SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Frar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Irregolaritajiet – Artikolu 3 – Terminu ta’ preskrizzjoni – Tul u bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin mill-konstatazzjoni tal-irregolarità”

Fil-Kawża C‑42/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura

Emporiki Serron AE – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton

vs

Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon,

Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, I. Ziemele u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon u Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon, minn E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Adamopoulos, M. Konstantinidis u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Emporiki Serron AE – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Emporiki Serron”) u l-Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon (il-Ministru għall-Iżvilupp u għall-Investiment, il-Greċja) u l-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon (il-Ministru għall-Iżvilupp Rurali u għall-Prodotti tal-Ikel, il-Greċja), fir-rigward tal-irkupru ta’ għajnuna finanzjarja rċevuta minn din il-kumpannija għax-xiri u t-tfesdiq tal-qoton mhux imfesdaq.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

It-tielet premessa tar-Regolament Nru 2988/95 tiddikjara:

“[…] atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni Ewropea] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni].

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-[Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-[Unjoni], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni [it-terminu ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

2.   Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

Id‑dritt Grieg

6

L-Artikolu 102 tan-Nómos 2362/1995 peri Dimosiou Logistikou, eleghou ton dapanon tou kratous kai alles diatakseis (il-Liġi Nru 2362/1995 dwar il-Finanzi tal-Istat, il-Kontroll tal-Ispejjeż tal-Istat u Dispożizzjonijiet Oħra) (FEK Α’ 247/27.11.1995), intitolat “Irkupru tas-somom imħallsa indebitament”, jipprovdi:

“Il-finanzjamenti, għajnuniet jew sussidji lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew lil organi, li jitħallsu fil-kuntest ta’ politiki [tal-Unjoni] fuq fondi nazzjonali jew fondi tal-Unjoni […], jiġu rkuprati mill-Istat jekk jiġi stabbilit mill-organi kompetenti kkonċernati li dawn tħallsu indebitamentjew illegalment.

Is-somom imħallsa sad-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi jaqgħu wkoll taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

Is-somom irkuprati f’dan ir-rigward huma kkonstatati bħala dħul mill-baġit tal-Istat u jiġu rkuprati, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Rkupru tad-Dħul Pubbliku fis-seħħ.

Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar l-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi, koerċitivi u ġudizzjarji għall-irkupru tad-dħul tal-Istati japplikaw ukoll f’dan il-każ.”

7

L-Artikolu 103 ta’ din il-liġi, intitolat “Preskrizzjoni tad-dejn pubbliku”, jipprevedi:

“L-irkupru tas-somom imsemmija fl-artikolu preċedenti jiġi preskritt wara ħames snin mid-data li fiha ġie kkonstatat il-ħlas indebitu jew illegali, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor taħt id-dritt [tal-Unjoni].

Is-somom imqiegħda għall-irkupru jiġu preskritti wara għoxrin sena, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor taħt id-dritt [tal-Unjoni].

Id-dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni, l-interruzzjoni u l-effetti tat-terminu ta’ preskrizzjoni previsti minn din il-liġi li japplikaw għad-dejn tal-Istat għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-dejn imsemmi f’dan l-artikolu, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor mid-dritt [tal-Unjoni].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Matul is-sena 2001, il-kumpannija Emporiki Serron ibbenefikat minn għajnuna finanzjarja mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) għax-xiri u t-tfesdiq taż-żerriegħa tal-qoton għall-perijodu 2000‑2001. Hija waqfet mill-attività tagħha u tqiegħdet fi stralċ fix-xahar ta’ Ġunju 2001.

9

Saret spezzjoni fis-sede tal-kumpannija Emporiki Serron fl‑4 u l‑5 ta’ Lulju 2006 kif ukoll mill‑31 ta’ Ottubru sat‑2 ta’ Novembru 2006. Din l-ispezzjoni uriet li ebda bejgħ ma kien ġie rreġistrat minnha għal 3618 il-balla qoton imfesdaq, li jikkorrispondi għal iktar minn 750000 kilogramma qoton imfesdaq.

