European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/777

31.3.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/777

tat-30 ta’ Marzu 2026

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK (1), li stabbilixxiet operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA. Fis-16 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/3186 (2) li emendat l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK u estendiet l-EUNAVFOR ATALANTA sat-28 ta’ Frar 2027.

(2)

Fl-24 ta’ Ġunju 2025, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li l-mandat tal-EUNAVFOR ATALANTA għandu jiġi allinjat ma’ dak tal-operazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sigurtà marittima biex tiġi salvagwardata l-libertà tan-navigazzjoni b’rabta mal-kriżi fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES), fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-flotot mistura.

(3)

Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku 2026 tal-EUNAVFOR ASPIDES u l-Valutazzjoni Strateġika 2025 tal-EUNAVFOR ATALANTA, il- KPS irrakkomanda li l-kompitu mhux eżekuttiv tal-monitoraġġ tal-kummerċ illeċitu tal-faħam ma jitkompliex.

(4)

Barra minn hekk, il- KPS irrakkomanda li l-EUNAVFOR ATALANTA, minbarra l-kompiti mhux eżekuttivi attwali tagħha li jiżguraw l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima, tingħata l-kompitu li tiġbor u tikkondividi informazzjoni dwar attivitajiet suspettużi relatati mal-Infrastrutturi Sottomarini Kritiċi, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK, l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Barra minn hekk, l-EUNAVFOR ATALANTA għandha twettaq monitoraġġ, bħala kompitu sekondarju mhux eżekuttiv, tat-traffikar ta’ armi, tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), u t-traffikar ta’ drogi narkotiċi ‘il barra mix-xtut tas-Somalja b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-20 ta’ Diċembru 1988.”

;

(2)

Fil-paragrafu 7, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“EUNAVFOR ATALANTA għandha wkoll tiġbor u tikkondividi informazzjoni dwar attivitajiet suspettużi relatati mal-Infrastrutturi Sottomarini Kritiċi (CSI), skont il-mezzi u l-kapaċitajiet.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYIOTOU


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/851/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/3186 tas-16 ta’ Diċembru 2024 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA) (ĠU L, 2024/3186, 17.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3186/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/777/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)