23.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/669

tat-22 ta’ Marzu 2023

dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni tal-endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta mill-Komagataella phaffii DSM 33574 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-pollam għat-tismin u għall-ispeċijiet kollha tal-pollam imrobbija għall-bajd u mrobbija għat-tnissil (detentur tal-awtorizzazzjoni: BioResource, international, Inc. irrappreżentata fl-Unjoni Pen & Tec Consulting, S.L.U.)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġiet sottomessa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni tal-endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta bil-Komagataella phaffii DSM 33574. L-applikazzjoni kienet akkumpanjata bid-dettalji u bid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni kkonċernat l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni tal-endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta mill-Komagataella phaffii DSM 33574 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-pollam għat-tismin u għall-ispeċijiet kollha tal-pollam imrobbija għall-bajd u mrobbija għat-tnissil, biex tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “sustanzi li jsaħħu d-diġestibbiltà”.

(4)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-opinjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2022 (2) ikkonkludiet li, fil-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-preparazzjoni tal-endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta bil-Komagataella phaffii DSM 33574 ma għandhiex effetti avversi fuq is-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-ispeċijiet fil-mira, fuq is-saħħa tal-konsumaturi jew fuq l-ambjent. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-esponiment tal-utenti għall-preparazzjoni permezz tan-nifs huwa probabbli ħafna, li l-preparazzjoni hija sensitizzatur respiratorju u li għandha l-potenzjal li tkun irritanti għall-għajnejn. Ma setgħet tinsilet l-ebda konklużjoni dwar il-potenzjal tal-preparazzjoni li tikkawża sensitizzazzjoni tal-ġilda.

(5)

L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-preparazzjoni għandha l-potenzjal li tkun effikaċi għall-ispeċijiet kollha tal-pollam għat-tismin u għall-ispeċijiet kollha tal-pollam imrobbija għall-bajd u mrobbija għat-tnissil. L-Awtorità mhijiex tal-fehma li hemm għalfejn jiġu stipulati rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta’ wara t-tqegħid fis-suq. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf sottomess mil-Laboratorju ta’ Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni tal-endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta bil-Komagataella phaffii DSM 33574 turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għalhekk, l-użu ta’ dik il-preparazzjoni jenħtieġ li jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti ta’ dik il-preparazzjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tagħmel parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “sustanzi li jsaħħu d-diġestibbiltà” hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)   EFSA Journal 2022;20(7):7428.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

Unitajiet ta’ attività/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

Kategorija ta’ addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: sustanzi li jsaħħu d-diġestibbiltà

4a35

BioResource International, Inc. irrappreżentata fl-Unjoni minn Pen &

Tec Consulting, S.L.U.

Endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8)

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazjoni ta’ endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodotta bil-Komagataella phaffii DSM 33574 b’attività minima ta’:

150 000 XU (1) /g

Għamla solida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Endo-1,4-beta-ksilanażi (EC 3.2.1.8) prodotta bil-Komagataella phaffii DSM 33574

Metodu analitiku  (2)

Għad-determinazzjoni tal-attività tal-endo-1,4-beta-ksilanażi fl-addittiv tal-għalf: il-metodu kolorimetriku (DNS) ibbażat fuq l-idroliżi enżimatika tas-sottostrat ksilan mill-injam tal-fagu.

Għad-determinazzjoni tal-attività tal-endo-1,4-beta-ksilanażi fl-għalf kompost: il-metodu kolorimetriku bbażat fuq ir-reazzjoni enżimatika tal-endo-1,4-beta-ksilanażi fuq is-sottostrat Xy1X6.

L-ispeċijiet kollha tal-pollam għat-tismin

L-ispeċijiet kollha tal-pollam imrobbija għall-bajd jew imrobbija għal finijiet ta’ tnissil

—

10 000 XU

—

1.

L-addittiv ma għandux jintuża fit-taħlitiet lesti minn qabel.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

3.

Għall-utenti tal-addittiv l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati jew jitnaqqsu għal livell minimu permezz ta’ dawk il-proċeduri u l-miżuri, l-addittiv għandu jintuża b’tagħmir protettiv personali, inkluż protezzjoni għan-nifs, għall-ġilda u għall-għajnejn.

13.4.2033


(1)  Unità XU waħda hija l-ammont ta’ enzima li jirrilaxxa 1 nano-mol ta’ zokkor riduċenti (ekwivalenti ta’ ksilożju) kull sekonda mill-ksilan tal-injam tal-fagu f’50 °C u pH 6,0.

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt