F’dak li jirrigwarda, qabel xejn, il-ftehim konkluż minn Servier ma’ Niche, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 527 et seq. tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk il-ħlas li sar minn Servier lil Niche kienx iġġustifikat minn xi ħaġa oħra apparti l-inċentiv ta’ Niche li tissuġġetta lilha nnifisha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil‑ftehim. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali analizzat il-punt dwar jekk l-ammont imħallas minn Servier lil Niche setax jiġi spjegat permezz ta’ spejjeż relatati mas-soluzzjoni bonarja. |
|
147. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 536 u 537 tas-sentenza appellata, li l-ispejjeż invokati minħabba f’hekk minn Niche u Servier kienu qabel xejn l-ispejjeż ta’ żvilupp tal-perindropil ta’ Niche u danni dovuti lill-klijenti tagħha. Il-Qorti Ġenerali qieset li dawn l‑ispejjeż ma kinux relatati mas-soluzzjoni bonarja tal-kawża dwar il‑privattiva. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 538 tas-sentenza appellata, li l-ispejjeż tal-pariri legali invokati minn Niche u Servier ma setgħux ikunu relatati mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, peress li kienu relatati ma’ perijodu preċedenti għall-kawżi bejn Niche u Servier. |
|
148. |
Fil-punt 539 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat, għall-finijiet ta’ kompletezza, li anki jekk l-ammonti allegati ta’ GBP 1.1 miljuni bħala spejjeż ta’ pariri legali u l-ispejjeż ta’ żvilupp tal-prodott u ta’ danni lill-klijenti, stmati rispettivament GBP 1.2 u GBP 1.3 miljuni mill-Kummissjoni fil-premessa 1336 tad-deċiżjoni appellata, kellhom jiġu kkunsidrati bħala iġġustifikati, l-ammont totali tagħhom ta’ GBP 3.6 miljuni xorta jibqa’ inqas b’mod nett għall-ammont ta’ GBP 11.8 miljuni mħallsa minn Servier lil Niche. |
|
149. |
F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-ftehim konkluż bejn Niche u Biogaran, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 542 sa 544 tas‑sentenza appellata, li l-ħlas magħmul minn Biogaran lil Niche kien inċentiv addizzjonali għaliha sabiex taċċetta l-klawżoli restrittivi tal‑ftehim Niche. |
|
150. |
F’dak li jirrigwarda, finalment, il-ftehim Matrix, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 546 tas-sentenza appellata, li l-partijiet ma pproduċew l-ebda prova li setgħet tiġġustifika l-ammont ta’ GBP 11.8 miljuni mħallas minn Servier lil Matrix. |
|
151. |
Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li fil-qafas ta’ dan l-appell, Servier ma jsostni l-ebda prova li tista’ turi li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt preċedenti relatata mal-ftehim Matrix kienet żbaljata. Servier jillimita ruħu sabiex jinvoka b’mod ġenerali u vag riskju ta’ dannu ta’ Matrix. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tiegħu dwar il‑klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-ħlas magħmul minn Servier lil Matrix bħala inċentiv ta’ din tal-aħħar sabiex taċċetta l-obbligu li ma tikkompetix għandu jiġi miċħud. |
|
152. |
Sussegwentement, bl-istess mod, Servier ma jinvoka l-ebda prova li tista’ tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, imsemmija fil‑punt 149 hawn fuq, li l-pagament ta’ Biogaran lil Niche kien jikkonsisti f’inċentiv addizzjonali għaliha sabiex taċċetta l-obbligu li ma tikkompetix. |
|
153. |
Fir-rigward, finalment, tal-pagament ta’ GBP11.8 miljuni minn Servier lil Niche, l-ebda prova prodotta minn Servier fil-qafas ta’ dan l‑appell ma hija tali li turi li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li dan il‑pagament kien iġġustifikat biss bl-obbligu ta’ Niche li ma tikkompetix kienet ivvizzjata bi żbalji. |
|
154. |
B’hekk l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-perindropil ta’ Niche u d-danni dovuti lil terzi ma setgħux jiġġustifikaw il-pagament ta’ Servier huwa ineffettiv. Kif ġie indikat fil-punt 148 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li anki jekk dawn l-ispejjeż (kif ukoll l-allegati spejjeż ta’ pariri legali) kellhom jitnaqqsu mill-ammont ta’ GBP 11.8 miljuni mħallsa minn Servier, xorta jibqa’ ammont ta’ GBP 8.2 miljuni li ma huwa spjegabbli bl-ebda mod ħlief bl-obbligu meħud minn Niche li ma tikkompetix. |
|
155. |
F’dan il-kuntest, l-argument ta’ Servier li l-punt 537 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni u bi żnaturament tal‑fatti inkwantu jiċħad l-ammonti għoljin ta’ stimi ta’ danni potenzjali allegati minn Servier għandu jiġi miċħud. Il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod suffiċjenti li ma kinitx aċċettat dawn l-ammonti, għaliex dawn kienu sempliċament pretensjonijiet. Bl-istess mod, ma ntweriex kif il‑Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-ittra li għaliha jirreferi Servier, li fiha impriża talbet dannu ħafna ogħla mill-ammont użat mill‑Kummissjoni, minkejja li Servier stess irrikonnoxxa li din kienet biss talba. |
|
156. |
Għal finijiet ta’ kompletezza, ninnota li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 280, 531 u 537 tas-sentenza appellata, li l‑ispejjeż ta’ żvilupp tal-prodott ta’ Niche u ta’ eventwali danni dovuti lil terzi ma jistgħux jitqiesu bħala relatati mas-soluzzjoni bonarja, b’tali mod li l-rimbors tagħhom minn Servier lil Niche ma jistax ikun iġġustifikat, ma tidher li hija vvizzjata bl-ebda żball. |
|
157. |
Fil-fatt, kif jirrikonoxxi Servier stess, il-ħlas ta’ danni lil terzi minħabba nuqqas ta’ provvista tal-prodott ta’ Niche seta’ jkun dovut anki fin-nuqqas ta’ soluzzjoni bonarja ma’ Servier. Issa, ma kienx jidher plawżibbli li Servier kien qabel li jħallas dawn l-ispejjeż lil Niche jekk din kienet iddeċidiet, b’mod awtonomu u mingħajr ma kienet inċentivata tagħmel dan minn Servier, li ma tikkummerċjalizzax dan il-prodott għaliex kienet konvinta mill-qawwa tal-privattivi ta’ Servier. |
|
158. |
Ċertament, kif jindika Servier, kumpannija ta’ ġeneriċi li tiddeċiedi, fi tmiem evalwazzjoni awtonoma tar-riskju dwar il-privattivi li hija ffaċjata bih, li ttemm b’mod bonarju kawża pendenti dwar il‑privattivi, tista’ tixtieq tipproteġi lilha nnifisha kontra l-konsegwenzi finanzjarji ta’ tali soluzzjoni bonarja. Madankollu, f’sitwazzjoni bħal din, ma hemm l-ebda raġuni ekonomika raġonevoli li twassal lill-produttur tal-bidu li jaqbel li jħallas bħala dannu lill-imsemmija kumpannija bħal dawn il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-għażliet tagħha stess, jekk mhux sabiex jagħtiha inċentiv tikkonkludi l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja li ma għandu l-ebda korrispettiv ieħor ħlief l-obbligu li ma tikkompetix. |
|
159. |
Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn ir-raġuni tal-ħolqien tal‑obbligu ta’ Niche li tħallas danni lil terzi u r-raġuni tar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż ta’ Niche minn Servier. Huwa ċertament veru li l-obbligu ta’ Niche li tħallas id-danni lil terzi minħabba nuqqas ta’ provvista seta’ jinħoloq jekk Niche iddeċidiet b’mod awtonomu li ma tfornix, u għalhekk ikollha ġustifikazzjoni oħra minbarra l-volontà ta’ Niche u Servier li ma jikkompetux. Madankollu, il-fatt li huwa Servier li jirrimborsa dawn l‑ispejjeż lil Niche ma għandu l-ebda “ġustifikazzjoni” oħra ħlief l‑obbligu li ma tikkompetix, peress li dawn l-ispejjeż ma humiex relatati mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja u ma jikkorrispondu mal-ebda korrispettiv ieħor offrut minn Niche lil Servier. L-istess raġunament japplika għall-ispejjeż ta’ żvilupp tal-prodott ta’ Niche. |
|
160. |
Għalhekk, dawn l-ispejjeż ta’ żvilupp tal-prodott u ta’ danni ta’ terzi f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista ma humiex a priori parti mill-ispejjeż li r-rimbors tagħhom mill-produttur tal-bidu jista’ jitqies bħala ġġustifikat fil-qafas tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja bħal dak inkwistjoni ( 75 ). |
|
161. |
Sabiex nikkonkludi, l-argument ta’ Servier li l-Qorti Ġenerali kellha tevalwa jekk l-ammont imħallas kienx jikkorrispondi għal iktar minn 10 snin ta’ bejgħ u iktar minn 20 sena ta’ marġni ta’ profitt gross għandu jiġi miċħud għar-raġuni diġà indikata fil-punt 129 hawn fuq. Bl‑istess mod, l-argument li Niche aċċettat il-ħlas minħabba diffikultajiet li hija kellha ma għandux jintlaqa’. Dan ma huwiex il-każ għaliex il‑konklużjoni ta’ ftehim hija soluzzjoni razzjonali u profitabbli f’termini ekonomiċi u kummerċjali għall-partijiet li tali ftehim jevita li jaqa’ taħt l‑Artikolu 101 TFUE ( 76 ). |
|
162. |
Minn dan isegwi li l-argument ta’ Servier dwar il-ftehimiet Niche u Matrix għandu jiġi miċħud. |
2) Fuq il-ftehim Teva
|
163. |
Kif indikat fil-punti 36 sa 38 hawn fuq, skont il-ftehim Teva, Teva ma kellhiex tikkontesta l-privattivi ta’ Servier quddiem il-qrati tar-Renju Unit u ma tbiegħx il-perindropil tagħha f’dan il-pajjiż, inkambju għal pagament ta’ GBP 5 miljuni minn Servier. F’data sussegwenti, Servier seta’ jagħżel li jipprovdi l-perindropil ġeneriku lil Teva sabiex hija tqassmu, jew li jħallasha, f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista, kumpens b’rata fissa. Teva ma kellhiex il-possibbiltà li xxolji l-ftehim f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista. Konsegwentement, Servier uża din il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ provvista u ħallas lil Teva matul ċertu perijodu kumpens b’rata fissa fix-xahar ta’ GBP 500000 li l-ammont finali tiegħu tela’ għal GBP 5.5 miljuni. B’kollox, Servier għalhekk ħallas GBP 10.5 miljuni lil Teva fil‑qafas tal-ftehim Teva. |
|
164. |
Fil-punti 646 sa 698 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argumenti ta’ Servier li jikkontestaw n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni tal-ftehim Teva ma għandhomx jintlaqgħu. |
|
165. |
Issa, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l‑għanijiet u l-effetti ambivalenti ta’ dan il-ftehim (i) u kkonstatat b’mod żbaljat li l-pagamenti magħmula minn Servier lil Teva kienu pagamenti invertiti (ii). |
i) Fuq l-għanijiet u l-allegati effetti “ambivalenti” tal-ftehim Teva
|
166. |
Servier isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-għan essenzjali tal-ftehim Teva, li kien il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ provvista li tippermetti lil Teva tidħol fis-suq mal-ewwel sensiela ta’ ġeneriċi u prodott kummerċjalment iktar attraenti, u għal Servier li jibbenefika minn distributur tal-ewwel livell fir-Renju Unit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il‑klawżoli tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma setgħux jitqiesu bħala li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni. |
|
167. |
Kif korrettament tikkritikah il-Kummissjoni, bl-argument tiegħu Servier jipprova “jissepara” il-klawżoli differenti tal-ftehim Teva sabiex jiġu jidhru, b’mod separat, bħala newtrali mill-perspettiva tal‑kompetizzjoni. Għal dan il-għan, Servier ma jipproduċi l-ebda prova li tista’ tikkontesta l-konstatazzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li, meħuda flimkien, dan il-ftehim kellu tabilħaqq bħala għan li jikseb obbligu ta’ Teva li ma tikkompetix kontra Servier inkambju għal pagament, filwaqt li l-possibbiltà ta’ provvista ta’ perindropil minn Servier lil Teva ma kinitx biss ipotetika iżda lanqas kienet tali li toħloq effetti favur il-kompetizzjoni. |
|
168. |
Għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti minn Servier fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ appell, sa fejn jistgħu jinftehmu bħala li jikkritikaw il-klassifikazzjoni legali tal-fatti mill-Qorti Ġenerali u mhux biss sabiex tinkiseb evalwazzjoni ġdida ta’ dawn il-fatti, ma jippermettux li jintwera li dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma żbaljati. |
– Fuq l-allegati effetti “ambivalenti” jew “favur il-kompetizzjoni”
|
169. |
