6.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/102


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/706

tal-5 ta’ Mejju 2022

li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward ta’ kriterji u proċeduri għar-rikonoxximent ta’ impenn fit-tul u kontribuzzjonijiet straordinarji għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

(notifikata bid-dokument C(2022) 2884)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1), il-punt (hb) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex tirrikonoxxi u tonora l-impenn fit-tul u l-kontribuzzjonijiet straordinarji għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“il-Mekkaniżmu tal-Unjoni”), id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tagħti medalji lir-riċevituri rilevanti.

(2)

Sabiex jingħataw tali medalji tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni (“medalji tal-UCPM”), jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-kriterji u l-proċeduri għar-rikonoxximent tal-impenn fit-tul u tal-kontribuzzjonijiet straordinarji għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

(3)

Minħabba l-approċċ transsettorjali tal-assistenza pprovduta permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, il-medalji tal-UCPM jenħtieġ li jingħataw lill-ċittadini tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi, inkluż il-persunal tal-protezzjoni ċivili, il-persunal tal-ġestjoni tad-diżastri, il-persunal militari tal-Istati Membri, jew il-persunal ta’ awtoritajiet jew korpi rilevanti oħra għall-kontribuzzjonijiet mogħtija lill-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Il-medalji tal-UCPM jistgħu jingħataw lil persuni jew moduli fiżiċi, inklużi timijiet ta’ intervent, timijiet ta’ assistenza teknika u appoġġ (“TAST”), u kapaċitajiet oħra ta’ rispons irreġistrati fis-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f’Każ ta’ Emerġenza (“CECIS”).

(4)

Sabiex jiġu koperti l-attivitajiet taċ-ċiklu kollu tal-ġestjoni tad-diżastri, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-rikonoxximent u l-onorar tal-impenn fit-tul u l-kontribuzzjonijiet straordinarji għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jinkludi azzjonijiet ta’ prevenzjoni, tħejjija u rispons.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 20a(3) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti żewġ tipi ta’ medalji tal-UCPM: midalja għal impenn fit-tul u midalja għal kontribut straordinarju. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu definiti l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ kull tip ta’ midalja.

(6)

Peress li l-medalji tal-UCPM ġew introdotti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni bid-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-perjodu li għandu jitqies għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ riċevituri potenzjali ta’ medalji tal-UCPM jenħtieġ li jiġi stabbilit b’kont meħud tad-data tal-adozzjoni tagħhom, li hija l-21 ta’ Marzu 2019.

(7)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jinnominaw riċevituri potenzjali. Sabiex jiġu evalwati riċevituri potenzjali, kwalunkwe nomina bħal din għandha tiġi vvalutata minn Bord tal-Għotja, li għandu jikkonsisti mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Il-Bord tal-Għotja għandu jiltaqa’ biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar il-medalji tal-UCPM.

(8)

Sabiex ir-riċevituri jingħataw omaġġ b’mod xieraq, il-medalji tal-UCPM jenħtieġ li jingħataw f’ċerimonja formali, bħall-Forum Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili jew ċerimonji formali oħra fuq bażi ad hoc.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni u tiġi promossa l-ugwaljanza, jenħtieġ li jitqiesu l-bilanċ bejn il-ġeneri u d-distribuzzjoni ġeografika meta jiġi deċiż li jingħataw medalji tal-UCPM.

(10)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm reġistru ta’ medalji tal-UCPM mogħtija.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Ċivili msemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kriterji u l-proċeduri għall-għoti ta’ medalji tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“medalji tal-UCPM”) sabiex jiġu rikonoxxuti u onorati l-impenn u l-kontribuzzjonijiet straordinarji fit-tul għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“Mekkaniżmu tal-Unjoni”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“persuna ta’ karattru tajjeb” tfisser persuna li tkun ħielsa minn kwalunkwe kundanna kriminali preċedenti;

(2)

“kuraġġ eċċezzjonali” tfisser kuraġġ eċċezzjonali jew reżistenza kuraġġuża ogħla mill-aspettattivi filwaqt li dan jintwera fl-azzjoni;

(3)

“kisba meritevoli straordinarja” tfisser livell għoli ħafna ta’ twettiq, li jmur lil hinn minn dak li huwa normali jew tas-soltu.

Artikolu 3

Tipi ta’ medalji tal-UCPM

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħti ż-żewġ tipi ta’ medalji tal-UCPM li ġejjin:

(a)

midalja għal impenn fit-tul;

(b)

midalja għal kontribuzzjoni straordinarja.

2.   Dawk li jirċievu l-midalji ma għandhom ikunu intitolati għall-ebda benefiċċju finanzjarju.

3.   Il-medalji tal-UCPM ma għandhomx jingħataw aktar minn darba għal kull tip lill-istess persuna fiżika, l-istess moduli, timijiet ta’ intervent, TAST jew kapaċitajiet oħra ta’ reazzjoni. Dawn jistgħu jingħataw ukoll wara l-mewt.

Artikolu 4

Eliġibbiltà

1.   Il-medalji tal-UCPM jistgħu jingħataw lill-persuni fiżiċi li ġejjin għall-kontribuzzjoni tagħhom għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni:

(a)

membri tal-persunal tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri tal-Istati Membri jew tal-Istati parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(b)

membri ta’ awtoritajiet, entitajiet jew korpi oħra li jikkontribwixxu għall-azzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(c)

ċittadini tal-Unjoni jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Dawk il-persuni fiżiċi għandhom ikunu ta’ karattru tajjeb.