10

Fl‑14 ta’ Lulju 2009, il-Ministru għall-Iżvilupp Rurali u għall-Prodotti tal-Ikel adotta deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa lill-kumpannija Emporiki Serron għal ammont ta’ EUR 322 568.90, flimkien mal-interessi, li jikkorrispondi għal 3618 il-balla qoton imfesdaq imsemmi iktar ’il fuq.

11

Adita minn din il-kumpannija b’rikors kontra din id-deċiżjoni, it-Trimeles Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-Qorti Amministrattiva b’Kulleġġ Ġudikanti bi Tlett Imħallfin ta’ Ateni, il-Greċja) annullatha minħabba li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma ġiex osservat. Fil-fatt din il-qorti qieset li sa fejn l-Artikolu 103 tal-Liġi Nru 2362/1995 kien iqis bħala bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni d-data li fiha kienet ġiet ikkonstatata l-irregolarità u mhux, kif jipprevedi l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, id-data li fiha kienet twettqet, dan kien kuntrarju għal dan l-aħħar artikolu. Għaldaqstant hija eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 103 tal-Liġi Nru 2362/1995.

12

Adita b’appell mill-Istat Grieg, it-Trimeles Dioikitiko Efeteio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell b’Kulleġġ Ġudikanti bi Tlett Imħallfin ta’ Ateni, il-Greċja) annullat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Fil-fatt din il-qorti qieset li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 kien jippermetti li tiġi adottata dispożizzjoni bħall-Artikolu 103 tal-Liġi Nru 2362/1995. Hija qieset li, skont dan l-aħħar artikolu, it-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda jiddekorri fid‑29 ta’ Novembru 2006, data li fiha l-ispettur tal-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u għall-Prodotti tal-Ikel kien fassal ir-rapport tiegħu. Minn dan hija ddeduċiet li, fid-data tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna, jiġifieri l‑14 ta’ Lulju 2009, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin applikabbli bis-saħħa tad-dritt nazzjonali ma kienx skada. Għalhekk, hija kkunsidrat li l-għajnuna finanzjarja kienet tħallset indebitament.

13

Il-kumpannija Emporiki Serron adixxiet lis-Symvoulio Tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’appell kontra s-sentenza mogħtija mid-Dioikitiko Efeteio (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell), billi sostniet li l-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri, il-Greċja) kienet tat soluzzjoni kuntrarja għal dik mogħtija f’dik is-sentenza f’kawża li fiha ġiet ikkontestata l-legalità ta’ att ta’ korrezzjoni finanzjarja.

14

Il-qorti tar-rinviju tindika li, sussegwentement, l-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri) ddeċidiet, f’seduta plenarja, li l-Artikolu 103 tal-Liġi Nru 2362/1995 kien konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, sa fejn it-tul totali li ddekorra bejn id-data ta’ twettiq ta’ irregolarità u l-għeluq tal-proċedura amministrattiva ta’ rkupru b’rabta magħha huwa raġonevoli u sa fejn dan it-tul ma jaqbiżx it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

15

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-irregolarità inkwistjoni f’din it-tilwima li biha ġiet adita seħħet l-iktar tard fl‑20 jew fit‑30 ta’ Ġunju 2001, fejn għalhekk, meta saret l-ewwel spezzjoni, fix-xahar ta’ Lulju 2006, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jekk kien applikabbli, diġà kien skada.

16

Huwa f’dan il-kuntest li s-Symvoulio Tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 103 tal-Liġi Nru 2362/1995, li mhux biss tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għall-irkupru ta’ [għajnuna mħallsa indebitament] lill-operaturi ekonomiċi wara att jew ommissjoni minn dawn tal-aħħar li għandha, jew li jista’ jkollha, l-effett li tippreġudika l-baġit ġenerali tal-[Unjoni] jew il-baġits amministrati minnhom, iżda li tistabbilixxi wkoll il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu mill-konstatazzjoni tal-ħlas indebitu jew illegali tal-għajnuna, minflok minn meta seħħet l-irregolarità, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 2988/1995] u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?

