02017D1775 — MT — 10.01.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1775 tat-28 ta' Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 251 29.9.2017, p. 23) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/29 tad-9 ta' Jannar 2019 |
L 8 |
30 |
10.1.2019 |
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1775
tat-28 ta' Settembru 2017
dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, ta' persuni ddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala responsabbli għal, jew kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, fl-azzjonijiet jew politiki li ġejjin, li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali:
(a) involviment f'ostilitajiet bi ksur tal-Ftehim dwar il-Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali (il-“Ftehim”);
(b) azzjonijiet meħuda li jostakolaw, jew li jostakolaw permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim;
(c) ħidma għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', jew inkella l-appoġġ jew il-finanzjament għal individwi u entitajiet identifikati fil-punti (a) u (b), inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluża l-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw jew jgħaddu mill-Mali, it-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi kif ukoll it-traffikar fi proprjetà kulturali;
(d) involviment fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni, jew it-twettiq ta' attakki kontra:
(i) id-diversi entitajiet msemmija fil-Ftehim, inkluż fil-livell lokali, reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-istat, viġilanzi konġunti u l-forzi tad-Difiża u tas-Sigurtà tal-Mali;
(ii) il-forzi taż-żamma tal-paċi tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni (MINUSMA) u persunal tan-NU u assoċjat ieħor, inkluż membri tal-Grupp ta' Esperti;
(iii) il-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż il-Force Conjointe des États du G5 Sahel (FC-G5S), il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Forzi Franċiżi;
(e) xkiel għall-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-Mali, jew għall-aċċess għal għajnuna umanitarja, jew għad-distribuzzjoni tagħha fil-Mali;
(f) ippjanar, direzzjoni jew twettiq ta' atti fil-Mali li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinvolvu t-tqegħid fil-mira ta' persuni ċivili, inkluż nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, spostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju;
(g) użu jew reklutaġġ ta' tfal minn gruppi armati jew forzi armati bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli, fil-kuntest tal-konflitt armat fil-Mali;
(h) faċilitazzjoni, b'mod intenzjonali, tal-ivvjaġġar ta' persuna elenkata bi ksur tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
Il-persuni ddeżinjati msemmija f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru biex jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn id-dħul jew it-transitu jkun neċessarju għall-finijiet ta' proċess ġudizzjarju.
4. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina, skont il-każ, li:
(a) id-dħul jew it-transitu jkun ġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inkluż obbligu reliġjuż;
(b) eżenzjoni li tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Mali u l-istabbiltà fir-reġjun.
5. F'każijiet fejn, skont il-paragrafi 3 jew 4, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, ta' persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih hija ġiet mogħtija u għall-persuni kkonċernati mill-awtorizzazzjoni.
Artikolu 2
1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta', jew ikkontrollati b'mod dirett jew indirett minn persuni jew entitajiet iddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala responsabbli għal, jew kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, fl-azzjonijiet jew politiki li ġejjin, li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali:
(a) involviment f'ostilitajiet bi ksur tal-Ftehim;
(b) azzjonijiet meħuda li jostakolaw, jew li jostakolaw permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim;
(c) ħidma għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', jew inkella l-appoġġ jew il-finanzjament għal individwi u entitajiet identifikati fil-punti (a) u (b) ta' hawn fuq, inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluża l-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw jew jgħaddu mill-Mali, it-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi kif ukoll it-traffikar fi proprjetà kulturali;
(d) involviment fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni, jew it-twettiq ta' attakki kontra:
(i) id-diversi entitajiet msemmija fil-Ftehim, inkluż fil-livell lokali, reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-istat, viġilanzi konġunti u l-forzi tad-Difiża u tas-Sigurtà tal-Mali;
(ii) il-forzi taż-żamma tal-paċi tal- MINUSMA u persunal tan-NU u assoċjat ieħor, inklużi membri tal-Grupp ta' esperti;
(iii) il-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż l-FC-G5S, il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Forzi Franċiżi;
(e) xkiel għall-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-Mali, jew għall-aċċess għal għajnuna umanitarja, jew għad-distribuzzjoni tagħha fil-Mali;
(f) ippjanar, direzzjoni jew twettiq ta' atti fil-Mali li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinvolvu t-tqegħid fil-mira ta' persuni ċivili, inkluż nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju;
(g) użu jew reklutaġġ ta' tfal minn gruppi armati jew forzi armati bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli, fil-kuntest tal-konflitt armat fil-Mali;
(h) faċilitazzjoni, b'mod intenzjonali, tal-ivvjaġġar ta' persuna elenkata bi ksur tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;
jew minn persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.
