Brussell, 28.9.2021

COM(2021) 588 final

2021/0302(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll (2021-2026) ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd (FPA) bejn ir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u l-Komunità Ewropea ġie ffirmat u daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2008 għal perjodu ta’ sitt snin. Minn dak iż-żmien il-Ftehim iġġedded b’mod taċitu. L-aħħar Protokoll ta’ implimentazzjoni tal-FPA, għal perjodu inizjali ta’ erba’ snin (2015-2019), ġie estiż darbtejn, għal perjodu ta’ sena kull darba. Jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2021 1 . Abbażi tad-direttivi tan-negozjar 2 , il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mal-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Mauritania”) bil-ħsieb li tikkonkludi Ftehim ġdid ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd Sostenibbli u Protokoll ta’ Implimentazzjoni ma’ dan il-pajjiż f’isem l-Unjoni Ewropea. Fi tmiem dawn in-negozjati, fit-28 ta’ Lulju 2021 in-negozjaturi inizjalaw Ftehim u Protokoll.

Il-Ftehim il-ġdid ikopri perjodu ta’ sitt snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stabbilita fl-Artikolu 20 tiegħu, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu miż-żewġ Partijiet. Jista’ jiġġedded bi ftehim taċitu.

Il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni l-ġdid jkopri perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stabbilita fl-Artikolu 19 tiegħu, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu miż-żewġ Partijiet. Jipprevedi klawżola ta’ reviżjoni matul it-tieni sena ta’ applikazzjoni tiegħu bil-ħsieb li l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju relatat, fejn ikun possibbli, jiġu adattati.

Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd offruti mill-Protokoll bejn l-Istati Membri.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-għan ewlieni tal-Ftehim il-ġdid huwa li jipprovdi qafas aġġornat li jqis il-prijoritajiet tal-Politika Komuni tas-Sajd riveduta u tad-dimensjoni esterna tagħha ħalli titkompla u tissaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania fil-qasam tas-sajd.

Il-Protokoll għandu l-għan li lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jagħtihom opportunitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u skont ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF) fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli. Il-Kummissjoni Ewropea bbażat il-pożizzjoni tan-negozjati tagħha, fost l-oħrajn, fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-Protokoll preċedenti (2015-2019) u ta’ evalwazzjoni li tħares lejn il-ġejjieni dwar jekk għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. Dawn l-evalwazzjonijiet saru minn esperti esterni. L-għan huwa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania ħalli jiġu promossi politika tas-sajd sostenibbli u użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania u fl-Oċean Atlantiku, fl-interess taż-żewġ partijiet. Din il-kooperazzjoni se tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ impjiegi b’kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti, skont il-Konvenzjoni 188 tal-ILO dwar ix-xogħol fis-settur tas-sajd.

Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi, matul l-ewwel sentejn tal-applikazzjoni tiegħu, l-istess opportunitajiet tas-sajd offruti mill-Protokoll attwali, ħlief għat-tunnellaġġ ta’ referenza għaż-żewġ kategoriji tat-tonn li għalihom sar aġġustament marġinali. Dawn huma b’mod partikolari l-kategoriji li ġejjin:

–Kategorija 1 - Bastimenti tas-sajd li jistadu għall-krustaċji ħlief għall-awwista u għall-granċ: 5 000 tunnellata u 15-il bastiment;

–Kategorija 2 - Bastimenti tat-tkarkir mingħajr friża u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-merluzz l-iswed: 6 000 tunnellata u 4 bastimenti;

–Kategorija 2a - Bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża użati għas-sajd għall-merluzz l-iswed: 3 500 tunnellata ta’ merluzz, 1 450 tunnellata ta’ klamar u 600 tunnellata ta’ siċċ għal 6 bastimenti;

–Kategorija 3 - Bastimenti tas-sajd għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ minbarra l-merluzz l-iswed, bi rkaptu ieħor mhux bix-xbieki tat-tkarkir: 3 000 tunnellata u 6 bastimenti;

–Kategorija 4 - Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni: 14 000 tunnellata (tunnellaġġ ta’ referenza) u 29 bastiment;

–Kategorija 5 - Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasba u bastimenti tas-sajd bil-konz: 7 000 tunnellata (tunnellaġġ ta’ referenza) u 15-il bastiment;

–Kategorija 6 - Bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku: 247 500 tunnellata u 19-il bastiment;

–Kategorija 7 - Bastimenti tas-sajd għall-ħut pelaġiku frisk: 15 000 tunnellata (li jitnaqqsu mill-ammont tal-kategorija 6 jekk jintużaw) u 2 bastimenti.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

In-negozjar ta’ Ftehim ġdid ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli mal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu jidħol fil-qafas tal-azzjoni esterna tal-Unjoni mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (imsejħin “il-pajjiżi AKP”) u jqis, b’mod partikulari, l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi, ta’ governanza tajba u tad-drittijiet tal-bniedem.

Fil-każ tal-Mauritania, il-Ftehim ta’ Sħubija għas-Sajd huwa parti minn qafas bilaterali ta’ sħubija usa’ li jkopri diversi oqsma, fosthom il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-paċi u s-sigurtà, il-governanza tajba, id-drittjiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, l-iżvilupp tal-bniedem, it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiċi sostenibbli inkluż l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-ambjent u t-tibdil fil-klima kif ukoll il-politika favur ir-reġjuni ultraperiferiċi.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

•Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata mal-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza ġuridiku, ambjentali, ekonomiku u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd li l-bastimenti tal-Unjoni jwettqu fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, kif stabbilit fl-Artikolu 31 tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd. Hija tikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet u mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi terzi stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2018, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll 2015-2019 tal-FPA konkluż mal-Mauritania, kif ukoll evalwazzjoni ex ante tat-tiġdid potenzjali tal-Protokoll.

Mill-evalwazzjoni ħareġ li s-settur tas-sajd tal-Unjoni huwa interessat ferm fil-possibbiltà ta’ sajd fil-Mauritania u li t-tiġdid tal-Protokoll huwa fl-interess taż-żewġ Partijiet meta titqies l-importanza tas-sajd għall-ekonomija tal-Mauritania. Barra minn hekk, it-tiġdid tal-Protokoll se jgħin biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza u se jikkontribwixxi għat-titjib tal-governanza tal-attivitajiet tas-sajd fir-reġjun.

Minħabba l-firxa kbira taż-żona tas-sajd li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha, għall-Unjoni huwa importanti li żżomm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali mill-qrib ma’ attur ewlieni tal-governanza tal-oċeani fil-livell subreġjonali. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Mauritania jippermetti wkoll li jinħolqu alleanzi fil-qafas tal-ICCAT kif ukoll f’korpi reġjonali oħra, b’mod partikolari s-CECAF. Barra minn hekk, għall-flotta tal-UE dan ifisser li jinżamm l-aċċess għal żona kbira tas-sajd fejn ikunu jistgħu jintużaw strateġiji tal-qbid skont qafas ġuridiku internazzjonali pluriennali. Għall-awtoritajiet tal-Mauritania, l-għan hu li jkomplu jżommu relazzjonijiet mal-Unjoni biex tissaħħaħ il-governanza tal-oċeani, biex jibbenefikaw mill-appoġġ settorjali speċifiku li jipprevedi opportunitajiet ta’ finanzjament pluriennali, u biex jixprunaw l-industrijalizzazzjoni tas-settur ta’ trasformazzjoni tagħhom permezz tal-attività tal-bastimenti, fil-qasam tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħhom.

•Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

Bħala parti mill-evalwazzjoni ġew ikkonsultati l-Istati Membri, rappreżentanti tal-industrija, organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-amministrazzjoni tas-sajd u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Mauritania. Saru wkoll konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni qabbdet konsulent indipendenti jagħmel l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.

