SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) – Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Artikolu 69 – Kunċett ta’ ‘nefqa eliġibbli’ – Artikoli 4 u 125 – Regolament (UE) Nru 508/2014 – Artikolu 48(1)(c) – Modernizzazzjoni ta’ unità tal-akkwakultura – Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Artikolu 33 – Prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba – Kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti f’art u f’kostruzzjonijiet li jinsabu fuq din l-art – Rabta diretta bejn il-kontribuzzjoni in natura u l-operazzjoni ffinanzjata”

Fil-Kawża C‑392/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura

Rustrans SRL

vs

Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale – Direcţia Generală Pescuit – Autoritatea de Management pentru POPAM,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tmien Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale – Direcţia Generală Pescuit – Autoritatea de Management pentru POPAM, minn F. I. Barbu, bħala aġent,

–

għall-Gvern Rumen, minn R. Antonie, M. Chicu u E. Gane, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hradil, C. Perrin u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 149, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 88, p. 22 u fil-ĠU 2020, L 326, p. 16), tal-Artikoli 4, 69 u 125 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155), kif ukoll tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Rustrans SRL u l-Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale – Direcţia Generală Pescuit – Autoritatea de Management pentru (Programul Operational pentru Pescuit si Afaceri Maritime (POPAM)) (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, Direttorat Ġenerali għas-Sajd, Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operazzjonali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (POPAM), ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd”) dwar il-legalità ta’ att amministrattiv li permezz tiegħu dan tal-aħħar ikkonstata li xi irregolaritajiet kienu jaffettwaw il-proġett ta’ finanzjament li minnu bbenefikat Rustrans u naqqas l-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lilha permezz tal-istabbiliment ta’ dejn baġitarju.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1303/2013

3

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1303/2013, intitolat “Il-prinċipji ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 8 tiegħu:

“Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Finanzjarju […]”

4

L-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eliġibbiltà”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   L-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tiġi ddeterminata abbażi tar-regoli nazzjonali, ħlief fejn ikunu stabbiliti r-regoli speċifiċi f’dan ir-Regolament jew abbażi tiegħu jew tar-regoli speċifiċi għall-Fondi.

2.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-[Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, iktar ’il quddiem il-“Fondi SIE”] jekk tkun saret minn benefiċjarju u ġiet imħallsa bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-programm lill-Kummissjoni jew mill‑1 ta’ Jannar 2014, skont liema data tiġi l-ewwel, u l‑31 ta’ Diċembru 2023. Barra minn hekk, in-nefqa għandha tkun eliġibbli biss għal kontribuzzjoni mill-[Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)] jekk l-għajnuna rilevanti fil-fatt titħallas mill-aġenzija tal-pagamenti bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑31 ta’ Diċembru 2023.”

5

L-Artikolu 67 tal-imsemmi regolament, intitolat “Forom ta’ għotjiet u għajnuna li titħallas lura”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għotjiet u l-għajnuna li titħallas lura jistgħu jkunu fi kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

rimborż tal-ispejjeż eliġibbli li jkunu realment imġarrba u mħallsa, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet in natura u deprezzament, fejn applikabbli;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 69 tal-istess regolament, intitolat “Regoli tal-eliġibbiltà speċifiċi għall-għotjiet u l-għajnuna li titħallas lura”:

“1.   Kontribuzzjonijiet in natura fil-forma tal-provvista ta’ xogħlijiet, oġġetti, servizzi, art u proprjetà immobbli li għalihom ma jkun sar ebda pagament fi flus sostnut minn fatturi jew minn dokumenti ta’ valur probatorju ekwivalenti, jistgħu jkunu eliġibbli bil-kundizzjoni li r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-Fondi ESI u tal-programm jipprevedu dan u li l-kriterji kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

l-appoġġ pubbliku mogħti lill-operazzjoni li jinkludi kontribuzzjonijiet in natura ma jaqbżux in-nefqa totali eliġibbli, minbarra kontribuzzjonijiet in natura, fl-aħħar tal-operazzjoni;

(b)

il-valur attribbwit lill-kontribuzzjonijiet in natura ma jaqbiżx l-ispejjeż aċċettati ġeneralment fis-suq in kwistjoni;

(c)

il-valur u t-twassil tal-kontribuzzjonijiet jista’ jiġi vvalutat u vverifikat b’mod indipendenti;

(d)

fil-każ tal-provvista ta’ art jew ta’ proprjetà immobbli, jista’ jsir pagament bi flus kontanti għall-finijiet ta’ ftehim ta’ kiri ta’ ammont nominali annwalment li ma jaqbiżx unità singola tal-munita tal-Istat Membru;

(e)

fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet in natura fil-forma ta’ xogħol mhux imħallas, il-valur ta’ dak ix-xogħol jiġi ddeterminat billi jitqies il-ħin meħud ivverifikat u r-rata ta’ rimunerazzjoni għal xogħol ekwivalenti.