Il-persuni jew l-entitajiet iddeżinjati imsemmija f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.
2. L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir direttament jew indirettament disponibbli, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet elenkati fl-Anness.
3. Il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li jkunu:
(a) neċessarji għall-ispejjeż bażiċi, inkluż ħlas għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, primjums ta' assigurazzjoni u imposti tal-użu ta' servizzi pubbliċi;
(b) maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali; jew
(c) maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;
wara li ssir notifika mill-Istat Membru rilevanti lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l-intenzjoni tal-awtorizzazzjoni, fejn ikun il-każ, tal-aċċess għal tali fondi jew riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.
4. Il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li jkunu:
(a) neċessarji għal spejjeż straordinarji, dment li din id-determinazzjoni tkun ġiet innotifikata mill-Istat Membru lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u tkun ġiet approvata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;
(b) is-suġġett ta' garanzija jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li f'dak il-każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw dak il-privileġġ jew dik is-sentenza dment li l-privileġġ jew is-sentenza saru qabel id-data li fiha l-persuna jew l-entità ġiet inkluża fl-Anness, il-privileġġ jew is-sentenza ma jkunux għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 u tkun ġiet innotifikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.
5. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina, skont il-każ, li eżenzjoni tkun tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Mali u l-istabbiltà fir-reġjun.
6. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna jew entità ddeżinjata milli tagħmel pagament dovut skont kuntratt magħmul qabel ma tali persuna jew entità tkun ġiet elenkata, dment lil-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-pagament mhuwiex irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 u wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l-intenzjoni li jsiru jew li jiġu rċevuti tali pagamenti jew li jiġi awtorizzat, fejn adatt, ir-rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati għal dak il-għan, għaxart ijiem ta' xogħol qabel tali awtorizzazzjoni.
7. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':
(a) imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew
(b) pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti minn din id-Deċiżjoni;
dment li tali imgħax, dħul u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.
Artikolu 3
Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness u għandu jemendaha f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.
Artikolu 4
1. Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeżinja persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil dik il-persuna jew l-entità b'opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.
2. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif meħtieġ.
Artikolu 5
1. L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.
2. L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata jew imħassra kif adatt, f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ANNESS
A. Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 1(1)
1. Ahmoudou AG ASRIW (magħruf ukoll bħala: a) Amadou Ag Isriw; b) Ahmedou; c) Ahmadou; d) Isrew; e) Isereoui; f) Isriou)
Data tat-Twelid: 1 ta' Jannar 1982
Nazzjonalità: Mali
Indirizz: a) Mali; b) Amassine, Mali (post preċedenti)
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Diċembru 2018
Informazzjoni oħra: Sess: raġel. Possibbilment arrestat fin-Niġer f'Ottubru 2016. Paġna web: https://www.youtube.com/channel/UCu2efaIUosqEu1HEBs2zJIw
Informazzjoni oħra
Ahmoudou Ag Asriw ġie elenkat fl-20 ta' Diċembru 2018 skont il-paragrafi 1 u 3 tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għall-involviment f'ostilitajiet bi ksur tal-Ftehim; u talli aġixxa għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', jew inkella appoġġa jew iffinanzja individwi u entitajiet identifikati fis-subparagrafi (a) u (b) tal-paragrafu 8 tar-riżoluzzjoni 2374 (2017), inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluż il-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw jew jgħaddu mill-Mali, it-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi kif ukoll it-traffikar ta' proprjetà kulturali.
