|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2461 |
18.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2461
tas-17 ta’ Settembru 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1618 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ karburi tat-tungstenu mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għal sorveljanza
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (2) (“il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 56(5) tiegħu,
Billi:
1. INVESTIGAZZJONIJIET PREĊEDENTI U MIŻURI FIS-SEĦĦ
|
(1) |
Bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2737/90 (3), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ 33 % fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) (“il-miżuri oriġinali”). Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/480/KEE (4), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) aċċettat impenji mogħtija minn żewġ esportaturi ewlenin dwar il-prodott soġġett għal miżuri. |
|
(2) |
Wara l-irtirar tal-impenji miż-żewġ esportaturi Ċiniżi kkonċernati, il-Kunsill, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 610/95 (5), emenda r-Regolament (KEE) Nru 2737/90 sabiex id-dazju definittiv ta’ 33 % sar applikabbli wkoll fuq il-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb esportat lejn l-Unjoni minnhom. |
|
(3) |
Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 771/98 (6), wara rieżami ta’ skadenza, il-Kunsill estenda l-miżuri oriġinali għal perjodu ieħor ta’ 5 snin. |
|
(4) |
Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2268/2004 (7), wara rieżami ta’ skadenza, il-Kunsill estenda l-miżuri oriġinali għal perjodu ieħor ta’ 5 snin. |
|
(5) |
Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1275/2005 (8), il-Kunsill emenda l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 2268/2004. |
|
(6) |
Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 287/2011 (9), wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (10), il-Kunsill estenda l-miżuri għal perjodu ieħor ta’ 5 snin. |
|
(7) |
Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942 (11), wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri għal perjodu ieħor ta’ 5 snin. |
|
(8) |
Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1618 (12), wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċement ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-RPĊ(“il-prodott ikkonċernat”) għal perjodu ieħor ta’ ħames snin (“l-aħħar rieżami ta’ skadenza”). |
2. PRODOTT IKKONĊERNAT
|
(9) |
Il-prodott ikkonċernat huwa karbur tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu mdewweb u karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku, li joriġinaw mir-RPĊ. Il-prodott ikkonċernat huwa prodott intermedju, użat bħala materjal ta’ tqegħid fil-manifattura ta’ komponenti ta’ metall iebes bħalma huma l-għodda tal-qtugħ tal-karbur issimentat u ta’ komponenti li jifilħu ħafna, f’kisi li jiflaħ għall-grif, f’golji għat-tħaffir għaż-żejt u f’għodod tal-minjieri kif ukoll f’żebgħa u ponot għall-iddisinjar u l-fonderiji tal-metalli. |
|
(10) |
Il-prodott ikkonċernat huwa attwalment ikklassifikat taħt żewġ kodiċijiet ta’ merkanzija: il-kodiċi NM 2849 90 30 u l-kodiċi TARIC 3824 30 00 10. Filwaqt li l-kodiċi NM 2849 90 30 jinkludi l-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb, il-kodiċi TARIC 3824 30 00 10 jinkludi l-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku. Dan il-kodiċi TARIC huwa parti mill-kodiċi NM 3824 30 00 , li jkopri l-karburi tal-metall mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi, flimkien mal-kodiċi TARIC residwu (3824 30 00 90). Il-kodiċi TARIC residwu mhuwiex kopert mill-miżuri anti-dumping fis-seħħ. |
|
(11) |
Il-kodiċi TARIC residwu 3824 30 00 90 inħoloq għall-prodotti kollha kklassifikati taħt il-kodiċi NM 3824 30 00 iżda mhux inklużi fid-definizzjoni tal-prodott soġġett għall-miżuri. |
3. L-AĦĦAR PROĊEDIMENT TAR-RIEŻAMI TA’ SKADENZA
|
(12) |
Fil-kuntest tal-aħħar rieżami ta’ skadenza, l-applikanti (13), parti mill-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili, ilmentaw li ma kienx possibbli li ssir distinzjoni bejn il-prodotti kklassifikati taħt il-kodiċi TARIC residwu. Id-distinzjoni tal-prodotti differenti tal-karbur tat-tungstenu taħt il-kodiċi residwu kienet importanti kemm għal raġunijiet ta’ monitoraġġ kif ukoll għal raġunijiet ta’ infurzar. |
|
(13) |
Matul l-aħħar rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni qieset li d-data rkuprata mill-istruttura attwali tal-kodiċi TARIC ma kinitx preċiża biżżejjed biex timmonitorja l-flussi tal-importazzjoni mir-RPĊ taħt il-kodiċi TARIC residwu 3824 30 00 90, u biex tiddistingwi l-prodotti kollha importati taħt l-istess kodiċi TARIC, b’mod partikolari t-trab tal-karbur tat-tungstenu lest għall-ippressar (“RTP”). Għalhekk, il-Kummissjoni talbet l-opinjoni tal-partijiet dwar il-proposta biex jinħoloq kodiċi TARIC ġdid għal RTP sabiex il-prodotti jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod aktar preċiż. |
|
(14) |
Wara li rċeviet diversi kummenti mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li kienet iddeċidiet li ma timplimentax il-bidliet proposti fil-kuntest tal-aħħar rieżami ta’ skadenza. Minħabba l-kumplessità u n-natura teknika tal-kwistjoni, din kienet teħtieġ analiżi ulterjuri li ma setgħetx tiġi ttrattata fil-limitu ta’ żmien statutorju tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza. |
|
(15) |
Il-kummenti kollha dwar l-istruttura TARIC il-ġdida maħsuba li waslu matul ir-rieżami ta’ skadenza ġew ikkunsidrati. Wara l-għeluq tal-fajl tal-każ tal-aħħar rieżami ta’ skadenza, fis-6 ta’ Settembru 2023 l-applikanti ppreżentaw aktar kummenti addizzjonali. Dawk il-kummenti ġew ikkunsidrati wkoll hawn taħt. |
4. IL-PROĊEDIMENT ATTWALI
4.1. Il-bidu tal-proċediment
|
(16) |
Fit-23 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha fl-aħħar rieżami ta’ skadenza li ddeċidiet li tinvestiga aktar jekk kinitx meħtieġa emenda tal-istruttura tal-kodiċi TARIC. Il-partijiet ġew infurmati li fajl ġdid tal-każ li fih id-dokumenti u l-kummenti kollha dwar il-bidliet proposti kien disponibbli għall-ispezzjoni. Sabiex partijiet interessati ġodda, li ma kinux parti mill-aħħar rieżami ta’ skadenza, jirreġistraw fil-proċediment attwali, il-proċediment sar disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma TRON.tdi (14) u fuq is-sit web tal-Kummissjoni (15), fejn deher ukoll fost il-każijiet li għadhom għaddejjin (16) u fuq is-sit web li jirrapporta l-każijiet kollha relatati mal-prodott ikkonċernat (17). |
4.2. Kummenti mill-partijiet interessati
|
(17) |
Il-Kummissjoni fakkret li l-applikanti fl-aħħar rieżami ta’ skadenza u żewġ utenti – Betek GmbH & Co. KG (“Betek”) u Element Six GmbH (‘Element Six’) – ipprovdew kummenti estensivi matul dak ir-rieżami. Kollha kemm huma kienu favur il-bidla fl-istruttura TARIC, iżda ma qablux dwar il-formulazzjoni effettiva tal-kodiċijiet il-ġodda. |
|
(18) |
B’mod partikolari, l-applikanti u l-Element Sitta enfasizzaw l-importanza tal-legant organiku fid-definizzjoni tal-RTP. |
|
(19) |
L-applikanti enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li l-RTP jiġi ddefinit b’referenza għall-forma sferika tiegħu. Għall-kuntrarju, Betek sostna li r-rekwiżit li l-RTP jkollu forma sferika kien jeskludi mill-kodiċi TARIC il-ġdid it-tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota 117 f’qiegħ il-paġna tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1618 (18) (“in-nota f’qiegħ il-paġna”), sa dak iż-żmien ikklassifikati fil-kodiċi TARIC residwu. Bħala konsegwenza, tali tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku seta’ jkollhom ir-riskju li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi TARIC 3824 30 00 10 soġġett għall-miżuri. Il-Kummissjoni, meta kkunsidrat li l-objettiv tar-ristrutturar tal-kodiċi TARIC kien li tiddistingwi l-RTP minn prodotti oħra importati taħt l-istess kodiċi TARIC, żammet ir-referenza għall-forma sferika tal-RTP sabiex l-RTP jiġi definit b’mod preċiż. |
|
(20) |
Betek argumenta wkoll li, bit-tħassir tan-nota f’qiegħ il-paġna u bil-ħolqien ta’ kodiċi TARIC ġdid għall-RTP biss, il-Kummissjoni kienet testendi bla bżonn id-definizzjoni tal-prodott soġġett għall-miżuri fil-kuntest ta’ rieżami ta’ skadenza. Fil-fatt, skont Betek, it-tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna u li għalhekk huma esklużi mill-miżuri bis-saħħa tan-nota f’qiegħ il-paġna, kienu jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi TARIC 3824 30 00 10 soġġett għall-miżuri. Għalhekk, huwa ppropona l-ħolqien ta’ kodiċi TARIC ġdid li fil-biċċa l-kbira jirrifletti l-kliem tan-nota f’qiegħ il-paġna, minflok kodiċi TARIC ġdid għall-RTP biss. |
|
(21) |
L-applikanti sostnew li, jekk il-Kummissjoni taċċetta s-suġġeriment ta’ Betek, l-ewwel nett, dan jippermetti li l-evażjoni tal-miżuri permezz tat-tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċement ma’ trab metalliku li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota ta’ qiegħ il-paġna, tiġi eskluża mid-definizzjoni tal-prodott. It-tieni, skont l-applikanti, il-kliem proposti minn Betek ħallew miftuħa l-possibbiltà li jiġu evitati l-miżuri mhux biss permezz ta’ ċerti tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċement ma’ trab metalliku, iżda wkoll permezz tal-karbur tat-tungstenu mħallat ma’ karburi oħra. Bħala konsegwenza, l-applikanti argumentaw favur kodiċi TARIC separat ġdid li jinkludi “Karbur tat-tungstenu mħallat ma’ karburi u/jew nitridi oħra, kemm jekk fih trab metalliku u kemm jekk le”. |
|
(22) |
L-applikanti u Betek ma qablux ukoll dwar ir-referenza għal-legant organiku għad-definizzjoni tal-RTP, li hija meħtieġa skont l-applikanti. Madankollu, Betek innota li r-rekwiżit ta’ legant organiku ikun jimplika wkoll li t-tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċement ma’ trab metalliku (tipi oħra ta’ karbur tat-tungstenu li mhumiex RTP), li bħalissa huma esklużi mill-miżuri, jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi TARIC 3824 30 00 10 li huwa soġġett għall-miżuri. |
|
(23) |
Wara l-bidu ta’ dan il-proċediment, Betek u l-applikanti ppreżentaw kummenti addizzjonali. |
|
(24) |
Betek sostna li huwa importa ċerti tipi ta’ karburi tat-tungstenu mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi taħt il-kodiċi TARIC 3824 30 00 90. Din il-klassifikazzjoni ġiet ikkonfermata minn informazzjoni tariffarja vinkolanti (BTI) valida maħruġa mill-Uffiċċju Doganali Prinċipali f’Hannover wara eżami ta’ kampjun tal-prodott. Għalhekk, dan il-prodott importat minn Betek ma kienx soġġett għall-miżuri anti-dumping. |
|
(25) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-istruttura tal-kodiċi TARIC proposta mill-applikanti fil-kummenti tagħhom tas-6 ta’ Settembru 2023, Betek tenna l-kummenti preċedenti li jiddikjaraw li l-ħolqien ta’ kodiċi TARIC ġdid għall-RTP biss u t-tħassir tan-nota f’qiegħ il-paġna jirriżultaw f’estensjoni mhux ġustifikata tad-definizzjoni tal-prodott. |
|
(26) |
Betek qajjem ukoll ċertu tħassib proċedurali dwar il-proċediment attwali. B’mod partikolari, Betek sostna li l-proċediment attwali ma setax ikun mod kif jiġi evitat il-limitu ta’ żmien tal-aħħar rieżami ta’ skadenza, li ma jistax jerġa’ jinfetaħ jew jitkompla. Huwa sostna wkoll li, fil-proċediment attwali, il-Kummissjoni ma ppubblikatx avviż ta’ bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partijiet interessati ġodda, li ma kinux parti mill-aħħar rieżami ta’ skadenza, possibilment ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-proċediment attwali u ma kinux jingħataw l-opportunità li jikkummentaw. Fl-aħħar nett, Betek sostna li, filwaqt li l-Kummissjoni hija libera li toħloq kodiċijiet TARIC ġodda, ma kien hemm l-ebda bażi ġuridika applikabbli li tippermetti lill-Kummissjoni tinvestiga aktar il-kwistjoni peress li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 56(5) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jippermettux l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza fuq il-prodotti esklużi mill-miżuri anti-dumping, peress li ma nbeda l-ebda rieżami jew investigazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri anti-dumping setgħu jiġu imposti biss fuq prodotti li kienu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet anti-dumping. Betek allega wkoll li proċedura sui generis tkun inkompatibbli mal-Artikolu 57 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (19), peress li tevita dispożizzjonijiet proċedurali essenzjali bħat-termini u r-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni. |
