SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
21 ta’ Mejju 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Direttiva 2001/83/KE – Artikolu 85c(1) u (2) – Prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika – Projbizzjoni tal-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ta’ kategorija ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika – Protezzjoni tas-saħħa pubblika”
Fil-Kawża C‑604/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2024, fil-proċedura
Farmakeio YZ & Sia OE
vs
Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon,
Ypourgos Ygeias,
fil-preżenza ta’:
Panellinios Farmakeftikos Syllogos,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan, D. Gratsias u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Farmakeio YZ & Sia OE, minn K. Chrysogonos, dikigoros, |
|
– |
għal Panellinios Farmakeftikos Syllogos, minn I. Dimitrellos, dikigoros, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis, V. Karra u K. Konsta, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn E. Cicatelli, procuratore dello Stato, u M. Russo, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis, E. Mathieu, A. Spina u J. Szczodrowski, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑18 ta’ Diċembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 85c(1) u (2) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata bid-Direttiva 2011/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 174, p. 74) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/83”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Farmakeio YZ & Sia OE, kumpannija rregolata mid-dritt Grieg, u, min-naħa l-oħra, l-Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon (il-Ministru għall-Iżvilupp u għall-Investiment, il-Greċja) u kif ukoll l-Ypourgos Ygeias (il-Ministru għas-Saħħa, il-Greċja) dwar azzjoni għal annullament imressqa minn din il-kumpannija kontra digriet ministerjali li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ prodotti mediċinali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, mill-ispiżeriji online ċċertifikati. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2011/62
|
3 |
Il-premessi 21 sa 24 tad-Direttiva 2011/62 jipprovdu:
|
Id-Direttiva 2001/83
|
4 |
Skont il-premessi 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/83:
|
|
5 |
Taħt it-Titolu VIIA tal-istess direttiva, intitolat “Bejgħ mill-Bogħod lill-Pubbliku”, l-Artikolu 85c jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni lill-pubbliku permezz tas-soċjetà tal-informatika [informazzjoni], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti mediċinali jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika kif definiti fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)] taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…] 2. L-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet, iġġustifikati fuq bażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, fuq il-provvista bl-imnut fit-territorju tagħhom ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika. […]” |
Id-dritt Grieg
|
6 |
L’ypourgiki apofasi G.P. oik. 22609 “Tropopoiisi tou arthrou 116 tis ypo stoicheia D.YG3a/G.P.32221/2013 koinis apofaseos ton Ypourgon Anaptyxis, Antagonistikotitas, Ypodomon, Metaforon kai Diktyon kai Ygeias […]” (id-Digriet Ministerjali G.P. oik. 22609 “Emenda tal‑Artikolu 116 tad-Digriet Konġunt D.YG3a/G.P.32221/2013, tal-Ministri għall-Iżvilupp, għall-Kompetittività, għall-Infrastruttura, għat-Trasport u għan-Networks, minn naħa, u għas-Saħħa, min-naħa l-oħra, […]”), tad‑19 ta’ April 2022, adottat b’mod konġunt mill-Ministru għall-Iżvilupp u għall-Investiment u l-Ministru għas-Saħħa (FEK B’ 1965/20.4.2022) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali”), jispeċifika l-kategoriji ta’ prodotti mediċinali li jistgħu jinbiegħu mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, mill-ispiżeriji online. Skont l-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet ministerjali, huwa indikat dan li ġej: “Huwa pprojbit il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika. Għall-prodotti mediċinali oħra, il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku huwa awtorizzat permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni mill-ispiżeriji online li ġew iċċertifikati għal dan l-għan mill-[Panellinios Farmakeftikos Syllogos (l-Ordni tal-Ispiżjara)] b’applikazzjoni ta’ [la koini apofasi G5(b)/G.P. oik. 20293 ton Ypourgon Oikonomias, Anaptyxis kai Tourismou kai Ygeias “Orismos armodias Archis gia tin Pistopoiisi ilektronikon katastimaton farmakeion” (id-Digriet Konġunt G5(b)/G.P. oik. 20293 tal-Ministri għall-Ekonomija, għall-Iżvilupp u għat-Turiżmu, minn naħa, u għas-Saħħa, min-naħa l-oħra, dwar il-‘Ħatra tal-Awtorità Kompetenti għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Ispiżeriji online’), tal‑15 ta’ Marzu 2016 (FEK B’ 787/23.3.2016)], biss għall-prodotti mediċinali li, konformement mal-awtorizzazzjoni tagħhom sabiex jitqiegħdu fis-suq, huma kklassifikati jew ġew ikklassifikati taħt is-sottokategorija ta’ prodotti farmaċewtiċi b’aċċess liberu (prodotti mediċinali b’aċċess liberu […]) fi ħdan il-kategorija ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika (MNP), konformement mad-dispożizzjonijiet ta[l-apofasi G5(a)51194 tou Ypourgou Ygeias (id-Digriet G5(a)51194 tal-Ministru għas-Saħħa), tal-14 ta’ Lulju 2016 (FEK B’ 2219/18.7.2016)]. Il-bord tad-diretturi tal-[Ethnikos Organismos Farmakon (il-Korp Nazzjonali tal-Prodotti Mediċinali, iktar ’il quddiem l-‘OEF’] jimponi fuq min iwettaq il-ksur multa ta’ bejn għoxrin elf euro (EUR 20000) u mitt elf euro (EUR 100000) u, f’każ ta’ reċidiva, ta’ bejn ħamsin elf euro (EUR 50000) u mitejn elf euro (EUR 200000). Il-pieni ta’ hawn fuq jiżdiedu ma’ kwalunkwe piena oħra.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
7 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali topera spiżerija farmaċewtika fiżika fil-Greċja u tbigħ ukoll online oġġetti kkummerċjalizzati minn spiżerija, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam farmaċewtiku. |
|
8 |
Fil-25 ta’ Mejju 2022, hija adixxiet lis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), li huwa l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni għal annullament imressqa kontra d-Digriet Ministerjali, li jemenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, minħabba li dan issa jawtorizza l-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, mill-ispiżeriji online ċċertifikati, biss ta’ sottokategorija ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika, jiġifieri l-prodotti mediċinali b’aċċess liberu, bl-esklużjoni ta’ prodotti mediċinali oħra li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, is-sottokategorija ta’ prodotti mediċinali b’aċċess liberu tinkludi prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mhux biss fl-ispiżeriji, iżda wkoll fi ħwienet oħra, mingħajr ma hija meħtieġa l-preżenza ta’ spiżjar jew ta’ assistent spiżjar. Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali fis-seħħ qabel l-adozzjoni ta’ dan id-digriet ministerjali, kif saret minn dik il-qorti, jirriżulta li l-ispiżeriji online ċċertifikati kienu preċedentement awtorizzati jbigħu lill-pubbliku, permezz tal-internet, mingħajr distinzjoni, il-prodotti mediċinali kollha li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika kif ukoll prodotti mediċinali mhux irrimborsati mill-organi tas-sigurtà soċjali. |
|
9 |
Insostenn tal-azzjoni tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li r-restrizzjoni introdotta mid-Digriet Ministerjali meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti tmur kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, ebda raġuni ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika ma tiġġustifika, f’dan il-każ, tali miżura fis-sens tal-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva. Hija żżid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida introdotta bid-Digriet Ministerjali tibqa’, fil-prattika, mingħajr effett peress li, fis-suq Grieg, ebda prodott mediċinali ma ġie kklassifikat mill-awtorità nazzjonali kompetenti fis-sottokategorija ta’ prodotti mediċinali b’aċċess liberu. |
|
10 |
L-awtoritajiet nazzjonali li adottaw id-Digriet Ministerjali u l-Panellinios Farmakeftikos Syllogos (l-Ordni tal-Ispiżjara, il-Greċja) isostnu, min-naħa tagħhom, li raġunijiet ta’ interess ġenerali marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika kienu jeżiġu l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida, konformement mal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-possibbiltà, prevista mis-sistema nazzjonali preċedenti, għall-ispiżeriji online li jbigħu mingħajr distinzjoni l-prodotti mediċinali kollha li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika u l-prodotti mediċinali mhux irrimborsati kellha l-effett li tirrendi aċċessibbli online iktar minn 1000 tip ta’ prodotti mediċinali, li huwa ta’ natura li jirrendi iktar diffiċli l-kontroll tal-polifarmaċija, jiġifieri l-konsum eċċessiv ta’ prodotti mediċinali, kif ukoll il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ prodotti mediċinali ffalsifikati jew mhux konformi. Il-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali, inkluż meta ma jkunux suġġetti għal preskrizzjoni medika, jippreżenta riskji għas-saħħa pubblika peress li jċaħħad, essenzjalment, lill-ispiżjar mill-possibbiltà li jidentifika l-utent finali. Fil-fehma tagħhom, id-Digriet Ministerjali jippermetti wkoll li jiġi limitat il-preġudizzju kkawżat lill-“garanzija ta’ sigurtà” marbuta mal-provvista ta’ prodotti mediċinali minn spiżjar personalment peress li dan ir-riskju ma jeżistix fir-rigward tal-prodotti mediċinali b’aċċess liberu minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom. Barra minn hekk, il-provvista, mill-ispiżeriji online, tal-prodotti mediċinali kollha li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika u tal-prodotti mediċinali mhux irrimborsati ma tissodisfa, fil-Greċja, ebda bżonn partikolari fid-dawl tat-tqassim ġeografiku ottimali u razzjonali tal-ispiżeriji fit-territorju nazzjonali. Fl-aħħar nett, l-Ordni tal-Ispiżjara tinvoka, insostenn tal-argument tagħha, il-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ f’Ċipru u fil-Portugall, li jirrestrinġu, fil-fehma tagħha, it-tqegħid għad-dispożizzjoni permezz tal-internet ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. |
|
11 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-bejgħ mill-bogħod permezz tal-internet lill-pubbliku biss ta’ sottokategorija ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, fid-dawl tas-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664), u tad‑29 ta’ Frar 2024, Doctipharma (C‑606/21, EU:C:2024:179). Minn din il-ġurisprudenza hija tiddeduċi li l-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83 ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali jipprojbixxi l-bejgħ bl-internet ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. Għaldaqstant, hija tqis li d-Digriet Ministerjali għandu jiġi annullat. |
|
12 |
Madankollu, fl-assenza ta’ ġurisprudenza espliċita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward u fid-dawl tal-argument tal-Ordni tal-Ispiżjara bbażat fuq l-eżistenza tar-regolamenti Ċiprijotti u Portugiżi f’dan il-qasam, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ ċerti prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. |
|
13 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
14 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 85c(1) u (2) tad-Direttiva 2001/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tipprojbixxi l-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, minn spiżeriji online li jużaw is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika, bl-eċċezzjoni ta’ sottokategorija tagħhom. |
|
15 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83 jipprovdi li, “[b]la ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni lill-pubbliku permezz tas-soċjetà tal-informatika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti mediċinali jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika […], taħt il-kundizzjonijiet […] [elenkati fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu 1]”. |
|
16 |
Mit-tieni parti tas-sentenza ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-prodotti mediċinali jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. In-natura ġenerali ta’ dan it-terminu kif ukoll l-użu tal-artikolu ddefinit f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Griega, Franċiża, Taljana u Portugiża, jindikaw li l-obbligu hekk impost fuq l-Istati Membri jirrigwarda l-prodotti mediċinali kollha. Fil-fatt, din il-parti tas-sentenza ma tinkludi ebda indizju tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel distinzjoni bejn kategoriji li jista’ jkun hemm ta’ prodotti mediċinali. |
|
17 |
Madankollu, l-ewwel parti tas-sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti eċċezzjoni għal dan l-obbligu sa fejn l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika tista’ tkun ipprojbita abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Apothekerkammer Nordrhein, C‑517/23, EU:C:2025:122, punt 74). |
|
18 |
Konsegwentement, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83 jirriżulta li l-obbligu li huwa jipprevedi jirrigwarda l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, tal-prodotti mediċinali kollha li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Doctipharma, C‑606/21, EU:C:2024:179, punt 41). |
|
19 |
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, bl-eċċezzjoni ta’ sottokategorija tagħhom, tikser l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83. |
|
20 |
Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva, li skontu l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet, iġġustifikati mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika, fuq il-provvista bl-imnut, fit-territorju tagħhom, ta’ prodotti mediċinali offerti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. |
|
21 |
