Brussell, 13.8.2018

JOIN(2018) 25 final

Proposta Konġunta għal

ANNESSI

ta' […]

Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma


ANNESS 1

Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Konġunt UE-Awstralja

ta’ …

li biha jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-AUSTRALIA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra 1 (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu,

Billi:

(1)Ġew applikati partijiet mill-Ftehim b’mod proviżorju minn […],

(2)Għalhekk, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan huma adottati r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt UE-Awstralja, kif jinsabu fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Iffirmat fi …,

Għall-Kumitat Konġunt UE-Awstralja

Il-Kopresidenti

Anness għad-Deċiżjoni 1

Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Awstralja

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT

Artikolu 1

Kompiti u kompożizzjoni

1.Il-Kumitat Konġunt se jwettaq il-kompiti stipulati fl-Artikolu 56 tal-Ftehim.

2.Il-Kumitat Konġunt se jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell xieraq.

Artikolu 2

Presidenza

Il-Kumitat Konġunt se jiġi kopresedut miż-żewġ naħat.

Artikolu 3

Laqgħat

1.Il-Kumitat Konġunt normalment se jiltaqa’ darba fis-sena, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Partijiet. Il-laqgħat se jiġu msejħa mill-Kopresidenti u jinżammu b’mod alternat fi Brussell u f’Canberra, f’data stabbilita b’deċiżjoni reċiproka. Laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru b’talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu bejniethom li jsir hekk.

2.Il-Kumitat Konġunt normalment se jiltaqa’ fil-livell ta’ uffiċjali anzjani, iżda jista’ jiltaqa’ wkoll fil-livell ministerjali.

Artikolu 4

Pubbliċità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt mhumiex se jkunu pubbliċi.

Artikolu 5

Parteċipanti

1.Qabel kull laqgħa, il-Kopresidenti se jiġu infurmati, permezz tas-segretarji, bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni tan-naħa tagħhom.

2.Fejn ikun xieraq u bl-approvazzjoni tal-Partijiet, esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Artikolu 6

Segretarji

Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tad-Dipartiment għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Awstralja se jservu flimkien bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt. Il-komunikazzjonijiet kollha lil u mingħand il-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt se jingħaddu lis-segretarji. Il-korrispondenza lil u mill-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt tista’ ssir permezz ta’ kull mezz bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.

Artikolu 7

Aġendi għal-laqgħat

1.Il-Kopresidenti se jfasslu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa. Din se tiġi trażmessa, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Parti l-oħra sa mhux iktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.L-aġenda proviżorja se tinkludi punti li jkunu ppreżentati quddiem il-Kopresidenti sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

3.Il-Kumitat Konġunt se jadotta l-aġenda finali fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jiddeċiedu bejniethom li jsir hekk.

4.Bl-approvazzjoni tal-Partijiet, il-Kopresidenti jistgħu jqassru l-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 7(2) fejn meħtieġ.

Artikolu 8

Minuti

1.Is-segretarji se jipproduċu b’mod konġunt abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa, normalment fi żmien 30 jum kalendarju minn tmiem il-laqgħa. L-abbozz tal-minuti se jkun ibbażat fuq sinteżi mill-Kopresidenti tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat Konġunt.

2.L-abbozz tal-minuti se jiġi approvat miż-żewġ Partijiet fi żmien 45 jum kalendarju minn tmiem il-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra approvata b’mod konġunt mill-Partijiet. Malli jkun hemm il-kunsens taż-żewġ naħat għall-abbozz tal-minuti, żewġ kopji oriġinali se jiġu ffirmati mill-Kopresidenti u s-segretarji. Kull Parti se tirċievi kopja oriġinali waħda.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.Il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet. Dawn se jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni”, segwiti b’numru ta’ serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett. Kull deċiżjoni se tiddikjara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2.Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub. F’tali każijiet, il-Partijiet se jiddeċiedu bejniethom dwar limitu ta’ żmien għat-tul tal-proċedura. Jekk mal-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien, l-ebda Parti ma tkun esprimiet oppożizzjoni għall-proposta ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni, il-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt se jiddikjaraw li d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tkun ġiet adottata bil-kunsens taż-żewġ naħat.

3.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt se jiġu rreġistrati f’żewġ kopji validi ffirmati mill-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt.

4.Kull Parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 10

Korrispondenza

1.Korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt se tintbagħat lis-segretarju tal-Parti tal-awtur, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-segretarju l-ieħor.

2.Is-segretarji se jiżguraw li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt tingħadda lill-Kopresidenti u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, skont l-Artikolu 11.

3.Il-korrispondenza mill-Kopresidenti se tintbagħat lill-Partijiet mis-segretarji u, fejn xieraq, tiġi ċċirkolata, bħala dokumenti kif imsemmi fl-Artikolu 11.

