KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PITRUZZELLA
ippreżentati fit‑13 ta’ Jannar 2022 ( 1 )
Kawża C‑466/20
HEITEC AG
vs
HEITECH Promotion GmbH,
RW
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks tal-Unjoni Ewropea – Dekadenza minħabba tolleranza – Kalkolu tat-terminu ta’ ħames snin – Interruzzjoni tat-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza – Trażmissjoni ta’ ittra ta’ intimazzjoni – Effetti tad-dekadenza – Drittijiet idderivati intiżi għall-kumpens, għall-provvista ta’ informazzjoni u għall-konsenja tal-prodotti sabiex jiġu distrutti”
|
1. |
Fl‑2006, l-International Association for the Protection of Intellectual Property (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali) (AIPPI) ikkonstatat li l-maġġoranza tal-gruppi Ewropej, li dak iż-żmien ipparteċipaw fix-xogħol ta’ sinteżi organizzat minn din l-assoċjazzjoni dwar il-kwistjoni tat-tolleranza tal-atti ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali u tal-interruzzjoni tat-tolleranza mill-proprjetarju tad-dritt preċedenti b’mod partikolari, “[kienu] jirrikonoxxu li l-kwistjoni ma [kienet] is-suġġett ta’ ebda leġiżlazzjoni u li [kien] jistħoqqilha tiġi speċifikata f’iktar dettall, bl-istess mod bħall-kwistjoni sħiħa […] tad-dekadenza minħabba tolleranza ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 2 ). Kważi sittax-il sena wara, u wara li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet l-ewwel pilastri tas-sistema Komunitarja tad-dekadenza minħabba tolleranza fis-sentenza tagħha Budějovický Budvar ( 3 ), dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joffri opportunità ġdida lil din tal-aħħar sabiex tispeċifika l-limiti ta’ din is-sistema legali. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2008/95
|
2. |
Mill-premessa 12 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks ( 4 ) jirriżulta li “[h]uwa importanti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u mingħajr ma jsir preġudizzju inġust lill-interessi ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, li jiġi stipulat li dan ta’ l-aħħar ma jistax jitlob aktar dikjarazzjoni ta’ nullità u l-anqas ma jista’ jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti għal tiegħu li tagħha huwa kuxjentement ittollera l-użu għal tul ta’ żmien sostanzjali, sakemm l-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti ma saretx in mala fede”. |
|
3. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/95, iddedikat għar-“[r]aġunijiet ulterjuri għar-rifjut jew nullità li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti”, jistabbilixxi: “1. Trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:
2. L-espressjoni ‘trade marks preċedenti’ fis-sens tal-paragrafu 1 tfisser:
[…] 4. Kwalunkwe Stat Membru jista’, addizzjonalment, jistipula li trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew li, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal-dikjarazzjoni ta’ nullità jekk, u sa fejn: […]
[…]” |
|
4. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 huwa fformulat kif ġej: “1. Fejn, fi Stat Membru, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li għaliha hemm referenza fl-Artikolu 4(2) ittollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark sussegwenti reġistrata f’dak l-Istat Membru filwaqt li kien konxju ta’ tali użu, huwa m’għandux ikollu aktar id-dritt, abbażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni ta’ nullità tat-trade mark sussegwenti jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ġiet użata t-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma saritx in mala fede. 2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li l-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(4)(a) jew ta’ dritt ieħor preċedenti li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(4)(b) jew (c). 3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti reġistrata m’għandux ikollu d-dritt jopponi għall-użu tad-dritt preċedenti, anke jekk dak id-dritt ma jistax jiġi aktar invokat kontra t-trade mark sussegwenti.” |
2. Ir-Regolament Nru 207/2009
|
5. |
L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) jipprovdi: “1. Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:
2. Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:
[…] 4. mal-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:
[…]” |
|
6. |
L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009, iddedikat għad-dekadenza minħabba tolleranza, jistabbilixxi dan li ġej: “1. Meta l-proprjetarju ta’ trademark tal-UE ikun ta l-kunsens tiegħu [ittollera], għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, li jsir użu minn trademark tal-UE sussegwenti fl-Unjoni waqt li huwa jkun jaf b’dan l-użu, hu ma jkunx intitolat iżjed fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti li japplika għal dikjarazzjoni li t-trademark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun intużat it-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE sussegwenti ma tkunx saret morożament [f’mala fide]. 2. Meta l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2) jew ta’ sinjal preċedenti ieħor msemmi fl-Artikolu 8(4) ikun ta l-kunsens tiegħu, għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, li jsir użu minn trademark tal-UE sussegwenti fl-Istati Membri fejn it-trade mark preċedenti jew is-sinjal preċedenti huwa protett waqt li hu jkun jaf b’dan l-użu, hu ma jkunx intitolat iżjed fuq il-bażi tat-trademark preċedenti jew tas-sinjal l-ieħor preċedenti li japplika għal dikjarazzjoni li t-trademark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun intużat it-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE sussegwenti ma tkunx saret morożament. 3. Fil-każijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-proprjetarju ta’ trademark tal-UE sussegwenti mhuwiex intitolat li jopponi l-użu tad-dritt preċedenti, avolja dak id-dritt ma jkunx jista’ jiġi invokat iżjed kontra t-trademark tal-UE sussegwenti”. |
|
7. |
L-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intitolat “Il-projbizzjoni tal-użu ta’ trademarks tal-UE”. L-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi li “[d]an ir-regolament m’ għandux, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji, jaffetwa id-dritt li jesisti taħt il-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu invokati talbiet ta’ vjolazzjoni ta’ drittijiet preċedenti taħt l-Artikolu 8 jew l-Artikolu 53(2) fir-rigward tal-użu ta’ trademark tal-UE suċċessiva. It-talbiet ta’ vjolazzjoni ta’ drittijiet preċedenti taħt l-Artikolu 8(2) u (4) ma jistgħux, madanakollu, jiġu invokati iżjed jekk il-proprjetarju tad-dritt preċedenti ma jkunx għadu jista’ japplika għal dikjarazzjoni li t-trademark tal-UE hija invalida taħt l-Artikolu 54(2)”. |
|
8. |
