Brussell, 18.12.2024

COM(2024) 579 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT ANNWALI TAL-2023 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 300/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAL-11 TA’ MARZU 2008 DWAR REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI










1.INTRODUZZJONI

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 1 , kull sena l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri, u tinformahom bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u bl-impatt tiegħu fuq it-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

Fl-2020, is-servizzi tal-Kummissjoni nedew eżerċizzju ta’ rendikont dwar il-passi possibbli li jmiss għas-sistema tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE 2 . B’riżultat ta’ dan, fi Frar 2023 is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD, Staff Working Document) tal-Kummissjoni, “Il-ħidma lejn politika tas-sigurtà tal-avjazzjoni mtejba u aktar reżiljenti: rendikont”, li kkonferma l-kisbiet tas-sistema AVSEC tal-UE, indika xi kwistjonijiet pendenti u l-kawżi ewlenin tagħhom, kif ukoll identifika għażliet potenzjali ta’ rimedju flimkien - fejn possibbli - mal-impatt probabbli tagħhom. Is-SWD issuġġerixxa linja bażi ġdida u aktar ambizzjuża ta’ punt uniku tas-sigurtà (OSS, one stop security) intra-UE kompatibbli għall-iskrinjar tal-passiġġieri u tal-bagalji, proċess regolatorju mtejjeb u żvilupp u adozzjoni mtejba tal-innovazzjoni.

Fl-2023, il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ is-sistema tas-sigurtà tal-avjazzjoni u s-servizzi tagħha wettqu diversi azzjonijiet li ġew identifikati bħala kruċjali fis-SWD. Permezz ta’ miżuri temporanji mmirati lejn il-persunal tas-sigurtà, hija ħadet azzjoni biex tindirizza l-kriżi fil-kapaċità fl-ajruporti tal-UE fl-istaġun tas-sajf tal-2023 meta l-ivvjaġġar tal-avjazzjoni żdied wara l-COVID filwaqt li s-settur tal-avjazzjoni ffaċċja nuqqas ta’ impjiegi.

Matul l-2023, il-Grupp ta’ Tmexxija tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni, appoġġat minn flussi ta’ ħidma ta’ konsultazzjoni, ħadem flimkien biex jindirizza s-suġġerimenti stabbiliti fis-SWD.

2.AVVENIMENTI U PROSPETTI TA’ THEDDID

Il-Kummissjoni, flimkien mal-aġenziji rilevanti, żammu djalogu kontinwu dwar it-theddid emerġenti, u l-monitoraġġ regolari tiegħu, għas-sigurtà għall-avjazzjoni, inkluż dak ta’ natura ibrida, mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, biex tibni l-għarfien u l-kapaċità ta’ reazzjoni għal dak it-theddid, filwaqt li timmaniġġja r-riskju b’mod effettiv. Fl-ewwel trimestru tal-2023 tlesta eżerċizzju komprensiv ta’ mmappjar tar-riskji mal-Istati Membri biex jiġi vvalutat il-livell ta’ theddid u riskju kontra l-avjazzjoni ċivili. Dan l-eżerċizzju sar bħala parti mill-isforzi għal politika tas-sigurtà tal-avjazzjoni msaħħa u aktar reżiljenti, kif elenkat fis-SWD.

2.1Terroriżmu u theddid ibridu

Is-sitwazzjoni terroristika globali baqgħet l-istess fl-2023. It-terroristi joperaw bejn il-fruntieri, filwaqt li jisfruttaw teknoloġiji u modi operandi ġodda. It-tixrid tal-propaganda online u l-potenzjal tagħha għar-radikalizzazzjoni jibqgħu ta’ tħassib ewlieni, filwaqt li jissaħħu permezz tal-iżolament soċjali u tan-nuqqas ta’ sistema soda ta’ appoġġ għar-reklutaġġ ta’ segwaċi ġodda. F’ambjent li huwa aktar deċentralizzat u volatili, l-atturi terroristiċi u estremisti vjolenti diffużi jingħaqdu u jispiraw lil xulxin lil hinn mill-ideoloġija jew l-affiljazzjoni fi grupp.

Huwa mistenni li t-theddid u l-isfidi tal-avjazzjoni ċivili bħala mira ta’ profil għoli se jkomplu jevolvu, kif ukoll jiżdiedu, fid-diversità tal-modi operandi tal-attakk. It-theddid minn informazzjoni privileġġata u t-terroriżmu endoġenu għadhom qasam ta’ attenzjoni partikolari. Iż-żoni ta’ kunflitt ser ikomplu jipprovdu ambjent li joffri l-opportunità lit-terroristi li jiksbu tagħmir ta’ grad militari aktar sofistikat.

2.2Ċibersigurtà

Fil-kuntest tad-dipendenza dejjem akbar tal-avjazzjoni fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u s-sistemi operazzjonali diġitali, iċ-ċibersigurtà qed issir dejjem aktar kritika. L-attakki ċibernetiċi mmirati lejn is-settur tat-trasport jistgħu potenzjalment ikollhom konsegwenzi diżastrużi u jwasslu għal tfixkil ekonomiku sinifikanti. Fl-2023 ġew irrapportati aktar minn 6,000 attakk ċibernetiku li kellhom impatt fuq diversi partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni. Il-metodi preferuti għat-twettiq ta’ attakki ċibernetiċi kienu siti web frodulenti, phishing u malware (inkluż ransomware), filwaqt li l-miri ewlenin kienu l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ajruporti u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-katina tal-provvista tagħhom. 3 Il-qafas eżistenti tas-sigurtà tal-avjazzjoni kien ġie aġġornat fl-2023 lil hinn mid-Direttiva NIS2 4 . Saru laqgħat mal-awtoritajiet nazzjonali bl-objettiv li tiġi żgurata konsistenza massima fl-applikazzjoni u l-infurzar bejn ir-regoli ċibernetiċi orizzontali u settorjali biex is-settur tat-trasport u l-infrastruttura relatata jsiru aktar reżiljenti, inklużi l-mezzi biex jiġi indirizzat it-theddid ċibernetiku. Il-qasam ċibernetiku jippreżenta diversi sfidi speċifiċi, inkluż il-firxa ta’ atturi u motivazzjonijiet (lil hinn mill-gruppi terroristiċi).

3.VALUTAZZJONIJIET TAR-RISKJU

3.1Droni

L-użu illegali ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS, unmanned aircraft systems), magħrufa aħjar bħala droni, jista’ jfixkel l-operazzjonijiet tal-ajruport u jista’ jipperikola l-inġenji tal-ajru u l-okkupanti tagħhom. 5  F’dan ir-rigward, u abbażi tal-istrateġija tal-Kummissjoni adottata reċentement dwar il-ġlieda kontra t-theddid potenzjali kkawżat mid-droni 6 , is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-avjazzjoni dwar id-droni bl-objettiv li jidentifikaw vulnerabbiltajiet addizzjonali potenzjali tal-ajruporti li jistgħu jeħtieġu soluzzjonijiet regolatorji. L-eżerċizzju tal-valutazzjoni tar-riskju tnieda fl-aħħar trimestru tal-2023, li għandu jiġi ffinalizzat fl-ewwel trimestru tal-2024.

3.2Żoni ta’ Kunflitt

Skont is-Sistema ta’ Twissija taż-Żona ta’ Kunflitt tal-UE, il-valutazzjonijiet tar-riskju komuni komplew isiru fuq bażi regolari kull trimestru fl-2023, taħt it-tmexxija tal-grupp ta’ valutazzjoni tar-riskju integrat għas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE, inklużi l-Istati Membri tal-UE, iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (EU INTCEN, EU Intelligence and Situation Centre) tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE, European External Action Service) u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA, European Union Aviation Safety Agency). L-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa l-kondiviżjoni fil-ħin ta’ informazzjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskji għall-avjazzjoni ċivili tal-UE li jinħolqu minn żoni ta’ kunflitt biex tiġi appoġġata l-mitigazzjoni tar-riskju. F’każ ta’ urġenza, jiġu organizzati laqgħat eċċezzjonali. Il-grupp kellu erba’ laqgħat trimestrali fl-2023 u tliet laqgħat urġenti ad hoc, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunflitt Ħamas-Iżrael u l-impatt tiegħu fuq l-avjazzjoni ċivili tal-UE. Dan wassal għall-pubblikazzjoni ta’ bulettin ġdid ta’ informazzjoni dwar iż-żoni ta’ kunflitt (CZIB, conflict zone information bulletin), l-irtirar ta’ żewġ CZIBs, kif ukoll l-estensjoni ta’ 11-il CZIB eżistenti. 7

Il-proċess integrat ta’ valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE jipprovdi wkoll kapaċità ta’ valutazzjoni tar-riskju u jappoġġa l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (mitigazzjoni tar-riskju) għall-istandards dwar is-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru u dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

4.QAFAS LEĠIŻLATTIV U GĦODOD SUPPLIMENTARI

4.1Qafas leġiżlattiv

L-avjazzjoni ċivili tibqa’ mira attraenti għall-atturi ostili u l-ġlieda kontra din it-theddida teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ miżuri protettivi proporzjonati u bbażati fuq ir-riskju. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jaġġustaw kostantement il-miżuri ta’ mitigazzjoni sabiex jilħqu l-ogħla livell ta’ sigurtà filwaqt li jimminimizzaw l-effetti negattivi fuq l-operazzjonijiet.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 ġie emendat f’Marzu 2023 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/566 8 . Dan tal-aħħar jintroduċi emendi li saru meħtieġa fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ theddid u ta’ riskju kif ukoll fid-dawl tal-iżviluppi reċenti f’termini ta’ teknoloġija. Dawn l-emendi jikkonċernaw software ta’ kxif awtomatiku ta’ oġġetti projbiti (APID, automated prohibited items detection), sistemi ta’ kxif ta’ splussivi (EDS, explosive detection systems) għall-bagalji tal-kabina, tagħmir għall-kxif ta’ traċċi ta’ splussivi (ETD, explosive trace detection), scanners tal-persuni, kxif ta’ ċertu theddid kimiku, kif ukoll tagħmir għall-kxif tal-fwar splussiv (EVD, explosive vapour detection) u modifiki relatati fil-proċess tal-iskrinjar.

4.2Il-bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista

Il-bażi tad-data tal-Unjoni 9   dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista tikkostitwixxi l-unika għodda legali għall-konsultazzjoni meta jiġu aċċettati kunsinni minn aġent regolat ieħor jew minn konsenjatur magħruf. L-istess bażi tad-data tinkludi wkoll lista ta’ tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili approvat bil-marka tat-“Timbru tal-UE”.

Fi tmiem l-2023, il-bażi tad-data kien fiha madwar 40,000 rekord ta’ aġenti regolati, konsenjaturi magħrufa, fornituri magħrufa ta’ provvisti tal-ajruport, validaturi indipendenti, linji tal-ajru ACC3, fornituri regolati, aġenti regolati minn pajjiżi terzi u konsenjaturi magħrufa, tagħmir tas-sigurtà, ajruporti u utenti. Ir-rata ta’ disponibbiltà tagħha kienet ta’ 99.98 %, li jfisser li matul is-sena 2023 ma kinitx disponibbli għal inqas minn sagħtejn.

4.3Informazzjoni Antiċipata dwar il-Merkanzija qabel it-Tagħbija (PLACI, Pre-Loading Advance Cargo Information)

L-operaturi ekonomiċi responsabbli biex idaħħlu kunsinni fit-territorju doganali tal-Unjoni (bħala destinazzjoni jew bħala post ta’ tranżitu) minn pajjiżi terzi bl-ajru għandhom jissottomettu elettronikament informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija lid-dwana tal-UE. Din id-data hija analizzata għall-finijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili mill-awtoritajiet doganali tal-ewwel punt tad-dħul fl-UE bl-użu tas-sistema doganali l-ġdida tal-importazzjoni (ICS2).