4.Il-korrispondenza lil u mill-Kopresidenti tista’ ssir permezz ta’ kull mezz bil-miktub, inkluża posta elettronika.

Artikolu 11

Dokumenti

Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ikunu bbażati fuq dokumenti, dawk id-dokumenti se jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-segretarji lill-parteċipanti.

Artikolu 12

Spejjeż

1.Kull Parti se tieħu ħsieb l-ispejjeż kollha li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kemm fir-rigward tal-impjegati, l-ivvjaġġar u n-nefqa tal-għajxien kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni ta’ dokumenti se jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħa.

Artikolu 13

Emendar tar-regoli ta’ proċedura

1.Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu flimkien li jemendaw dawn ir-regoli ta’ proċedura, skont l-Artikolu 9.

2.Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf sottokumitati u gruppi ta’ ħidma sabiex jgħinuh fit-twettiq ta’ dmirijietu.

3.Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jtemm kwalunkwe sottokumitat jew grupp ta’ ħidma li huwa jkun stabbilixxa jew li jiddetermina jew jemenda t-termini ta’ referenza tiegħu.

4.Is-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ Ħidma se jirrappurtaw lill-Kumitat Konġunt wara kull laqgħa tagħhom.

5.Il-Gruppi ta’ Ħidma mhu se jkollhom l-ebda setgħa li jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

ANNESS 2

Deċiżjoni Nru 2/2018 tal-Kumitat Konġunt UE-Awstralja

ta’ …

dwar l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tas-Sottokumitati u tal-Gruppi ta’ Ħidma

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-AUSTRALIA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu, u l-Artikolu 13 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt,

Billi:

(1)    Skont l-Artikolu 13(2) tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi Sottokumitati u Gruppi ta’ ħidma sabiex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan huma adottati t-termini ta’ referenza tas-Sottokumitati u tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kumitat Konġunt, kif jinsabu fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Iffirmat fi …, xxxx.

   Għall-Kumitat Konġunt UE-Awstralja

   Il-Kopresidenti



Anness tad-Deċiżjoni 2

Termini ta’ referenza

tas-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ ħidma

Artikolu 1

Is-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ Ħidma jistgħu jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Ftehim fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom. Huma jistgħu jiddiskutu wkoll suġġetti jew proġetti speċifiċi rigward il-qasam rilevanti ta’ kooperazzjoni bilaterali.

Artikolu 2

Is-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ Ħidma se jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt. Huma se jirrapportaw u jibagħtu l-minuti u l-konklużjonijiet tagħhom lill-President tal-Kumitat Konġunt fi żmien 30 jum kalendarju mit-tmiem ta’ kull laqgħa.

Artikolu 3

1. Is-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ Ħidma se jkunu komposti minn rappreżentanti taż-żewġ Partijiet.

2. Is-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ Ħidma jistgħu jistiednu esperti għal-laqgħat tagħhom u jistgħu jisimgħuhom rigward punti speċifiċi fl-aġenda.

Artikolu 4

Is-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ Ħidma se jkunu kopreseduti miż-żewġ naħat.

Artikolu 5

Rappreżentant ta’ kull naħa se jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tas-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ Ħidma.

Artikolu 6

1. Is-Sottokumitati u l-Gruppi ta’ ħidma se jiltaqgħu kull meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, fuq il-bażi ta’ talba bil-miktub minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Kull laqgħa se ssir f’post u f’data li jiddeċiedu dwarhom il-Partijiet flimkien

2. Meta waħda mill-Partijiet tagħmel talba għal laqgħa, is-segretarju tal-parti l-oħra se jwieġeb fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta jirċievi dik it-talba. F’każijiet ta’ urġenza partikolari, il-laqgħat tas-Sottokumitati u tal-Gruppi ta’ Ħidma jistgħu jitlaqqgħu fi żmien iqsar, jekk ikun hemm il-kunsens taż-żewġ Partijiet.

3. Il-laqgħat tas-Sottokumitati u tal-Gruppi ta’ Ħidma se ikunu msejħa b’mod konġunt miż-żewġ Segretarji.

Artikolu 7

1. Kull Parti tista’ titlob lill-kopresidenti biex iqiegħdu punt fuq l-aġenda għal laqgħa. Dawn it-talbiet se jitressqu quddiem is-Segretarji mill-inqas 15-il jum ta’ xogħol qabel il-laqgħa, u kull dokumentazzjoni se titressaq mill-inqas 10 ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa.

2. Is-segretarji se jikkomunikaw l-abbozz tal-aġenda lill-Partijiet mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu flimkien li jżidu punti fuq l-aġenda fi żmien qasir.

Artikolu 8

1. Is-Segretarji se jħejju b’mod konġunt abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa.

2. Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat mhux se jkunu pubbliċi.

(1)    ĠU UE L ….