L-Artikolu 111 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa fformulat kif ġej: “1. Il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jista’ jopponi l-użu tat-trademark tal-UE fit-territorju fejn id-dritt tiegħu huwa protett sa fejn il-liġi tal-Istat Membru konċernat tippermetti. 2. Il-paragrafu 1 għandu jieqaf japplika jekk il-proprjetarju tad-dritt preċedenti jkun aċċetta l-użu tat-trademark tal-UE fit-territorju fejn id-dritt tiegħu jkun protett għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, waqt li kien jaf b’dan l-użu, sakemm l-applikazzjoni għat-trademark tal-UE ma tkunx saret f’malafede. 3. Il-proprjetarju ta’ trademark tal-UE mhuwiex intitolat li jopponi l-użu tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 anki jekk dak id-dritt ma jistax jiġi invokat iżjed kontra t-trademark tal-UE”. |
B. Id-dritt Ġermaniż
|
9. |
L-Artikolu 21 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade Marks u Sinjali Distintivi Oħra) tal‑25 ta’ Ottubru 1994 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Trade Marks”) ( 6 ), jistabbilixxi: “1. Il-proprjetarju ta’ trade mark jew ta’ isem kummerċjali ma għandux dritt jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark irreġistrata sussegwenti għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija rreġistrata jekk ikun ittollera l-użu ta’ din it-trade mark għal perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi filwaqt li kien konxju minn dan l-użu, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma saritx f’mala fide. 2. Il-proprjetarju ta’ trade mark jew ta’ isem kummerċjali ma għandux dritt jipprojbixxi l-użu […] ta’ isem kummerċjali […] sussegwenti jekk ikun ittollera l-użu ta’ [dan l-isem kummerċjali] għal perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi filwaqt li kien konxju minn dan l-użu, sakemm il-proprjetarju ta’ dan id-dritt ma kienx f’mala fide fid-data tal-akkwist tiegħu. […]” |
|
10. |
Il-punt (3) tal-Artikolu 125b tal-Liġi dwar it-Trade Marks jipprovdi li, “[j]ekk trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata tiġi invokata kontra l-użu ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata skont din il-liġi, l-Artikolu 21(1) [tal-Liġi dwar it-Trade Marks] għandu japplika mutatis mutandis”. |
II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
11. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet irreġistrata fir-Reġistru Kummerċjali taħt l-isem tal-kumpannija Heitec Industrieplanung GmbH fl‑1984. L-isem tal-kumpannija tagħha nbidel fl‑1988 sabiex isir HEITEC GmbH. Minn mindu biddlet il-forma ġuridika tagħha fis-sena 2000, hija twettaq l-attività tagħha taħt l-isem HEITEC AG. Hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali HEITEC, trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 774331, li għaliha saret applikazzjoni fit‑18 ta’ Marzu 1998 b’invokazzjoni ta’ anzjanità mit‑13 ta’ Lulju 1991 u li ġiet irreġistrata fl‑4 ta’ Lulju 2005 ( 7 ). |
|
12. |
Min-naħa tagħha, waħda mill-konvenuti fil-kawża prinċipali ( 8 ) ġiet irreġistrata fir-Reġistru Kummerċjali fis‑16 ta’ April 2003 taħt l-isem tal-kumpannija HEITECH Promotion GmbH, li huwa l-isem li taħtu hija twettaq l-attività tagħha (iktar ’il quddiem “Heitech”). Hija l-proprjetarja ta’ trade mark Ġermaniża figurattiva li għaliha saret applikazzjoni fis‑17 ta’ Settembru 2002, li ġiet irreġistrata fl‑4 ta’ Frar 2003 u li ilha tintuża tal-inqas mid‑29 ta’ Settembru 2004. Hija wkoll il-proprjetarja ta’ trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Nru 6647432 li tinkludi l-element verbali HEITECH, li għaliha saret applikazzjoni fis‑6 ta’ Frar 2008, li ġiet irreġistrata fl‑20 ta’ Novembru 2008 u li ilha tintuża tal-inqas mis‑6 ta’ Mejju 2009. |
|
13. |
Fid‑29 ta’ Novembru 2004, Heitech ikkuntattjat lir-rappreżentanti ta’ Heitec permezz ta’ ittra sabiex tipproponilhom il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ koeżistenza. Fis‑7 ta’ Lulju 2008, l-EUIPO informa lil Heitec bil-fatt li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea HEITECH. Fit‑22 ta’ April 2009, Heitec bagħtet intimazzjoni lil Heitech minħabba l-użu tal-isem kummerċjali u tat-trade mark li tinkludi l-element verbali HEITECH. Fir-risposta tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2009, Heitech mill-ġdid ipproponiet il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ koeżistenza. |
|
14. |
Fil‑31 ta’ Diċembru 2012, il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth, il-Ġermanja) irċeviet permezz ta’ faks l-att promotur, ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jġib id-data tal‑15 ta’ Diċembru 2012. Fl‑4 ta’ Jannar 2013, din il-qorti stiednet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali twettaq ħlas bil-quddiem fuq l-ispejjeż proċedurali. Dan il-ħlas bil-quddiem kien għadu ma twettaqx fit‑12 ta’ Marzu 2013, id-data li fiha l-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) fakkret lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li ma kienx twettaq l-imsemmi ħlas bil-quddiem u li l-oriġinali tal-att promotur ma kinux ġew ippreżentati. |
|
15. |
Fit‑23 ta’ Settembru 2013, Heitec indikat, permezz ta’ ittra mibgħuta lil Heitech, li hija kienet qiegħda tirrifjuta li tikkonkludi ftehim ta’ koeżistenza ma’ din tal-aħħar. Hija pproponitilha l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ liċenzjar u informatha, fl-istess ħin, li kienet bdiet proċedura ġudizzjarja. F’ittra oħra mibgħuta lil Heitech fid‑29 ta’ Diċembru 2013, Heitec informat lill-konvenuta fil-kawża prinċipali li hija kienet qiegħda tibbaża ruħha fuq l-isem kummerċjali tagħha u li kienet il-proprjetarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea HEITEC. Hija ddikjarat ukoll li l-proċedura ġudizzjarja kienet pendenti. |
|
16. |
Fit‑30 ta’ Diċembru 2013, il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) irċeviet sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Heitec iddatati t‑12 ta’ Diċembru 2013, flimkien ma’ ċekk għall-ispejjeż legali kif ukoll att promotur ġdid li jġib id-data tal‑4 ta’ Ottubru 2013. Fl‑14 ta’ Jannar 2014, dik il-qorti ġibdet l-attenzjoni ta’ Heitec għan-neċessità li l-att promotur tal‑15 ta’ Diċembru 2012 jiġi nnotifikat filwaqt li hija kienet għadha ma ppreżentatx l-oriġinali intiżi għall-imsemmija qorti u għall-konvenuta fil-kawża prinċipali. Għalhekk wara li ġiet mistiedna tippreżenta dawn id-dokumenti, Heitec ippreżentat l-imsemmija oriġinali quddiem il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) fit‑22 ta’ Frar 2014. |
|
17. |
Fl‑24 ta’ Frar 2014, il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) ġibdet l-attenzjoni ta’ Heitec għall-fatt li t-talbiet tal-oriġinali tal-att promotur irċevuti fit‑22 ta’ Frar 2014 ma kinux jaqblu mat-talbiet tal-att promotur ippreżentat fil‑31 ta’ Diċembru 2012. Fis‑16 ta’ Mejju 2014, il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) finalment fetħet il-proċedura u ordnat li kopji tal-att promotur tal‑15 ta’ Diċembru 2012 jiġu nnotifikati lill-konvenuti fil-kawża prinċipali. |