Il-valur tal-art jew tal-proprjetà immobbli msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi ċċertifikat minn espert kwalifikat indipendenti jew minn korp uffiċjali awtorizzat kif mistħoqq u ma jaqbiżx il-limitu stipulat fil-punt (b) tal-paragrafu 3.

[…]

3.   L-ispejjeż li ġejjin m’għandhomx ikunu eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi ESI u mill-ammont ta’ appoġġ trasferit mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-[Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa] kif imsemmi fl-Artikolu 92(6):

[…]

(b)

ix-xiri ta’ art mhux mibnija u ta’ art mibnija fl-ammont li jaqbeż l‑10 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-operazzjoni kkonċernata. Għal siti abbandunati u għal dawk li qabel kellhom użu industrijali li jinkludu bini, dak il-limitu għandu jiżdied għal 15 %. F’każi eċċezzjonali u debitament ġġustifikati, il-limitu jista’ jittella’ ’l fuq mill-perċentwali imsemmijin qabel għall-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni ambjentali;

[…]”

7

L-Artikolu 125 tar-Regolament Nru 1303/2013, intitolat “Il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ġestjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm operazzjonali skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba.

[…]

3.   Fir-rigward tas-selezzjoni tal-operazzjonijiet, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha:

(a)

tfassal u, ladarba approvati, tapplika proċeduri u kriterji xierqa ta’ selezzjoni li:

(i)

tiżgura l-kontribuzzjoni tal-operazzjonijiet għall-kisba ta’ objettivi u riżultati speċifiċi tal-prijorità rilevanti;

(ii)

huma non-diskriminatorji u trasparenti;

(iii)

iqisu l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8;

(b)

tiżgura li l-operazzjoni magħżula taqa’ fl-ambitu tal-[Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)], tal-Fond jew il-Fondi kkonċernati u tista’ tkun attribwita għal kategorija ta’ intervent jew, fil-każ tal-FEMS, miżura identifikata fil-prijorità jew fil-prijoritajiet tal-programm operazzjonali;

[…]”

Ir‑Regolament Nru 508/2014

8

L-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 508/2014, intitolat “Investimenti produttivi fl-akkwakultura”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-FEMS jista’ jappoġġa:

[…]

(c)

il-modernizzazzjoni tal-unitajiet tal-akkwakultura inkluż it-titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sikurezza tal-ħaddiema fis-settur tal-akkwakultura;

[…]”

Ir‑Regolament 2018/1046

9

L-Artikolu 2 tar-Regolament 2018/1046, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

59.

‘ġestjoni finanzjarja tajba’ tfisser l-implimentazzjoni tal-baġit f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività;

[…]”

10

L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prestazzjoni u prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u b’hekk għandhom jiġu implimentati b’osservanza lejn il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-prinċipju tal-ekonomija li jirrikjedi li r-riżorsi użati mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha għandhom ikunu disponibbli fi żmien debitu, fi kwantità u kwalità xierqa u bl-aħjar prezz;

(b)

il-prinċipju tal-effiċjenza li jikkonċerna l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati, l-attivitajiet imwettqa u l-kisba tal-objettivi;

(c)

il-prinċipju tal-effikaċja li jikkonċerna kemm intlaħqu l-objettivi fil-mira permezz tal-attivitajiet imwettqa.”

11

L-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kontroll intern tal-implimentazzjoni tal-baġit”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, il-baġit għandu jiġi implimentat f’konformità mal-kontroll intern effettiv u effiċjenti adatt għal kull metodu ta’ implimentazzjoni, u skont ir-regoli speċifiċi għas-settur.”

Id‑dritt Rumen

12

L-Artikolu 4 tal-Hotărârea guvernului nr. 347 privind stabilirea cadrului general de implementare a operațiunilor cofinanțate din Fondul European pentru Pescuit și Afaceri Maritime prin Programul operațional pentru pescuit și afaceri maritime 2014‑2020 (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 347/2016 relatati mal-Istabbiliment tal-Qafas Ġenerali għall-Implimentazzjoni ta’ Operazzjonijiet Kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd permezz tal-Programm Operattiv għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014‑2020), tal‑11 ta’ Mejju 2016 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 368 tat‑12 ta’ Mejju 2016), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-għoti tal-finanzjament, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 6, sabiex tkun eliġibbli, nefqa għandha tissodisfa b’mod kumulattiv il-kundizzjonijiet li ġejjin ta’ natura ġenerali:

