Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Irlanda tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Irlanda tal-2022
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari sabiex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi sostenibbli u żżid it-tkabbir u l-ħolqien tal-impiegi fuq terminu medju u twil. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fil-[XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex tkompli timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Irlanda bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet adottata fil-5 ta’ April 2022 mill-Kunsill, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass pereżempju permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li qed jesperjenzaw il-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali.
(4)B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati hija essenzjali għall-kisba tal-prijoritajiet tal-politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti kollha maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020, jew subsett sinifikanti tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.
(5)Il-klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-UE jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.
(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali bħalissa titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u l-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u l-investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali.
(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ aggregata fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali tidher xierqa fl-2023, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.
(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex itaffi l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali trid tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(9)Fit-28 ta’ Mejju 2021, l-Irlanda ppreżentat il-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-8 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Irlanda tkun issodisfat b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fl-4 ta’ Mejju 2022, l-Irlanda ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u, fid-29 ta’ April 2022, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2022, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Irlanda dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Irlanda fit-23 ta’ Mejju 2022. Hija vvalutat il-progress tal-Irlanda fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-Irlanda tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Irlanda fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Irlanda u ppubblikat ir-riżultati tagħha fit-23 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Irlanda ma għadhiex tesperjenza żbilanċi relatati ma’ dejn privat, tal-gvern u estern għoli. Sar progress importanti fit-tnaqqis tad-dejn tal-gvern u dak privat kif ukoll fl-obbligazzjonijiet esterni netti, kemm qabel kif ukoll wara l-pandemija.
(13)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lill-Irlanda biex fl-2020 u fl-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Huwa rrakkomanda wkoll lill-Irlanda biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Fl-2021, abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Irlanda naqas minn 5,1 % tal-PDG fl-2020 għal 1,9 % fl-2021. Ir-rispons tal-politika fiskali mill-Irlanda appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza naqsu minn 3,3 % tal-PDG fl-2020 għal 2,7 % fl-2021. Il-miżuri li ħadet l-Irlanda fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u fl-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 56,0 % tal-PDG fl-2021.
(14)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 huwa realistiku. Il-Gvern jipprojetta li l-PDG reali jikber b’ 6,4 % fl-2022 u b’ 4,4 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 5,4 % fl-2022 u tkabbir tal-PDG simili ta’ 4,4 % fl-2023, prinċipalment minħabba konsum personali aktar baxx u projezzjonijiet ta’ esportazzjonijiet aktar baxxi fl-2022. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-gvern jistenna li d-defiċit nominali se jonqos għal 0,4 % tal-PDG fl-2022 u se jinbidel għal surplus ta’ 0,2 % fl-2023. It-tnaqqis fl-2022 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir qawwi fl-attività ekonomika u t-tneħħija tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ emerġenza. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 50,1 % fl-2022, u li jonqos għal 46,3 % fl-2023. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 0,5 % tal-PDG għall-2022 u surplus ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi mal-bilanċ tal-gvern previst fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 50,3 % fl-2022 u 45,5 % fl-2023.
Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) huwa stmat għal 6,6 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi strutturali li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku potenzjali tal-Irlanda.
(15)Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma projettati li jonqsu minn 2,7 % tal-PDG fl-2021 għal 0,6 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,2 % tal-PDG fl-2022 u 0,0 % tal-PDG fl-2023. Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment fi trasferimenti soċjali lejn unitajiet domestiċi ifqar u tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija. Dawn il-miżuri tħabbru bħala fil-biċċa l-kbira temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari l-ħlas għall-kontijiet tal-elettriku domestiċi kollha u t-tnaqqis ġenerali fid-dazji tas-sisa. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-kostijiet biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma projettati li jkunu 0,1 % tal-PDG fl-2022 u 0,1 % fl-2023.
(16)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Irlanda ssegwi pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment. Huwa rrakkomanda wkoll lill-Irlanda biex issegwi, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju, u fl-istess ħin, biex issaħħaħ l-investiment biex tagħti spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.
(17)Fl-2022, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2022, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun ta’ - 0,3 % tal-PDG, kif irrakkomandat mill-Kunsill. L-Irlanda qed tippjana li tkompli tipprovdi appoġġ għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pprojettata li tibqa’ stabbli meta mqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 punti perċentwali fl-2022. Għalhekk, l-Irlanda qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni ġeneralment newtrali ta’ 0,0 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,2 % tal-PDG).
(18)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni għal 1,8 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. L-Irlanda hija pprojettata li tkompli tuża l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pprojettata li tibqa’ stabbli meta mqabbla mal-2022. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,0 punti perċentwali fl-2023. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,8 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,2 % tal-PDG).