|
18. |
Fit‑23 ta’ Mejju 2014, l-att promotur tal‑15 ta’ Diċembru 2012 ġie finalment innotifikat lill-konvenuti fil-kawża prinċipali ( 9 ) wara li d-dokumenti oriġinali ntbagħtu lil-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) fil‑21 ta’ Mejju 2014. |
|
19. |
Għaldaqstant, Heitec ressqet, prinċipalment, talbiet ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet li jagħtiha l-isem kummerċjali tagħha HEITEC u, sussidjarjament, talbiet ibbażati fuq il-kontrafazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea HEITEC tagħha. Hija talbet li Heitech tiġi kkundannata tastjeni milli tidentifika l-impriża tagħha permezz tal-isem HEITECH Promotion GmbH (talba I), tastjeni milli twaħħal is-sinjali HEITECH PROMOTION u HEITECH fuq prodotti, milli toffri prodotti jew servizzi taħt dawn is-sinjali, milli tuża dawn is-sinjali f’dokumenti kummerċjali, fuq siti internet jew f’reklamar (talba II), tastjeni milli tuża jew milli tittrasferixxi, għal finijiet kummerċjali, is-sit “heitech-promotion.de” (talba III) u tagħti l-kunsens tagħha sabiex l-isem tal-kumpannija tagħha jitħassar mir-Reġistru Kummerċjali (talba VII). Barra minn hekk, Heitec ressqet talbiet għal informazzjoni, għall-konstatazzjoni ta’ obbligu ta’ kumpens, għal distruzzjoni kif ukoll għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni kontra ż-żewġ konvenuti (talbiet IV, V, VI u VIII). |
|
20. |
Il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) ikkundannat lil Heitech tħallas lil Heitec ammont ta’ EUR 1 353.80, flimkien mal-interessi, għall-ispejjeż ta’ intimazzjoni u ċaħdet it-talbiet l-oħra. |
|
21. |
Heitec appellat quddiem l-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nürnberg, il-Ġermanja). Min-naħa tagħha, dik il-qorti ddeċidiet li l-azzjoni kienet infondata, minħabba dekadenza fil-konfront ta’ Heitec. F’dan ir-rigward, hija esponiet li Heitech kienet użat is-sinjali sussegwenti tagħha għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas ħames snin u li dan kien ġie ttollerat minn Heitec peress li, filwaqt li kienet konxja minn dan l-użu, hija ma kinitx ħadet miżuri suffiċjenti sabiex twaqqaf dan l-użu f’terminu ta’ ħames snin. Skont l-imsemmija qorti, l-azzjoni ġudizzjarja mressqa quddiem il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) ma kinitx interrompiet it-terminu ta’ dekadenza, peress li ġiet innotifikata lill-konvenuti fil-kawża prinċipali biss wara l-iskadenza ta’ ħames snin mill-intimazzjoni li kienet ippreċediet din l-azzjoni. Il-qorti tal-appell iddeċidiet ukoll li ma kienx possibbli li jitqies li t-tolleranza kienet intemmet fid-data tal-intimazzjoni sa fejn in-notifika tal-att promotur ma kinitx seħħet ftit żmien wara l-intimazzjoni. |
|
22. |
Heitec ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont din tal-aħħar, l-eżitu ta’ dan ir-rikors jiddependi mill-fatt jekk Heitec iddekadietx mit-talbiet tagħha għal inibizzjoni u mit-talbiet relatati tagħha, skont l-Artikolu 21(1) u (2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, kif ukoll skont l-Artikolu 54(1) u (2) u l-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
23. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dekadenza tat-talbiet ta’ Heitec li jirrigwardaw l-użu, minn Heitech, tat-trade mark Ġermaniża li din tal-aħħar hija l-proprjetarja tagħha (talba II, sa fejn tirrigwarda s-sinjal HEITECH PROMOTION) hija rregolata mill-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, moqri flimkien mal-punt (3) tal-Artikolu 125b ta’ din il-liġi, sa fejn dawn it-talbiet huma bbażati fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea li Heitec hija l-proprjetarja tagħha. |
|
24. |
Hija tispeċifika li l-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar it-Trade Marks jittrasponi fid-dritt Ġermaniż id-dekadenza, prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95, mid-dritt, mogħti minn trade marks (Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95) u minn sinjali oħra – fosthom l-ismijiet kummerċjali – użati fil-kummerċ (Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/95), li wieħed jopponi l-użu ta’ trade mark irreġistrata. |
|
25. |
Sa fejn Heitec taġixxi kontra l-isem kummerċjali ta’ Heitech (talbiet I, II, III u VII), id-dekadenza, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, hija rregolata mill-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tispeċifika li, minkejja l-fatt li l-kontenut normattiv ta’ din id-dispożizzjoni jmur lil hinn minn dak tad-Direttiva 2008/95 u lanqas ma huwa rifless mill-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009, dan għandu jiġi interpretat f’armonija mal-interpretazzjoni konformi ma’ din id-direttiva li għandha tingħata lill-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar it-Trade Marks. Barra minn hekk, sa fejn Heitec tibbaża ruħha fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħha, l-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks japplika bis-saħħa tar-riferiment għad-dritt nazzjonali magħmul mill-Artikolu 101(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 10 ). |
|
26. |
F’dak li jirrigwarda t-talbiet ta’ Heitec li jirrigwardaw l-użu, minn Heitech, tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li din tal-aħħar hija l-proprjetarja tagħha (talba II sa fejn tirrigwarda s-sinjal HEITECH), il-qorti tar-rinviju tikkonstata qabelxejn li l-Artikoli 54, 110 u 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009 huma rilevanti. |
|
27. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfakkar il-konstatazzjonijiet segwenti magħmula mill-qorti tal-appell. Minn naħa, Heitech effettivament użat l-isem kummerċjali tagħha sabiex tidentifika l-attività kummerċjali tagħha kif ukoll it-trade marks tagħha għall-prodotti u għas-servizzi u fit-territorju li għalihom huma kienu protetti, rispettivament, b’mod li jikkorrispondi għal dak li huwa invokat fit-talbiet. Għalhekk tabilħaqq seħħ użu, tal-inqas mis‑6 ta’ Mejju 2009, id-data li fiha Heitech bagħtet ittra lil Heitec sabiex tipproponilha l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ koeżistenza. Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li huwa wkoll mhux iktar tard minn din id-data li Heitec saret taf bl-użu tas-sinjali inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-bona fides ta’ Heitech la tqiegħdet fid-dubju quddiem il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) u lanqas quddiem il-qorti tal-appell. |
|
28. |