•Valutazzjoni tal-impatt

Ma japplikax.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-abbozz tar-Regolament ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll ma’ dawk marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tagħhom. Dan ir-Regolament għandu japplika malli jkunu jistgħu jibdew l-attivitajiet tas-sajd skont il-Protokoll, jiġifieri mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.

2021/0302 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll (2021-2026) ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-aħħar Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Mauritania 3 , daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2008 u għadu fis-seħħ. L-aħħar Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2021.

(2)Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Mauritania”) bl-għan li tikkonkludi Ftehim ġdid ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Mauritania (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid”) u protokoll ġdid ta’ implimentazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll il-ġdid”).

(3)In-negozjati ntemmu b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid u l-Protokoll il-ġdid fit-28 ta’ Lulju 2021. Il-Ftehim il-ġdid se jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija attwali.

(4)Fil-[...], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/xxxx 4 , rigward l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid u tal-Protokoll il-ġdid, dment li jiġu konklużi f’data iktar tard.

(5)Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll il-ġdid jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.

(6)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.

(7)Il-Protokoll il-ġdid se jibda japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, għall-perjodu 2021-2026 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll”), għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

(1)Kategorija 1 - Bastimenti tas-sajd li jistadu għall-krustaċji ħlief għall-awwista u għall-granċ:

Spanja    4 150 tunnellata

L-Italja        600 tunnellata

Il-Portugall    250 tunnellata

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 15-il bastiment fl-ilmijiet tal-Mauritania;

(2)Kategorija 2 - Bastimenti tat-tkarkir (mingħajr friża) u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-merluzz l-iswed:

Spanja    6 000 tunnellata

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 4bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania;

(3)Kategorija 2a - Bastimenti tat-tkarkir (mgħammra bi friża) użati għas-sajd għall-merluzz l-iswed:

Spanja:

Merluzz iswed    3 500 tunnellata

Klamar    1 450 tunnellata

Siċċ    600 tunnellata

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 6 bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania;

(4)Kategorija 3 - Bastimenti tas-sajd għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ minbarra l-merluzz l-iswed, bi rkaptu ieħor mhux bix-xbieki tat-tkarkir:

Spanja    3 000 tunnellata

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 6 bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania;

(5)Kategorija 4 - Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni (14 000 tunnellata — tunnellaġġ ta’ referenza):

Spanja    17-il liċenzja annwali

Franza    12-il liċenzja annwali;

(6)Kategorija 5 - Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasba u bastimenti tas-sajd bil-konz (7 000 tunnellata - tunnellaġġ ta’ referenza):

Spanja    14-il liċenzja annwali

Franza    liċenzja annwali waħda;

(7)Kategorija 6 - Bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku:

Il-Ġermanja    13 038, 4 tunnellati    

Franza    2 714, 6 tunnellati

Il-Latvja    55 966, 6 tunnellati

Il-Litwanja    59 837, 6 tunnellati

In-Netherlands    64 976, 1 tunnellata

Il-Polonja    27 106, 6 tunnellati

L-Irlanda    8 860, 1 tunnellata

Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għadd ta’ liċenzji ta’ tliet xhur li ġej:

Il-Ġermanja    4

Franza    2

Il-Latvja    20

Il-Litwanja    22

In-Netherlands    16

Il-Polonja    8

L-Irlanda    2

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni jekk ċerti liċenzji jkunu jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Stati Membri oħrajn.

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 19 bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania;

(8)Kategorija 7 - Bastimenti tas-sajd għall-ħut pelaġiku frisk:

L-Irlanda    15 000 tunnellata

F’każ li ma jintużawx, dawn l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ttrasferiti għall-kategorija 6 skont il-metodu għall-allokazzjoni ta’ dik il-kategorija.

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 2 bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 404, 02.12.2020, p. 1.
(2)    Adottati tul it-3418 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd fit-22 ta’ Ottubru 2015
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 tat-30 ta’ Novembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania – ĠU L 343, 08.12.2006, p. 1.
(4)    Id-Deċiżjoni (UE) 2021/… tal-Kunsill ta’ …..(ĠU L …, …, p….]