European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1335

21.5.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1335

tas-17 ta’ Mejju 2024

li taċċetta talba mressqa mill-Irlanda skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex temporanjament ma tapplikax il-Punt 6b tat-Tabella 6.3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 Rekwiżiti tal-valutazzjoni tal-konformità għal Subsistema ta’ Maġenb il-Binarji – Ittestjar b’Żewġ Sistemi abbord minn fornituri differenti

(notifikata bid-dokument C(2024) 3227)

(It-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Lulju 2023, l-Irlanda ressqet talba lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797, biex temporanjament ma tapplikax il-Punt 6 tat-Tabella 6.3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (2) Rekwiżiti tal-valutazzjoni tal-konformità għal Subsistema ta’ Maġenb il-Binarji – li jistabbilixxi obbligu ta’ ttestjar b’żewġ sistemi abbord minn fornituri differenti biex tiġi vverifikata l-interoperabbiltà tas-soluzzjoni tas-sinjalazzjoni. Din it-talba saret fil-kuntest tal-Proġett tas-Sistema ta’ Protezzjoni tal-Ferroviji (TPS) li se jwassal l-infrastruttura tal-Livell 1 tas-Sistema Ewropea għall-Kontroll tal-Ferroviji (ETCS) ta’ maġenb il-binarji għar-rotta Drogheda għal Greystone u sal-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq. Din hija l-ewwel installazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fin-network Irlandiż.

(2)

Il-proġett TPS se jimplimenta l-Livell 1 tal-ETCS bħala sovrappożizzjoni għas-sistema ta’ sinjalazzjoni eżistenti. Din se topera flimkien mal-klassi B eżistenti biex tippermetti l-użu flessibbli tal-assi fin-network ferrovjarju tal-Irlanda. Is-sistema hija żviluppata f skont l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà (TSI) — il-Linja Bażi 3 tal-ERTMS ir-Rilaxx 2, skont is-sett ta’ speċifikazzjonijiet #3 stabbiliti fit-Tabella A2.3 tal-Anness A tar-Regolament (UE) 2016/919, ir-regoli nazzjonali stipulati mill-Kummissjoni għar-Regolament Ferrovjarju (CRR) u l-Istandard Ferrovjarju Irlandiż IRS-305-A. Dan il-proġett se jkun il-punt tat-tluq tal-iżvilupp tal-ETCS fin-network Irlandiż kif ukoll it-tnedija nazzjonali abbord.

(3)

Sadanittant, ir-Regolament (UE) 2016/919 tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 (3). Fir-rigward tar-reġim ta’ tranżizzjoni definit fl-Appendiċi B, it-Tabella B2, ir-ringiela 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695, fis-sustanza, ir-rekwiżit dwar l-ittestjar b’żewġ sistemi abbord minn fornituri differenti stabbilit fil-Punt 6 tat-Tabella 6.3 tar-Regolament (UE) 2016/919 jikkorrispondi għall-Punt 6b tat-Tabella 6.3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695. Għalhekk, it-talba oriġinali jenħtieġ li titqies bħala waħda biex temporanjament ma tapplikax il-Punt 6b tat-Tabella 6.3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695.

(4)

Il-kost assoċjat mal-ikkummissjonar ta’ fornitur differenti tal-ETCS biex iwettaq it-testijiet jaqbeż l-40 % tal-valur tal-kuntratt attwali ta’ disinn u provvista maġenb il-binarji li ngħata. Id-dewmien fiċ-ċertifikazzjoni tal-infrastruttura tal-ETCS maġenb il-binarji jdewwem l-ikkummissjonar tal-flotta l-ġdida installata bl-ETCS b’mill-inqas 10 xhur.

(5)

Peress li ma hemm l-ebda sistema tal-ETCS oħra fin-network Irlandiż, ma hemm l-ebda riskju ta’ problemi ta’ kompatibbiltà. L-Irlanda kkonfermat li t-testijiet se jitwettqu fil-futur mingħajr ebda kost addizzjonali jekk fornitur differenti tal-ETCS jingħata l-kuntratt tat-Tnedija Nazzjonali Abbord biex jiggarantixxi l-kompatibbiltà totali tas-sistemi tal-ETCS fost fornituri differenti. L-għoti ta’ dak il-kuntratt huwa ppjanat li jsir fl-2024.

(6)

Bħala alternattiva għat-twettiq tat-Testijiet Operazzjonali b’mill-inqas żewġ subsistemi abbord iċċertifikati ta’ fornituri differenti, Irish Rail ipproponiet li twettaq it-testijiet operazzjonali bl-unika subsistema abbord iċċertifikata disponibbli għal Irish Rail (jiġifieri l-fornitur eżistenti) bħala parti mill-proġett attwali “Drogheda għal Greystone”, u tiżgura li l-fornitur eżistenti jkun kuntrattwalment responsabbli għall-modifika tal-infrastruttura maġenb il-binarji jekk tiġi żvelata kwistjoni ta’ nuqqas ta’ interoperabbiltà bħala parti mit-test li għandu jitlesta qabel tmiem l-2027.

(7)

L-Irlanda kkonfermat l-impenn tagħha li bħala parti mill-kuntratti futuri tat-Tnedija Nazzjonali tal-ETCS (Abbord u Maġenb il-Binarji), dawn li ġejjin se jitlestew qabel tmiem l-2027:

—

Jekk l-istess fornitur jingħata l-kuntratt abbord, ikun meħtieġ li t-Testijiet Operazzjonali bbażati fil-laboratorju jitlestew ma’ bank tat-test ta’ fornitur tal-ETCS abbord iċċertifikat ieħor.

—

Jekk il-kuntratt abbord jingħata lil fornitur differenti, it-tlestija ta’ Testijiet Operazzjonali ta’ implimentazzjoni reali b’sistema ċċertifikata ta’ fornitur differenti ssir f’konformità mat-TSI.

(8)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (c), u l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jenħtieġ li jitqiesu bħala ssodisfati għall-proġett tal-Livell 1 tal-ETCS ta’ Maġenb il-Binarji – “Drogheda għal Greystone”. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba tal-Irlanda tiġi aċċettata.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba tal-Irlanda biex temporanjament ma tapplikax il-Punt 6b tat-Tabella 6.3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 hija aċċettata. L-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar it-tnedija -tal-ERTMS fin-network Irlandiż sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena f’konformità mal-pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali tal-ERTMS.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj?locale=mt.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistemi tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/919/oj?locale=mt).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistemi tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/919 (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1695/oj?locale=mt).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1335/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)