(a)

li tkun ġiet impenjata mill-benefiċjarju u effettivament imħallsa minnu taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u l‑31 ta’ Diċembru 2023, bil-kundizzjoni li l-operazzjoni kofinanzjata ma tkunx tlestiet materjalment jew kompletament implimentata qabel ma t-talba għal finanzjament taħt il-Programm Operattiv għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014‑2020 tiġi ppreżentata mill-benefiċjarju lill-awtorità ta’ ġestjoni, irrispettivament minn jekk il-pagamenti kollha relatati jkunux saru jew le mill-benefiċjarju, skont l-Artikolu 65(6) tar-[Regolament Nru 1303/2013];

(b)

tkun akkumpanjata minn fatturi maħruġa skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Istat li fih ikunu nħarġu, jew minn dokumenti ta’ kontabbiltà oħra li abbażi tagħhom ikun ġie rreġistrat l-obbligu ta’ ħlas, kif ukoll minn dokumenti ta’ sostenn dwar il-pagament u dwar ir-realtà tan-nefqa mwettqa, li abbażi tagħhom l-ispejjeż jistgħu jiġu vverifikati/ikkontrollati/awditjati/iċċertifikati, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż relatati mal-għajnuna rimborsabbli mogħtija taħt waħda mill-forom previsti fl-Artikolu 67(1)(b), (c) u (d) tar-[Regolament Nru 1303/2013];

(c)

tkun konformi mal-kuntratt ta’ finanzjament konkluż bejn il-[Ministerul Agriculturii și Dezvoltării Rurale (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, ir-Rumanija)], permezz tal-Awtorità ta’ Ġestjoni [tal-Programm għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd], u l-benefiċjarju;

(d)

tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u dawk nazzjonali applikabbli;

(e)

tkun tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-programm;

(f)

tkun irreġistrata fil-kontabbiltà tal-benefiċjarju skont l-Artikolu 67 tar-[Regolament Nru 1303/2013].

2.   L-infiq relatati mas-subappalt huwa eliġibbli sa massimu ta’ 30 % tal-ammont totali eliġibbli tal-kuntratt ta’ xogħol u/jew ta’ impriża.

3.   L-infiq relatati mas-subappalt ta’ servizzi huwa eliġibbli sa massimu ta’ 40 % tal-ammont totali eliġibbli tal-kuntratt ta’ servizzi.”

13

L-Artikolu 2(1)(a) tal-Ordonanța de urgență a guvernului nr. 66 privind prevenirea, constatarea și sancționarea neregulilor apărute în obținerea și utilizarea fondurilor europene și/sau a fondurilor publice naționale aferente acestora (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66 dwar il-Prevenzjoni, ir-Rikonoxximent u s-Sanzjoni tal-Irregolaritajiet Misjuba fil-Kisba u l-Użu ta’ Fondi Ewropej u/jew Fondi Pubbliċi Nazzjonali Relatati), tad‑29 ta’ Ġunju 2011 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 461 tat‑30 ta’ Ġunju 2011, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 66/2011”), jiddefinixxi l-“irregolarità”, fis-sens tiegħu, bħala “kull devjazzjoni mil-legalità, mir-regolarità u mill-konformità, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u/jew Ewropej, kif ukoll tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali jew ta’ impenji oħra legalment konklużi abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li tirriżulta minn azzjoni jew minn nuqqas ta’ azzjoni tal-benefiċjarju jew tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ġestjoni tal-fondi Ewropej, li għandha, jew li jista’ jkollha, l-effett li tippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni/il-baġits ta’ donaturi pubbliċi internazzjonali u/jew fondi pubbliċi nazzjonali relatati, b’riżultat ta’ ammont imħallas indebitament”.

14

L-Artikolu 3 tal-OUG Nru 66/2011 jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jiġġestixxu l-fondi Ewropej għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni Ewropea jew id-donaturi internazzjonali, kif xieraq.

2.   Meta jagħżlu u japprovaw it-talbiet għal appoġġ finanzjarju, l-awtoritajiet kompetenti għall-ġestjoni tal-fondi Ewropej għandhom jużaw ir-regoli u l-proċeduri li jiżguraw konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

ġestjoni finanzjarja tajba bbażata fuq il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effikaċja u ta’ effiċjenza;

(b)

il-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa u ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju;

(c)

it-trasparenza – it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe persuna interessata ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ fondi Ewropej;

(d)

il-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess matul il-proċedura ta’ selezzjoni tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati;

(e)

l-esklużjoni tal-kumulu – l-attività li hija s-suġġett ta’ talba għal finanzjament minn fondi Ewropej ma tistax tibbenefika minn appoġġ finanzjarju minn sorsi oħra ta’ finanzjament mhux rimborsabbli, bl-eċċezzjoni tal-ammonti li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mogħtija skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