|
(27) |
L-applikanti sostnew li t-tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat ma’ trab metalliku, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota ta’ qiegħ il-paġna, qatt ma ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping. Għalhekk, l-importaturi ta’ dan il-prodott ma għandhom l-ebda dritt legali li jimportawh mingħajr dazju. Għal din ir-raġuni, l-applikanti jargumentaw li t-tħassir tan-nota f’qiegħ il-paġna u l-ħolqien tal-kodiċi TARIC il-ġdid għall-RTP biss ma jbiddlux id-definizzjoni tal-prodott. |
4.3. Valutazzjoni u konklużjonijiet tal-Kummissjoni
|
(28) |
Il-Kummissjoni valutat l-affermazzjonijiet dwar il-forma u l-legalità ta’ din il-proċedura. Imbagħad qieset l-informazzjoni u l-kummenti kollha biex tilħaq il-formulazzjoni finali tal-ħolqien tal-istruttura l-ġdida tat-TARIC. |
|
(29) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-proċediment attwali ma kienx maħsub biex ibiddel id-definizzjoni tal-prodott tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. L-istruttura l-ġdida tat-TARIC għandha l-għan li tippermetti ġbir ta’ data aktar preċiż mingħajr ebda bidla fil-kopertura tal-miżuri fis-seħħ. Fil-fatt, il-Kummissjoni sseparat il-ħolqien tal-istruttura l-ġdida TARIC mill-aħħar rieżami ta’ skadenza minħabba li kienet teħtieġ aktar żmien biex tiżgura li l-kodiċijiet TARIC il-ġodda ma jkollhom l-ebda impatt fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri. |
|
(30) |
It-tieni, għall-kuntrarju ta’ dak li allega Betek, il-proċediment attwali mhuwiex kontinwazzjoni jew ftuħ mill-ġdid tal-aħħar rieżami ta’ skadenza. Il-proċediment attwali jservi biex jiġi aċċertat jekk il-ħolqien tal-istruttura l-ġdida tat-TARIC huwiex ġustifikat u jekk is-sorveljanza abbażi tal-Artikolu 56(5) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni hijiex xierqa. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni mhux biss li toħloq jew tirristruttura l-kodiċijiet TARIC sabiex tissorvelja l-importazzjonijiet b’mod iktar preċiż – prerogattiva tal-Kummissjoni li Betek jikkonċedi – iżda wkoll li tissoġġetta l-kodiċijiet rilevanti għas-sorveljanza. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-forma u l-kriterji għall-awtoritajiet doganali biex jiġbru d-dazji. |
|
(31) |
It-tielet, ma hemm l-ebda obbligu legali li jiġu kkonsultati l-partijiet interessati fi proċediment għad-difiża tal-kummerċ dwar il-ħolqien ta’ kodiċijiet TARIC, li f’dan il-każ lanqas biss huma koperti minn miżuri, u li huma maħluqa biex jimmonitorjaw b’mod aktar preċiż il-flussi tal-importazzjoni mir-RPĊ taħt il-kodiċi TARIC residwu 3824 30 00 90. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm lill-partijiet interessati fl-aħħar rieżami ta’ skadenza involut, kif ukoll li titħalla l-possibbiltà li partijiet interessati ġodda jissieħbu fil-proċediment, minħabba li l-kwistjoni tqajmet fil-kuntest ta’ proċediment għad-difiża tal-kummerċ li fih kienu involuti partijiet interessati u pprovdew kummenti. |
|
(32) |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-inkompatibbiltà allegata mal-Artikolu 57 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni nnotat li ma hemm l-ebda Artikolu 57 fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ li Betek kien qed jirreferi għall-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba jew l-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv, l-argument ikun irrilevanti, peress li s-sorveljanza ma taffettwax b’mod negattiv lil xi parti interessata. Hija għodda li biha l-awtoritajiet doganali jistgħu jimmonitorjaw b’mod aktar preċiż il-flussi tal-importazzjoni mir-RPĊ taħt il-kodiċi TARIC residwu 3824 30 00 90. |
|
(33) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet kollha dwar il-legalità u s-solidità ta’ din il-proċedura. |
