|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/170 |
28.1.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/170
tas-27 ta’ Jannar 2025
dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a), u l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (il-“Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2011. |
|
(2) |
L-iskop tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni huwa li jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni intenzjonati ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Georgia. Il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-persuni u għall-kondiviżjoni tal-valuri, inklużi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 14(5) tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni, kull Parti hija intitolata tissospendi l-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni parzjalment jew kollu kemm hu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni għandha minnufih tgħarraf lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw. |
|
(4) |
Fl-2024, il-Georgia adottat il-“Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” u l-pakkett leġiżlattiv dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minuri”. Dawk il-miżuri jitqiesu bħala li jimminaw id-drittijiet fundamentali tal-poplu Georgjan, inklużi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni, id-dritt għall-privatezza, id-dritt li wieħed jipparteċipa fl-affarijiet pubbliċi, u li jżidu l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni. |
|
(5) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew saħaq li l-“Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” tirrappreżenta rigress fil-passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-istatus ta’ kandidat u appella lill-awtoritajiet Georgjani biex jiċċaraw l-intenzjonijiet tagħhom billi jreġġgħu lura linja ta’ azzjoni li pperikolat il-perkors tal-Georgia lejn l-Unjoni Ewropea, li de facto twassal għal waqfien tal-proċess ta’ adeżjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Ewropew fakkar li l-linja ta’ azzjoni meħuda mill-gvern Georgjan ipperikolat il-perkors Ewropew tal-Georgia u de facto waqqfet il-proċess ta’ adeżjoni, u appella lill-Georgia biex tadotta riformi demokratiċi, komprensivi u sostenibbli, f’konformità mal-prinċipji ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea. |
|
(6) |
Fit-28 ta’ Novembru 2024, l-awtoritajiet Georgjani ħabbru l-intenzjoni tagħhom li ma jitolbux il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea sal-2028. Dik it-tħabbira pprovokat protesti tal-massa f’bosta bliet tal-Georgia, li għalihom l-awtoritajiet Georgjani rrispondew bl-użu ta’ forza sproporzjonata u metodi vjolenti kif ukoll arresti arbitrarji u trattament ħażin ta’ min ħareġ jipprotesta, ta’ politiċi u ta’ ġurnalisti. |
|
(7) |
L-azzjonijiet meħuda mill-Georgia jiksru l-prinċipji fundamentali li abbażi tagħhom ġie konkluż il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni u jmorru kontra l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, dawn l-azzjonijiet ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi u b’hekk huma inkonsistenti mal-valuri tal-Unjoni u jxekklu l-iżvilupp kostanti tar-rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u rabtiet oħrajn bejn l-Unjoni u l-Georgia. |
|
(8) |
F’dan il-kuntest, is-7a’ Rapport tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni mill-Ħtieġa ta’ Viża enfasizza l-passi li għandhom jittieħdu b’mod urġenti mill-Georgia biex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni u nnota li jinsabu għaddejjin riflessjonijiet dwar l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni mill-ħtieġa ta’ viża fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni. |
|
(9) |
Sabiex jiġi protett l-ordni pubbliku fl-Istati Membri u fl-Unjoni, huwa xieraq u proporzjonat li l-Istati Membri jirrikjedu viża minn ċittadini tal-Georgia li jkollhom passaporti diplomatiċi validi li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni, peress li dawk il-persuni jirrappreżentaw interessi li jmorru kontra dawk li wasslu lill-Unjoni biex inizjalment tikkonkludi l-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni. L-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni li jipprevedu eżenzjonijiet għaċ-ċittadini tal-Georgia li jkollhom passaporti diplomatiċi validi u li jiffaċilitaw ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Georgia li japplikaw għal viżi għal soġġorn qasir, jiġifieri membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia, membri tal-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Georgia, u membri tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Suprema tal-Georgia, fil-qadi ta’ dmirijiethom, jenħtieġ għalhekk tiġi sospiża. |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/EC (2); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(12) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Georgia, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet segwenti tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (il-“Ftehim ta’ Faċilitazzjoni”) hija sospiża mid-29 ta’ Jannar 2025:
|
(a) |
l-Artikolu 4(1), il-punt (b), fir-rigward tal-membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Georgia, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju uffiċjali, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi; |
|
(b) |
l-Artikolu 5(1), il-punt (b), fir-rigward tal-membri tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Georgia u membri tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Suprema tal-Georgia; |
|
(c) |
l-Artikolu 5(1), il-punt (c), fir-rigward tal-membri permanenti tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Georgia, għandhom jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi; |
|
(d) |
l-Artikolu 5(2), il-punt (a), fir-rigward tal-membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali, għandhom jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi; |
|
(e) |
l-Artikolu 5(3), fir-rigward tal-kategoriji msemmija fl-Artikolu 5(2), il-punt (a); |
|
(f) |
l-Artikolu 6(1), fir-rigward tat-tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża għall-kategoriji taċ-ċittadini u l-persuni msemmija fl-Artikolu 6(3), il-punti (c) u (f), u fl-Artikolu 10(1); |
|
(g) |
l-Artikolu 6(3), il-punti (c) u (f), fir-rigward tal-membri tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Georgia, membri tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Suprema tal-Georgia, u tal-membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Georgia, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi; |
|
(h) |
l-Artikolu 7, fir-rigward tal-kategoriji taċ-ċittadini u l-persuni msemmija fl-Artikolu 6(3), il-punti (c) u (f), u fl-Artikolu 10(1); |
|
(i) |
l-Artikolu 10(1), fir-rigward taċ-ċittadini tal-Georgia li huma detenturi ta’ passaporti diplomatiċi validi maħruġa mill-Georgia. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) ĠU L 52, 25.2.2011, p. 34.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/170/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)