Ahmoudou Ag Asriw huwa kmandant għoli tal-Groupe autodéfense touareg Imghad et allies (GATIA) u f'din il-kapaċità kien involut fit-tmexxija ta' konvojs tad-droga fit-Tramuntana tal-Mali mill-inqas minn Ottubru 2016, kif ukoll fil-ksur tal-waqfien mill-ġlied f'Kidal f'Lulju 2017 u April 2018.
F'April 2018 Asriw mexxa konvoj, flimkien ma' membru tal-Mouvement arabe de l'Azawad (MAA) Plateforme, u ttraffika erba' tunnellati ta' reżina tal-kannabis minn Tabankort, li għaddew minn Ammasine, reġjun tal-Kidal, lejn in-Niġer. Il-konvoj kien attakkat minn membri tal-Coordination des Mouvements de l'Azawad u aggressuri mhux identifikati min-Niġer. Tliet kumbattenti sfaw maqtula waqt il-ġlied li segwa.
F'dan il-kuntest, motivat minn kompetizzjoni fuq il-konvojs tad-droga, Asriw kien involut f'ostilitajiet bi ksur tal-Ftehim dwar il-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali tal-2015. Min-naħa l-oħra, l-involviment ta' Asriw fit-traffikar tad-droga x'aktarx ħafna li jiffinanzja l-operazzjonijiet militari tiegħu, inkluż il-ksur ta' waqfien mill-ġlied.
2. Mahamadou AG RHISSA (magħruf ukoll bħala: Mohamed Talhandak)
Data tat-Twelid: 1 ta' Jannar 1983
Nazzjonalità: Mali
Indirizz: Kidal, il-Mali
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Diċembru 2018
Informazzjoni oħra: Sess: raġel. Fl-1 ta' Ottubru 2017 il-forzi Franċiżi għamlu raid id-dar tiegħu, fejn arrestaw lil Ag Rhissa u sitt membri tal-familja.
Informazzjoni oħra
Mahamadou Ag Rhissa ġie elenkat fl-20 ta' Diċembru 2018 skont il-paragrafi 1 u 3 tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għal azzjonijiet meħuda li jostakolaw, jew li jostakolaw permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim; u talli aġixxa għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', jew inkella appoġġa jew iffinanzja individwi u entitajiet identifikati fis-subparagrafi (a) u (b) tal-paragrafu 8 tar-riżoluzzjoni 2374 (2017), inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluż il-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw jew jgħaddu mill-Mali, it-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi kif ukoll it-traffikar ta' proprjetà kulturali; u għall-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti fil-Mali li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk immirati kontra persuni ċivili, inkluż nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, spostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju.
Mahamadou Ag Rhissa, magħruf ukoll bħala Mohamed Talhandak, huwa negozjant influwenti fir-reġjun ta' Kidal u membru tal-Haut conseil pour l'unicité de l'Azawad (HCUA). Fl-2016, huwa rrappreżenta l-Coordination des mouvements de l'Azawad (CMA) matul il-laqgħat f'Bamako dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni tal-2015.
Ag Rhissa evolva ruħu fit-traffikar tal-petrol bejn l-Alġerija u Kidal u wasal biex jikkontrolla l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali li tgħaddi mill-belt żgħira Talhnadak fuq il-fruntiera. Il-migranti xehdu dwar il-prattiki abbużivi ta' Ag Rhissa, inkluż ix-xogħol furzat, il-piena korporali u l-priġunerija. Ag Rhissa organizza u ffaċilita l-isfruttament sesswali ta' mill-inqas żewġ nisa, u ħelishom biss wara pagamenti ta' CFA 150 000 –175 000 (USD 300–350).
Fl-1 ta' Ottubru 2017, il-forzi ta' Barkhane għamlu raids fuq żewġt idjar tiegħu fiż-żona ta' Kidal fuq suspett li kellu relazzjonijiet ma' netwerks terroristiċi. Ag Rhissa nżamm arrestat għal ftit żmien. Fl-4 ta' Novembru 2017, allegatament, ipparteċipa f'laqgħa ta' grupp armat terroristiku fiż-żona tal-fruntiera bejn il-Mali u l-Alġerija.