2)

Fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, konformement mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, terminu ta’ preskrizzjoni itwal mit-terminu ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu terminu massimu ta’ preskrizzjoni ta’ tmien snin għat-talba għar-rimbors ta’ għajnuna indebitament jew illegalment imħallsa minn meta seħħet l-irregolarità, jew fis-sens li dawn jistabbilixxu terminu massimu ta’ preskrizzjoni li t-tul tiegħu huwa [ugwali għad]-doppju tal-itwal perijodu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda u ta’ risposta għat-tieni domanda li tgħid li d-dispożizzjonijiet tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu terminu massimu ta’ preskrizzjoni li t-tul tiegħu huwa d-doppju tal-itwal perijodu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita barra minn hekk bid-domanda li gejja: fil-każ li leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u li, fl-istess ħin, tistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu mill-konstatazzjoni tal-irregolarità, it-terminu massimu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mit-twettiq jew mill-konstatazzjoni tal-irregolarità?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-awtoritajiet nazzjonali kkonstataw irregolarità fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

18

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għal irregolaritajiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma s-suġġett ta’ miżura amministrattiva li tikkonsisti fit-tneħħija tal-vantaġġ miksub indebitament, konformement mal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini tagħhom, kif ukoll il-kuntest u l-għanijiet tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C‑59/14, EU:C:2015:660, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward tat-termini użati f’dan l-Artikolu 3, għandu jiġi osservat li dan jipprevedi, fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, terminu ta’ preskrizzjoni minn azzjoni legali ta’ erba’ snin mit-twettiq tal-irregolarità jew, fil-każ ta’ irregolarità kontinwa jew repetuta, mill-jum meta din l-irregolarità ġiet fi tmiemha, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li regolamentazzjonijiet settorjali jistgħu jipprevedu terminu ta’ preskrizzjoni inferjuri li ma jistax jeċċedi tliet snin.

21

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “irregolarità” bħala kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni jew il-baġits ġestiti minnha.

22

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2” ta’ dan l-Artikolu 3. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali terminu jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali diġà fis-seħħ li jippreċedu l-imsemmi regolament jew dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda li ġew warajh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 3(3), l-Istati Membri jgawdu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tat-tul tat-termini ta’ preskrizzjoni itwal li jkollhom l-intenzjoni, jekk ikun il-każ, li japplikaw, suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales, C‑584/15, EU:C:2017:160, punti 64 u 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

L-osservanza ta’ dan il-prinċipju jimplika, konkretament, li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali itwal, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, ma jmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’raġunamenti li jistgħu jiġu trasposti għal din il-kawża, li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jieħdu azzjoni legali kontra l-irregolaritajiet li jippreġudikaw il-baġit tal-Unjoni, ġaladarba dan it-terminu jeċċedi biss b’sena dak previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fejn għalhekk hija kkonkludiet li tali terminu huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 74).

26

Min-naħa l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni, sa llum, dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 jawtorizzax lill-Istati Membri jidderogaw mill-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, billi jipprevedu li dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-awtoritajiet nazzjonali jikkonstataw l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

27

F’dan ir-rigward, mill-kliem innifsu tal-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95, imfakkar fil-punti 20 u 22 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li billi ħoloq din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq sempliċement jippermetti lill-Istati Membri jtawwlu t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni meta mqabbel ma’ dak previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, bl-esklużjoni ta’ kull bidla fil-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu.

28

Din l-interpretazzjoni, ibbażata fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, hija kompatibbli mal-kuntest li fih jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mal-għanijiet li jridu jintlaħqu minnhom.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 u kif jirriżulta mit-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, dan jintroduċi “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali [sanzjonijiet amministrattivi] li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni]” sabiex “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha” (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom obbligu ġenerali ta’ diliġenza fil-verifika tan-natura regolari tal-ħlasijiet imwettqa minnhom u li huma ta’ oneru fuq il-baġit tal-Unjoni, li jfisser li dawn għandhom jadottaw fil-pront il-miżuri intiżi biex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet possibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 67).