|
(34) |
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli u l-kummenti kollha li rċeviet, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-data rkuprata mill-istruttura attwali tal-kodiċi TARIC ma kinitx preċiża biżżejjed biex timmonitorja l-flussi tal-importazzjoni mir-RPĊ taħt il-kodiċi TARIC residwu 3824 30 00 90, u biex tiddistingwi l-RTP minn prodotti oħra importati taħt l-istess kodiċi. Ikkonkludiet ukoll li t-tħassir tan-nota f’qiegħ il-paġna fid-definizzjoni tal-prodott u l-ħolqien ta’ kodiċi TARIC ġdid esklussivament għall-RTP jistgħu jbiddlu d-definizzjoni tal-prodott soġġett għall-miżuri minħabba li taħlitiet għajr RTP attwalment esklużi mid-definizzjoni tal-prodott min-nota f’qiegħ il-paġna jirriskjaw li – fin-nuqqas tan-nota f’qiegħ il-paġna – jiġu kklassifikati fid-definizzjoni tal-prodott soġġett għall-miżuri. |
|
(35) |
Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-istruttura proposta mill-applikanti fil-kummenti tagħhom tas-6 ta’ Settembru 2023 ma kinitx tippermetti s-segregazzjoni (i) tal-RTP, (ii) tat-tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċement ma’ trab metalliku li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota ta’ qiegħ il-paġna, u (iii) tal-karbur tat-tungstenu mħallat ma’ karburi oħrajn, kemm jekk fih trab metalliku u kemm jekk le u kemm jekk jissodisfa r-rekwiżiti tan-nota ta’ qiegħ il-paġna u kemm jekk le. Tabilħaqq, l-istruttura proposta mill-applikant żammet (ii) u (iii) flimkien f’kodiċi TARIC wieħed ġdid. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ddeċidiet li taqsam dan il-kodiċi TARIC ġdid propost. |
|
(36) |
B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-kodiċijiet TARIC taħt il-kodiċi NM 3824 30 00 jiġu ristrutturati. |
|
(37) |
B’mod konkret, jenħtieġ li jinħolqu tliet kodiċijiet TARIC ġodda. L-ewwel wieħed jenħtieġ li jkopri l-RTP u li jaqra: “Trab lest għall-ippressar, fil-forma ta’ partiċelli sferiċi jew granulari, omoġenji u bi fluwidità libera, sempliċiment imħallat ma’ trab metalliku u/jew karburi oħrajn, u ma’ legant organiku”, u jenħtieġ li jissodisfa r-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna. It-tieni wieħed jenħtieġ li jinkludi t-tipi ta’ karbur tat-tungstenu sempliċiment imħallat ma’ trab metalliku (tipi oħra ta’ karbur tat-tungstenu li mhumiex RTP), li jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna, u jenħtieġ li jaqra “Oħrajn, fil-forma ta’ partiċelli sferiċi jew b’forma granulari, omoġenji u bi fluwidità libera, sempliċiment imħallta ma’ trab metalliku u/jew karburi oħrajn”. It-tielet wieħed jenħtieġ li jinkludi karbur tat-tungstenu ieħor mħallat sempliċement ma’ karburi oħrajn, kemm jekk fih trab metalliku u kemm jekk le, u kemm jekk jissodisfa r-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna u kemm jekk le, u jenħtieġ li jaqra “Oħrajn, imħallta sempliċiment ma’ trab metalliku u/jew karburi oħrajn”. |
|
(38) |
Jenħtieġ li l-kodiċi TARIC li għalih japplikaw il-miżuri – il-kodiċi TARIC 3824 30 00 10 – jibqa’ l-istess u jenħtieġ biss li d-deskrizzjoni tiġi aġġornata, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-istruttura l-ġdida tat-TARIC, għal “Fil-forma ta’ partikoli irregolari u mhux bi fluwidità libera, imħalltin sempliċement ma’ trab metalliku”. |
|
(39) |
Jenħtieġ li l-kodiċi TARIC residwu 3824 30 00 90 u d-deskrizzjoni tiegħu jibqgħu l-istess. Madankollu, abbażi tal-istruttura l-ġdida tal-kodiċi TARIC, dan mhux se jibqa’ jinkludi l-karbur tat-tungstenu, u minflok se jinkludi karburi oħra tal-metall mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi. |
|
(40) |
Bħala riżultat ta’ din l-istruttura l-ġdida tat-TARIC, jenħtieġ li n-nota f’qiegħ il-paġna titħassar, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li fid-definizzjoni tal-prodott jiġu kklassifikati prodotti li bħalissa huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott min-nota f’qiegħ il-paġna. |
|
(41) |
Il-prodotti li qabel kienu koperti minn, jew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri jibqgħu l-istess. Abbażi tal-istruttura l-ġdida tal-kodiċi TARIC, il-prodotti esklużi jistgħu jiġu kklassifikati f’kodiċi TARIC ġdid u differenti, li l-miżuri għadhom ma japplikawx għalih. |
|
(42) |
Din l-istruttura l-ġdida tal-kodiċi TARIC se tippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja b’mod preċiż l-iżvilupp tal-importazzjonijiet ta’ karburi tat-tungstenu mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi mir-RPĊ, b’mod partikolari l-flussi tal-importazzjoni ta’ tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku, li ssodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna, kif ukoll il-karbur tat-tungstenu mħallat ma’ karburi oħrajn, mir-RPĊ, li mhumiex soġġetti għal miżuri anti-dumping, meta mqabbla mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġett għal miżuri anti-dumping. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data, l-importazzjonijiet ta’ karburi tat-tungstenu mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi mir-RPĊ se jkunu soġġetti għal sorveljanza. |
|
(43) |
Il-miżuri ta’ sorveljanza jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġina mir-RPĊ. |
4.4. Kummenti wara d-divulgazzjoni
|
(44) |
Fl-20 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni żvelat is-sejbiet tagħha lill-partijiet interessati. Waslu kummenti mingħand l-applikanti fl-aħħar rieżami ta’ skadenza u mingħand Betek. Ir-rikorrenti ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet fis-17 ta’ Ġunju 2024, eżatt qabel id-divulgazzjoni, li ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-divulgazzjoni lill-partijiet. |
|
(45) |
L-applikanti ssottomettew data trimestrali dwar l-importazzjoni mill-Eurostat minn Q1 2022 sa Q1 2024 li turi li l-importazzjonijiet sinifikanti taħt il-kodiċi NM 3824 30 00 komplew u baqgħu l-istess matul dan il-perjodu. Għalhekk, huma ħeġġew lill-Kummissjoni toħloq kodiċi TARIC separat biex timmonitorja b’mod aktar preċiż l-importazzjonijiet tal-prodotti esklużi min-nota f’qiegħ il-paġna. Huma ddikjaraw li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li taħlitiet għajr RTP li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott soġġett għall-miżuri, huma jkunu jeħtieġu data doganali sabiex iressqu talba għal investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Betek irreaġixxa billi ddikjara li l-importazzjonijiet tiegħu ta’ taħlitiet għajr RTP u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna mhumiex qed jimminaw il-miżuri anti-dumping. Betek fakkar li kien kiseb BTI wara eżami dettaljat tal-kampjun tal-prodott, kif iddikjarat fil-premessa.(24) |
|
(46) |
Il-Kummissjoni ħadet nota tal-kumment tal-applikanti u enfasizzat li ma tistax testendi l-kopertura tal-miżuri anti-dumping. Ir-ristrutturar preżenti tal-kodiċijiet TARIC se jiżgura monitoraġġ aktar preċiż tal-importazzjonijiet, irrispettivament minn kwalunkwe investigazzjoni futura u li ma jkollu l-ebda impatt fuq il-miżuri attwalment fis-seħħ. |
|
(47) |
Barra minn hekk, l-applikanti sostnew li d-divulgazzjoni ma indirizzatx il-kwistjoni ta’ jekk it-taħlitiet għajr RTP li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna kinux koperti mill-miżuri jew le. F’dan ir-rigward, huma rreferew għas-sottomissjonijiet preċedenti li saru, filwaqt li enfasizzaw li taħlitiet oħra għajr RTP li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna mhumiex RTP iżda għandhom l-istess karatteristiċi essenzjali bħall-karbur tat-tungstenu bi trab metalliku mingħajr kapaċità ta’ fluwidità libera. Betek ma qabilx u sostna li t-taħlitiet għajr RTP li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna ma għandhom l-ebda karatteristika essenzjalment komparabbli mal-prodott soġġett għall-miżuri anti-dumping. |
|
(48) |
Il-Kummissjoni kkonfermat fil-premessa (34) hawn fuq li t-taħlitiet għajr RTP ma kinux koperti mid-definizzjoni tal-prodott peress li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna preċiżament abbażi tal-karatteristiċi tagħhom (inkluża l-kapaċità ta’ fluwidità libera), u għalhekk mhumiex koperti mill-miżuri. Għalhekk, dawn il-kummenti ġew miċħuda. |
