European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1966

2.9.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1966

tas-27 ta’ Awwissu 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Parti għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(5), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (l-“IHR (2005)”) daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2007, filwaqt li l-emendi tal-IHR (2005) adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-1 ta’ Ġunju 2024 daħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Settembru 2025, għajr għall-Istati Parti li rrifjutaw dawk l-emendi.

(2)

L-Unjoni mhijiex parti għall-IHR (2005), peress li l-Istati biss jistgħu jkunu Partijiet għalihom. L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-IHR (2005).

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1129 (1) stiednet lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, mingħajr riżervi, l-emendi tal-IHR (2005) adottati fl-1 ta’ Ġunju 2024, sal-punt li l-Unjoni tkun adottat regoli komuni rigward il-kwistjonijiet indirizzati f’dawk l-emendi.

(4)

Dawk l-emendi wasslu, fost l-oħrajn, għall-istabbiliment tal-Kumitat tal-Istati Parti għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (il-“Kumitat tal-Istati Parti”), bl-objettiv li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tar-IHR (2005).

(5)

Il-Kumitat tal-Istati Parti, fl-ewwel laqgħa tiegħu li għandha tibda fl-31 ta’ Awwissu 2026, huwa skedat li jadotta t-termini ta’ referenza tiegħu u t-termini ta’ referenza għas-Sottokumitat tiegħu.

(6)

L-atti previsti tal-Kumitat tal-Istati Parti, jekk jiġu adottati, ser jipproduċu effetti legali għall-Unjoni, peress li ser jiddeterminaw jekk organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jistgħux jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Kumitat tal-Istati Parti u fis-Sottokumitat tiegħu. Barra minn hekk, l-atti previsti, jekk jiġu adottati, ser jipproduċu effetti legali billi ser jiddeterminaw il-mod li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet futuri tal-Kumitat tal-Istati Parti u tas-Sottokumitat tiegħu. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Istati Parti u tas-Sottokumitat tiegħu li jikkonċernaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-IHR (2005), b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet emendati awtorizzati skont id-Deċiżjoni (UE) 2025/1129, jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tar-regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jipprovdi l-qafas u l-mekkaniżmi fil-livell tal-Unjoni għall-koordinazzjoni u għat-tisħiħ tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal theddid transfruntier serju għas-saħħa ta’ oriġini bijoloġika, kimika, ambjentali u mhux magħrufa.

(7)

Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Parti fir-rigward tat-termini ta’ referenza għal dak il-Kumitat u għas-Sottokumitat tiegħu.

(8)

Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sakemm l-IHR (2005) ma jaffettwawx ir-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni jew jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

(9)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni trid tiġi espressa mill-Istati Membri li huma rrappreżentati fil-Kumitat tal-Istati Parti, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Parti għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (il-“Kumitat tal-Istati Parti”) għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza għal dak il-Kumitat u għas-Sottokumitat tiegħu, diment li t-testi finali jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-termini ta’ referenza jipprevedu l-funzjonament u l-organizzazzjoni effiċjenti, kosteffettivi, trasparenti u ordnati tal-laqgħat ta’ dak il-Kumitat u tas-Sottokumitat tiegħu,

(b)

it-termini ta’ referenza jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dak il-Kumitat u fis-Sottokumitat tiegħu bħala osservatur.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma rrappreżentati fil-Kumitat tal-Istati Parti, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Il-bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Awwissu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1129 tas-26 ta’ Mejju 2025 li tistieden lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) li jinsabu fl-Anness tar-Riżoluzzjoni WHA77.17 u adottati fl-1 ta’ Ġunju 2024 (ĠU L, 2025/1129, 4.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1129/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2371/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1966/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)