L-eżitu tal-analiżi tar-riskju tal-PLACI jista’ jirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni, inkluża l-possibbiltà ta’ struzzjoni jew riferiment “Tgħabbix” (DNL, Do Not Load). Dawn iridu jiġu applikati minn operaturi ekonomiċi involuti fil-katina tal-provvista għall-UE qabel ma l-kunsinna titgħabba abbord titjira li tkun sejra lejn l-UE.

It-tieni fażi tal-ICS2 li testendi dawn ir-rekwiżiti biex ikopru l-merkanzija bl-ajru kollha ġiet implimentata fl-1 ta’ Marzu 2023. Fl-2023, kien hemm 202,539,068 reġistrazzjonijiet tal-PLACI u ma nħareġ l-ebda riferiment tad-DNL.

5.SPEZZJONIJIET U ATTIVITAJIET OĦRA TA’ MONITORAĠĠ TAL-KONFORMITÀ

5.1Ġenerali

Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 għandu l-għan li jipprevjeni l-interferenza illegali mal-avjazzjoni ċivili sabiex jiġu protetti l-persuni u l-oġġetti. Filwaqt li dan ir-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jimmonitorjaw b’mod regolari l-konformità tal-ajruporti, tat-trasportaturi tal-ajru u ta’ entitajiet oħrajn fl-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà tal-avjazzjoni u jiżguraw il-kxif u l-korrezzjoni rapida tan-nuqqasijiet, il-leġiżlatur ta lill-Kummissjoni r-rwol li timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri tal-UE/taż-ŻEE 10 ta’ dan ir-rekwiżit legali.

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet u, kif xieraq, tagħmel rakkomandazzjonijiet biex ittejjeb is-sigurtà tal-avjazzjoni. Sabiex tilħaq dan l-objettiv ta’ monitoraġġ, is-sistema ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni tkopri l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-istabbiliment, fiż-żamma u fl-applikazzjoni ta’ programm nazzjonali effettiv tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u ta’ programm nazzjonali effettiv ta’ kontroll tal-kwalità tal-avjazzjoni ċivili.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni topera sistema b’żewġ saffi ta’ monitoraġġ tal-konformità, jiġifieri l-ispezzjonijiet tagħha stess ikkomplementati mill-valutazzjoni tar-rapporti annwali tal-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ nazzjonali.

Mill-2010, ir-rata ta’ konformità identifikata matul l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni baqgħet f’livell stabbli ta’ madwar 80 %. Madankollu, din iċ-ċifra relattivament stabbli ma tfissirx li l-Istati Membri ma żidux l-isforzi tagħhom, peress li r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni ssaħħu wkoll b’mod sinifikanti matul is-snin, b’mod partikolari f’oqsma bħas-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru, il-likwidi, l-aerosols u l-iskrinjar tal-ġellijiet, jew fl-iskjerament u l-użu ta’ teknoloġija aktar sofistikata u effiċjenti.

5.2Il-frekwenza u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjonijiet

Il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet tal-amministrazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-Istati Membri (l-“awtoritajiet xierqa” kif definiti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008), kif ukoll spezzjonijiet tal-ajruporti, tal-operaturi u tal-entitajiet li japplikaw l-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

L-għadd, il-frekwenza u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-ispezzjonijiet huma stabbiliti fl-istrateġija tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport (DĠ Mobilità u Trasport) għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE. Hija tqis il-livell ta’ attività tal-avjazzjoni f’kull Stat Membru, kampjun rappreżentattiv tat-tip ta’ operazzjonijiet tal-ajruport, il-livell ta’ konformità tagħhom fl-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, ir-riżultati ta’ spezzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, il-valutazzjonijiet tar-rapporti annwali nazzjonali dwar il-kontroll tal-kwalità, l-inċidenti tas-sigurtà (“atti ta’ interferenza illegali”), il-livelli ta’ theddid u fatturi u valutazzjonijiet oħra.

Sabiex il-Kummissjoni tiġi provduta b’garanziji adegwati dwar il-livell ta’ konformità tal-Istati Membri, jintuża approċċ ta’ monitoraġġ pluriennali. B’hekk, l-evidenza dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tiegħu tinkiseb minn kull Stat Membru f’ċiklu ta’ sentejn, permezz ta’ spezzjoni tal-awtorità xierqa tiegħu jew permezz ta’ spezzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-ajruporti tiegħu.

Barra minn hekk, l-evidenza tal-applikazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni tinkiseb f’ċiklu ta’ ħames snin permezz ta’ għażla ta’ mill-inqas 15 % tal-ajruporti kollha tal-UE li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 300/2008, inkluż l-akbar ajruport f’termini ta’ volumi ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru. L-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’ajruporti magħżula jikkostitwixxu indikatur b’saħħtu tal-livell ġenerali ta’ konformità f’kull Stat Membru.

5.3Il-proċeduri u l-metodoloġija għall-ispezzjonijiet

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 11 jistabbilixxi l-proċeduri sabiex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Dan jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet għall-kwalifika u għas-setgħat tal-ispetturi tal-Kummissjoni. 12

Il-metodoloġija użata għat-twettiq tal-ispezzjonijiet ġiet żviluppata f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-Istati Membri u hija bbażata fuq il-verifika tal-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ sigurtà.

5.4Spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni kellha tim attiv ta’ seba’ spetturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni full-time sa Awwissu 2023, li żdied għal tmienja minn Settembru 2023, appoġġat minn grupp ta’ madwar 80 awditur nazzjonali nominati mill-Istati Membri u li jikkwalifikaw għall-parteċipazzjoni fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni.

L-involviment tal-awdituri nazzjonali fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni jikkontribwixxi wkoll għal sistema ta’ rieżami bejn il-pari u jippermetti t-tixrid tal-metodoloġiji u tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati. 13  

Spezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa nazzjonali

L-ispezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa għandhom l-għan li jivverifikaw jekk l-Istati Membri għandhomx l-għodod neċessarji – inkluż programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, l-awtorità legali u r-riżorsi xierqa – sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw b’mod adegwat il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Bħala parti mis-seba’ ċiklu ta’ spezzjonijiet tal-awtorità xierqa , il-Kummissjoni wettqet erba’ spezzjonijiet matul l-2023. L-Istati Membri spezzjonati fl-2023 allinjaw il-programmi nazzjonali tagħhom tas-sigurtà tal-avjazzjoni mal-leġiżlazzjoni tal-UE, ipprovdew lill-awtoritajiet xierqa tagħhom bis-setgħat ta’ infurzar meħtieġa għall-monitoraġġ u l-infurzar tar-rekwiżiti kollha tar-Regolament u l-atti ta’ implimentazzjoni tiegħu, żguraw li kien hemm biżżejjed awdituri disponibbli għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità, u implimentaw il-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti relatati mat-taħriġ fis-sigurtà.

Madankollu, l-ispezzjonijiet enfasizzaw il-ħtieġa għal sforzi addizzjonali fl-oqsma li ġejjin: l-iżgurar tal-allinjament sħiħ tal-programmi ta’ sigurtà tal-ajruporti, tal-operaturi u tal-entitajiet mar-regolamenti; inklużi l-metodoloġija meħtieġa għall-ispezzjonijiet u l-issodisfar tar-rekwiżiti li jappartjenu għall-proċess ta’ rapportar (eż. iż-żmien għas-sottomissjoni, il-pjan ta’ azzjoni korrettiva, l-għeluq formali tal-fajl ta’ spezzjoni, eċċ.); l-issodisfar tal-frekwenzi minimi għall-awditi, l-ispezzjonijiet u t-testijiet tas-sigurtà; u fejn meħtieġ jew applikabbli, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju xierqa biex jiġu definiti miżuri ta’ sigurtà jew ċerti eżenzjonijiet. Barra minn hekk, ġew identifikati kwistjonijiet relatati mal-frekwenza u l-kamp ta’ applikazzjoni fil-monitoraġġ regolari ta’ trasportaturi tal-ajru nazzjonali u/jew barranin u ta’ xi entitajiet b’responsabbiltajiet ta’ sigurtà.