|
(49) |
Barra minn hekk, l-applikanti talbu lill-Kummissjoni tikkonferma li l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi TARIC 3824 30 00 30 propost ikunu soġġetti għall-miżuri. |
|
(50) |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-bidliet attwali fl-istruttura TARIC ma jbiddlux il-kopertura tal-miżuri fis-seħħ. Kif iddikjarat fil-premessa(37), it-tipi ta’ karbur tat-tungstenu sempliċiment imħalltin ma’ trab metalliku (tipi oħra ta’ karbur tat-tungstenu għajr RTP), li jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna, inklużi fil-kodiċi TARIC 3824 30 00 30 propost, mhumiex soġġetti għall-miżuri. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(51) |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-istruttura tal-kodiċi TARIC, inizjalment l-applikanti tennew l-istruttura tal-kodiċi TARIC proposta fil-kummenti tagħhom tas-6 ta’ Settembru 2023, iżda sussegwentement iddikjaraw li ma kellhom l-ebda kumment dwar l-istruttura TARIC proposta mill-Kummissjoni. |
|
(52) |
Il-Kummissjoni spjegat fil-premessa (35) għaliex l-istruttura TARIC proposta mill-applikanti ma kinitx xierqa. Għalhekk, dawn il-kummenti ġew miċħuda. |
|
(53) |
Minflok, Betek sostna li s-subdiviżjoni ta’ taħlitiet tal-karbur tat-tungstenu bi fluwidità libera mhux soġġetti għal miżuri fi tliet kodiċijiet hija artifiċjali u appoġġat ir-raggruppament tal-kodiċijiet TARIC proposti 3824 30 00 20, 3824 30 00 30 and 3824 30 00 40 f’kodiċi TARIC wieħed biss li jkopri RTP, taħlitiet għajr RTP u li jissodisfa r-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna, u taħlitiet oħra tal-karbur tat-tungstenu. |
|
(54) |
L-applikanti rreaġixxew għal din l-istruttura TARIC billi sostnew li l-proprjetajiet kimiċi, fiżiċi u tekniċi huma komuni għall-karbur kollu tat-tungstenu, u li l-kapaċità ta’ fluwidità libera hija irrilevanti. Għall-applikanti d-differenza kienet bejn karburi tat-tungstenu mħalltin ma’ trab metalliku u l-RTP u ngħatat bil-preżenza ta’ legant organiku. Għalhekk, l-applikanti sostnew li l-proposta ta’ Betek kienet maħsuba biex timpedixxi separazzjoni xierqa bejn l-RTP u taħlitiet oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna. |
|
(55) |
Fl-aħħar nett, Betek sostna li mhuwiex ċar liema prodotti għandhom jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC 3824 30 00 40 propost. |
|
(56) |
Il-Kummissjoni fakkret il-kunsiderazzjoni li saret fil-premessa (35), li skontha l-istruttura tal-kodiċi TARIC proposta minn Betek, bħal dik tal-applikanti tas-6 ta’ Settembru 2023, ma kinitx tippermetti s-segregazzjoni (i) tal-RTP, (ii) tat-tipi ta’ karbur tat-tungstenu mħallat sempliċement ma’ trab metalliku li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota ta’ qiegħ il-paġna, u (iii) tal-karbur tat-tungstenu mħallat ma’ karburi oħrajn, kemm jekk fih trab metalliku u kemm jekk le u kemm jekk jissodisfa r-rekwiżiti tan-nota ta’ qiegħ il-paġna u kemm jekk le. Hija biss struttura li tissegrega l-RTP minn taħlitiet oħra li għadhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-nota f’qiegħ il-paġna li tippermetti li wieħed jifhem il-volum u r-rilevanza tal-prodotti differenti u b’hekk jimmonitorja b’mod preċiż l-importazzjonijiet. Barra minn hekk, il-kodiċi TARIC 3824 30 00 40 huwa meħtieġ biex tiġi żgurata sorveljanza xierqa ta’ dawn il-kodiċijiet, peress li, mingħajr tali kodiċi, kwalunkwe modifika oħra tat-taħlitiet tal-karbur tat-tungstenu taqa’ taħt il-kodiċi TARIC residwu 3824 30 00 90, mhux soġġett għas-sorveljanza, mat-taħlitiet l-oħra kollha tal-karbur tal-metall. Għalhekk, dan il-kumment ġie miċħud. |
|
(57) |
Wara li indirizzat il-kummenti ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha. |
|
(58) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku u tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1618 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Qiegħed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2849 90 30 u ex 3824 30 00 (il-kodiċi TARIC 3824 30 00 10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.”.