Fil-punti 667 sa 671 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-effetti potenzjali allegati tal-ftehim Teva ma għandhomx ikunu kklassifikati bħala li ma jillimitawx il-kompetizzjoni, jiġifieri li huma favur il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, Servier sostna li d‑deċiżjoni futura tal-UEP dwar il-validità tal-privattiva 947 minħabba n-natura tagħha ma kinitx magħrufa mill-partijiet. Il-ftehim Teva kellu effetti favur il-kompetizzjoni billi ppermetta dħul fis-suq ta’ Teva irrispettivament minn x’kien is-sens ta’ din id-deċiżjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li, irrispettivament mis-sens tad-deċiżjoni sussegwenti tal-UEP, imprevedibbli fid-data tal-ftehim, l-ebda waħda mill-għażliet previsti mill-ftehim Teva ma setgħet twassal għal sitwazzjoni li setgħet tiġi kklassifikata bħala “favur il-kompetizzjoni”. Fil-fatt, dan il-ftehim kien dejjem jipprekludi lil Teva milli tidħol fis-suq bil-prodott tagħha jew bil-prodott ta’ terz, u dħul ta’ Teva bi prodott ipprovdut minn Servier ma ħoloqx sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Teva u Servier. |
|
170. |
Kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, din l-evalwazzjoni tal‑Qorti Ġenerali ma hijiex ivvizzjata bi żbalji. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li dħul ikkontrollat ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq bi kwantità limitata ta’ prodotti, li tirriżulta minn kooperazzjoni mal-produttur tal-bidu organizzata fil-qafas ta’ ftehim li jipprekludi d-dħul indipendenti ta’ din il-kumpannija fis-suq, ma għandux jitqies li huwa favur il-kompetizzjoni ( 77 ). Kuntrarjament għal dak li jallega Servier, jekk, f’tali sitwazzjoni, il-kwantitajiet ta’ prodotti li għandhom jiġu pprovduti mill-produttur tal-bidu lill‑kumpannija ta’ ġeneriċi huma limitati (kif kien il-każ f’dan il-każ ( 78 )), din il-kumpannija ma għandha l-ebda interess li tikkompeti bil‑prezzijiet ( 79 ). |
|
171. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-partijiet f’dan il-ftehim, bħal dak f’dan il-każ, ma għandhomx jinvokaw żviluppi eventwali futuri f’termini tad-dritt tal-privattivi, li ma kinux magħrufa fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, li minnu jiddependi d-dannu tiegħu f’termini tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 80 ). Kif indikat fil-punti 139 sa 141 hawn fuq, għandu jiġi vverifikat jekk, bil‑konklużjoni ta’ dan il-ftehim, il-partijiet issostitwixxewx kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskji għall-kompetizzjoni, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni f’termini ta’ privattivi neċessarjament kinitx tkun differenti fin-nuqqas tal-ftehim ma hijiex deċiżiva ( 81 ). |
– Fuq l-allegat nuqqas ta’ dannu tal-klawżoli tal-ftehim Teva
|
172. |
F’dak li jirrigwarda l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li d‑dannu tagħha huwa kkontestat minn Servier, il-Qorti Ġenerali nnotat, fil‑punti 646 sa 653 tas-sentenza appellata, li l-fatt li din il-klawżola ma tipprekludix it-tkomplija minn Teva tal-proċedura quddiem l-UEP ma jneħħiex in-natura restrittiva tiegħu. Din il-konstatazzjoni hija korretta permess li l-imsemmija klawżola pprekludiet lil Teva milli ssostni quddiem il-qrati tar-Renju Unit li l-prodott tagħha ma kienx jikser il‑privattiva u pprekludietha milli tinvoka quddiem dawn il-qrati, b’mod inċidentali, in-nuqqas ta’ validità tal-privattivi ta’ Servier. Barra minn hekk, għar-raġuni indikata fil-punt preċedenti, eventwali żviluppi futuri f’termini ta’ privattivi, bħal, f’dan il-każ, dawk li setgħu jirriżultaw mit‑tkomplija tal-proċedura quddiem l-UEP, ma humiex determinanti għall-analiżi ta’ ftehim li għandu bħala għan li jillimita l-kompetizzjoni. |
|
173. |
F’dak li jirrigwarda l-klawżoli ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, li d-dannu tagħhom huwa wkoll ikkontestat minn Servier, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata mingħajr ma tikkommetti żbalji, fil-punti 654 sa 666 tas-sentenza appellata, li dawn il-klawżoli kienu ġew korrettament analizzati mill-Kummissjoni bħala obbligu wieħed u l-istess ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. Skont l-imsemmija klawżoli, Servier seta’ jagħżel b’diskrezzjoni sħiħa jew li jipprovdi l‑perindropil lil Teva, jew li jħallasha kumpens b’rata fissa f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista. Minħabba l-obbligu ta’ xiri esklużiv, Teva ma setgħetx tikseb provvista mingħand fornituri oħra anki f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista minn Servier. |
|
174. |
Kif tindika korrettament il-Kummissjoni, il-konsegwenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet li Servier kellu “iċ-ċavetta sabiex tiftaħ il-bieb għad-dħul fis-suq ta’ Teva”. Issa, kien evidenti li Servier ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel dan u li kien se jipprovdi l-prodott tiegħu għal distribuzzjoni lil Teva biss jekk terz jirnexxielu jiftaħ dan il-bieb billi jidħol fis-suq. F’dan il-każ, Servier ried jiżgura l-ishma tas-suq tiegħu permezz tad-distribuzzjoni tal-prodott ġeneriku tiegħu mill-kumpannija ta’ ġeneriċi “ħabiba” Teva ( 82 ). |
|
175. |
Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Servier, il-Qorti Ġenerali ma kkommettitx żball meta ddeċidiet, fil-punt 666 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-ftehim Teva kien limitat għall-perindropil erbumina ma kienx ineħħi n-natura antikompetittiva ta’ dan il-ftehim. Il-Qorti Ġenerali korrettament qieset li, anki meta Teva setgħet tidħol fis-suq bil‑perindropil kompost minn melħ ieħor mhux l-erbumina matul il‑perijodu kopert mill-ftehim, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-ftehim kien jipprekludiha milli tikkompeti ma’ Servier bil-perindropil erbumina u kien jillimita l-kompetizzjoni f’dan ir-rigward. Issa, il-prodott li Teva ppjanat tikkummerċjalizza fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim kien preċiżament il-perindropil erbumina, peress li hija żviluppat melħ ieħor iktar tard. |
ii) Fuq il-ħlasijiet
|
176. |
F’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet magħmula fil-qafas tal-ftehim Teva, Servier isostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball waqt il-klassifikazzjoni tal-kumpens b’rata fissa li huwa ħallas lil Teva. |
|
177. |
Fil-punti 684 sa 686 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kumpens b’rata fissa imħallas minn Servier lil Teva minħabba nuqqas ta’ provvista, li l-ammont finali tiegħu tela’ għal GBPR 5.5 miljuni, kien jirrappreżenta ħlas maqbul lil Teva inkambju tal‑obbligu tagħha li ma tikkompetix lil Servier. Dan il-ħlas kien il‑korrispettiv tan-nuqqas ta’ dħul fis-suq ta’ Teva kif previst mill‑klawżoli ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ xoljiment. |
|
178. |
Servier ma jipproduċi l-ebda prova li tista’ tinvalida dawn il‑kunsiderazzjonijiet, peress li ma jsostni l-ebda korrispettiv ieħor li huwa rċieva mingħand Teva inkambju ta’ dan il-pagament. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis li dan kien spjegabbli biss bl-interess kummerċjali tal-partijiet fil-ftehim li ma jikkompetux fuq il-merti. Il-fatt li dan il-ħlas ħa l-forma ta’ kumpens minħabba nuqqas ta’ provvista pagabbli biss f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista huwa f’dan ir-rigward indifferenti. |
|
179. |
Min-naħa l-oħra, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat bħala ħlas invertit il-pagament inizjali ta’ GBP 5 miljuni imħallas minn Servier lil Teva. L-għan ta’ dan il-ħlas kien sabiex jikkontribwixxi għall-ispejjeż relatati max-xoljiment minn Teva tal‑ftehimiet tagħha ma’ produttur tal-IFA u fornitur ta’ formulazzjonijiet lesti, għall-ispejjeż tal-qerda ta’ ħażniet eżistenti tal-prodott ta’ Teva u ta’ spejjeż ġudizzjarji. Barra minn hekk, għal Servier, l-ammont kien iġġustifikat bil-fatt li tiġi evitata kawża u li jiġi żgurat il-ftehim ta’ provvista ma’ Teva. |
|
180. |
Dan l-argument huwa ineffettiv. |
|
181. |
Fil-fatt, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit jekk ħlas mill‑produttur tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, li jikkorrispondi mal‑ispejjeż tal-qerda tal-prodott tagħha u l-kumpens ta’ terzi minnha, jistax jitqies li huwa ġġustifikat fil-qafas ta’ ftehim bħal dak inkwistjoni. Għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 156 sa 160 hawn fuq, dan huwa diġà dubjuż fih innifsu. Kif il-Kummissjoni indikat korrettament fil-premessa 1599 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil‑punti 680 u 689 tas-sentenza appellata, dawn l-ispejjeż ma kienu jikkorrispondu mal-ebda valur tas-suq li Servier kien irċieva mingħand Teva. |
|
182. |
Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali nnotat, fil-punti 687 sa 698 tas-sentenza appellata, li Teva fi kwalunkwe każ ma kienet ikkomunikat l-ebda ċifra relatata mal-ispejjeż li allegatament kienu kkumpensaw għall-ammont inizjali ta’ GBP 5 miljuni mħallsa minn Servier lil Teva. B’hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li anki jekk kien meħtieġ tiġi kkunsidrata evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-ispejjeż li, skont Teva, setgħu jaqgħu taħt spejjeż li għandhom jiġu kkumpensati minn Servier bis-saħħa tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, inkluż il-valur tal‑istokk li kellu jinqered, dawn kienu jirrappreżentaw talinqas 40 % tal‑ammont inizjali. |
|
183. |
Servier ma pproduċa, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, xi prova li tista’ tikkontesta dawn il‑konstatazzjonijiet jew tiġġustifika iktar l-ammont inizjali mħallas lil Teva. |
|
184. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti li permezz tagħhom Servier jikkritika l-klassifikazzjoni tal-ftehim Teva bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandhom jiġu miċħuda. |
3) Fuq il-ftehim Lupin
|
185. |
Skont Servier, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żbalji meta kklassifikat il-ftehim Lupin bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-pagament magħmul minn Servier lil Lupin għandu jiġi spjegat biss bil-volontà tal-partijiet li ma jikkompetux (i). Min-naħa l-oħra, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-klawżoli tal-ftehim Lupin kienu dannużi u interpretat b’mod żbaljat il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmi ftehim (ii). |
i) Fuq il-ħlas
|
186. |
Mill-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Servier u Lupin kkonkludew żewġ ftehimiet fl-istess jum, taħt il-forma ta’ ftehim wieħed. L-ewwel wieħed kien ftehim dwar soluzzjoni bonarja li kien jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ perindropil ġeneriku u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ privattivi ta’ Servier minn Lupin; it-tieni kien ftehim ta’ trasferiment ta’ teknoloġija li bih Servier xtara mingħand Lupin tliet applikazzjonijiet għal privattivi ppreżentati minn din tal-aħħar. Fil-qafas ta’ dan l-aħħar ftehim, Servier ħallas lil Lupin EUR 40 miljun ( 83 ). |
|
187. |
Fil-punti 805 sa 828 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi ddettaljata u speċifika tal-valur ekonomiku potenzjali ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal privattivi fid-dawl tal-argumenti kollha tal-partijiet f’dan ir-rigward. Fi tmiem din l-analiżi, hija kkonkludiet li ma kienx possibbli jiġi identifikat xi valur ekonomiku tal-imsemmija applikazzjonijiet. |
|
188. |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari li Lupin ma kienx ittrasferixxa privattivi iżda sempliċi applikazzjonijiet għal privattivi u ma kien ta l-ebda garanzija li kienet ser tingħata privattiva, li kienet valida jew li l-prodotti jew l-proċessi mitluba ma jiksrux il‑privattiva (punti 805 u 818); li l-ammont imħallas kien ogħla mill‑investimenti magħmula minn kumpannija ta’ ġeneriċi oħra komparabbli għall-finijiet tal-iżvilupp tal-perindropil proprju tagħha (punt 817); li Servier ma kien ipproduċa l-ebda prova preċiża li tippermetti li jiġi stabbilit li l-akkwist tal-applikazzjonijiet ta’ privattivi ta’ Lupin għal ammont ta’ EUR 40 miljuni seta’ raġonevolment jitqies bħala investiment profitabbli jew, talinqas, ta’ natura li jista’ jagħtih dħul li jista’ jikkumpensa l-ispiża għolja tagħhom (punt 820); li r-riferiment minn Servier għal tranżazzjonijiet oħra li huma komparabbli mal-ftehim ta’ trasferiment iffirmat ma’ Lupin ma kienx rilevanti, b’mod partikolari, peress li Servier stess kien parti f’dawn it-tranżazzjonijiet li uħud minnhom fuq kollox kienu kklassifikati mill-Kummissjoni bħala ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (punt 821), u li l-parir ta’ konsulent dwar il-proprjetà intellettwali prodott minn Servier kien f’termini ġenerali wisq u kellu biss valur probatorju limitat (punt 822). |