Għalkemm, minħabba l-użu tat-terminu “kundizzjonijiet” kemm fil-paragrafu 1 kif ukoll fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 85c tal-imsemmija direttiva, jista’ jitqies li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jissuġġettaw il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku tal-prodotti mediċinali kollha li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika għal kundizzjonijiet addizzjonali għal dawk espressament elenkati f’dan il-paragrafu 1(a) sa (d), għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi li jiġu offruti għall-bejgħ online lill-pubbliku prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, bl-eċċezzjoni ta’ sottokategorija tagħhom, bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “kundizzjoni” għall-provvista bl-imnut ta’ prodotti mediċinali, fis-sens tal-Artikolu 85c(2) tal-istess direttiva. |
|
22 |
Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tawtorizza biss b’mod parzjali l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. Issa, il-kundizzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 ma jistax ikollhom l-effett li jċaħħdu mis-sustanza tiegħu l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu 85c, li jiżguraw li l-prodotti mediċinali, tal-inqas il-prodotti mediċinali kollha li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, filwaqt li jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Doctipharma, C‑606/21, EU:C:2024:179, punti 55 u 56). |
|
23 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata kemm mill-oriġini tal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. |
|
24 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ din l-oriġini, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2011/62 daħħlet, fi ħdan id-Direttiva 2001/83, it-Titolu VIIA, intitolat “Bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku”, li taħtu jaqa’ b’mod partikolari l-Artikolu 85c ta’ din tal-aħħar. |
|
25 |
Mill-premessa 24 tad-Direttiva 2011/62, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-Artikolu 85c(1) u (2) tad-Direttiva 2001/83, jirriżulta li għalkemm l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu kundizzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika f’dak li jirrigwarda l-provvista bl-imnut tal-prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx madankollu jirrestrinġu indebitament il-funzjonament tas-suq intern. Issa, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali ostakolu jista’ jseħħ jekk il-portata tal-obbligu li jiġi awtorizzat il-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika tiġi mqiegħda f’dubju b’mod unilaterali minn Stat Membru. |
|
26 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-punti 76 u 124 tas-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664), il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat il-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali bil-korrispondenza, f’dan il-każ permezz tal-internet, prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala “miżura li għandha effett ekwivalenti” għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 28 KE, li sar l-Artikolu 34 TFUE. Hija qieset ukoll li, għalkemm tali miżura setgħet tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa, imsemmija fl‑Artikolu 30 KE, li sar l-Artikolu 36 TFUE, sa fejn din il-miżura tirrigwarda l-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, dan l-aħħar artikolu ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika projbizzjoni assoluta ta’ bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika fl-Istat Membru kkonċernat. |
|
27 |
Mill-premess jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jieħu inkunsiderazzjoni, fl-adozzjoni tal-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83, it-tagħlim dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kummerċjalizzazzjoni online tal-prodotti mediċinali. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fatt, illimita iktar il-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri f’dan il-qasam, billi stabbilixxa l-obbligu li jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, il-prodotti mediċinali kollha li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. |
|
28 |
Minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 sabiex jimponu kundizzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika f’dak li jirrigwarda l-provvista bl-imnut, fit-territorju tagħhom, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, meta tali kundizzjonijiet ikollhom l-effett li jċaħħdu mill-effett utli tiegħu l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 85c. |
|
29 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/83, mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tfittex li tissalvagwardja s-saħħa pubblika, b’mod partikolari, permezz tal-ġlieda kontra l-bejgħ illegali ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku permezz tal-internet, kif ipprovdut fil-premessa 21 tad-Direttiva 2011/62. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 3 tad-Direttiva 2001/83, dan l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika għandu jintlaħaq mingħajr ma jixxekkel il-kummerċ ta’ prodotti mediċinali fi ħdan l-Unjoni. |