2. Il-paragrafi li ġejjin jiżdiedu mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1618:
2.“4. L-istruttura TARIC għall-karburi tat-tungstenu mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi hija sostitwita b’dan li ġej:
|
|
|
||
|
3824 30 00 10 |
|
||
|
3824 30 00 20 |
|
||
|
3824 30 00 30 |
|
||
|
3824 30 00 40 |
|
||
|
3824 30 00 90 |
|
5. Il-kapaċità ta’ fluwidità, jew in-nuqqas tagħha, ta’ karburi tat-tungstenu mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi, attwalment ikklassifikati taħt 3824 30 00 10, 3824 30 00 20 u 3824 30 00 30, tista’ titkejjel u tiġi stabbilita bl-użu ta’ lenbut ikkalibrat pereż. meter tal-fluwidità HALL skont l-istandard ISO 4490.”.
Artikolu 2
1. L-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet TARIC imsemmija fl-Artikolu 1, minbarra 3824 30 00 90, jew kwalunkwe kodiċi futur korrispondenti, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ssegwi x-xejriet statistiċi tal-importazzjonijiet ta’ karburi tat-tungstenu mhux agglomerati mħalltin flimkien jew ma’ leganti metalliċi, skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
2. Il-miżuri ta’ sorveljanza introdotti mill-paragrafu 1 għandhom jieqfu meta d-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu mdewweb u karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jintemm jew jiskadi.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2737/90 tal-24 ta’ Settembru 1990 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju (ĠU L 264, 27.9.1990, p. 7).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/480/KEE tal-24 ta’ Settembru 1990 li taċċetta impenji offerti minn ċerti esportaturi marbuta mal-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li ttemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-esportaturi inkwistjoni (ĠU L 264, 27.9.1990, p. 59).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 610/95 tal-20 ta’ Marzu 1995 li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2735/90, (KEE) Nru 2736/90 u (KEE) Nru 2737/90 li jimponu dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ minerali u konċentrati tat-tungstenu, ossidu tat-tungstenu, aċidu tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu u karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jiġbor definittivament l-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju impost mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/94 (ĠU L 64, 22.3.1995, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 771/98 tas-7 ta’ April 1998 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ karbur tat-tungstenu u karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 111, 9.4.1998, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2268/2004 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ karbur tat-tungstenu u karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 56).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1275/2005 tas-26 ta’ Lulju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2268/2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ tungsten carbide u fused tungsten carbide li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 202, 3.8.2005, p. 1).
(9) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 287/2011 tal-21 ta’ Marzu 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ karbur tat-tangstin, karbur tat-tangstin imħallat sempliċiment ma’ trab metalliku u karbur tat-tangstin imdewweb li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 78, 24.3.2011, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51). Dan ir-Regolament ġie kkodifikat bir-Regolament bażiku.
(11) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu mdewweb u karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 53).
(12) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1618 tat-8 ta’ Awwissu 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu mdewweb u karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 199, 9.8.2023, p. 48).
(13) Global Tungsten & Powders spol. s.r.o., H.C. Starck Tungsten GmbH, Tikomet Oy, Treibacher Industrie AG, Umicore Specialty Powders France u Wolfram Bergbau und Hütten AG.
(14) https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI.
(15) https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2682.
(16) https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/ongoing.
(17) https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-history?caseId=1527.
(18) “Il-partiċelli huma irregolari u mingħajr fluwidità libera f’kuntrast mal-partiċelli tat-“trab lesti għall-ippressar”, li huma sferiċi jew b’forma granulari, omoġenji u bi fluwidità libera. In-nuqqas ta’ fluwidità jista’ jitkejjel u jkun stabbilit bl-użu ta’ lenbut ikkalibrat, pereż. meter tal-fluwidità HALL skont l-istandard ISO 4490.”
(19) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2461/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)