3.   Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament mhux rimborsabbli, il-benefiċjarji għandhom josservaw:

(a)

il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, ibbażat fuq il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effikaċja u ta’ effiċjenza;

(b)

il-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa u ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju, f’konformità mal-kuntratt ta’ finanzjament u mal-leġiżlazzjoni applikabbli;

(c)

il-prinċipju ta’ trasparenza, f’konformità mal-kuntratt ta’ finanzjament u mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

3 bis.   Skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, l-awtoritajiet kompetenti għall-ġestjoni tal-fondi Ewropej u l-benefiċjarji tad-dritt pubbliku huma obbligati jiżviluppaw u japplikaw proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jiżguraw ir-regolarità tal-għoti u tal-użu tal-fondi.”

15

L-Ordinul nr. 816/2016 al ministrului agriculturii și dezvoltării rurale privind aprobarea Listei detaliate a cheltuielilor eligibile pentru operațiunile finanțate, inclusiv cheltuielile de personal ale Autorității de management, în cadrul Programului operațional pentru pescuit și afaceri maritime 2014‑2020 (id-Digriet Nru 816/2016 tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali li Japprova l-Lista Ddettaljata tal-Infiq Eliġibbli għall-Operazzjonijiet Iffinanzjati, Inklużi l-Ispejjeż tal-Persunal tal-Awtorità ta’ Ġestjoni, fil-Kuntest tal-Programm Operattiv għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014‑2020), tal‑24 ta’ Mejju 2016 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 401 tas‑26 ta’ Mejju 2016), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-għoti tal-finanzjament, jinkludi anness li jinkludi l-lista ddettaljata tal-infiq eliġibbli għall-operazzjonijiet iffinanzjati, inkluż l-infiq tal-persunal tal-Korp ta’ Ġestjoni, fil-kuntest tal-Programm Operattiv għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014‑2020.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Rustrans ippreżentat quddiem l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd talba għal finanzjament taħt il-Programm Operattiv għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014‑2020, ibbażata b’mod partikolari fuq l-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament Nru 508/2014 (iktar ’il quddiem it-“talba għal finanzjament”), bl-għan li jitwettaq proġett ta’ estensjoni u ta’ diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-akkwakultura (iktar ’il quddiem il-“proġett ikkonċernat”). Permezz ta’ dan il-proġett, Rustrans xtaqet ittejjeb il-kompetittività tagħha billi timmodernizza l-unità tal-akkwakultura tagħha, iżżid il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha u tottimizza l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha, billi takkwista tagħmir teknoloġiku u apparat tal-ogħla livell speċifiku għall-akkwakultura.

17

Fil-kuntest tal-imsemmi proġett, Rustrans impenjat ruħha li tagħti, fil-forma ta’ kontribuzzjoni in natura, art u l-kostruzzjonijiet li jinsabu fuqha, li fosthom kien hemm b’mod partikolari farm tal-ħut, fejn din il-kontribuzzjoni saret bil-valuri ddeterminati fit-talba għal finanzjament.

18

Fit‑18 ta’ Settembru 2018, Rustrans u l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ikkonkludew kuntratt ta’ finanzjament għall-proġett ikkonċernat. Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, ingħata finanzjament mhux rimborsabbli lil Rustrans għax-xiri ta’ tagħmir, ta’ magni teknoloġiċi u ta’ apparat.

19

L-ammont totali tal-kuntratt ta’ finanzjament kien ta’ 19 151 676.06 leu Rumen (madwar EUR 3850000), li minnhom ingħata ammont ta’ RON 5 009 988.24 (madwar EUR 1000000) mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd bħala finanzjament mhux rimborsabbli, jiġifieri 28.67 % tal-ammont totali eliġibbli approvat.

20

Għal dan il-finanzjament mhux rimborsabbli ta’ RON 5 009 988.24, il-kontribuzzjoni tal-FEMS kienet tammonta għal RON 3 757 491.18 (madwar EUR 755000), jiġifieri 75 % tal-ammont tal-finanzjament mhux rimborsabbli, u dik tal-baġit nazzjonali kienet tammonta għal RON 1 252 497.06 (madwar EUR 250000), jiġifieri 25 % tal-ammont tal-finanzjament mhux rimborsabbli.

21

Il-kontribuzzjoni ta’ Rustrans taħt il-kofinanzjament eliġibbli, li tikkonsisti f’kontribuzzjoni in natura fil-forma ta’ provvista ta’ art u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqha, li tinkludi farm tal-ħut, kienet tammonta għal RON 12 467 883.69 (madwar EUR 2500000), jiġifieri 71.33 % tal-ammont totali eliġibbli.