|
30 |
Minn din il-perspettiva tal-aħħar, l-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jawtorizzaw il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, tal-prodotti mediċinali kollha li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. Fil-kuntest tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316), iċċitata, permezz ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna, fil-premessi 22 u 23 tad-Direttiva 2011/62, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-punti (a) sa (d), il-kundizzjonijiet marbuta mal-persuni, mal-prodotti mediċinali u mas-siti tal-internet li għalihom huwa suġġett il-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija dispożizzjoni tirriżerva għall-Istati Membri, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, il-kompetenza sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti li dawn il-persuni għandhom jissodisfaw. |
|
31 |
Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83 ikunu ssodisfatti, Stat Membru ma jistax jipprojbixxi l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika. |
|
32 |
Għaldaqstant, għalkemm, ċertament, l-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jimponu, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, kundizzjonijiet dwar il-provvista bl-imnut, fit-territorju tagħhom, ta’ prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, “kundizzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax, madankollu, tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu, għal tali raġunijiet, projbizzjoni li jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ tali servizzi, prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, bl-eċċezzjoni ta’ sottokategorija minnhom, peress li tali projbizzjoni jkollha l-konsegwenza li tikkomprometti l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, billi ċċaħħad l-Artikolu 85c(1) tagħha mill-effett utli tiegħu. |
|
33 |
Għalhekk, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 ma jistax ikollhom effett fuq il-portata tal-obbligu ddefinit fl-Artikolu 85c(1) ta’ din id-direttiva u lanqas fuq il-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, il-kompetenza rrikonoxxuta lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kontenut tal-“kundizzjonijiet, iġġustifikati fuq bażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, fuq il-provvista bl-imnut”, fis-sens ta’ dan il-paragrafu 2, hija neċessarjament limitata sa fejn din tista’ tirrigwarda biss il-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali lill-pubbliku, jiġifieri l-kundizzjonijiet relatati mat-tranżazzjonijiet imwettqa għall-provvista bl-imnut, fit-territorju tagħhom, tal-imsemmija prodotti mediċinali. |
|
34 |
Dawn il-kundizzjonijiet, li għandhom ikunu ġġustifikati minn raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jistgħu japplikaw għal miżuri maħsuba sabiex inaqqsu r-riskji assoċjati mal-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali. Kif tissuġġerixxi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dawn jistgħu jikkonsistu, pereżempju, fl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi effikaċi ta’ kontroll tal-konsum tal-prodotti mediċinali, bħall-istabbiliment ta’ limiti massimi fuq l-ordnijiet mill-konsumatur jew il-ħolqien ta’ sistema online ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ data dwar is-saħħa tal-konsumatur sabiex tiġi miġġielda l-polifarmaċija. |
|
35 |
F’dan il-kuntest, ma huwiex eskluż li l-Istati Membri jissuġġettaw għal tali kundizzjonijiet kategorija speċifika ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, pereżempju, minħabba l-karatteristiċi terapewtiċi partikolari tagħhom, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jippreġudikawx il-possibbiltà li dawn il-prodotti mediċinali jiġu offruti għal tali bejgħ, kif jirriżulta mill-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83. |
|
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 85c(1) u (2) tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tipprojbixxi l-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, minn spiżeriji online li jużaw is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, bl-eċċezzjoni ta’ sottokategorija minnhom. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
|
37 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 85c(1) u (2) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata mid-Direttiva 2011/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tipprojbixxi l-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, minn spiżeriji online li jużaw is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, bl-eċċezzjoni ta’ sottokategorija minnhom. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.