Brussell, 28.10.2015

COM(2015) 538 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

f’konformità mal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

f’konformità mal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE

1.SFOND

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva tal-VAT), il-Kunsill, jekk jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jdaħħal miżuri speċjali ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. Billi din il-proċedura tipprevedi derogi mill-prinċipji ġenerali tal-VAT, derogi bħal dawn għandhom ikunu proporzjonati u għandu jkollhom kamp ta’ applikazzjoni limitat.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mibgħuta lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2015, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka talbu li jkunu awtorizzati jdaħħlu miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT. F’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 395 ta’ dik id-Direttiva, permezz ta’ ittra bid-data tat-2 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li għamlu dawn l-erba’ Stati Membri. Permezz ta’ ittra bid-data tas-7 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka u lir-Repubblika Slovakka li kellha t-tagħrif kollu li kkunsidrat meħtieġa biex tevalwa t-talba.

Dawn l-Istati Membri jitolbu li jkunu awtorizzati jdaħħlu deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa u biex japplikaw l-hekk imsejjaħ “mekkaniżmu tar-reverse charge”.

2.IR-REVERSE CHARGE

Il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li tkun qiegħda tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi. L-għan tal-mekkaniżmu tar-reverse charge huwa li din ir-responsabbiltà tingħadda lill-persuna taxxabbli li tkun saritilha l-provvista.

3.IT-TALBA

Ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka jitolbu, skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li l-Kunsill, jekk jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, kieku jawtorizza miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge b’rabta mal-provvisti kollha ta’ oġġetti jew ta’ servizzi ’l fuq minn EUR 10 000 bl-għan li tiġi miġġielda l-frodi.

Dan kieku jawtorizza lill-Istati Membri kkonċernati jimponu l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għal kwalunkwe settur, għal kwalunkwe tip individwali ta’ oġġett jew ta’ servizz li jagħżlu, possibbilment lill-ekonomija nazzjonali kollha. Dan kieku jbiddel b’mod fundamentali l-mekkaniżmu attwali ta’ ħlas frazzjonat, wieħed mill-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata s-sistema attwali tal-VAT.

4.IL-FEHMA TAL-KUMMISSJONI

Meta l-Kummissjoni tirċievi talbiet f’konformità mal-Artikolu 395, dawn jiġu eżaminati sabiex jiġi żgurat li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet bażiċi biex dawn jintlaqgħu, jiġifieri jekk il-miżura speċifika proposta tissimplifikax il-proċeduri għall-persuni taxxabbli u/jew għall-amministrazzjoni tat-taxxa jew jekk il-proposta tevitax ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni dejjem kellha approċċ limitat u kawt sabiex tiżgura li d-derogi ma jxekklux it-tħaddim tas-sistema ġenerali tal-VAT, u sabiex tiżgura li dawn ikollhom kamp ta’ applikazzjoni limitat u li dawn ikunu meħtieġa u proporzjonati.

Apparti mill-kwistjoni dwar jekk il-miżura mitluba hijiex tabilħaqq se tkun mod effettiv kif jiġu miġġielda l-frodi karużell u tipi oħra ta’ frodi jew sabiex titnaqqas id-diskrepanza fil-VAT inġenerali, u minbarra n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni li jinħalaq minn sistema fakultattiva għalkollox bħal din, huwa ċar li miżura daqstant estensiva tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deroga skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT. Il-Kummissjoni diġà indikat li l-applikazzjoni globali u mhux distinta tal-mekkaniżmu tar-reverse charge, f’dan il-każ, potenzjalment lill-oġġetti u lis-servizzi kollha ma tistax titqies iktar bħala miżura speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu msemmi hawn fuq 1 .

Jeħtieġ jintwera li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge hija ġġustifikata minħabba problema partikolari ta’ frodi u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi miġġielda dik is-sitwazzjoni ta’ frodi, li għaldaqstant jimplika li l-miżura trid tkun immirata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni teskludi li miżura bħal din kieku tkun applikabbli għal partijiet kbar tal-ekonomija jew saħansitra għal kollha kemm hi u għal fażijiet differenti tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni.

Dan huwa segwitu tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ddeċidiet li l-miżuri meħuda bl-applikazzjoni tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa, iridu jkunu meħtieġa u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan speċifiku li jridu jilħqu kif ukoll ikollhom l-inqas effett possibbli fuq l-għanijiet u fuq il-prinċipji tad-Direttiva tal-VAT 2 .

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tal-miżura mitluba, huwa ċar li se jiġi affettwat il-prinċipju fundamentali tal-ħlas frazzjonat li fuqu hija bbażata s-sistema armonizzata tal-VAT.

Hija wkoll il-fehma tal-Kummissjoni li kwalunkwe bidla sostanzjali fil-prinċipji tas-sistema tal-VAT għandha tiġi deċiża fil-livell tal-UE fil-kuntest tar-riforma tas-sistema tal-VAT, u mhux permezz ta’ soluzzjonijiet nazzjonali awtonomi.

5.KONKLUŻJONI

Abbażi tal-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tiċħad it-talba li saret mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Repubblika Ċeka u mir-Repubblika Slovakka.

(1)

F’dan il-kuntest ara COM(2015)214

(2)

Ara pereżempju l-Kawża C-489/09, Vandoorne NV, par. 27