Skont il-qorti tar-rinviju, huwa madankollu neċessarju li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet tat-“tolleranza” fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009 billi jiġi ddeterminat b’mod partikolari jekk, kif tista’ tagħti x’tifhem is-sentenza Budějovický Budvar ( 11 ), huwiex biss it-tressiq ta’ azzjoni ġuridika quddiem amministrazzjoni jew qorti li jista’ jinterrompi t-terminu ta’ dekadenza ta’ ħames snin jew jekk aġir bħat-trażmissjoni ta’ ittra ta’ intimazzjoni mhux neċessarjament jew mhux immedjatament segwit mit-tressiq ta’ azzjoni quddiem l-istanzi msemmija iktar ’il fuq, jistax ikun suffiċjenti għal dan l-għan. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatt jekk aġir bħal dak adottat minn Heitec fil-kuntest tal-kawża prinċipali jistax jitqies li huwa aġir li ttermina t-tolleranza fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, fil-każ li finalment titressaq azzjoni ġudizzjarja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi f’liema mument it-terminu ta’ dekadenza għandu jitqies li ġie interrott meta r-riċezzjoni tal-att promotur mill-konvenut tiġi mdewma, bi ħtija tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, sa data sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin. |
|
29. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2020, li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lil din tal-aħħar:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
30. |
Heitec, Heitech kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-parteċipanti kollha fil-fażi bil-miktub ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari li, kollha kemm huma, bagħtu t-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Analiżi
A. Informazzjoni preliminari
|
31. |
F’dak li jirrigwarda d-dritt applikabbli, id-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95 u tar-Regolament Nru 207/2009. Għalkemm illum dawn iż-żewġ atti tħassru u ġew issostitwiti ( 12 ), huma jinkludu, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali peress li essenzjalment, f’din il-kawża, għandu jiġi ddeterminat liema tip ta’ aġir jista’ jkun ittermina t-tolleranza ta’ ksur magħruf tad-drittijiet preċedenti f’kuntest fejn qorti finalment ġiet adita mill-proprjetarju ta’ dawn id-drittijiet – ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali – u fejn l-azzjoni ġiet innotifikata lill-konvenuta fil-kawża prinċipali l-iktar tard fit‑23 ta’ Mejju 2014, fiż-żmien, għalhekk, meta kienu fis-seħħ iż-żewġ atti msemmija iktar ’il fuq. |
|
32. |
F’dak li jirrigwarda l-imsemmija atti, infakkar li r-Regolament Nru 207/2009 jiddefinixxi s-sistema legali applikabbli għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea intiżi bħala t-trade marks ta’ prodotti jew ta’ servizzi rreġistrati skont il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament ( 13 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li Heitec hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali tal-Unjoni HEITEC irreġistrata fl‑4 ta’ Lulju 2005 u li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, min-naħa tagħha, hija l-proprjetarja ta’ trade mark figurattiva tal-Unjoni li tinkludi l-element verbali HEITECH irreġistrata fl‑20 ta’ Novembru 2008. Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2008/95 tapplika għat-trade marks ta’ prodotti jew ta’ servizzi individwali, kollettivi, ta’ garanzija jew ta’ ċertifikazzjoni li fir-rigward tagħhom saret reġistrazzjoni jew applikazzjoni għal reġistrazzjoni fi Stat Membru ( 14 ). Il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija l-proprjetarja ta’ trade mark figurattiva Ġermaniża li tinkludi l-element verbali HEITECH PROMOTION irreġistrata fl‑4 ta’ Frar 2003. |
|
33. |
Id-diversi talbiet imressqa fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali jfittxu li jikkontestaw kemm l-użu tat-trade mark Ġermaniża li Heitech hija l-proprjetarja tagħha kif ukoll l-użu minnha tat-trade mark tal-Unjoni li hija l-proprjetarja tagħha ( 15 ). |
B. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari
|
34. |
Skont l-ewwel u t-tieni domanda preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja – li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu kkunsidrati flimkien –, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb informazzjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sistema legali tad-dekadenza minħabba tolleranza prevista kemm mid-Direttiva 2008/95 kif ukoll mir-Regolament Nru 207/2009. |
|
35. |
Għandu qabelxejn jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95 ( 16 ) hija kważi identika għal dik tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu mekkaniżmu simili: il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti (nazzjonali jew tal-Unjoni) li jkun ittollera, fi Stat Membru ieħor jew b’mod iktar ġenerali fl-Unjoni, l-użu ta’ trade mark sussegwenti għal perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi u filwaqt li kien konxju minn dan l-użu la jista’ iktar jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità u lanqas ma jista’ iktar jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti abbażi tat-trade mark preċedenti għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom intużat it-trade mark sussegwenti. Tista’ tiġi eskluża d-dekadenza tal-inqas f’żewġ sitwazzjonijiet: jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti saret f’mala fide jew meta ma jkunx iktar possibbli li tiġi kkonstatata tolleranza fir-rigward tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. L-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi mekkaniżmu simili. |
1. Dak li huwa magħruf dwar it-tolleranza
|
36. |
L-ewwel żewġ domandi preliminari jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika liema tip ta’ avveniment jew aġir jista’ jittermina t-tolleranza fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
37. |
Qabel ma tingħata risposta għal dawn id-domandi, dan il-kunċett ta’ “tolleranza” għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddefinit. F’dan ir-rigward, is-sentenza Budějovický Budvar ( 17 ) tinkludi ċertu numru ta’ insenjamenti utli. Dak iż-żmien il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104/KEE ( 18 ), dispożizzjoni rriprodotta b’mod identiku fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95, b’mod li l-asserzjonijiet li jinsabu fis-sentenza msemmija qabel u ddestinati għad-Direttiva 89/104 japplikaw, mutatis mutandis, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95. |
|
38. |
Għalhekk minn dik is-sentenza jista’ jiġi dedott li t-tolleranza msemmija fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95, sa fejn din la hija ddefinita minn din id-dispożizzjoni, li ma tinkludix riferiment espress għad-drittijiet nazzjonali għal dan l-għan, u lanqas hija ddefinita minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva, hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 19 ). |
|
39. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fid-dawl tat-tielet, tas-seba’, tad-disa’ u tal-ħdax-il premessa tad-Direttiva 89/104 ( 20 ), li l-Artikolu 9 ta’ din tal-aħħar kien wettaq “armonizzazzjoni kompleta tal-kundizzjonijiet li taħthom il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata jista’, fil-kuntest tad-dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza [minħabba tolleranza], iżomm id-dritt tiegħu fuq din it-trade mark meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jitlob l-invalidità jew jopponi l-użu ta’ din it-trade mark sussegwenti” ( 21 ). Peress li dawn il-premessi huma rriprodotti fil-premessi 4, 8, 10 u 12 tad-Direttiva 2008/95, din l-istess konstatazzjoni hija applikabbli. |
|
40. |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-istess kunċett ta’ tolleranza kien jintuża fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 207/2009 “fl-istess sens bħall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104” ( 22 ) u għalhekk bħall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95. It-tolleranza, fis-sens kemm tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 207/2009, għalhekk hija kunċett tad-dritt tal-Unjoni li s-sens u l-portata tiegħu għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha u li għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 23 ). |
|
41. |
Mistiedna tispeċifika l-interpretazzjoni ta’ kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li d-dritt tal-Unjoni ma kienx jipprovdi definizzjoni għalih, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet analiżi klassika li kienet tikkonsisti fid-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dan il-kunċett b’riferiment għas-sens normali fil-lingwaġġ ta’ kuljum tat-terminu “tolleranza” filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih kien jintuża l-imsemmi kunċett u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha kien jifforma parti ( 24 ). Minn din l-analiżi rriżulta li “min jittollera juri ċerta inerzja billi ma jiħux il-miżuri li hemm għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jirrimedja sitwazzjoni li jkun konxju minnha u li mhux neċessarjament hija mixtieqa. […] [I]l-kunċett ta’ ‘żamma tas-skiet’ [‘tolleranza’] jimplika li min jittollera jibqa’ passiv quddiem sitwazzjoni li kellu l-possibbiltà jopponi għaliha” ( 25 ). |
|
42. |
Għaldaqstant, minn naħa, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jkun “koxjentement ittollera” l-użu ta’ trade mark sussegwenti għal tiegħu għal perijodu twil u għalhekk “deliberatament”, “b’konoxxenza sħiħa tal-fatti” ( 26 ). |
|
43. |
Min-naħa l-oħra, peress li d-Direttiva 89/104 bħad-Direttiva 2008/95 tfittex li “ssib bilanċ bejn l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra sabiex jużaw sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom” ( 27 ), dan l-għan “jimplika li, sabiex tiġi mħarsa din il-funzjoni essenzjali, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti għandu jkun f’pożizzjoni […] li jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti identika għal tiegħu” ( 28 ). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 49 tas-sentenza Budějovický Budvar ( 29 ) li “kull azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ppreżentata mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti matul it-terminu previst mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 [u għalhekk tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95] għandha l-effett li tinterrompi t-terminu ta’ dekadenza b’konsegwenza tal-akkwixxenza [minħabba tolleranza]”. |
2. Dwar il-formalizzazzjoni neċessarja tat-tmiem tat-tolleranza tal-ksur tad-drittijiet
|
44. |
It-tressiq ta’ tali azzjoni jikkostitwixxi, evidentement, l-iktar grad estrem, l-iktar grad ifformalizzat tal-“possibbiltà jopponi għaliha [possibbiltà li wieħed jopponi għal sitwazzjoni]”, sabiex jiġi rriprodott il-lingwaġġ użat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, mit-test biss ta’ dal-punt 49 tas-sentenza Budějovický Budvar ( 30 ) ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tressiq ta’ tali azzjoni biss jista’ jkollu l-effett li jinterrompi t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza. Dan lanqas ma jidhirli li huwa rekwiżit espliċitu tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-dawl tal-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
45. |
Heitech issostni li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru biss azzjonijiet ġuridiċi effettivament imressqa sabiex tiġi tterminata t-tolleranza u tinvoka, insostenn tal-argument tagħha, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 31 ). Dawn id-dispożizzjonijiet sikwit jirreferu għall-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, nirrileva li l-għan tad-Direttiva 2004/48 huwa li jiġu approssimati l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li, sa dak iż-żmien, kienu joffru livell ta’ protezzjoni differenti f’dak li jirrigwarda l-mezzi sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod li l-għan tagħha huwa speċifikament, skont l-Artikolu 1 tagħha, “il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”. Dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji kollha huma ta’ natura ġudizzjarja. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/48 ma tittratta l-kwistjoni tad-dekadenza minħabba tolleranza, b’mod li ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni utli għal din il-kawża mill-qari ta’ din id-direttiva. |
|
46. |
Għaldaqstant, li kieku wieħed kellu jibbaża ruħu fuq l-assenza ta’ preċiżazzjoni tat-test taż-żewġ regoli suġġetti għall-eżami li qiegħed jitwettaq illum, jista’ faċilment jiġi konkluż li kwalunkwe aġir tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti intiż li juri, anki bl-inqas mod attiv, nuqqas ta’ qbil dwar l-użu, mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, tat-trade mark u/jew tas-sinjal ikkonċernati jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi interrott it-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza. |
|
47. |
Jekk l-interpretazzjoni testwali taż-żewġ dispożizzjonijiet suġġetti għall-eżami li qiegħed jitwettaq illum ma tkunx illuminanti, ikollu għaldaqstant jiġi analizzat it-telos li għandu jintlaħaq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni indika b’mod ċar li d-dekadenza minħabba tolleranza ġiet stabbilita “għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u mingħajr ma jsir preġudizzju inġust lill-interessi ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti” ( 32 ). Sabiex jagħmel tajjeb għas-silenzju tal-leġiżlatur, wieħed għalhekk għandu jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tiegħu li “ssib [jinstab] bilanċ bejn l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra sabiex jużaw sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom” ( 33 ). |
|
48. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, it-tolleranza tiġi tterminata meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jieħu l-miżuri li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex iwaqqaf il-ksur tad-drittijiet tiegħu. U, peress li għandhom jiġu bbilanċjati l-interessi kontrapposti b’osservanza taċ-ċertezza legali ta’ kulħadd, din l-oppożizzjoni għandha tiġi fformalizzata permezz tal-użu tar-rimedji ġuridiċi disponibbli bl-għan li tinkiseb soluzzjoni vinkolanti. |
|
49. |
Fil-fatt, il-formalizzazzjoni tal-oppożizzjoni hija neċessarja sabiex, kif sostnew ġustament Heitech u l-Kummissjoni, tiggarantixxi l-effett utli tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, li kieku skambju informali, bħat-trażmissjoni ta’ sempliċi ittra, seta’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi interrott it-terminu ta’ dekadenza, is-sitwazzjoni legali tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti (jekk jitqies li l-kundizzjonijiet l-oħra rikjesti jkunu ssodisfatti) qatt ma tista’ tikkonsolida ruħha. Issa, din kjarament ma hijiex l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif fakkart iktar ’il fuq. Pereżempju, ittra ta’ theddida ta’ teħid ta’ proċeduri ġudizzjarji, mingħajr ma din it-theddida tiġi eżegwita, tkun tikkonsisti, għall-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, fl-astensjoni, fis-sens tas-sentenza Budějovický Budvar ( 34 ), milli jieħu l-miżuri li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jirrimedja sitwazzjoni li jkun inkontestabbilment konxju minnha u, għaldaqstant, fl-estensjoni tat-tolleranza minflok l-interruzzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, it-trażmissjoni ta’ intimazzjoni ma tagħtix iktar garanziji fir-rigward tas-serjetà tal-intenzjoni li jinvoka d-drittijiet tiegħu b’mod vinkolanti. |
|
50. |
Il-formalizzazzjoni tal-oppożizzjoni hija neċessarja sa fejn iċ-ċertezza legali timponi li jiġu stabbiliti bi preċiżjoni kemm il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ dekadenza ( 35 ) kif ukoll il-mument li fih jiġi interrott jew jiskadi. Issa, sabiex dan ikun il-każ, huwa biss avveniment li juri b’mod inekwivokabbli l-intenzjoni ċara u serja li jinvoka d-drittijiet tiegħu, bħat-tressiq ta’ azzjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, li jista’ jittermina t-tolleranza. |
|
51. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija biss it-turija inekwivokabbli tal-intenzjoni ċara u serja li tiġi tterminata t-tolleranza, permezz tat-tressiq, mill-proprjetarju ta’ drittijiet preċedenti, ta’ azzjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, li, jekk tiġi espressa f’terminu ta’ ħames snin minn meta dan tal-aħħar isir konxju mill-użu tat-trade mark sussegwenti, tista’ tittermina t-tolleranza fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
|
52. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, kif nissuġġerixxi, kellha tiddeċiedi li huwa biss it-tressiq ta’ azzjoni quddiem istanza amministrattiva jew ġudizzjarja li jista’ jinterrompi t-terminu ta’ ħames snin u għaldaqstant jittermina t-tolleranza fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika wkoll f’liema mument preċiż dan it-terminu jitqies li jkun intemm. |
|
53. |
F’dan ir-rigward, nosserva li mill-analiżi tiegħi tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari jirriżulta li dak li huwa determinanti huwa l-attitudni tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza jkunx intemm, huwa għalhekk neċessarju li titqies il-perspettiva ta’ dan il-proprjetarju sabiex jiġi eżaminat jekk, minn perspettiva suġġettiva, huwa ħax il-miżuri neċessarji bl-għan li jwaqqaf il-ksur tad-drittijiet tiegħu billi ressaq azzjoni ġudizzjarja. Fil-mument li fih titressaq din l-azzjoni, l-intenzjoni serja u inekwivokabbli li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jinvoka d-drittijiet tiegħu tkun tidher b’mod ċar ħafna. |
|
54. |
Barra minn hekk, b’differenza mit-terminu ta’ preskrizzjoni li, min-naħa tiegħu, jaffettwa l-eżerċizzju ta’ dritt suġġettiv li l-persuna kkonċernata ma tistax iktar effettivament tinvoka quddiem qorti ( 36 ), it-terminu ta’ dekadenza jolqot direttament u immedjatament il-locus standi in judicio. Għalhekk l-azzjoni ma tiddekadix sakemm titressaq f’terminu ta’ ħames snin minn meta l-persuna kkonċernata ssir konxja mill-użu u għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa għalkollox loġiku li t-terminu ta’ dekadenza jiġi interrott fid-data tat-tressiq tal-azzjoni u, b’mod iktar speċifiku, tal-preżentata tal-att promotur. Għalkemm jarmonizza, bħala tali, it-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza kif ukoll, bħala prinċipju, l-effetti ta’ din it-tolleranza, id-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri libertà sħiħa sabiex jorganizzaw il-kundizzjonijiet proċedurali ta’ azzjoni ġudizzjarja (kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà tagħha jew tan-notifika tagħha) li l-għan tagħha huwa speċifikament li titwaqqaf it-tolleranza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-adozzjoni tad-data ta’ tressiq tal-azzjoni ġudizzjarja bħala d-data ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ dekadenza hija l-iktar soluzzjoni sodisfaċenti u li l-iktar tista’ ttaffi d-differenzi nazzjonali li jistgħu jsiru iktar prominenti matul l-istadji suċċessivi tal-proċedura ġudizzjarja. Fid-data tat-tressiq tal-azzjoni, l-intenzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tista’ tiġi stabbilita b’ċertezza relattiva ( 37 ). |
|
55. |
Għall-kuntrarju, jidhirli li l-adozzjoni tad-data tan-notifika lill-konvenut fl-azzjoni hija iktar riskjuża, fid-dawl tad-differenzi fil-prassi nazzjonali li semmejt qabel. Dwar dan il-punt, naqbel mar-riżervi espressi mill-Kummissjoni. |
|
56. |
Fl-aħħar nett, jidhirli wkoll, bi qbil mal-Kummissjoni, li għalkemm, bħala prinċipju, it-terminu ta’ dekadenza jiġi interrott mid-data tat-tressiq tal-azzjoni quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, huma fl-aħħar mill-aħħar il-qrati aditi li għandhom jiddeterminaw jekk dan huwiex tabilħaqq il-każ. Għaldaqstant, sa fejn l-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-interruzzjoni tat-terminu ta’ dekadenza tista’ ssir biss taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-ewwel waħda fosthom hija n-natura ammissibbli tal-azzjoni mressqa. Dejjem għaliex wieħed għandu jżomm dawn l-interessi f’moħħu, il-konvenut għandu jiġi informat bl-eżistenza tal-azzjoni f’terminu relattivament qasir wara li titressaq din l-azzjoni. Rikorrent li jdum ma jirregolarizza rikors proċeduralment irregolari, pereżempju, jew li, b’xi mod jew ieħor, jostakola l-proċedura billi jħalli dubju dwar l-intenzjoni reali tiegħu li jressaq azzjoni quddiem il-qorti (bħal meta ma jħallasx l-ispejjeż proċedurali, pereżempju) jew, kif issemmi l-qorti tar-rinviju, idum bi ħtija tiegħu biss ma jinforma l-konvenut b’mod li l-iżvolġiment taż-żmien ikun nissel, f’dan tal-aħħar, aspettattivi leġittimi li jkun jista’ jinvoka t-tolleranza, ma jistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi tabilħaqq partikolari, jallega li interrompa t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza sakemm ma jkunx, rispettivament, irregolarizza r-rikors tiegħu, ħallas l-ispejjeż proċedurali jew sakemm ma jkunx finalment ikkonforma ruħu mal-ordnijiet tal-qorti adita sabiex l-azzjoni tiegħu tkun tista’ finalment titqies li effettivament tressqet. |