|
189. |
Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, essenzjalment, fil‑punt 827 tas-sentenza appellata, li l-uniku korrispettiv li seta’ jispjega t-trasferiment ta’ valur ta’ EUR 40 miljun li sar minn Servier lil Lupin bis-saħħa tal-ftehim ta’ trasferiment kien l-obbligu ta’ Lupin li ma tikkompetix skont il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż fl-istess jum. |
|
190. |
Fil-qafas ta’ dan l-appell, Servier ma jipproduċi l-ebda prova li tista’ turi li din il-konklużjoni kienet ivvizzjata bi żbalji. |
|
191. |
Minn naħa, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikklassifika l-ħlas ta’ EUR 40 miljun bħala ħlas invertit, għaliex Servier wera l-interess tiegħu għall-applikazzjonijiet ta’ privattivi u ta eżempji ta’ tranżazzjonijiet konklużi f’termini simili u l-parir ta’ espert. |
|
192. |
Permezz ta’ dawn l-argumenti, Servier jillimita ruħu sabiex jirrepeti l-argumenti tiegħu diġà mressqa fl-ewwel istanza mingħajr ma sostna f’hiex kienu jikkonsistu l-allegati żbalji kommessi mill-Qorti Ġenerali, li ma huwiex ammissibbli f’appell. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, fil‑punti 821 sa 823 tas-sentenza appellata, li dawn il-provi prodotti minn Servier ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit b’mod oġġettiv xi valur ekonomiku għall-applikazzjonijiet ta’ privattivi mixtrija mill-ġdid minn Servier mingħand Lupin għal ammont ta’ EUR 40 miljun. |
|
193. |
Min-naħa l-oħra, il-kritika minn Servier tad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punt 816 tas-sentenza appellata, li dan l-ammont kien jeċċedi l-profitti li Lupin setgħet tistenna mid-dħul indipendenti tagħha fis-suq matul l-ewwel sentejn jew tlieta ta’ kummerċjalizzazzjoni, huwa ineffettiv. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq din il‑konstatazzjoni sabiex turi n-nuqqas ta’ prova ekonomika tal‑applikazzjonijiet ta’ privattivi ttrasferiti, iżda fuq il-provi kollha indikati fil-punt 188 hawn fuq. Il-paragun mal-profitti mistennija ta’ Lupin kien biss punt addizzjonali li jsostni kemm kien għoli l-ħlas magħmul minn Servier favur tagħha. |
|
194. |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod korrett, b’mod partikolari fil-punt 827 tas-sentenza appellata, li l-ħlas magħmul minn Servier lil Lupin kien inċentiv sabiex ma tikkompetix peress li mill‑provi eżaminati kien jirriżulta li dan il-ħlas ma setax jiġi spjegat mill-valur ekonomiku tal-applikazzjonijiet għal privattivi ttrasferiti minn Lupin lil Servier. |
|
195. |
Il-fatt li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-kuntest, użat il-kunċetti ta’ tranżazzjoni konkluża (jew le) skont kundizzjonijiet normali tas-suq u ta’ ħlas li jinċentiva, minflok it-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Generics (UK) et (“bilanċ nett” ta’ trasferimenti ta’ valuri rispettivi), ma jibdel xejn mill-fatt li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali wettqet l-istess test bħal dak użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza. Dan it-test kien jikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk it-trasferiment ta’ valur ta’ Servier lil Lupin kienx spjegabbli minn xi ħaġa oħra minbarra l-interess ta’ dawn il-partijiet li ma jikkompetux ( 84 ). Għalhekk, jekk tipprova tfittex differenzi, fir-rigward tal-mertu tal-imsemmi test, bejn is‑sentenza Generics (UK) et u s-sentenza appellata, abbażi ta’ dawn id‑differenzi żgħar ta’ terminoloġija, ikun formaliżmu eċċessiv u logħob bil-kliem. |
|
196. |
F’dan il-każ, mill-punt 806 tas-sentenza appellata jirriżulta li l‑kunċett ta’ “tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas‑suq” ippermetta lill-Qorti Ġenerali tistabbilixxi, permezz tal-eżami tal-provi mqassra fil-punt 188 hawn fuq, jekk it-trasferiment ta’ valur magħmul minn Servier lil Lupin kienx jikkorrispondi ma’ xi valur ekonomiku tal-applikazzjonijiet għal privattivi ttrasferiti. Dan ma jfissirx li l-Kummissjoni ser tkun dejjem obbligata li titlob dan il-kunċett meta hija tistabbilixxi jekk trasferiment ta’ valur għandux korrispettiv ieħor minbarra l-obbligu li ma tikkompetix. |
|
197. |
Huwa veru li, kif diġà ġie indikat fil-punt 134 hawn fuq, fis‑sentenzi tagħha Generics (UK) et u Lundbeck vs Il-Kummissjoni, il‑Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex tevalwa t-trasferimenti ta’ valuri magħmula skont ftehim dwar soluzzjoni bonarja, għandhom jiġu kkunsidrati t-trasferiment ta’ valuri kollha magħmula bejn il-partijiet, kemm jekk kienu monetarji kif ukoll jekk le. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, b’dan il-mod, għandu jiġi stabbilit jekk il-bilanċ ta’ trasferimenti ta’ valuri tal-produttur ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ prodotti mediċinali lill‑kumpannija ta’ ġeneriċi jistax ikun iġġustifikat bl-eżistenza ta’ eventwali korrispettivi min-naħa ta’ din il-kumpannija ( 85 ). |
|
198. |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiġi kkritikata, f’dan il-każ, li ma kkalkolatx il-bilanċ pożittiv nett tat-trasferiment magħmul minn Servier lil Lupin, wara tnaqqis tal-valur ikkalkolat tal‑applikazzjonijiet għal privattivi li ġew ittrasferiti minn Lupin lil Servier bħala korrispettiv ta’ dan it-trasferiment. |
|
199. |
Fil-fatt, mill-provi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali mqassra fil-punt 188 hawn fuq, li ma ġewx ikkontestati minn Servier, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li Servier ma kienx wera xi valur ekonomiku tal-applikazzjonijiet għal privattivi mixtrija mingħand Lupin, li seta’ jitnaqqas mill-EUR 40 miljun ittrasferiti minn Servier lil Lupin b’dan il-mod. |
|
200. |
Madankollu, anki jekk kellek titlaq mill-prinċipju li tali applikazzjonijiet għal privattivi neċessarjament għandhom valur ekonomiku li għandu jiġi dedott mis-somma mħallsa minn Servier lil Lupin, dan ikun biss il-valur li jikkorrispondi mal-investimenti magħmula minn Lupin sabiex tiżviluppa t-teknoloġija koperta minnhom, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 817 tas-sentenza appellata, li l-ammont ta’ EUR 40 miljun ittrasferiti lil Lupin kien ogħla mill-investimenti magħmula minn kumpannija ta’ ġeneriċi oħra komparabbli sabiex tiżviluppa l-perindropil proprju tagħha. |
|
201. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiċċita l-premessa 1962 tad‑deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-ispiża tal-iżvilupp tal‑perindropil ta’ Krka, li titla’ xi EUR 1 sa 4 miljuni. Għalhekk, anki jekk dan l-ammont għandu jitnaqqas mill-ammont ittrasferit minn Servier lil Lupin, kif essenzjalment, jirreferi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 817 tas-sentenza appellata, il-bilanċ nett ta’ dan it-trasferiment jitla’ xorta talinqas għal EUR 36 miljuni li ma għandhom l-ebda spjegazzjoni oħra ħlief ix-xiri mill-ġdid minn Servier tat-theddida kompetittiva li kienet tirrapreżenta Lupin. |
|
202. |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tkun invalidata mill-fatt li l‑punti 59 sa 61 tas-sentenza appellata jirreferu għal ftehimiet ta’ akkwist ta’ teknoloġiji li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ix-xiri ta’ applikazzjoni għal privattiva u tal-għarfien korrispondenti minn Servier għal ammont ta’ madwar EUR 13-il miljun. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar il-valur tal-applikazzjonijiet għal privattivi kkonċernati mill-ftehim Lupin, ma għandux jitqies li huma kellhom neċessarjament ukoll valur ta’ dan id-daqs. Bl-istess mod, l‑ammont ta’ USD 50 miljun imsemmi fil-punt 61 tas-sentenza appellata jirrigwarda biss protokoll ta’ ftehim ta’ akkwist ta’ teknoloġija li qatt ma ġie konkluż, b’tali mod li ma għandux iservi b’mod ġenerali bħala indikazzjoni sabiex jiġi evalwat il-valur tal-applikazzjonijiet għal privattivi. Fid-dawl tal-elementi mqassra fil-punt 188 hawn fuq, u tal‑prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova ( 86 ), il-Qorti Ġenerali setgħet għalhekk tqis, mingħajr ma twettaq żball f’dan ir-rigward, li ma kienx stabbilit li l-bilanċ nett tal-ammont ttrasferit minn Servier lil Lupin, anki jekk jitnaqqas il-valur ikkalkolat tal-ispiża tal-iżvilupp tat‑teknoloġija koperta mill-privattivi ta’ Lupin, kien iġġustifikat minn korrispettivi oħra min-naħa ta’ Lupin apparti mill-obbligu tagħha li ma tikkompetix. |
|
203. |
Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-natura żbaljata tal‑evalwazzjoni tal-ħlas fil-qafas tal-ftehim Lupin għandu jiġi miċħud. |
ii) Fuq il-klawżoli tal-ftehim Lupin
|
204. |
Fl-ewwel lok, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikklassifika bħala antikompetittiva l-klawżola tal-ftehim Lupin li tistipula n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-privattivi ta’ Servier minn Lupin, peress li din il-klawżola ma kinitx tipprekludi t-tkomplija tal‑kontestazzjoni tal-privattiva 947 quddiem l-UEP minn partijiet oħra. Dan l-argument għandu jiġi miċħud, mutatis mutandis, għall-istess raġunijiet bħal dawk diġà esposti fil-punti 171 u 172 hawn fuq. |
|
205. |
Fit-tieni lok, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali lanqas ma setgħet tqis li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ Lupin kienet antikompetittiva, peress li kienet tawtorizza, kif irrikonoxxiet ukoll il-Qorti Ġenerali stess, taħt ċerti kundizzjonijiet dħul antiċipat ta’ Lupin fis-suq. |
|
206. |
Permezz ta’ dan l-argument, Servier jipprova jikkontesta l‑evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni minnha tal-klawżoli tal-ftehim Lupin ( 87 ). Madankollu, anki jekk l-argument inkwistjoni jista’ jinftiehem bħala li jkopri l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, dan ma għandux jintlaqa’. |
|
207. |
Permezz ta’ l-allegazzjonijiet tiegħu, Servier jidher li jrid juri li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma rrikonoxxietx li l-effetti favur il-kompetizzjoni li seħħew mill-klawżoli tal-ftehim Lupin, li hija stess ikkonstatat, kienu jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-imsemmi ftehim bħala li jillimita l-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu. |
|
208. |
Fil-punti 830 sa 857 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fi tmiem ta’ analiżi ddettaljata tal-klawżoli tal-ftehim Lupin, li, anki jekk l-imsemmi ftehim seta’ jiġi interpretat bħala li jippermetti dħul fis-suq ta’ Lupin, bil-prodotti tagħha stess, antiċipat meta mqabbel mat-tul prevedibbli tal-validità tal-privattiva 947, in-natura ipotetika tal‑avvenimenti li setgħu jippermettu tali dħul antiċipat jipprekludu li jiġi konkluż li l-effett restrittiv tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ikun newtralizzat (punti 849 sa 851 u 856). Id‑dħul antiċipat ta’ Lupin (jekk jiġi preżunt li huwa permissibbli bil‑ftehim f’ċerti ċirkustanzi) kien jiddependi, fi kwalunkwe każ, mit‑tqegħid fis-suq minn terz ta’ prodott ġeneriku, jiġifieri minn ċirkustanza li hija estranea għall-partijiet għall-kuntratt kif ukoll inċerta (punt 857). Servier ma jikkontestax l-elementi fattwali li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat dawn il-konstatazzjonijiet, li ma juru l-ebda żnaturament. |
|
209. |
L-ilment ta’ Servier ibbażat fuq allegat żnaturament tal-korrispondenza bejn Servier u Lupin dwar id-dħul ta’ Sandoz fis-suq (punti 852 sa 854 tas-sentenza appellata) għandu jiġi miċħud. Minn qari tal-estratt ta’ din il-korrispondenza li tinsab fil-punt 853 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żnaturat dan id‑dokument meta kkonstatat li kien jiżvela l-inċertezzi ta’ Lupin dwar il-possibbiltà tagħha li tidħol b’mod antiċipat fis-suq Franċiż mingħajr ma tikser il-ftehim. Barra minn hekk, mis-sunt li jinsab fil-punt preċedenti jirriżulta li dan l-ilment huwa ineffettiv. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, anki jekk l-klawżoli tal-ftehim jippermettu dħul antiċipat, iċ-ċirkustanzi li jagħmlu possibbli tali dħul kienu ipotetiċi u indipendenti mill-volontà tal-partijiet. |
