IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.8.2018
JOIN(2018) 25 final
2018/0307(NLE)
Proposta Konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra.
1.1.Il-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Awstralja
Il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jistabbilixxi sħubija msaħħa bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Awstralja u li japprofondixxi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, u jirrifletti valuri kondiviżi u prinċipji komuni, inkluż permezz tal-intensifikazzjoni tad-djalogu f’livell għoli. Il-Ftehim se joħloq qafas koerenti u legalment vinkolanti għar-relazzjonijet tal-UE mal-Awstralja.
1.2.Il-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt huwa mwaqqaf mill-Artikolu 56 tal-Ftehim. Il-kompiti prinċipali tiegħu huma li jiffaċilita l-implimentazzjoni u javvanza l-għanijiet ġenerali tal-Ftehim, kif ukoll li jżomm il-koerenza ġenerali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Awstralja. Funzjonijiet oħra tal-Kumitat Konġunt jinkludu: li jimmonitorja l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Awstralja; li jwettaq skambju ta’ fehmiet u jagħmel suġġerimenti dwar kwalunkwe kwistjoni ta’ interess komuni; li jagħmel sforz biex isolvi t-tilwimiet li jistgħu jinqalgħu fl-oqsma koperti bil-Ftehim.
Il-Kumitat Konġunt jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet, fejn xieraq, biex jagħti effett lill-aspetti speċifiċi ta’ dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt jopera b’kunsens u jiltaqa’ fil-livell ta’ uffiċjali għolja. Il-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess. Huwa jista’ jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta’ ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.
1.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt
L-għan tal-atti previsti huwa li jadottaw, skont l-Artikolu 56(4) tal-Ftehim, ir-Regoli ta’ proċedura li huma l-bażi tal-organizzazzjoni tal-Kumitat Konġunt u t-termini ta’ referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma biex jippermettu l-implimentazzjoni tal-Ftehim.
2.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni jenħtieġ li timmira lejn l-adozzjoni tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Awstralja u t-termini ta’ referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.
3.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
3.1.Bażi ġuridika proċedurali
3.1.1Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
3.1.2Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit mill-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra.
L-atti li l-Kumitat Konġunt huwa msejjaħ biex jadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. Dan għaliex, skont l-Artikolu 56(3)(i) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt irid jadotta deċiżjonijiet, li huma vinkolanti fuq il-Partijiet tal-Ftehim.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
3.2.Bażi ġuridika sostantiva
3.2.1Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala l-ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li simultanjament isegwi għadd ta’ għanijiet, jew li għandu diversi komponenti, li huma inseparabbilment marbuta mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE se jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.
3.2.2Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-atti previsti għandhom l-għan li jippromwovu l-objettivi tal-Ftehim u li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tiegħu.
Il-Ftehim isegwi l-għanijiet u jinkludi komponenti mill-oqsma tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, il-Politika Kummerċjali Komuni u l-kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi żviluppati. Dawn l-aspetti tal-Ftehim huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin u mingħajr ma wieħed mhu inċidentali għall-ieħor. L-iffirmar tal-Ftehim hu bbażat fuq l-Artikolu 37 tat-TUE, l-Artikolu 207 tat-TFUE u l-Artikolu 212(1).
L-att previst għalhekk jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-istess bażijiet ġuridiċi sostantivi.
3.3.Konklużjoni
Għalhekk, fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 37 tat-TUE, l-Artikolu 207 tat-TFUE u l-Artikolu 212(1) tat-TFUE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2018/0307 (NLE)
Proposta Konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u 212(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fi Brussell fis-7 ta’ Awissu 2017 u ġie applikat b’mod proviżorju minn […];
(2)L-Artikolu 56(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”);
(3)L-Artikolu 56(4) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u li jista’ jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta’ ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi;
(4)Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u t-termini ta’ referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma jenħtieġ li jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun, sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim;
(5)Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmużin,
ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni, fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President