22

Il-valur tal-art mogħtija in natura minn Rustrans kien jammonta għal RON 1 505 336.03 (madwar EUR 301000), jiġifieri 8.61 % tal-ammont totali eliġibbli.

23

Tressqu erba’ talbiet għal rimbors minn Rustrans wara l-implimentazzjoni tal-proġett ikkonċernat, li wasslu għall-ħlas, favuriha, ta’ ammont totali ta’ RON 4 826 294.03 (madwar EUR 965000), li minnhom RON 3 619 720.51 (madwar EUR 724000) kienu kontribuzzjoni tal-FEMS (75 %) u RON 1 206 573.51 (madwar EUR 240000) kienu kontribuzzjoni mill-baġit nazzjonali (25 %).

24

Matul l‑2021, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd tal-Kummissjoni wettaq awditu li żvela l-eżistenza ta’ żewġ irregolaritajiet fir-rigward tal-modalitajiet ta’ aċċettazzjoni mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd tar-rimbors tal-infiq relatat ma’ kontribuzzjoni in natura mogħtija għal proġett fil-forma ta’ provvista ta’ art u ta’ kostruzzjonijiet. L-ewwel irregolarità identifikata kienet tikkonsisti fi ksur tal-Artikolu 69(1) u (3)(b) tar-Regolament Nru 1303/2013, peress li l-infiq relatat ma’ din il-kontribuzzjoni kien jaqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tal-infiq totali eliġibbli ta’ dawn il-proġetti. It-tieni irregolarità kienet tirrigwarda l-assenza ta’ rabta bejn l-imsemmija kontribuzzjoni in natura u l-operazzjoni ffinanzjata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, stabbilit fl-Artikolu 4(8) u fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Nru 1303/2013 u fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046.

25

F’dan il-kuntest, l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd wettqet verifiki dwar il-proġett ikkonċernat. Permezz ta’ proċess verbal ta’ konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ determinazzjoni tad-djun baġitarji tad‑19 ta’ Ottubru 2022, din tal-aħħar ikkonstatat irregolaritajiet, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tal-OUG Nru 66/2011, dwar, minn naħa, l-assenza ta’ rabta diretta bejn il-kontribuzzjoni in natura u l-operazzjoni ffinanzjata u, min-naħa l-oħra, il-qbiż tal-limitu ta’ 10 % tal-infiq totali eliġibbli, previst fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 1303/2013.

26

Għaldaqstant, ġie stabbilit dejn baġitarju ta’ RON 3 378 392.20 (madwar EUR 676000), li minnu RON 2 533 794.15 (madwar EUR 507000) kienet kontribuzzjoni tal-FEMS, u RON 844 598.05 (madwar EUR 169000) kienet kontribuzzjoni mill-baġit nazzjonali.

27

Fis‑7 ta’ Novembru 2022, Rustrans adixxiet lill-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex, minn naħa, tikseb l-annullament ta’ dan il-proċess verbal tad‑19 ta’ Ottubru 2022 u, min-naħa l-oħra, tiġi eżentata mill-ħlas ta’ RON 3 378 392.20 (madwar EUR 676000).

28

Dik il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk il-kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti f’art u f’kostruzzjonijiet għandhiex “rabta diretta” mal-operazzjonijiet iffinanzjati, jiġifieri l-akkwist ta’ tagħmir, ta’ magni teknoloġiċi u ta’ apparat speċifiku intiżi għall-modernizzazzjoni tal-unitajiet tal-akkwakultura eżistenti.

29

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ta’ effiċjenza, teżisti diverġenza ta’ opinjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Rumen, peress li kull parti ddeterminat b’mod differenti l-ispejjeż neċessarji għall-modernizzazzjoni tal-unitajiet tal-akkwakultura eżistenti. Fil-fatt, l-Istat Rumen qies li dawn l-ispejjeż kienu jinkludu l-art u l-kostruzzjonijiet li jinsabu fiha, peress li l-assenza tagħhom kienet tirrendi l-proġett impossibbli, filwaqt li l-Kummissjoni qieset li l-art u l-kostruzzjonijiet kienu prerekwiżit għall-operazzjoni ta’ modernizzazzjoni.