|
210. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinitx tali li tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehim Lupin bħala li jillimita l-kompetizzjoni minħabba l-għan. Kif indikat fil-punt 126 hawn fuq, hija biss il-preżenza ta’ effetti favur il-kompetizzjoni li seħħew huma tali li raġonevolment jagħtu lok għal dubju dwar in-natura suffiċjentament dannuża fir-rigward tal-kompetizzjoni ta’ ftehim li tista’ tikkontesta tali klassifikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali fil-punt 857 tas‑sentenza appellata kkonstatat, fid-dawl tal-elementi mqassra fil‑punt 208 hawn fuq, li dħul antiċipat ta’ Lupin fis-suq (jekk jiġi preżunt li huwa permissibbli mill-klawżoli tal-ftehim) kien jirriżulta mhux minn għażla ċara tal-partijiet iżda minn ċirkustanzi ipotetiċi u inċerti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettament li l-partijiet ma setgħux jużawh sabiex jistabbilixxu n-nuqqas ta’ natura restrittiva tal‑kompetizzjoni tal-ftehim. |
|
211. |
L-argument ta’ Servier li l-Qorti Ġenerali kellha tanalizza l‑probabbiltà li biha x-xenarji differenti setgħu jipproduċu ma hijiex ta’ natura li tinvalida din il-konstatazzjoni. Kif diġà ġie indikat fil-punti 139 sa 141 u 171 hawn fuq, fil-qafas tal-evalwazzjoni tan-natura restrittiva ta’ kompetizzjoni ta’ ftehim bħall-ftehim Lupin, il-Kummissjoni ma għandhiex tanalizza x-xenarji futuri probabbli f’termini ta’ dritt tal‑privattivi. |
|
212. |
Fit-tielet lok, Servier ma għandux lanqas juża la l-allegata natura favur il-kompetizzjoni tal-obbligu tiegħu li jipprovdi prodotti lil Lupin, u lanqas l-allegata natura favur il-kompetizzjoni ta’ liċenzji allegatament mogħtija b’xejn lil Lupin fuq il-privattivi l-oħra tiegħu, sabiex isostni allegati żbalji tal-Qorti Ġenerali waqt il-klassifikazzjoni tal-klawżoli tal‑ftehim Lupin. Fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ appell, Servier jillimita ruħu sabiex jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir‑rigward, esposti fil-punti 858 sa 863 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ressaq xi prova li tista’ tikkontesta l-fondatezza tagħhom. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, Servier ma jikkontestax b’mod validu l-konklużjoni tal‑Qorti Ġenerali li, kemm il-possibbiltà ta’ provvista kif ukoll il‑possibbiltà ta’ trasferiment ta’ liċenzji fuq privattivi oħra (jekk dan ikun preżunt mill-klawżoli tal-ftehim) kienu jiddependu kemm mill‑preżenza ta’ kundizzjonijiet futuri ipotetiċi kif ukoll mid-dħul antiċipat fis-suq imsemmi fil-punt 208 hawn fuq. |
|
213. |
Finalment, fir-raba’ u l-aħħar lok, l-argument ta’ Servier li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim Lupin lanqas ma għandu jintlaqa’. Fil-fatt, ma huwiex determinanti li jiġi stabbilit jekk il-Qorti Ġenerali kkonstatatx b’mod korrett, fil-punti 870 sa 877 tas-sentenza appellata, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim Lupin kien imur lil hinn mill-kamp tal‑privattiva 947, fatt li Servier jikkontesta. Kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 878 tas-sentenza appellata, anki jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim ma kienx jeċċedi dak tal‑imsemmija privattiva, dan ma kienx ineħħi n-natura antikompetittiva tal-ftehim. Fil-fatt, għalkemm il-konklużjoni mill-proprjetarju ta’ privattiva ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja mal-awtur tal-ksur allegat ma jeċċedix il-portata u t-tul ta’ validità rimanenti tal-privattiva tikkostitwixxi ċertament l-espressjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tal-proprjetarju tagħha u tawtorizzah, b’mod partikolari, jikkontesta kwalunkwe ksur, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija privattiva ma tawtorizzax lill-proprjetarju tagħha jikkonkludi kuntratti li jiksru l‑Artikolu 101 TFUE ( 88 ). |
|
214. |
Minn dan isegwi li l-ebda wieħed mill-argumenti ta’ Servier li jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-ftehim Lupin bħala li jillimita l‑kompetizzjoni minħabba l-għan ma għandu jiġi aċċettat. |
d) Konklużjoni
|
215. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument ta’ Servier li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ftehimiet ikkontestati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
4. Fuq id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwita mill-ftehim Lupin (it‑tielet parti tal-ħames aggravju)
|
216. |
Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji meta stabbilixxiet id-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin f’uħud mill-Istati Membri. |
|
217. |
Fil-premessa 3136 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, f’dan il-każ, it-tmiem tal-ksur kien stabbilit mid-data li fiha l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi partijiet fil-ftehimiet ikkontestati setgħu jadottaw aġir kompetittiv fis-swieq differenti kkonċernati. |
|
218. |
Mill-premessa 2127 u mit-tabella riprodotta fil-premessa 3134 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għas-swieq tal-Unjoni ma kienx stabbilit għall-perijodu li jibda mill-konklużjoni tal-imsemmi ftehim fit-30 ta’ Jannar 2007 ( 89 ) sas-6 ta’ Mejju 2009, data tal-annullament tal‑privattiva 947 mill-UEP. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l‑ksur kien spiċċa iktar qabel f’ċerti pajjiżi, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-argument ta’ Servier fil-qafas ta’ dan l-aggravju ( 90 ), fi Franza, fis-16 ta’ Settembru 2008, data tad-dħul fis-suq ta’ Sandoz ( 91 ). |
|
219. |
Kif jirriżulta mill-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, Sandoz daħlet ukoll fis-suq ta’ Stati Membri oħra qabel is-6 ta’ Mejju 2009, jiġifieri, f’dak li jirrigwarda l-argument ta’ Servier fil-qafas ta’ dan l‑aggravju ( 92 ), fl-Irlanda f’Ġunju 2008, fil-Belġju f’Lulju 2008, fl‑Ungerija f’Diċembru 2008 u fir-Repubblika Ċeka f’Jannar 2009. |
|
220. |
Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 891 tas-sentenza appellata, quddiem il-Qorti Ġenerali, Servier sostna li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin kien intemm ukoll fl‑Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka fil-mument li fih Sandoz daħlet fis-swieq ta’ dawn l-Istati Membri. Madankollu, dan l‑argument ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali. |
|
221. |
F’dan il-każ, Servier isostni li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji. Din issostitwixxiet il-motivazzjoni proprja tagħha, kontradittorja fuq kollox, għar-raġunament tal-Kummissjoni, filwaqt li ma spjegat bl-ebda mod ir-raġunijiet li għalihom din l-istituzzjoni kellha raġun sabiex tuża d-data ta’ dħul ta’ Sandoz fis-suq bħala t-tmiem tal‑ksur fi Franza, iżda mhux fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka. |
|
222. |
Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 892 et seq. tas-sentenza appellata, li kellu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kinitx ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-ksur kompla lil hin mid-data ta’ dħul ta’ Sandoz fl-Istati Membri kkonċernati. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-prodott ġeneriku ta’ Sandoz ma kien jinkludi l-ebda kristalli alpha protetti mill‑privattiva 947. Hija kompliet li minn qari flimkien tal-Artikoli 1.6 u 4.1(c) tal-ftehim Lupin ( 93 ) jirriżulta li dan kien jippermetti dħul fis-suq ta’ Lupin bil-prodotti proprji tiegħu meta prodott ġeneriku ikun daħal fis‑suq mingħajr ma jkun iffaċċjat minn ordni provviżorja min-naħa ta’ Servier. |
|
223. |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li kien hemm inċertezza dwar il-kwistjoni jekk din l-interpretazzjoni tal-ftehim kinitx korretta u jekk il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li kienet tinsab fih kinitx tippermetti lil Lupin tidħol fis-suq f’każ ta’ dħul fis-suq ta’ prodott bħal dak ta’ Sandoz. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li, minħabba din l-inċertezza, Lupin setgħet temmen li din il-klawżola kienet timpediha milli qatt tidħol fis-suq f’tali każ, speċjalment li Servier seta’ dejjem jintroduċi talba għal ordni provviżorja, anki kontra prodott li ma jiksirx il-privattiva. |
|
224. |
Skont il-Qorti Ġenerali, dawn l-inċertezzi ta’ Lupin dwar il‑possibbiltà tagħha li tidħol fis-suq wara d-dħul ta’ Sandoz kienu kkonfermati, f’dak li jirrigwarda s-suq Franċiż, minn skambju ta’ posta elettronika bejn Lupin u Servier imsemmija fil-punt 853 tas-sentenza appellata ( 94 ). Minn din il-korrispondenza jirriżulta li l-applikazzjoni li Lupin kienet qed tkompli tagħmel tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni fis-suq Franċiż jidher li ntemmet, l-iktar kmieni, fil-bidu ta’ April 2009. |
|
225. |
Il-Qorti Ġenerali minn dan ikkonkludiet, a fortiori, li Servier ma kien ipproduċa l-ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li, qabel is-6 ta’ Mejju 2009, Servier u Lupin kienu jqisu li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinitx għadha fis-seħħ fl-erba’ swieq l-oħra li fihom kienet daħlet Sandoz. Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li din il‑klawżola kienet għalhekk baqgħet fis-seħħ minħabba inċertezzi marbuta mal-ambigwità tal-ftehim kien biżżejjed sabiex jippermetti lill‑Kummissjoni tikkonstata li l-ftehim ta’ intenzjonijiet bejn Servier u Lupin u għalhekk il-ksur kien kompla minkejja d-dħul fis-suq ta’ Sandoz fuq dawn l-erbat’iswieq. |
|
226. |
Kif korrettament isostni Servier, ir-raġuni li għaliha kienu l‑ambigwità u l-inċertezzi dwar l-applikazzjoni tal-ftehim wara d-dħul ta’ Sandoz fis-swieq ikkonċernati li kienu jippermettu li jitqies li l‑ksur kien kompla fihom lil hinn minn dan id-dħul ma tidhirx fid‑deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk effettivament issostitwixxiet il‑motivazzjoni tagħha stess b’dik tal-Kummissjoni, li jikkostitwixxi żball ta’ liġi ( 95 ). |
|
227. |
Fuq kollox, kif jindika wkoll korrettament Servier, din ir-raġuni, ibbażata mill-Qorti Ġenerali b’mod partikolari fuq korrispondenza bejn Servier u Lupin relatata mas-suq Franċiż (ara l-punt 224 hawn fuq), tikkontradixxi d-dikjarazzjoni esposta fil-premessa 2127 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin intemm fis-suq Franċiż wara d-dħul ta’ Sandoz f’dan is-suq ( 96 ). |
|
228. |
Minn dan isegwi li mhux biss il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il‑motivazzjoni tagħha stess b’dik tad-deċiżjoni kkontestata iżda, barra minn hekk, din il-motivazzjoni hija kontradittorja u ma tippermettix li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni użat, f’din id‑deċiżjoni, id-data tad-dħul fis-suq ta’ Sandoz bħala tmiem tal-ksur fi Franza iżda mhux fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u lanqas fir‑Repubblika Ċeka. Għalhekk huwa impossibbli li tiġi vverifikata l‑fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet fuq dan il-punt, u dan jivvizzja s‑sentenza appellata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni addizzjonali ( 97 ). |
|
229. |
Għalhekk, it-tielet parti tal-ħames aggravju hija fondata u twassal, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ċaħdet it‑talba ta’ Servier li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata f’dak li hija tqis bħala d-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall‑Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, bħala s-6 ta’ Mejju 2009. |
|
230. |
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) ta’ dan l-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiddeċiedi definittivament il‑kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’dan il-każ peress li mill-eżami tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kwistjoni għal-liema raġuni l-Kummissjoni użat id-data ta’ dħul fis-suq ta’ Sandzo bħala t-tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fi Franza, iżda mhux fl-erba’ pajjiżi l-oħra li fihom Sandoz daħlet fis-suq qabel is-6 ta’ Mejju 2009. |