(19)Fil-programm ta’ Stabbiltà tal-2022, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa mistenni li jilħaq surplus ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2024 u 1,4 % sal-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa għalhekk ippjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Dawn il-projezzjonijiet jassumu limitu massimu għat-tkabbir tan-nefqa ċentrali ta’ 5 % fis-sena. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, speċifikament bi tnaqqis għal 43,8 % fl-2024, u tnaqqis għal 40,7 % fl-2025. Abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru baxxi fuq terminu medju.
(20)Id-defiċit globali tas-sistema tal-pensjonijiet huwa mistenni li jikber fit-tul bħala riżultat taż-żieda fin-nefqa fuq il-pensjonijiet minn 4,6 % tal-PDG fl-2019 għal 7,6 % fl-2070. Kummissjoni tal-pensjonijiet indipendenti għamlet diversi rakkomandazzjonijiet biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-pensjonijiet tal-istat.
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), u l-kriterju 2,2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Irlanda mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan. B’mod partikolari, il-pjan jiffoka fuq ir-riformi u l-investimenti li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll fuq l-appoġġ għall-integrazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol u t-titjib tal-ħiliet. L-investimenti jgħinu wkoll biex jiġu antiċipati proġetti maturi ta’ investiment pubbliku, jiġi promoss l-investiment privat u jintużaw strumenti ta’ finanzjament aktar diretti biex jiġu stimulati r-riċerka u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, il-pjan jimpenja ruħu għal riformi fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-ostakli regolatorji għall-intraprenditorija, filwaqt li jintroduċi wkoll miżuri li huma mistennija jindirizzaw parzjalment l-isfidi relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.
(22)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Irlanda hija mistennija li tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fl-Irlanda jammontaw għal 42 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 32 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lill-Irlanda tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(23)L-Irlanda għadha ma ppreżentatx il-Ftehim ta’ Sħubija u d-dokumenti l-oħra ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, l-Irlanda għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Irlanda qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-ekonomija ċirkolari u l-ilma mormi. Il-ġenerazzjoni tal-iskart fl-Irlanda hija kważi 25 % ogħla mill-medja tal-UE, u b’hekk hija l-ħames l-akbar ġeneratur tal-iskart muniċipali per capita fl-UE. Il-progress li sar fiż-żieda fir-rati ta’ riċiklaġġ naqas matul dawn l-aħħar snin, filwaqt li l-inċinerazzjoni żdiedet b’mod sinifikanti. L-użu ċirkolari tal-materjali fl-Irlanda kien ta’ 1,8 % fl-2020, ferm inqas mill-medja tal-UE ta’ 12,8 %. Hemm bżonn ta’ aktar inċentivi u investiment għall-Irlanda biex timplimenta strateġija aktar ambizzjuża dwar l-iskart u l-ekonomija ċirkolari, filwaqt li tevita l-ħolqien ta’ kapaċità ta’ inċinerazzjoni eċċessiva. Huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġu appoġġati mudelli ta’ negozju ċirkolari li jkopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-materjali sabiex jitnaqqas l-iskart u jitnaqqas il-konsum tar-riżorsi. Filwaqt li sar xi progress fl-iffaċilitar tal-investiment fil-ġestjoni tal-ilma mormi, inqas minn 50 % tal-ilma mormi fl-Irlanda huwa ttrattat f’konformità mal-liġi tal-UE. L-aktar impediment sinifikanti għall-kwalità tal-ilma tal-wiċċ fl-Irlanda ġej minn nutrijenti eċċessivi kemm mill-ilma mormi mhux ittrattat kif ukoll mill-agrikoltura. Hemm bżonn ta’ titjib sinifikanti fl-infrastruttura, kif ukoll approċċ aktar robust għall-kontroll tal-kontaminazzjoni tal-ilma mill-attivitajiet agrikoli. Infrastruttura xierqa tal-ilma mormi hija wkoll kruċjali għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, infrastruttura tal-ilma mormi adegwata tgħin biex ittejjeb l-iżvilupp reġjonali, tiġġenera tkabbir sostenibbli u impjiegi, u hija ta’ benefiċċju għat-turiżmu.
(25)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jċaqalqu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.