30

Skont l-imsemmija qorti, l-attivitajiet tal-proġett, kif deskritti fit-talba għal finanzjament, ma kinux intiżi sabiex jintervjenu direttament fuq il-proprjetajiet immobbli li permezz tagħhom ir-rikorrenti kkofinanzjat il-proġett, iżda sabiex jipprovdu lill-farm tal-ħut il-mezzi neċessarji għall-eżerċizzju tal-attività speċifika tagħha. Issa, hija tirrileva li, konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ta’ effiċjenza, huma biss l-ispejjeż neċessarji għall-modernizzazzjoni tal-unitajiet tal-akkwakultura eżistenti u dawk li huma marbuta magħha li huma eliġibbli skont din id-dispożizzjoni.

31

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rata ta’ 10 %, prevista fl-Artikolu 69(3)(b) tar-Regolament Nru 1303/2013, li teskludi l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tax-xiri ta’ artijiet, mibnija jew le, li jaqbżu l‑10 % tal-ammont tal-infiq totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata, tapplikax b’mod globali għall-kontribuzzjoni in natura kollha, jiġifieri l-art u l-kostruzzjonijiet, jew għall-kontribuzzjoni kkostitwita mill-art biss.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Jekk sabiex timmodernizza unità tal-akkwakultura permezz tal-investiment irregolat mill-Artikolu 48(1)(c) tar-[Regolament Nru 508/2014], il-kontribuzzjoni in natura ta’ art relatata mal-għadajjar, it-trobbija tal-ħut u tankijiet tal-konkrit kif ukoll il-kostruzzjonijiet eżistenti fuqhom tikkostitwixxi nefqa eliġibbli skont l-Artikolu 69 tar-[Regolament Nru 1303/2013], bil-kundizzjoni li l-modernizzazzjoni tal-unità tal-akkwakultura titwettaq permezz tax-xiri ta’ tagħmir, makkinarju teknoloġiku u tagħmir għal farm tal-ħut?

2)

L-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament Nru 508/2014, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 125 tar-Regolament Nru 1303/2013 u tal-Artikolu 33 tar-[Regolament 2018/1046], dwar il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemm l-ebda rabta diretta bejn, minn naħa, il-modernizzazzjoni ta’ unità tal-akkwakultura permezz tal-ispejjeż effettwati għax-xiri ta’ tagħmir, makkinarju teknoloġiku u tagħmir għal farm tal-ħut eżistenti fuq l-art u, min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni in natura ta’ art relatata mal-għadajjar tal-konkrit, art relatata ma’ għadajjar għal faċilitajiet ta’ akkwakultura, art relatata ma’ tankijiet tal-konkrit kif ukoll il-kostruzzjonijiet eżistenti fuq dawn l-artijiet[?]

3)

Il-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 69(3)(b) tar-Regolament Nru 1303/2013 japplika biss għal kontribuzzjonijiet li jikkonsistu f’art u fi proprjetà immobbli li għalihom isir ħlas fi flus kontanti fid-dawl ta’ kuntratt ta’ kiri msemmi fl-Artikolu 69(1)(d) [ta’ dan ir-regolament] jew japplika wkoll għall-kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti minn art u bini miżmum (mhux mikri) mill-benefiċjarji?

4)

L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1303/2013 jistabbilixxi limitu ta’ 10 % biss għall-kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti f’art jew jistabbilixxi limitu ta’ 10 % għall-kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti f’art u kostruzzjonijiet?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

33

Il-Gvern Rumen u l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domanda magħmula għal diversi raġunijiet. Minn naħa, skont din l-awtorità, dawn id-domandi huma inammissibbli peress li jirrigwardaw l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1303/2013, li huwa dispożizzjoni ċara, prevedibbli u inekwivoka u, għaldaqstant, ma jeħtieġx interpretazzjoni. Bl-istess mod, l-assenza ta’ espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jew dwar ir-rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali kif ukoll l-assenza ta’ ċarezza tad-domandi preliminari jirrendu d-domandi magħmula inammissibbli.

34

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għalkemm il-fatt li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun meħtieġa, f’dan il-każ, b’tali prova li ma tkun tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, meta dan iseħħ, jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-istess fatt ma jistax madankollu jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tagħmel domandi preliminari u lanqas ikollu l-effett li jagħmel id-domandi b’hekk inammissibbli (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România, C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry, C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li, sabiex tiddeċiedi t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija għandha tinterpreta mhux biss l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1303/2013, iżda wkoll l-Artikoli 4 u 125 ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/1046, li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex tiddetermina jekk il-kontribuzzjoni in natura mogħtija minn Rustrans fil-forma ta’ provvista ta’ art u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqha tistax titqies bħala nefqa eliġibbli, fis-sens tar-Regolament Nru 1303/2013, u, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ kofinanzjament fil-forma ta’ rimbors. Għalhekk ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura ipotetika.