Bħala rappreżentant uffiċjali tas-CMA fil-proċess ta' paċi, l-involviment ta' Ag Rhissa f'terroriżmu, kriminalità organizzata u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jhedded l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jagħmel ħsara lill-kredibbiltà tal-HCUA bħala sieħeb fin-negozjati.
3. Mohamed OUSMANE MOHAMEDOUNE (magħruf ukoll bħala: a) Ousmane Mahamadou; b) Mohamed Ousmane)
Titlu: Cheikh
Data tat-Twelid: 16 ta' April 1972
Post tat-Twelid: Mali
Nazzjonalità: Mali
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 20 ta' Diċembru 2018
Informazzjoni oħra: Sess: raġel. Deskrizzjoni fiżika: kulur tal-għajnejn: kannella; kulur tax-xagħar: iswed. Numru tat-telefon: +223 60 36 01 01. Lingwi mitkellma: l-Għarbi u l-Franċiż. Marki distintivi: nuċċali.
Informazzjoni oħra
Mohamed Ousmane Ag Mohamedoune ġie elenkat fl-20 ta' Diċembru 2018 skont il-paragrafi 1 u 3 tar-riżoluzzjoni 2374 (2017) għal azzjonijiet meħuda li jostakolaw, jew li jostakolaw permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim; u l-involviment tiegħu fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni, jew it-twettiq ta' attakki kontra: (i) id-diversi entitajiet msemmija fil-Ftehim, inkluż fil-livell lokali, reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-istat, pattulji konġunti u l-forzi tad-Difiża u tas-Sigurtà tal-Mali; (ii) il-forzi taż-żamma tal-paċi tal-MINUSMA u persunal tan-NU u assoċjat ieħor, inkluż membri tal-Grupp ta' esperti; (iii) il-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż l-FC-G5S, il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Forzi Franċiżi.
Mohamed Ousmane Ag Mohamedoune (minn issa 'l quddiem Mohamed Ousmane) huwa s-segretarju ġenerali tal-Coalition pour le Peuple de l'Azawad (CPA), maħluqa fl-2014 bħala grupp żgħir li nfired mill-Mouvement National de Libération de l'Azawad (MNLA). Mohamed Ousmane ħa f'idejh it-tmexxija tas-CPA f'Ġunju 2015 u mill-2016 'l hawn stabbilixxa diversi bażijiet militari u punti ta' kontroll fir-reġjun ta' Timbuktu, b'mod partikolari f'Soumpi u Echel.
Fl-2017 u l-2018, il-kap kmandant militari ta' Mohamed Ousmane, u elementi armati oħra tas-CPA, kienu involuti f'attakki fatali kontra l-forzi tas-sigurtà u l-forzi armati tal-Mali fiż-żona ta' Soumpi. Dawk l-attakki ġew rivendikati mill-Jamaat Nosrat al iżlam wal Muslimin (JNIM), grupp terroristiku immexxi minn Iyad Ag Ghali, elenkat fil-lista tas-sanzjonijiet kontra l-ISIL/Al-Qaida u stabbilita u miżmuma skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267/1989/2253.
Fl-2017 Mohamed Ousmane stabbilixxa wkoll u ppresieda alleanza usa' ta' gruppi sekondarji, il-Coalition des Mouvements de l'Entente (CME). Mohamed Ousmane organizza l-ewwel konvenzjoni tas-CME f'Tinaouker (ir-reġjun ta' Gao) fit-30 ta' April 2018, li matulha nħatar bħala kelliem tas-CME. Matul il-konvenzjoni fejn ġiet stabbilita, is-CME heddet bil-miftuħ fi stqarrija uffiċjali l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali.
Is-CME kienet involuta wkoll f'ostakli li dewmu l-implimentazzjoni tal-Ftehim, billi għamlet pressjoni fuq il-gvern tal-Mali u l-komunità internazzjonali bil-għan li timponi s-CME fil-mekkaniżmi differenti stabbiliti mill-Ftehim.
B. Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1