|
231. |
Barra minn hekk, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha u waqt is-seduta ta’ din il-proċedura ta’ appell ma jippermettu li jiġi ċċarat dan il-punt. |
|
232. |
Il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 1039 tad-deċiżjoni kkontestata, li tistipula li l-Artikolu 4.1(c) tal-ftehim Lupin għandu jiġi interpretat fis-sens li Lupin kienet awtorizzata tikkummerċjalizza l‑perindropil proprju tagħha f’każ speċifiku, b’mod partikolari, jekk u meta terz indipendenti ikun ibiegħ il-perindropil u Servier ma jkun ressaq l-ebda talba għal ordni provviżorja sabiex jimpedih milli jagħmel dan. |
|
233. |
Il-Kummissjoni tindika, mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għaliha, li, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni kienet kompliet tapplika anki wara d-dħul ta’ Sandoz fis-suq fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka, iżda mhux fi Franza. Fuq dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni tirreferi għall‑premessa 2327 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinnota li, fi Franza, Servier ma setax iwaqqaf id-dħul ta’ Sandoz abbażi tal-privattiva 947 peress li l-prodott ta’ Sandoz ma setax jikser din il-privattiva. |
|
234. |
Madankollu, abbażi ta’ din l-indikazzjoni, baqa’ impossibbli li jinftiehmu x’kienu r-raġunijiet li għalihom Servier seta’ jwaqqaf, billi jibbaża ruħu fuq din il-privattiva, id-dħul ta’ Sandoz fl-erba’ Stati Membri oħra kkonċernati, minkejja li l-prodott li bih Sandoz kien daħal fis-swieq kien viżibbilment l-istess bħal dak ikkummerċjalizzat fi Franza. Fis-seduta, il-Kummissjoni reġgħet tat l-ispjegazzjoni li d-differenza kienet tinsab fil-fatt li, fi Franza, id-dħul ta’ Sandoz fetaħ is-suq għall‑kompetizzjoni, filwaqt li dan ma kienx il-każ fil-pajjiżi l-oħra. Din l-ispjegazzjoni ma kinitx sostnuta la fid-deċiżjoni kkontestata, la fl‑osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, u lanqas waqt is-seduta. |
|
235. |
Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun parzjalment annullata inkwantu fiha nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-dati ta’ tmiem użati għall-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin f’dak li jirrigwarda l-Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka. |
|
236. |
Il-konsegwenzi ta’ dan l-annullament parzjali fuq l-ammont tal‑multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim Lupin huma stabbiliti fil-punti 282 et seq. iktar ’il quddiem, fil-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet iddedikati għall-multi. |
5. Fuq il-klassifikazzjoni tal-ftehim Niche, minn naħa, u tal-ftehim Matrix, min-naħa l-oħra, bħala ksur distinti (is-sitt aggravju)
|
237. |
Fil-qafas tas-sitt aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat, fil-punti 1293 et seq. tas‑sentenza appellata, il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche/Unichem, minn naħa, u Matrix, min-naħa l‑oħra, bħala ksur distinti. Skont Servier, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu ksur uniku tal‑Artikolu 101 TFUE. |
|
238. |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li ksur tal-Artikolu 101 TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jekk dawn jaqgħu fi pjan globali minħabba l-għan identiku tagħhom li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jsegwu għan ekonomiku wieħed ( 98 ). Il‑kundizzjoni relatata mal-kunċett ta’ għan uniku timplika li għandu jiġi vverifikat jekk jeżistux elementi li jikkaratterizzaw l-aġir differenti li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li l-aġir implimentati minn impriżi oħra ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effetti antikompetittivi u konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan globali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern ( 99 ). |
|
239. |
Għandu jiġi spjegat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt preċedenti, il-kwistjoni dwar jekk aġir differenti antikompetittiv għandux jiġi kklassifikat bħala ksur distint jew ksur uniku hija kwistjoni ta’ dritt marbuta mal-klassifikazzjoni legali tal-elementi li jikkostitwixxu l-ksur, li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu ( 100 ). Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 1256 et seq. tas-sentenza appellata, il-partijiet ikkonċernati għandhom għalhekk ikunu jistgħu jikkontestaw din il-klassifikazzjoni. Dan huwa iktar u iktar importanti peress li tali kontestazzjoni jista’ jkollha effett fuq l-eżerċizzju mill‑Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta tkun qed tistabbilixxi l-multi. |
|
240. |
Bl-istess mod, kif spjegat, essenzjalment, mill-Avukat Ġenerali Pitruzzella, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’mod astratt jekk il-fatt li diversi aġir jiġi kklassifikat bħala ksur separat huwiex iktar favorevoli għall-impriżi kkonċernati mill-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku, peress li dan jiddependi minn ċirkustanzi ta’ kull każ konkret. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ma tistax, b’mod diskrezzjonali u għal raġunijiet ta’ opportunità, tagħżel liberament li tikklassifika aġir bħala ksur distint minflok ksur uniku jew viċe versa. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni għandha turi, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, li l-kriterji stabbiliti sabiex aġir jiġi kklassifikat b’mod jew ieħor huma ssodisfatti ( 101 ). |
|
241. |
Wara dan, madankollu għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il‑provi mressqa minn Servier ma jurux li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehimiet Niche u Matrix ma kinux jikkostitwixxu ksur uniku, iżda pjuttost żewġ ksur distinti tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
242. |
Skont Servier, dawn il-ftehimiet, li ġew iffirmati fl-istess jum mill‑istess rappreżentant għal Niche u Matrix u li kienu intiżi sabiex jipprekludu d-dħul fis-suq tal-prodott żviluppat b’mod konġunt minn dawn tal-aħħar kellhom għan identiku, kienu kumplimentari u kienu jiġġeneraw koordinazzjoni bejn l-aġir ta’ Niche u Matrix fil-konfront ta’ Servier. |
|
243. |
Fil-punti 1296 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ċertament ma kienx hemm dubju li Servier ried jilħaq għan identiku bil-ftehimiet Niche u Matrix, jiġifieri li jirregola b’mod definittiv il-kawża pendenti u jevita kull kawża fil-futur dwar il-prodott ta’ Niche/Matrix kif ukoll sabiex jelimina dan il-prodott bħala sors ta’ kompetizzjoni potenzjali permezz ta’ ħlas. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan il-fatt ma kienx jippermettilha li waħidha tistabbilixxi li kien hemm ukoll pjan komuni bejn Niche u Matrix meta ffirmaw il‑ftehimiet rispettivi tagħhom ma’ Servier. Sabiex diversi ksur jiġu kklassifikati bħala ksur uniku, dan il-ksur kollu għandu jkollu l-istess għan globali ( 102 ). |
|
244. |
Wara li eżaminat il-kontenut tal-ftehimiet Niche u Matrix u ċ‑ċirkustanzi li wasslu għall-firma tagħhom, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konstatazzjoni li dawn l-elementi lanqas ma kienu juru li Niche u Matrix kellhom pjan komuni x’jilħqu b’dawn il-ftehimiet. |
|
245. |
Il-provi mressqa minn Servier f’din il-proċedura ta’ appell ma jistgħux juru li din il-konstatazzjoni hija vvizzjata bi żbalji. |
|
246. |
Servier isostni li, waqt l-analiżi tiegħu dwar jekk kienx jeżisti pjan komuni bejn Niche u Matrix, il-Qorti Ġenerali tat piż żejjed lill-intenzjoni suġġettiva ta’ dawn il-kumpanniji, filwaqt li l-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku tista’ tistrieħ biss fuq kriterji oġġettivi. |
|
247. |
F’dan ir-rigward, Servier jirreferi għall-punt 246 tas-sentenza fil‑kawża Siemens vs Il-Kummissjoni ( 103 ), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-klassifikazzjoni ta’ numru ta’ ftehimiet bħala ksur uniku ma tistax tiddependi mill-eżistenza ta’ intenzjoni suġġettiva tal-partijiet li jipparteċipaw f’tali ksur uniku, iżda għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, fosthom l-għan komuni tal-imsemmija ftehimiet. Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni Servier, l-eżami tal-eżistenza ta’ tali għan komuni jinkludi wkoll dimensjoni suġġettiva relatata mal‑intenzjoni u mal-motivazzjoni tal-partijiet, li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-partijiet kellhomx intenzjoni jikkontribwixxu, permezz tal‑konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, għat-twettiq ta’ għan ekonomiku komuni. |
|
248. |
Fi kliem ieħor, sabiex jiġi kkonstatat ksur uniku, ċertament għandu jiġi stabbilit biss li l-partijiet differenti li pparteċipaw f’dan il-ksur kellhom l-intenzjoni li jipparteċipaw f’aġir antikompetittiv komuni. Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 238 hawn fuq jirriżulta li għandu jiġi stabbilit li dawn il-partijiet kellhom l-intenzjoni li jikkontribwixxu, permezz ta’ din il-parteċipazzjoni, b’għan komuni u għat-twettiq ta’ riżultat ekonomiku wieħed. Il-prova ta’ tali intenzjoni tista’ tkun ibbażata, minn naħa tagħha, fuq kwalunkwe prova li tista’ turi li l-aġir ikkonċernat, f’dan il-każ il-ftehimiet Niche u Matrix, kellhom bħala raġuni l-volontà li jimplimentaw tali għan komuni u tali riżultat ekonomiku wieħed. |
|
249. |
B’hekk, pereżempju, fil-kawża relatata mal-kmamar tal-banju invokata minn Servier, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur wieħed minkejja l-implikazzjoni ta’ sotto-gruppi ta’ prodotti kumplimentari differenti għall-produzzjoni ta’ kamra tal-banju. Il-Qorti Ġenerali setgħet preċiżament tasal għal din il-konstatazzjoni fl‑imsemmija kawża peress li l-prattiki inkwistjoni kienu jsegwu l-pjan ġenerali u l-għan uniku li jikkoordinaw, fil-qafas tal-istess sistema ta’ distribuzzjoni, iż-żidiet fil-prezzijiet li l-partijiet fl-akkordju kienu jiffatturaw lill-grossisti li kienu l-klijenti komuni tagħhom ( 104 ). |
|
250. |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat preċiżament, filwaqt li bbażat ruħha fuq elementi mhux ikkontestati minn Servier, li l-kontenut tal-ftehimiet Niche u Matrix kif ukoll iċ-ċirkustanzi li wasslu għall‑konklużjoni tagħhom ma kinux juru li, b’dawn il-ftehimiet, Niche u Matrix kellhom l-intenzjoni li jimplimentaw tali għan komuni u tali riżultat ekonomiku wieħed. Barra minn hekk, Servier lanqas juri x’setgħu kienu tali għan u tali riżultat. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, ċertament ma hemmx dubju li, qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet rispettivi tagħhom ma’ Servier, Niche u Matrix kellhom l-għan komuni li jpoġġu fis-suq il‑perindropil ġeneriku mmanifatturat minn Matrix u kkummerċjalizzat minn Niche. |
|
251. |
Madankollu, ma jidhirx possibbli li jiġi stabbilit eventwali għan komuni li dawn il-kumpanniji seta’ kellhom, sussegwentement, permezz tal-iffirmar tal-ftehimiet rispettivi tagħhom ma’ Servier. Kif indikat mill‑Qorti Ġenerali, elementi differenti mhux ikkontestati tal-proċess juru li Matrix, li ġiet informata bin-negozjati pendenti bejn Servier u Niche jumejn biss qabel l-iffirmar tal-ftehim tagħha stess ma’ Servier, iktar minn issegwi xi pjan komuni ma’ Niche, ħadet l-opportunità offruta minn Servier. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Matrix fin-negozjati ma’ Servier prinċiparjament kienet tirrigwarda l‑ammont tat-trasferiment tal-valur. |
|
252. |
Barra minn hekk, lanqas huwa possibbli li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom l-abbandun tal-proġett komuni tagħhom ta’ żvilupp u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ perindropil ġeneriku seta’ minn naħa tiegħu jikkostitwixxi “proġett komuni” ġdid għal Niche u Matrix, peress li tali abbandun ma jistax ikun proġett jew għan fih innifsu. Għalhekk jidher li aktarx Niche u Matrix kull wieħed ħadu l-opportunità offruta minn Servier li jirċievu trasferiment ta’ valur sinjifikattiv biżżejjed sabiex ikun kummerċjalment iktar vantaġġjuż mit-tkomplija tal-proġett tagħhom stess li jidħlu fis-suq ( 105 ). |