37

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Rumen jallega li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ta’ natura fattwali intiża sabiex tistabbilixxi jekk teżistix rabta diretta bejn il-kontribuzzjoni in natura inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-għan tal-proġett ikkonċernat, li huwa kompitu li ma huwiex impost fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fuq il-qorti tar-rinviju.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel, 36/79, EU:C:1979:258, punt 12, u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Adient, C‑533/22, EU:C:2024:501, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Rumen, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux sabiex twettaq evalwazzjoni ta’ natura fattwali, iżda sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kontribuzzjoni in natura fil-forma ta’ provvista ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqhom tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “nefqa eliġibbli”, fis-sens tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1303/2013.

40

Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni domanda huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

41

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry, C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ewwel u t-tieni domanda jirrigwardaw il-punt dwar jekk kontribuzzjoni in natura mogħtija minn benefiċjarju fil-forma ta’ provvista ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqhom tistax tissodisfa r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-Fondi SIE msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1303/2013. Issa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kunċett ta’ eliġibbiltà ta’ nefqa huwa speċifikament is-suġġett tal-Artikolu 65(1) u (2) ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 67(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi li s-sussidji jistgħu jieħdu l-forma ta’ rimbors tal-ispejjeż eliġibbli li huma realment sostnuti u mħallsa mill-benefiċjarju, flimkien ma’, jekk ikun il-każ, kontribuzzjonijiet in natura.

43

Barra minn hekk, l-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament Nru 508/2014, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju, sempliċiment jipprevedi li l-FEMS jista’ jappoġġja l-modernizzazzjoni tal-unitajiet tal-akkwakultura, mingħajr ma jipprovdi indikazzjonijiet speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tal-infiq marbut ma’ operazzjoni partikolari.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 65(1) u (2), l-Artikolu 67(1)(a) u l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1303/2013, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 125(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/1046, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “nefqa eliġibbli”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kontribuzzjoni in natura mogħtija minn benefiċjarju fil-forma ta’ provvista ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqhom għall-finijiet ta’ proġett ta’ modernizzazzjoni ta’ unità tal-akkwakultura li jikkonsisti biss fl-akkwist ta’ tagħmir, ta’ magni teknoloġiċi u ta’ apparat speċifiku għal farm tal-ħut eżistenti.

45

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, konformement mal-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 1303/2013, l-eliġibbiltà ta’ nefqa għandha tiġi ddeterminata abbażi tar-regoli nazzjonali, ħlief jekk jiġu stabbiliti regoli speċifiċi f’dan ir-regolament jew fir-regoli speċifiċi ta’ kull Fond ESI jew abbażi tagħhom. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, nefqa hija eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-Fondi SIE biss jekk din tkun saret minn benefiċjarju u mħallsa bejn id-data li fiha l-programm ikun ġie sottomess lill-Kummissjoni jew l‑1 ta’ Jannar 2014, jekk din id-data tkun qabel l-ewwel waħda, u l‑31 ta’ Diċembru 2023.

46

Sussegwentement, l-Artikolu 67(1)(a) tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprevedi li s-sussidji u l-għajnuna rimborsabbli jistgħu jieħdu l-forma ta’ rimbors ta’ spejjeż eliġibbli realment sostnuti u mħallsa flimkien ma’, jekk ikun il-każ, kontribuzzjonijiet in natura u d-deprezzament.

47

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi regoli ta’ eliġibbiltà speċifiċi għall-kontribuzzjonijiet in natura fil-forma, b’mod partikolari, ta’ provvista ta’ artijiet u ta’ proprjetà immobbli li ma kienu s-suġġett ta’ ebda ħlas fi flus kontanti attestat minn fatturi jew minn dokumenti oħra ta’ valur probatorju ekwivalenti. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tali kontribuzzjonijiet in natura huma suġġetti għall-kundizzjoni li r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-Fondi SIE u tal-programm jippermettuhom u li l-kundizzjonijiet kollha elenkati f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jipprevedi li l-valur tal-artijiet jew tal-proprjetà immobbli huwa ċċertifikat minn espert ikkwalifikat indipendenti jew minn korp uffiċjali debitament awtorizzat u ma għandux jaqbeż il-limitu stabbilit fl-Artikolu 69(3)(b) tal-imsemmi regolament, jiġifieri li ma jeċċedix, bħala prinċipju, ammont ogħla minn 10 % tal-infiq totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata.

48

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta espliċitament l-eliġibbiltà ta’ kontribuzzjoni in natura fil-forma ta’ provvista ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqhom għall-eżistenza ta’ rabta diretta bejn tali kontribuzzjoni in natura mogħtija mill-benefiċjarju, minn naħa, u l-proġett ikkofinanzjat, min-naħa l-oħra.