|
57. |
Infakkar li, skont id-dritt tal-Unjoni, it-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza huwa ta’ ħames snin u li jibda jiddekorri mill-mument li fih il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun sar konxju mill-użu mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti. Dan it-terminu ta’ ħames snin iqiegħed il-proprjetarji tad-drittijiet preċedenti perfettament f’pożizzjoni li jinvokaw id-drittijiet tagħhom, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li jkunu ilhom konxji minnha għal żmien twil, mingħajr ma jistennew sal-aħħar nett tat-terminu sabiex iressqu l-azzjoni tagħhom. Li kieku dan kellu jkun il-każ, huma jkollhom l-interess kollu li mill-iktar fis iressqu azzjoni ppreżentata korrettament u mressqa validament, taħt piena li jiġu akkużati b’ċerta negliġenza ( 38 ). |
|
58. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza sseħħ bejn it-tressiq tal-imsemmija azzjoni u n-notifika tagħha lill-konvenut, hija l-qorti adita li mbagħad ser ikollha tevalwa jekk il-konvenut damx ma ġie informat jew le, u jekk dan ikun il-każ, jekk dan id-dewmien jistax jiġi imputat lill-aġir tar-rikorrent matul il-proċedura. F’każ bħal dan, il-qorti adita ser ikollha teżamina wkoll jekk tali aġir jistax iqiegħed fid-dubju n-natura serja tal-azzjoni mressqa quddiemha u ser ikollha tislet il-konsegwenzi kollha minn dan f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tat-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza. |
|
59. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta titressaq azzjoni ġudizzjarja mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, għandha tiġi adottata, bħala prinċipju, id-data tat-tressiq ta’ din l-azzjoni bħala d-data tal-interruzzjoni tat-terminu ta’ dekadenza ta’ ħames snin kif previst fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll fl-Artikolu 54(1) u (2) u fl-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Meta l-iskadenza ta’ dan it-terminu sseħħ bejn it-tressiq tal-imsemmija azzjoni u n-notifika tagħha lill-konvenut, hija l-qorti adita li mbagħad ser ikollha tevalwa jekk il-konvenut damx ma ġie informat jew le, u jekk dan ikun il-każ, jekk dan id-dewmien jistax jiġi imputat lill-aġir tar-rikorrent matul il-proċedura. F’każ bħal dan, il-qorti adita ser ikollha teżamina wkoll jekk tali aġir jistax iqiegħed fid-dubju n-natura serja tal-azzjoni mressqa quddiemha u ser ikollha tislet il-konsegwenzi kollha minn dan f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tat-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza. |
D. Fuq ir-raba’ domanda preliminari
|
60. |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, fil-każ ta’ dekadenza, din tal-aħħar taffettwax mhux biss l-azzjoni għall-inibizzjoni tal-użu tat-trade mark sussegwenti iżda wkoll it-talbiet relatati jew konnessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ obbligu ta’ kumpens, il-provvista ta’ informazzjoni jew id-distruzzjoni tal-prodotti kontrafatti. |
|
61. |
Għandha qabelxejn tingħata risposta għall-oġġezzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li skontha, sa fejn ma hemmx dekadenza fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrispondi għal din ir-raba’ domanda preliminari. Infakkar li, għalkemm il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tagħti lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni utli tad-dispożizzjonijiet li hija tipprevedi li tapplika, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti tal-kawża prinċipali jew sabiex tapplika r-regoli tal-Unjoni li hija tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali ( 39 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titlaq mill-premessa li l-azzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem dawk il-qrati ma ddekadietx sabiex tirrinunzja milli tirrispondi għad-domanda magħmula. |
|
62. |
Sabiex nerġa’ lura għal din ir-raba’ domanda, nirrileva, fl-ewwel lok, li la t-test tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 u lanqas dak tal-Artikolu 54(1) u (2) jew tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jispeċifikaw konkretament l-effetti tad-dekadenza. Madankollu, minn qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, wieħed jifhem li, jekk il-kundizzjonijiet li barra minn hekk huma previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet sabiex tiġi kkonstatata d-dekadenza jkunu ssodisfatti, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti “m’għandux ikollu aktar id-dritt, abbażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni ta’ nullità tat-trade mark sussegwenti jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ġiet użata t-trade mark sussegwenti” ( 40 ). Għalhekk, a contrario, qabel ma tkun seħħet dekadenza minħabba tolleranza, il-proprjetarju ta’ trade mark huwa awtorizzat kemm li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark sussegwenti kif ukoll li jopponi l-użu tagħha permezz ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ( 41 ). |
|
63. |
F’dak li jirrigwarda t-trade mark tal-Unjoni, l-effetti tal-invalidità, min-naħa tagħhom, huma speċifikati fl-Artikolu 55(2) tar-Regolament Nru 207/2009, skont liema “[i]t-trademark tal-UE għandha titqies li ma kellhiex, sa mill-bidu, l-effetti speċifikati” f’dan ir-regolament, li huma rregolati mit-Taqsima 2 tat-Titolu II tal-imsemmi regolament. Id-Direttiva 2008/95 ma tinkludix dispożizzjonijiet ekwivalenti u mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva jirriżulta li “[l‑]Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jiddeterminaw l-effetti tar-revokazzjoni jew tan-nullità tat-trade marks”. |
|
64. |
Bħal fil-każ tal-analiżi mwettqa fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari, l-ittra tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tiġi ċċarata permezz ta’ qari teleoloġiku ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, għalkemm id-dekadenza minħabba tolleranza hija mekkaniżmu previst sabiex jiżgura l-ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti filwaqt li jiġi ppreżervat ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, jidhirli li jkun kuntrarju għal dan tal-aħħar li, wara ħames snin ta’ tolleranza, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti la jkun jista’ iktar jitlob dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade mark sussegwenti u lanqas jopponi l-użu tagħha, iżda jkun jista’ jkompli jikseb kumpens minħabba użu li ma jkunx oppona meta seta’ jagħmel dan u li ma jistax iktar jopponi minħabba d-dekadenza. Iċ-ċertezza legali mfittxija tkun, fil-fatt, ipperikolata li kieku l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti seta’ b’mod indefinit ikompli jikseb kumpens tul il-perijodu kollu tal-użu parallel ittollerat taż-żewġ trade marks. Barra minn hekk, minħabba din it-tolleranza nnifisha, il-kisba tad-distruzzjoni tal-prodotti li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala kontrafatti tammonta għal assurdità ġuridika. |