31

B’dan premess, li wieħed jammetti li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jibda jiddekorri biss mill-mument fejn l-amministrazzjoni kkonstatat dawn l-irregolaritajiet jista’ jinċentiva ċerta inerzja min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jieħdu azzjoni legali kontra l-imsemmija irregolaritajiet filwaqt li l-operaturi jiġu esposti, minn naħa, għal perijodu twil ta’ inċertezza legali u, min-naħa l-oħra, għar-riskju li ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jipproduċu l-prova tal-irregolarità tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

B’mod iktar fundamentali, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, bħala prinċipju, li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jagħmlu użu indefinit mis-setgħat tagħhom biex tiġi rrimedjata sitwazzjoni illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Obbligu ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑788/19, EU:C:2022:55, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’dan premess, l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għad-data li fiha l-awtoritajiet nazzjonali jikkonstataw irregolarità jmur kontra l-għan li trid tilħaq l-istituzzjoni li huwa dak ta’ mekkaniżmu ta’ preskrizzjoni tal-ksur tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, tali għażla tippermetti lil dawn l-awtoritajiet jaġixxu mingħajr limitazzjoni ratione temporis fir-rigward tad-data li fiha twettqet l-irregolarità jew dik li fiha ntemmet, li jkun ifisser ir-riskju, fil-prattika, li tiġi żnaturata l-preskrizzjoni.

33

Il-fatt li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jiddelimita barra minn hekk l-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali b’terminu ta’ preskrizzjoni assolut, ugwali għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, ma jistax jippermetti lill-Istati Membri jevitaw milli josservaw dan l-aħħar terminu billi jqisu bidu ta’ dekorrenza li jagħmilha ineffettiva.

34

Għaldaqstant l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, jipprekludi li l-Istati Membri jidderogaw mill-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, fejn dan il-bidu ta’ dekorrenza jibqa dejjem iffissat, bis-saħħa ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, għad-data tat-twettiq tal-irregolarità jew, fil-każ ta’ irregolarità repetuta jew kontinwa, għad-data li fiha din tal-aħħar tintemm. Id-data li fiha l-awtoritajiet nazzjonali jsiru jafu b’irregolarità jew jikkonstatawha hija, konsegwentement, mingħajr effett fuq il-bidu ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 67).

35

Hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tar-redazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tiddetermina jekk l-osservanza tar-rekwiżit imsemmi fil-punt preċedenti jistax jiġi żgurat fil-kuntest ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, jekk ifissirx li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitwarrbu kompletament jew parzjalment.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, inkluż dawk li jiddeċiedu fl-aħħar istanza, li jbiddlu, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba s-sempliċi fatt li din id-dispożizzjoni tkun ġiet interpretata minn qrati oħra f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt jew li hija applikata b’tali mod mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Mill-punti preċedenti jirriżulta li jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst f’dan l-Artikolu 3(1) suġġett għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data li fiha l-awtoritajiet nazzjonali kkonstataw irregolarità fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

Fuq it‑tieni domanda

38

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà offerta mill-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut iffissat minn dan ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għal dan it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal jew għal dak previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament.

39

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi limitu assolut li japplika għall-preskrizzjoni tal-azzjonijiet legali kontra irregolarità, fejn dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jiddekorri sa mhux iktar tard mill-jum fejn terminu ugwali għad-doppju ta’ dak previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artkolu 3(1) jasal sabiex jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet sanzjoni, ħlief fil-każ fejn il-proċedura tkun ġiet sospiża konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 63).

40

Dan it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut jikkontribwixxi għat-tisħiħ taċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi billi ma jħallix li l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet legali relatati ma’ irregolarità tista’ tiġi mdewma indefinittivament b’atti ta’ interruzzjoni repetuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punt 64).

41

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk jiġi applikat terminu ta’ preskrizzjoni itwal bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jiskadi, fi kwalunkwe każ, fil-jum meta jasal biex jiskadi t-terminu ugwali għad-doppju ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 71).

42

Mill-punti preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà offerta mill-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut iffissat minn dan ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għal dan it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal.

Fuq it‑tielet domanda

43

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l‑ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst f’dan l-Artikolu 3(1) suġġett għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data li fiha l-awtoritajiet nazzjonali kkonstataw irregolarità fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

 

2)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà offerta mill-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut iffissat minn dan ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għal dan it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.