|
253. |
Għalhekk, l-argument ta’ Servier li l-ftehimiet Niche u Matrix kellhom l-għan komuni li jirregolaw il-kawża ma’ Servier u jevitaw kawża futura ma’ dan tal-aħħar dwar il-prodott tagħhom ma jippermettix lanqas li jiġi konkluż li dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu ksur uniku tal-Artikolu 101 TFUE. B’hekk, anki jekk kull wieħed minn dawn il‑ftehimiet kellu effettivament dan l-għan b’mod separat, ma jidhirx x’kien l-għan komuni tagħhom f’dan ir-rigward. Kif għadu kemm ġie spjegat, is-sempliċi fatt li l-kawża ma’ Servier kienet tirrigwarda l‑prodott żviluppat b’mod konġunt minn Niche u Matrix ma jippermettix li jiġi stabbilit tali għan komuni. |
|
254. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud. |
B. Fuq il-multi
|
255. |
F’dak li jirrigwarda l-multi imposti fuq Servier għall-konklużjoni tal-ftehimiet ikkontestati, għandhom jiġu eżaminati, minn naħa, l‑iżbalji ta’ liġi invokati minn Servier fil-qafas tas-seba’ aggravju tiegħu (1). Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu stabbiliti l-konsegwenzi li tintlaqa’ t-tielet parti tal-ħames aggravju relatat mad-dati ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall-kalkolu mill-ġdid tal-multa imposta fuq Servier minħabba dan (2). |
1. Fuq l-iżbalji ta’ liġi relatati mal-multi invokati minn Servier (is‑seba’ aggravju)
|
256. |
Fil-qafas tas-seba’ aggravju tiegħu, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji, minn naħa, għaliex ma annullatx il‑multa stabbilita mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Minn naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-prinċipju ta’ proporzjonalità u naqset milli tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-gravità tal-ksur. |
|
257. |
Qabel ma nittratta dan l-argument, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li jagħtiha l‑Artikolu 261 TFUE huwa mistħarreġ biss mill-Qorti tal-Ġustizzja fir‑rigward ta’ żbalji manifesti ( 106 ). Dawn l-iżbalji jistgħu jseħħu, fl-ewwel lok, sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tas‑setgħat tagħha fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ( 107 ), fit-tieni lok, meta ma tkunx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-provi kollha rilevanti ( 108 ) u, fit-tielet lok, meta tkun applikat kriterji legali żbaljati ( 109 ), b’mod partikolari fir‑rigward tal‑prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 110 ) u ta’ proporzjonalità ( 111 ). |
|
258. |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, ma tistax tissostitwixxi bl‑evalwazzjoni tagħha, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal‑Qorti Ġenerali billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ( 112 ). |
a) Fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege
|
259. |
Skont Servier, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma laqgħetx l-argument tiegħu li l-fatt li ġew imposti sanzjonijiet minħabba l-ftehimiet ikkontestati jikser il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Il-kwistjonijiet imqajma minn dawn il-ftehimiet kienu tant ġodda u kumplessi li n-natura ta’ ksur tal-imsemmija ftehimiet kienet imprevedibbli. Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet din l-imprevedibbiltà fil‑punt 1666 tas-sentenza appellata filwaqt li ma siltet l-ebda konklużjoni minnha, u dan jivvizzja lis-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
260. |
Dan l-argument ma għandux jintlaqa’. |
|
261. |
Huwa veru li, mill-ġurisprudenza jirriżulta li minkejja li l‑prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, illum stabbilit fl‑Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar‑regoli tar-responsabbiltà kriminali, madankollu dan il-prinċipju jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ regola li tistabbilixxi ksur li r-riżultat tagħha ma kienx raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni ( 113 ). |
|
262. |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball meta applikat il-kriterju ta’ prevedibbiltà kif stabbilit għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u meta kkonstatat li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma kienx jipprekludi s-sanzjoni tal-ftehimiet ikkontestati abbażi tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
263. |
B’hekk, mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali diġà eżaminati iktar ’il fuq jirriżulta li din korrettament ikkonstatat li l-ftehimiet ikkontestati kellhom l-għan li jinċentivaw lill-kumpanniji ta’ ġeneriċi sabiex jastjenu milli jidħlu b’mod indipendenti fis-suq matul il-perijodi miftehma, permezz ta’ trasferimenti ta’ valuri minn naħa ta’ Servier li ma kellhom l-ebda korrispettiv minbarra l-imsemmija astensjoni. |
|
264. |
Sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali applikat metodoloġija sempliċi u evidenti, li kienet tikkonsisti fl-eżami dwar jekk it-trasferimenti ta’ valur magħmula minn Servier lill-kumpanniji ta’ ġeneriċi skont il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja jew il-ftehimiet li kienu assoċjati magħhom kinux relatati mal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, jiġifieri jekk kinux spjegabbli b’xi ħaġa oħra u kellhomx korrispettiv ieħor għal Servier minbarra l-obbligu tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li ma jikkompetux. Din il-metodoġolija hija applikata b’mod loġiku waqt l-evalwazzjoni ta’ trasferimenti ta’ valur bejn impriżi li jikkonkludu ftehim li jistipula li xi waħda mill-partijiet għandha tastjeni milli tidħol fis-suq ( 114 ). |
|
265. |
Meta applikat din il-metodoloġija, il-Qorti Ġenerali waslet, mingħajr ma wettqet żball, għall-konstatazzjoni li t-trasferimenti ta’ valur magħmula minn Servier lil kumpanniji ta’ ġeneriċi ma kellhomx korrispettiv ieħor ħlief l-astensjoni ta’ dawn tal-aħħar milli jidħlu fis-suq. Il-Qorti Ġenerali għalhekk setgħet korrettament tikkonkludi li f’dawn il‑ftehimiet ikkontestati kien ġie maqbul li Servier ser iħallas lill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi sabiex dawn ma jidħlux fis-suq, b’tali mod li dawn kienu ftehimiet ta’ esklużjoni tas-suq. |
|
266. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonstatat, fil-punti 1661 sa 1666 tas-sentenza appellata, li, bħala parti f’dawn il-ftehimiet, Servier ma setax jinjora li dawn setgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, qari litterali ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti li jinftiehem perfettament li ftehimiet bejn kompetituri intiżi sabiex jeskludu uħud minnhom milli jidħlu fis-suq huma illegali. |
|
267. |
Il-kumplessità tal-ftehimiet ikkontestati u tal-kuntest tagħhom, imqajma minn Servier, ma hijiex ta’ natura li tikkontesta din l‑evalwazzjoni. |
|
268. |
Kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment irrikonoxxiet, fil-punti 1661, 1666 u 1667 tas-sentenza appellata, din il-kumplessità setgħet ċertament tispjega t-tul tad-deċiżjoni kkontestata, peress li n-natura ta’ ksur tal‑ftehimiet ikkontestati setgħet ma tidhirx ċara għal osservatur estern. Madankollu, dan ma jaffettwax il-fatt li l-Kummissjoni applikat, waqt l‑analiżi ta’ dawn il-ftehimiet għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, prinċipji sempliċi u stabbiliti ferm. Skont dawn il‑prinċipji, ftehimiet għandhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan meta mill-eżami tagħhom jirriżulta – tant kemm ikunu kumplessi – li t-trasferimenti ta’ valur magħmula minn operatur ekonomiku lil operatur ekonomiku ieħor huma spjegabbli biss bl-interess kummerċjali ta’ dawn l-operaturi li ma jikkompetux fuq il‑merti ( 115 ). |
|
269. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kkommettitx żball meta kkonstatat li Servier ma setax jinjora li, jekk l-uniku korrispettiv tat-trasferiment ta’ valur magħmul minnu lil kumpanniji ta’ ġeneriċi kien jikkonsisti fl-astensjoni ta’ dawn tal-aħħar milli jidħlu fis-suq, ftehimiet li jistabbilixxu tali trasferimenti kienu jillimitaw il-kompetizzjoni, irrispettivament minn jekk kellhomx sfond kumpless f’termini ta’ dritt tal-privattivi. |
|
270. |
Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege għandu jiġi miċħud. |
b) Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-evalwazzjoni tal‑gravità tal-ksur
|
271. |
Servier isostni wkoll li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji inkwantu l-Qorti Ġenerali warrbet il-motivi tiegħu li jirrigwardaw il‑proporzjonalità tal-multi u l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni. |
|
272. |
Skont Servier, il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra, sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-multi imposti fuq Servier, il-kumplessità u l‑innovazzjoni tal-kwistjonijiet imqajma mill-ftehimiet ikkontestati, tan‑nuqqas ta’ natura sigrieta tagħhom kif ukoll tad-drittijiet dwar il‑privattivi u tad-dgħufija tal-ishma tas-suq ta’ Servier. |
|
273. |
Dawn l-elementi madankollu ma humiex ta’ natura li juru żbalji li wettqet il-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-multi fid-dawl tal-gravità tal-ksur ikkonċernat. |
|
274. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil‑punti 1786 et seq. tas-sentenza appellata, li, sa fejn l-għan antikompetittiv tal-ftehimiet inkwistjoni u n-natura prevedibbli tiegħu għal Servier kienu stabbiliti, l-isfond ta’ dawn il-ftehimiet f’termini ta’ privattivi kif ukoll in-natura sigrieta tagħhom jew le kienu irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom u ma kinux tali li jikkontestaw il-proporzjonalità tal-multi imposti mill-Kummissjoni. |
|
275. |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali korrettament ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti u ma wettqitx żball waqt l-evalwazzjoni tagħhom. Kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 267 u 268 hawn fuq, Servier ma għandux jeċċepixxi l-kuntest tal-privattivi jew l‑allegata kumplessità tiegħu sabiex jikkontesta n-natura intrinsikament antikompetittiva tal-ftehimiet ikkontestati. |
|
276. |
F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li jallega Servier, huwa perfettament irrilevanti jekk il-privattiva inkwistjoni hijiex fittizja jew le. Huwa stabbilit li privattiva anki jekk mhux fittizja ma tagħtix lill‑proprjetarju tagħha d-dritt li jipproteġi lilu nnifsu kontra kawżi intiżi sabiex jikkontestaw il-validità tagħha permzz ta’ ħlasijiet lill‑kompetituri ( 116 ). |
|
277. |
Fit-tieni lok, Servier isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rrifjutat li tqis id-dgħufija tal-ishma tas-suq ta’ Servier għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 1602 u 1603 tas-sentenza appellata, fil-qafas tal-eżami tagħha tas-suq ta’ prodotti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, li l-Kummissjoni wettqet żball waqt id-definizzjoni ta’ dan is-suq u li l-kalkolu tal-ishma tas-suq ta’ Servier kien għalhekk neċessarjament żbaljat. Madankollu, fil-punt 1954 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tikkunsidra din il-konstatazzjoni għall-finijiet tal‑kalkolu tal-multi, minkejja li kien ikkonstatat li l-ishma tas-suq ta’ Servier kienu ħafna iktar dgħajfa minn dak li kkonstatat il-Kummissjoni. |
|
278. |
Irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kkonstatatx b’mod korrett in-natura żbaljata tad-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti użata mill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 102 TFUE, li ma ġietx ittrattata b’dan l-appell ( 117 ), għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta qieset, fil‑punt 1954 tas-sentenza appellata, li l-multi imposti lil Servier ma kinux sproporzjonati irrispettivament mid-daqs tal-ishma tas-suq li kellu Servier. |
|
279. |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali rreferiet, b’mod partikolari, għat‑teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-fatt li Servier kien ikkommetta diversi ksur, ċertament separati, iżda li kienu jittrattaw l‑istess prodott, u sa ċertu punt, l-istess żoni ġeografiċi u l-istess perijodi. Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 1951 tas-sentenza appellata, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, sabiex tevita riżultat potenzjalment sproporzjonat, iddeċidiet li tillimita, għal kull ksur, il-proporzjon tal‑valur tal-bejgħ ta’ Servier li ġie kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l‑ammont bażiku tal-multa. Il-Kummissjoni b’hekk wettqet korrezzjoni li wasslet għal tnaqqis medju ta’ 54.5 % tal-valuri tal-bejgħ kollha relatati mal-ksur differenti tal-Artikolu 101 TFUE (il-premessa 3128 tad‑deċiżjoni kkontestata). |
|
280. |
Finalment, fit-tielet lok, l-allegazzjoni ta’ Servier li l-multi kellhom jiġu mnaqqsa għaliex il-ftehimiet issanzjonati allegatament ma kienu ġġeneraw l-ebda dewmien ta’ dħul fis-suq għandha tiġi miċħuda wkoll. Fil-fatt, kif indikat fil-punti 139 sa 141, 171 u 211 hawn fuq, mill‑perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, dak li huwa rilevanti ma huwiex jekk, fin-nuqqas tal-ftehimiet, il-kumpanniji ta’ ġeneriċi kinux jidħlu fis-suq iktar kmieni minħabba żviluppi futuri f’termini ta’ privattivi, li ma kinux magħrufa fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet u indipendenti mill-volontà tal-partijiet. Il-kwistjoni deċiżiva hija dik dwar jekk il-possibbiltà ta’ tali dħul kinitx ġiet eliminata wara sostituzzjoni mill-partijiet ta’ kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskji tal-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni. Jekk jiġu invokati żviluppi f’termini ta’ privattiva li seħħew wara l-konklużjoni ta’ ftehim b’mod indipendenti minnu iwassal sabiex jiġu konfużi l-effett ta’ dannu intrinsiku ta’ ftehim ta’ esklużjoni tas-suq bi ħlas u l-kapaċità tiegħu li jipproduċi effetti restrittivi fil-mument tal-konklużjoni tiegħu mal‑possibbiltà li tali ftehim ma jipproduċix effetti sinjifikattivi reali fuq il-kompetizzjoni f’mument ulterjuri, minħabba ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tal-partijiet, pereżempju meta l-privattiva hija annullata minħabba l-azzjoni ta’ terz. |
|
281. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq żbalji tal-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal‑proporzjonalità tal-multi għandu wkoll jiġi miċħud, bħall-aggravju relatat mal-iżbalji tal-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tal-multi kollu kemm hu. |
2. Fuq il-multa imposta fuq Servier minħabba l-ftehim Lupin (it‑tielet parti tal-ħames aggravju)
|
282. |
Mill-osservazzjonijiet fil-punti 229 u 235 ta’ dawn il‑konklużjonijiet jirriżulta li t-tielet parti tal-ħames aggravju għandha tiġi milqugħa u s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati inkwantu qiesu li d-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill‑ftehim Lupin kellha tiġi stabbilita bħala s-6 ta’ Mejju 2009 għall‑Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka. |
|
283. |
Fl-osservazzjonijiet u fit-talbiet tiegħu ( 118 ), Servier jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tistabbilixxi d-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fl-imsemmija pajjiżi fid-dati tad-dħul ta’ Sandoz fis‑suq, jiġifieri, skont il-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, f’Ġunju 2008 għall-Irlanda, f’Lulju 2008 għall-Belġju, f’Diċembru 2008 għall-Ungerija u f’Jannar 2009 għar-Repubblika Ċeka. |
|
284. |
Madankollu, minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata dwar it-tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin f’dawn il-pajjiżi, ma huwiex possibbli għall-qorti tal-Unjoni li tivverifika li l-Kummissjoni kienet korretta meta stabbilixxiet fiha d-data tal-tmiem tal-ksur bil-mod kif għamlet. Bl-istess mod, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit il-fondatezza ta’ eventwali dati oħra ta’ tmiem tal-imsemmi ksur. |
|
285. |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tistabbilixxi d-dati ta’ tmiem ta’ ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall-erba’ pajjiżi kkonċernati u konsegwentament terġa’ tistabbilixxi l-multa, kif mitlub minn Servier. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-multa imposta fuq Servier permezz tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi parzjalment annullata inkwantu ġiet imposta minħabba l-kummissjoni tal-imsemmi ksur fl‑imsemmija pajjiżi. |
|
286. |
Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, mill‑premessa 3063 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita mil-Linji Gwida għall-kalkolu tal‑multi imposti skont l‑Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 119 ) ( 120 ). |
|
287. |
Barra minn hekk, mill-premessi 3119 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet fuq Servier multa għal kull wieħed mill-ħames ftehimiet ikkontestati, li tqiesu bħala ħames ksur distinti tal-Artikolu 101 TFUE, u multa għall-ksur tal‑Artikolu 102 TFUE. F’dak li jirrigwarda l-ħames multi imposti minħabba l-ftehimiet ikkontestati, il-Kummissjoni qabel xejn, skont il‑metodoloġija tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multa, stabbilixxiet ammont bażiku, li jikkorrispondi mas-somma tal-ammont varjabbli u (jekk ikun il-każ) ta’ ammont addizzjonali. L-ammont varjabbli jikkorrispondi għal parti aġġustata tal-valur tal-bejgħ ta’ beni kkonċernati mill-ksur rispettivi, immultiplikat bit-tul tagħhom. Sa fejn, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma applikatx ċirkustanzi aggravanti u lanqas attenwanti, u lanqas fattur modifikaturi, l-ammonti finali tal-multi jikkorrispondu mal-ammonti bażiċi. |
|
288. |
Finalment, mill-premessi 3124 et seq. u mill-Artikolu 7 tad‑deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mit-tabella prodotta mill‑Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet dan il-kalkolu għal kull Stat Membru kkonċernat għal kull wieħed mill-ftehimiet rispettivi u sussegwentament għaddet flimkien l‑ammonti hekk miksuba sabiex tistabbilixxi l-ammonti tal-multi għal kull wieħed mill-ftehimiet ( 121 ). L-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall-pajjiżi kollha kkonċernati mill-imsemmi ksur tela’ għal EUR 37102100 [Artikolu 7(5)(b) tad-deċiżjoni kkontestata]. |
|
289. |
Sabiex jiġi kkunsidrat l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk għandha tiġi annullata l-multa imposta fuq Servier inkwantu ġiet imposta għall‑ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka, li jikkorrispondi għal ammont ta’ EUR [kunfidenzjali]. |
|
290. |
It-tabella iktar ’il quddiem turi kif inkiseb dan l-ammont.
|
|
291. |
Konsegwentament, hija l-Kummissjoni, bis-saħħa tal‑Artikolu 266 TFUE, li għandha tieħu l-miżuri li ġġib magħha l‑eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Meta, bħal f’dan il-każ, l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq difett proċedurali, bħall-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, u li l-qorti tal-Unjoni ma tiddeċidix hi stess dwar il-materjalità tal-ksur u dwar is-sanzjoni, l‑istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat tista’ tkompli l-proċedura fl‑istadju tal-illegalità kkonstatata u teżerċita mill-ġdid is-setgħa ta’ sanzjoni tagħha ( 122 ). |
3. Konklużjoni dwar il-multi
|
292. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-multa imposta fuq Servier bis-saħħa tal-ftehim Lupin għandha tiġi annullata u li l‑kumplament tal-argument ta’ Servier dwar il-multi għandu jiġi miċħud, b’tali mod li l-kumplament tal-multi kif stabbiliti mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali jibqgħu mhux mibdula. |
C. Konklużjoni intermedja
|
293. |
Skont il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 229, 235 u 289 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara li tintlaqa’ t-tielet parti tal-ħames aggravju, qabel xejn, għandu jiġi annullat il-punt 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn jiċħad it-talba ta’ Servier li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata inkwantu tikkonstata bħala d-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin għall-Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r‑Repubblika Ċeka s-6 ta’ Mejju 2009 u konsegwentement tistabbilixxi l-multa imposta fuq Servier għall-imsemmi ksur. |
|
294. |
Sussegwentement, l-Artikolu 5(b) u l-Artikolu 7(5)(b) tad‑deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu annullati sa fejn jistabbilixxu bħala d-data ta’ tmiem il-ksur kommess minn Servier bil-ftehim Lupin għall-Irlanda, il-Belġju, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka s-6 ta’ Mejju 2009 u jieħdu inkunsiderazzjoni din id-data għall-kalkolu tal‑multa imposta fuq Servier minħabba dan il-ksur ( 123 ). |
|
295. |
Finalment, peress li l-ebda wieħed mill-aggravji l-oħra invokati minn Servier ma għandu jintlaqa’, il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud. |
V. L-ispejjeż
|
296. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l‑appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
297. |
Qabel xejn, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal‑imsemmi regolament, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal‑kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill‑ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
298. |
F’dan il-każ, Servier ingħata raġun f’dak li jirrigwarda t-tielet parti tal-ħames aggravju tiegħu, relatata mad-data ta’ tmiem tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fl-Irlanda, fil-Belġju, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka, u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament u tannulla d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Madankollu, Servier tilef f’dak li jirrigwarda l-argumenti tiegħu mressqa fis-seba’ aggravji tiegħu b’kollox. |
|
299. |
F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza, għandu jiġi nnotat li dawn ma humiex ikkonċernati minn dan l‑appell ħlief fejn huma relatati mal-motivi tal-ewwel istanza inkwistjoni f’din il-proċedura ta’ appell. |
|
300. |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jidher iġġustifikat li Servier SAS, Servier Laboratories Ltd u Les Laboratoires Servier SAS ibatu, in solidum, l-ispejjeż tagħhom u erba’ minn ħames partijiet tal-ispejjeż tal‑Kummissjoni relatati mal-proċedura ta’ appell u mal-proċedura tal‑ewwel istanza, sa fejn dawn l-ispejjeż huma relatati mal-motivi kkonċernati b’din il-proċedura ta’ appell. Minn naħa l-oħra, il‑Kummissjoni għandha tbati parti waħda minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura ta’ appell kif ukoll tal-proċedura tal-ewwel istanza, sa fejn dawn l-ispejjeż huma relatati mal-motivi kkonċernati f’din il-proċedura ta’ appell. |
|
301. |
Sussegwentement, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal‑Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jkun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi kkundannat iħallas l‑ispejjeż tiegħu. Peress li l-EFPIA pparteċipat fil-fażi bil-miktub ta’ dan l-appell, hemm lok li din tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż tagħha relatati mal-appell. |
|
302. |
Finalment, mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal‑Artikolu 140(1) u tal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell. Għalhekk, għandu jiġi deċiż li r-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura ta’ appell. |
VI. Konklużjoni
|
303. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod segwenti:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020 (C‑307/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generics (UK) et”, EU:C:2020:52).
( 3 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021 (C-591/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lundbeck vs Il-KummissjoniEU:C:2021:243); Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑86/16 P, mhux ippubblikata,EU:C:2021:241); Generics (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑588/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:242); Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni (C‑601/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:244); Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245), u Merck vs Il-Kummissjoni (C‑614/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:246).