(26)Skont id-data tal-2020, l-Irlanda ma timportax żejt mhux maħdum u gass mir-Russja. Id-dipendenza tal-Irlanda fuq il-faħam Russu (22 % tal-importazzjonijiet tal-faħam) hija aktar baxxa mill-medja tal-UE, f’kuntest fejn anki l-piż tal-fjuwils fossili solidi fit-taħlita tal-enerġija (7,6 %) huwa aktar baxx mill-medja tal-UE. Filwaqt li għandha esponiment aktar limitat għaż-żejt u għall-gass Russi mill-medja tal-UE, is-sitwazzjoni ġeopolitika attwali u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija jżidu l-urġenza għall-Irlanda biex iżżid l-isforzi tagħha biex tilħaq il-miri tal-enerġija rinnovabbli stabbiliti fil-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima. Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-klima tal-Irlanda jinkludi l-għan ambizzjuż li s-sistema tal-enerġija tal-pajjiż tiġi ttrasformata sal-2030. Dan se jippermetti lill-Irlanda tikseb tnaqqis ta’ 51 % fl-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra bejn l-2018 u l-2030. Ir-riformi meħtieġa u l-kobor ta’ din it-trasformazzjoni se jkunu konsiderevoli, mill-iżgurar tal-investiment pubbliku u privat meħtieġ, sat-twettiq tal-impenji fil-ħin. Titjib komprensiv tal-infrastruttura tal-enerġija tal-Irlanda huwa meħtieġ biex jinkiseb benefiċċju sħiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Irlanda. Il-ħolqien ta’ qafas ta’ investiment li jwassal biex jiġi ffaċilitat u inċentivat l-investiment fit-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika se jkun kruċjali biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Għall-enerġija rinnovabbli, għad hemm sfidi fis-sistema tal-ippjanar u tal-permessi, b’mod partikolari dwar id-durata twila tal-proċeduri tal-permessi tal-ippjanar u l-proċeduri ta’ appell twal u għaljin. It-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tal-ippjanar u tal-permessi billi jiġi żgurat li r-riżorsi xierqa jkunu disponibbli fl-istadji kollha tal-proċessi tal-ippjanar u billi jiġi ssimplifikat il-qafas ġenerali jista’ jħaffef l-iżviluppi fuq skala kbira, u b’hekk jaċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, l-espansjoni u t-tisħiħ tal-grilja tal-elettriku u l-infrastruttura ta’ appoġġ f’postijiet ewlenin se jkunu kruċjali għat-tnaqqis tal-konġestjoni. B’mod partikolari, interkonnetturi ġodda għat-trażmissjoni tal-elettriku lejn pajjiżi ġirien se jappoġġaw sigurtà akbar tal-provvista tal-enerġija. Se jkunu meħtieġa wkoll żieda fil-kapaċità tal-ħżin u l-introduzzjoni tal-massa tal-punti tal-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali għall-idroġenu rinnovabbli jgħin ukoll fid-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija.
(27)Il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija se jkollhom rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija. L-iffrankar għoli tal-enerġija huwa meħtieġ biex jintlaħqu mhux biss l-objettivi klimatiċi tal-Irlanda, iżda wkoll il-mira għall-UE kollha li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’ 55 %. Filwaqt li l-pjan ta’ azzjoni dwar il-klima jinsab fit-triq it-tajba, l-Irlanda sa issa waqgħet lura f’termini ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Bl-applikazzjoni tal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u bl-insegwiment ta’ ffrankar profond tal-enerġija fil-bini, l-Irlanda tista’ tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija. Livelli ogħla ta’ vetturi elettriċi jistgħu jieħdu vantaġġ mill-ġenerazzjoni domestika tal-elettriku minflok jiddependu fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwil. Peress li l-pjan ta’ azzjoni dwar il-klima jinkludi mira ta’ miljun karozza elettrika fit-toroq Irlandiżi sal-2030, hija meħtieġa introduzzjoni sinifikanti ta’ punti tal-iċċarġjar elettriku. Biex l-Irlanda tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, se tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.
(28)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq kostijiet ta’ ristrutturar sinifikanti f’diversi setturi, l-Irlanda tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, l-Irlanda tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.
(29)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(30)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Irlanda, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023 biex:
1.Fl-2023, tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika ġeneralment newtrali, filwaqt li tqis it-tkomplija tal-appoġġ temporanju u mmirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-RRF, RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju. Tindirizza ż-żieda mistennija fin-nefqa tal-pensjoni relatata mal-età billi tiżgura s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-pensjonijiet tal-istat.
2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021. Tippreżenta d-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li tiffinalizza n-negozjati tagħhom mal-Kummissjoni u sussegwentement tibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Tiffoka l-isforzi fuq it-tisħiħ tal-ekonomija ċirkolari. B’mod partikolari, tiżviluppa kemm l-infrastruttura kif ukoll il-politiki biex tipprevjeni l-iskart u żżid l-użu mill-ġdid u l-kontenut riċiklat, u tiżviluppa sistema aktar effettiva għall-ġbir separat tal-iskart riċiklabbli, inkluż l-iskart bijodegradabbli. Tippromwovi ċirkwiti tal-ilma mormi aktar sikuri u nodfa.
4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili. Taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari l-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, inkluż billi tintroduċi riformi biex ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema tal-ippjanar u tal-permessi, b’mod partikolari billi tnaqqas it-tul tal-proċeduri. Ittejjeb l-infrastruttura tal-enerġija, inkluż għall-ħżin. Tiżgura l-implimentazzjoni rapida ta’ modifiki retroattivi profondi ta’ bini. Taċċellera l-elettrifikazzjoni tat-trasport, inkluż bl-installazzjoni ta’ faċilitajiet ta’ ċċarġjar.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President