2.   Il-medalji tal-UCPM jistgħu jingħataw lill-persuni fiżiċi li ġejjin għall-kontribuzzjoni tagħhom għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni:

(a)

moduli stabbiliti skont id-Deċiżjoni 1313/2013/UE;

(b)

timijiet ta’ intervent kif definiti fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (3);

(c)

timijiet ta’ assistenza teknika u appoġġ (“TAST”) kif definiti fl-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/762/UE;

(d)

kapaċitajiet oħra ta’ reazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 9(4) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

Dawk l-entitajiet għandhom ikunu rreġistrati fis-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (CECIS).

3.   Il-persunal tal-Unjoni soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (4) ma għandux ikun eliġibbli għall-medalji tal-UCPM.

Artikolu 5

Perjodu ta’ eliġibbiltà

Il-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ medalji tal-UCPM għandu jibda fil-21 ta’ Marzu 2019.

Artikolu 6

Midalja għal impenn fit-tul

Il-midalja tal-UCPM għal impenn fit-tul tista’ tingħata lir-riċevituri eliġibbli msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu ġew skjerati f’mill-inqas tliet okkażjonijiet f’operazzjonijiet ta’ rispons taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(b)

ikunu wrew impenn professjonali fit-tul għal azzjonijiet ta’ prevenzjoni jew tħejjija taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Il-perjodi ta’ żmien iddedikati mir-riċevituri eliġibbli kkonċernati għal tali azzjonijiet għandhom jittieħdu bħala rikonoxximent tal-impenn tagħhom.

Artikolu 7

Midalja għal kontribuzzjonijiet straordinarji.

Il-medalja tal-UCPM għal kontribuzzjoni straordinarja tista’ tingħata lir-riċevituri eliġibbli msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu wrew att ta’ qlubija eċċezzjonali, kisba meritevoli straordinarja jew attività lil hinn minn dak li jista’ jkun raġonevolment mistenni matul operazzjoni ta’ rispons taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni;

(b)

ikunu kkontribwew kisba meritevoli straordinarja għall-iżvilupp tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni b’mod ġenerali.

Artikolu 8

Nomina

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw nomini lill-Bord tal-Għotja għall-għoti ta’:

(a)

medalji tal-UCPM għal impenn fit-tul ibbażat fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6;

(b)

medalji tal-UCPM għal kontribuzzjoni straordinarja abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7.

2.   Il-Kummissjoni, permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, għandha tirrevedi b’mod regolari n-nomini u tirrapporta lill-Bordijiet tal-Għotjiet meta jiġu ssodisfati l-kriterji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 9

Bord ta’ Għotja u deċiżjoni ta’ għoti

1.   Għandu jiġi stabbilit Bord ta’ Għotja biex jirrevedi n-nomini ppreżentati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8 jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni fir-rigward tal-għoti tal-medalji tal-UCPM.

2.   Il-Bord tal-Għotja għandu jkun magħmul minn tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tlaqqa’ l-Bord tal-Għotja mill-inqas xahar qabel ma ssir iċ-ċerimonja msemmija fl-Artikolu 11(1).

Il-Bord tal-Għotja għandu jqis il-bilanċ bejn is-sessi u d-distribuzzjoni ġeografika meta jiddeċiedi dwar l-għoti tal-medalji tal-UCPM.

Artikolu 10

Ir-revoka u r-rinunzja tal-medalji tal-UCPM mogħtija

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrevoka kwalunkwe medalja tal-UCPM mogħtija fil-każ ta’ kundanna kriminali, jew kwalunkwe azzjoni li tkun diżonorabbli jew li tista’ tagħmel ħsara lill-interessi tal-Unjoni.

2.   Ir-riċevituri għandhom jirriżervaw id-dritt li jirrinunzjaw għall-midalja tal-UCPM mogħtija.

Artikolu 11

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-medalji tal-UCPM

1.   Il-medalji tal-UCPM għandhom jingħataw fil-Forum Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili, jew fejn xieraq, f’ċerimonji formali fuq bażi ad hoc.

2.   Il-medalji tal-UCPM għandhom jingħataw lir-riċevituri jew lir-rappreżentanti tagħhom minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

3.   Meta r-riċevitur tal-midalja tal-UCPM ikun modulu, tim ta’ intervenzjoni, TAST jew kapaċità oħra ta’ rispons, il-midalja tal-UCPM għandha tingħata lill-mexxej tat-tim jew lir-rappreżentant tiegħu li jirċeviha f’isem il-modulu, it-tim ta’ intervenzjoni, it-TAST jew kapaċità oħra ta’ rispons rispettivi.

Artikolu 12

Diżinn u reġistru pubbliku online

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-disinn u l-mudell tal-medalji tal-UCPM.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku online tar-riċevituri ta’ medalji tal-UCPM.

Artikolu 13

Ilbies tal-midalji tal-UCPM

L-ilbies tal-medalji tal-UCPM għandu jkun irregolat mir-regolamenti rilevanti tal-Istat riċevitur.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Janez LENARČIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 77 I, 20.3.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE tas-16 ta’ Ottubru 2014 li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u li tħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2004/277/KE, Euratom u 2007/606/KE, Euratom (ĠU L 320, 6.11.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).