( 4 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni (T‑691/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2018:922) (ikkontestata permezz ta’ dan l-appell u bl-appell fil-Kawża C‑176/19 P, Il-Kummissjoni vs Servier et); Biogaran vs Il-Kummissjoni (T‑677/14, EU:T:2018:910) (Appell C‑207/19 P, Biogaran vs Il-Kummissjoni); Teva UK et vs Il-Kummissjoni (T‑679/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:919) (Appell C‑198/19 P, Teva UK et vs Il-Kummissjoni); Lupin vs Il-Kummissjoni (T‑680/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:908) (Appell C‑144/19 P, Lupin vs Il-Kummissjoni); Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni (T‑682/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:907) (Appell C‑197/19 P, Mylan Laboratories u Mylan vs Il‑Kummissjoni); Krka vs Il-Kummissjoni (T‑684/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:918) (Appell C‑151/19 P, Il-Kummissjoni vs Krka); Niche Generics vs Il-Kummissjoni (T‑701/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:921) (Appell C‑164/19 P, Niche Generics vs Il-Kummissjoni), u Unichem Laboratories vs Il‑Kummissjoni (T‑705/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:915) (Appell C‑166/19 P, Unichem Laboratories vs Il-Kummissjoni).
( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali tad‑9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
( 6 ) Punt 1 tas-sentenza appellata, u l-premessi 11 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 7 ) Premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 8 ) Punt 8 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Niche Generics vs Il-Kummissjoni (T‑701/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:921), u punt 8 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Unichem Laboratories vs Il-Kummissjoni (T‑705/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:915), u l-premessi 31 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 9 ) Punti 8 u 9 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Mylan Laboratories u Mylan vs Il-Kummissjoni (T‑682/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:907), u l-premessi 27 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 10 ) Punti 8 u 9 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Teva UK et vs Il-Kummissjoni (T‑679/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:919), u l-premessi 37 et seq. tad‑deċiżjoni kkontestata.
( 11 ) Punt 8 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Lupin vs Il-Kummissjoni (T‑680/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:908), u l-premessi 23 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 12 ) Punti 2 u 3 tas-sentenza appellata, u l-premessi 1 et seq., 86 et seq. u 2143 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 13 ) Kif kien jippermetti r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92 tat‑18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200).
( 14 ) Punt 4 tas-sentenza appellata u l-premessi 92 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 15 ) Premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 16 ) Punti 5 sa 8 tas-sentenza appellata, u l-premessi 94, 118 et seq. u 124 et seq. tad‑deċiżjoni kkontestata.
( 17 ) Punt 8 tas-sentenza appellata u l-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 18 ) Punti 9 u 10 tas-sentenza appellata, u l-premessi 8, 88 u 218 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 19 ) Premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 20 ) Punti 11 sa 27 tas-sentenza appellata, u l-premessi 129, 151 et seq., 157 et seq. u t‑tabelli fil-premessi 156 u 201 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 21 ) Punti 11 u 12 tas-sentenza appellata, u l-premessi 158 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 22 ) Punt 12 tas-sentenza appellata, u l-premessi 162 sa 170 u 962 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 23 ) Punti 16 sa 21 u 24 sa 27 tas-sentenza appellata, u l-premessi 171 sa 202 tad‑deċiżjoni kkontestata.
( 24 ) Punti 25 u 26 tas-sentenza appellata, u l-premessi 175 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 25 ) Punt 27 tas-sentenza appellata u l-premessi 193 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 26 ) Premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 27 ) Premessi 423 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 28 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Punti 16 et seq. tas-sentenza appellata, u l-premessi 483 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 30 ) Għal deskrizzjoni ddettaljata, irreferi għall-punti 29 et seq. tas-sentenza appellata, u għall-premessi 422 u 546 et seq tad-deċiżjoni kkontestata.
( 31 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Punti 20 u 21 tas-sentenza appellata, u l-premessa 677 tad-deċiżjoni kkontestata. Ara, dwar il-kawża ma’ Pharmachemie, anki l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara l-punti 23 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Punti 37 et seq. tas-sentenza appellata, u l-premessi 652 u 741 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 35 ) Punt 42 tas-sentenza appellata, u l-premessi 749 u 770 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 36 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u l-premessi 776 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 37 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Punt 24 tas-sentenza appellata, u l-premessi 1013 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 39 ) Punti 52 et seq. tas-sentenza appellata, u l-premessi 975 u 1037 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata.
( 40 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 42 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni; Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑586/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:241); Generics (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑588/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:242); Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni (C‑601/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:244); Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245), u Merck vs Il‑Kummissjoni (C‑614/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:246).
( 43 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 31, 32 u 34); Generics (UK) et (punt 45), u Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (punt 57); ara, ukoll, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il-Kummissjoni (T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 181), u Telefónica vs Il-Kummissjoni (T‑216/13, EU:T:2016:369, punt 221).
( 44 ) Sentenzi Generics (UK) et (punti 36, 37 u 39) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 55).
( 45 ) Ara s-sentenza Generics (UK) et (punt 50) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C-307/18, EU:C:2020:28, punt 83).
( 46 ) Ara s-sentenza Generics (UK) et (punti 48, 49, 51 u 52) u l-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 67 sa 85).
( 47 ) Sentenzi Generics (UK) et (punt 46) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 58).
( 48 ) Sentenzi Generics (UK) et (punti 42 sa 44, 46, 50 u 55 sa 57) u Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (punti 57, 74 sa 76 u 88); ara, ukoll, u l-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawżi Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 83 u 86 sa 88), u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2020:428, punti 59, 78 u 79).
( 49 ) Sentenzi Generics (UK) et (punti 55 sa 57); Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 57 u 78), u tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 33 u 34).
( 50 ) Sentenzi Generics (UK) et (punti 43 u 44) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 57).
( 51 ) Sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 74 u 75).
( 52 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 25), u tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 114).
( 53 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 58), u tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 71).
( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 20), u tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punt 127).
( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer (C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punt 63); tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punti 135 sa 140), u tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni (C‑595/18 P, EU:C:2021:73, punt 92). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et. (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 83); tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 80), u tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni (C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 52).
( 57 ) Sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 78 u 79).
( 58 ) Sentenzi Generics (UK) et (punt 38) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 63, 83 u 84).
( 59 ) Ara l-punti 75 u 79 sa 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 60 ) Sentenza Generics (UK) et (punt 44).
( 61 ) Ara Generics (UK) et (punt 53).
( 62 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 63 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 67 et seq.).
( 64 ) Ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 65 ) C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 56.
( 66 ) Sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 129 et seq.).
( 67 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2020:428, punti 156 u 157, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 68 ) Sentenza Generics (UK) et (punt 111).
( 69 ) Sentenza Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 114, 115 u 137).
( 70 ) Sentenzi Generics (UK) et (punt 94) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 115).
( 71 ) Ara l-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 72 ) Sentenzi Generics (UK) et (punti 90 sa 92) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 115 u 134).
( 73 ) C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 126 et seq.
( 74 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 124 sa 128 u 176).
( 75 ) Ara, fuq l-ispejjeż li r-rimbors tagħhom jista’ jkun iġġustifikat, is-sentenza Generics (UK) et (punti 84 sa 92).
( 76 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (T‑472/13, EU:T:2016:449, punt 380 u l-ġurisprudenza ċċitata)
( 77 ) Sentenza Generics (UK) et (punti 107 sa 110); ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 168 sa 172).
( 78 ) Ara l-punt 655 tas-sentenza appellata u l-premessa 1614 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 79 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 169).
( 80 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Generics (UK) et (punti 119 u 120).
( 81 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C-307/18, EU:C:2020:28, punti 124 sa 128 u 176).
( 82 ) Premessa 1561 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 83 ) Ara l-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 84 ) Ara fuq dan il-punt, diġà, il-punti 133 u 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 85 ) Sentenzi Generics (UK) et (punti 90 sa 92) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punti 115 u 134).
( 86 ) Ara l-punti 97 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 87 ) L-interpretazzjoni ta’ dawn il-klawżoli taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti li għandha ssir mill-Qorti Ġenerali: ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Anko (C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 23).
( 88 ) Sentenzi Generics (UK) et (punt 97) u Lundbeck vs Il-Kummissjoni (punt 121).
( 89 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-premessa 2127 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat li l-ksur kien beda iktar tard f’Malta u fl-Italja.
( 90 ) Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-ksur kien waqaf iktar qabel fir-Renju Unit, fis‑6 ta’ Lulju 2007, data tal-annullament tal-privattiva 947 fir-Renju Unit (punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet), kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, fit-12 ta’ Diċembru 2007, data tad-dħul b’riskju fis-suq għal Apotex (punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirreferi għall-premessi 193 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, li jindika li dan id-dħul kien seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2007).
( 91 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 92 ) Sandoz daħlet ukoll fis-suq fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit f’Mejju 2008; madankollu, hawnhekk, il-ksur, fi kwalunkwe każ, kien ikkunsidrat bħala li kien intemm f’din id-data (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 93 ) Imqassra fil-punt 54 tas-sentenza appellata u riprodotti fil-premessa 1038 tad‑deċiżjoni kkontestata.
( 94 ) Din il-korrispondenza diġà ssemmiet fil-punt 209 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 95 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni (C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punt 63).
( 96 ) Dan huwa minnu mingħajr preġudizzju għall-fondatezza tal-interpretazzjoni tal‑kontenut tal-korrispondenza stess mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 209 ta’ dawn il‑konklużjonijiet).
( 97 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63), u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 130).
( 98 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 81 sa 83); tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 258), tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 248).
( 99 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il-Kummissjoni (C‑700/19 P, EU:C:2022:484, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 100 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Corporation u Sony Electronics vs Il-Kummissjoni (C‑697/19 P, EU:C:2022:478, punt 67).
( 101 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawżi Sony Corporation u Sony Electronics vs Il-Kummissjoni, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni, Quanta Storage vs Il-Kummissjoni u Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il-Kummissjoni (C‑697/19 P sa C‑700/19 P, EU:C:2021:452, punti 100 et seq.); ara, ukoll, is‑sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il-Kummissjoni (T‑378/10, EU:T:2013:469, punt 57); ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni (T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 138), u LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88, punt 224).
( 102 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 238 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 103 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011 (T‑110/07, EU:T:2011:68).
( 104 ) Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il-Kummissjoni (T‑378/10, EU:T:2013:469, punti 59 et seq.).
( 105 ) Ara l-punti 144 sa 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 106 ) Sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 365).
( 107 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, EU:C:2005:751, punt 137), u Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:248, punt 190); ara, f’dan l-istess sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 155 u 156), u tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il‑Kummissjoni (C‑510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punti 40 u 42).
( 108 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128);tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303), u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).
( 109 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 128); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 244 u 303), u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 125).
( 110 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2000, Weig vs Il-Kummissjoni (C‑280/98 P, EU:C:2000:627, punti 63 u 68), u Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punti 97 u 99).
( 111 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 126), u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 165).
( 112 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 129); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 245); tat‑30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 57), u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il-Kummissjoni (C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 86).
( 113 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 217 u 218), u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41).
( 114 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 129 sa 134 u 195 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 115 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Generics (UK) et (punti 87 u 88) u Lundbeck vs Il‑Kummissjoni (punti 114 u 167).
( 116 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punti 113 u 114, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 117 ) Ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi mogħtija llum fil-kawża parallela C‑176/19 P, Il-Kummissjoni vs Servier et.
( 118 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 119 ) Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
( 120 ) ĠU 2006, C 210, p. 2.
( 121 ) Ara l-anness G.1, prodott mill-Kummissjoni bħala risposta għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Ġunju 2016. Ara, ukoll, it-tabella prodotta minn Servier fl-anness P.03 mar-rikors tiegħu għall-appell, ibbażata fuq il-mod ta’ kalkolu użat mill‑Kummissjoni fl-imsemmi anness G.1. B’dan il-mod ta’ kalkolu, l-ammont finali tal-multa imposta minħabba l-ftehim Lupin għal kull Stat Membru nkiseb bil-mod segwenti: [(Valur tal-bejgħ aġġustat x Ammont varjabbli) x Tul] + [Valur tal-bejgħ x Ammont addizzjonali] (l-ammont addizzjonali kien stabbilit bħala 0 fil-qafas tal‑ftehim Lupin; ara l-premessa 3139 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammonti hekk miksuba għal kull Stat Membru sussegwentament ġew magħduda għal kull wieħed mill-ftehimiet.
( 122 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 60 sa 62 u 693 sa 695), u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Printeos et vs Il-Kummissjoni (T‑466/17, EU:T:2019:671, punti 56 sa 58).
( 123 ) Dan huwa mingħajr preġudizzju tal-konsegwenzi ta’ dan l-annullament fuq il‑konstatazzjoni tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Lupin fir-rigward ta’ Lupin (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punti 49 et seq.).