49

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 317 TFUE, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit tal-Unjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, konformement, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, li l-punt 59 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2018/1046 jiddefinixxi bħala l-implimentazzjoni tal-baġit konformement mal-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja. Il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jeżiġi, konsegwentement, li l-Fondi SIE, fosthom il-FEMS, jintużaw mill-Istati Membri b’mod konformi mal-prinċipji u mar-rekwiżiti legali li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni.

50

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 1303/2013 ifakkar li l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, konformement mal-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/1046.

51

Issa, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu, il-krediti għandhom jintużaw skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u għandhom jiġu implimentati b’osservanza tal-prinċipji elenkati f’dan il-paragrafu, jiġifieri l-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effikaċja u ta’ effiċjenza, fejn dan l-aħħar prinċipju huwa ddefinit, fil-punt (b) tal-imsemmi paragrafu, bħala li jirrigwarda l-aħjar relazzjoni bejn il-mezzi implimentati, l-attivitajiet li saru u t-twettiq ta’ għanijiet.

52

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 125(1) tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprevedi li l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm operattiv, skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża, essenzjalment, li hija din l-awtorità li għandha tiżgura li l-operazzjonijiet magħżula għall-finanzjament ikunu konformi, matul il-perijodu kollu tal-eżekuzzjoni tagħhom, mar-regoli applikabbli tal-Unjoni u tal-Istati Membri kkonċernati u li dawn l-operazzjonijiet jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet u tar-riżultati speċifiċi tal-prijoritajiet korrispondenti.

53

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li hija l-awtorità ta’ ġestjoni li għandha tivverifika li l-operazzjonijiet magħżula għall-finanzjament josservaw il-prinċipju ta’ effiċjenza, jiġifieri li l-aħjar relazzjoni teżisti bejn il-mezzi implimentati, l-attivitajiet imwettqa u l-għanijiet segwiti minn tali operazzjonijiet. Din ir-relazzjoni timplika li, fil-kuntest ta’ operazzjoni kkofinanzjata minn Fond Strutturali u ta’ Investiment, in-nefqa sostnuta mill-benefiċjarju kif ukoll il-kontribuzzjonijiet in natura li huwa jista’ jagħti insostenn ta’ dan il-proġett għandha, sabiex titqies bħala eliġibbli, ikollha rabta diretta mal-attività mwettqa.

54

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-proġett ikkonċernat, li jikkonsisti fl-estensjoni u fid-diversifikazzjoni minn Rustrans tal-attività tagħha fil-qasam tal-akkwakultura, jaqa’ fil-kuntest tal-għan stabbilit fl-Artikolu 48(1)(c) tar-Regolament Nru 508/2014, jiġifieri l-modernizzazzjoni ta’ unità tal-akkwakultura, u jikkonsisti biss fl-akkwist ta’ tagħmir, ta’ magni teknoloġiċi u ta’ apparat. Għal dan l-għan, Rustrans ikkontribwixxiet għall-finanzjament ta’ dan il-proġett permezz ta’ kontribuzzjoni in natura li tikkonsisti fil-provvista ta’ art u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqha mingħajr madankollu ma speċifikat fit-talba tagħha għal finanzjament li l-proġett kien intiż li jintervjeni direttament f’din l-art u f’dawn il-kostruzzjonijiet. Minn dan jirriżulta li din il-kontribuzzjoni in natura ma tidhirx li għandha rabta diretta mal-proġett iffinanzjat sabiex din il-kontribuzzjoni tkun tista’ titqies li hija eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni, li hija ħaġa li madankollu għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 65(1) u (2), l-Artikolu 67(1)(a) u l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1303/2013, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 125(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/1046, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma taqax taħt il-kunċett ta’ “nefqa eliġibbli”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kontribuzzjoni in natura mogħtija minn benefiċjarju fil-forma ta’ provvista ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqhom għall-finijiet ta’ proġett ta’ modernizzazzjoni ta’ unità tal-akkwakultura li jikkonsisti biss fl-akkwist ta’ tagħmir, ta’ magni teknoloġiċi u ta’ apparat speċifiku għal farm tal-ħut eżistenti.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

56

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda.

Fuq l‑ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 65(1) u (2), l-Artikolu 67(1)(a) u l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 125(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma taqax taħt il-kunċett ta’ “nefqa eliġibbli”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kontribuzzjoni in natura mogħtija minn benefiċjarju fil-forma ta’ provvista ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet li jinsabu fuqhom għall-finijiet ta’ proġett ta’ modernizzazzjoni ta’ unità tal-akkwakultura li jikkonsisti biss fl-akkwist ta’ tagħmir, ta’ magni teknoloġiċi u ta’ apparat speċifiku għal farm tal-ħut eżistenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.