|
65. |
Għalhekk nasal sabiex inqis li l-impossibbiltà li “jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa b’mod li, mill-mument li fih tiġi kkonstatata d-dekadenza minħabba tolleranza, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jitlef il-privileġġi kollha tiegħu marbuta mal-preeżistenza tat-trade mark tiegħu fil-konfront tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti li huwa jkun ittollera l-użu tagħha u li, konsegwentement, id-dekadenza minħabba tolleranza għandha tinftiehem fis-sens li taffettwa mhux biss l-azzjoni għal inibizzjoni iżda wkoll it-talbiet relatati bbażati fuq id-dritt tat-trade mark preċedenti, bħat-talbiet għal kumpens, għal informazzjoni jew għal distruzzjoni. |
V. Konklużjoni
|
66. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) International Association for the Protection of Intellectual Property, “Summary Report – Question Q192 – Acquiescence (tolerance) to infringement of Intellectual Property Rights”, 2006, li jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk: https://www.aippi.fr/upload/Gothenburg%202006%20Q189%20190%20191%20192/sr192english.pdf
( 3 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011 (C‑482/09, EU:C:2011:605).
( 4 ) ĠU 2008, L 299, p. 25.
( 5 ) ĠU 2009, L 78, p. 1.
( 6 ) BGBl. 1994 I, p. 3082.
( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2018, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) iddikjara d-drittijiet tat-trade mark tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrevokati minħabba nuqqas ta’ użu. Din ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fil-mument tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ir-rikors għadu pendenti (T‑520/19).
( 8 ) Ir-rikors fil-kawża prinċipali huwa wkoll ippreżentat kontra RW, l-amministratur tal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Ħlief fejn jiġi indikat mod ieħor, f’dawn il-konklużjonijiet, ser isir riferiment b’mod globali għal Heitech bħala l-konvenuta fil-kawża prinċipali.
( 9 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Li skontu “[f]il-kwistjonijiet kollha li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika l-liġi nazzjonali tagħha, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat tagħha”.
( 11 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011 (C‑482/09, EU:C:2011:605).
( 12 ) Id-Direttiva 2008/95 ma għadhiex fis-seħħ mill‑14 ta’ Jannar 2019 u ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5). Ir-Regolament Nru 207/2009 ma għadux fis-seħħ mit‑30 ta’ Settembru 2017 u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/2436 u tar-Regolament 2017/1001 iddedikati għad-dekadenza minħabba tolleranza huma simili ferm għal dawk li jinsabu fid-Direttiva 2008/95 u fir-Regolament Nru 207/2009: ara, għal paragun, l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2436 kif ukoll l-Artikolu 61(1) u (2) u l-Artikolu 138(2) tar-Regolament Nru 2017/1001.
( 13 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 207/2009.
( 14 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/95.
( 15 ) Għad-dettalji dwar dawn id-diversi talbiet, ara l-punti 23 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Peress li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/95 jippermetti lill-Istati Membri jestendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva għall-każijiet li jissemmew fih, l-interpretazzjoni li ser tingħata lil din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika wkoll fl-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva.
( 17 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011 (C‑482/09, EU:C:2011:605).
( 18 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).
( 19 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punti 28 u 29).
( 20 ) Ara is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punti 30 sa 32).
( 21 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 33).
( 22 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 35).
( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 37).
( 24 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 44). Korsiv miżjud minni.
( 26 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 47).
( 27 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 48).
( 28 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 48).
( 29 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011 (C‑482/09, EU:C:2011:605).
( 30 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011 (C‑482/09, EU:C:2011:605).
( 31 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.
( 32 ) Premessa 12 tad-Direttiva 2008/95.
( 33 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 48). Ara wkoll il-punt 34 ta’ dik is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 34 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011 (C‑482/09, EU:C:2011:605).
( 35 ) Ara, f’kuntest li madankollu huwa differenti ferm, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C‑78/98, EU:C:2000:247, punt 68).
( 36 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 52).
( 37 ) Din iċ-ċertezza tista’ tkun biss relattiva sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-mertu u sa fejn, pereżempju, rinunzja għall-azzjoni dejjem tkun possibbli fil-mori tal-kawża.
( 38 ) Hawnhekk ukoll, kollox jiddependi mill-evalwazzjoni mill-qorti taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ suġġett għall-eżami tagħha. Pereżempju, fil-każ ta’ azzjoni mressqa fl-aħħar nett tat-terminu ta’ ħames snin iżda meta ż-żewġ partijiet ikkonċernati jkunu ilhom għal żmien twil f’negozjati jew impenjati f’inizjattivi ta’ riżoluzzjoni mhux kontenzjuża tal-kunflitt, it-tardività tat-tressiq tal-azzjoni tista’, naturalment, ma tiġix interpretata bħala negliġenza min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.
( 39 ) Fost ġurisprudenza abbundanti, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Jehle, Weinhaus Kiderlen (C‑489/04, EU:C:2006:527, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95. L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa fformulat f’termini simili iżda mhux strettament identiċi.
( 41 ) Ara d-digriet tal‑10 ta’ Marzu 2015, Rosa dels Vents Assessoria (C‑491/14, EU:C:2015:161, punt 25).