Spezzjonijiet inizjali fl-ajruporti

Fl-2023, il-Kummissjoni wettqet 14-il spezzjoni inizjali fl-ajruporti bl-għan li tivverifika jekk l-awtorità xierqa timmonitorjax b’mod adegwat l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u hijiex kapaċi tinduna b’nuqqasijiet potenzjali u tirrettifikahom minnufih. Kwalunkwe nuqqas identifikat mill-ispetturi tal-Kummissjoni jrid jiġi rrettifikat f’perjodu ta’ żmien stabbilit. Ir-rapporti tal-ispezzjonijiet jiġu kondiviżi fost l-Istati Membri kollha.

Wara l-14-il sena ta’ implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, ir-riżultati tal-ispezzjoni jirriflettu l-isforzi li saru mill-awtoritajiet xierqa u mill-industrija. Il-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti tas-sigurtà ġew implimentati b’mod korrett. Madankollu, l-ispezzjonijiet enfasizzaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni effettiva ta’ xi miżuri, pereżempju fil-kontroll tal-aċċess u fl-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina, kif ukoll fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

Spezzjonijiet ta’ segwitu

F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 72/2010, il-Kummissjoni twettaq b’mod regolari għadd limitat ta’ spezzjonijiet ta’ segwitu. Tali spezzjonijiet jiġu skedati meta jiġu identifikati diversi nuqqasijiet serji matul l-ispezzjoni inizjali, iżda anke fuq bażi aleatorja sabiex jiġi vverifikat li l-awtoritajiet xierqa jkollhom is-setgħat meħtieġa sabiex jirrikjedu li kull nuqqas identifikat jiġi rrettifikat fi ħdan perjodi ta’ żmien stabbiliti. Fl-2023, twettqet spezzjoni ta’ segwitu waħda.

5.5Valutazzjonijiet tar-rapport tal-kontroll tal-kwalità annwali tal-Istati Membri

Il-punt 18 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jirrikjedi li kull sena, l-Istati Membri jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom u dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti tagħhom.

Il-valutazzjoni ta’ dawn ir-rapporti, minbarra l-ispezzjonijiet regolari tagħha stess, tipprovdi għodda għall-Kummissjoni sabiex issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità. Dan, min-naħa tiegħu, jippermetti detezzjoni u korrezzjoni rapida tan-nuqqasijiet f’kull Stat Membru.

Il-valutazzjoni tinkludi analiżi tal-monitoraġġ regolari tal-ajruporti, tat-trasportaturi tal-ajru u ta’ entitajiet oħrajn b’responsabbiltajiet fis-sigurtà tal-avjazzjoni, kif ukoll tal-ħin imqatta’ mill-awdituri fuq il-post, tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-frekwenzi ta’ taħlita xierqa ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità, tal-livelli nazzjonali ta’ konformità, l-attivitajiet ta’ segwitu u tal-użu ta’ setgħat ta’ infurzar.

Il-kwalità tar-rapporti annwali u tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri baqgħet kostanti u matul l-2023 inkisbet aktar armonizzazzjoni.

Intbagħtet evalwazzjoni komprensiva formali lill-Istati Membri li tenfasizza, fejn meħtieġ, suġġerimenti dwar kif jistgħu jittejbu jew jitfasslu aħjar l-isforzi nazzjonali.

5.6Valutazzjonijiet ta’ ajruporti ta’ pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet fil-kuntest ta’ arranġamenti ta’ punt uniku tas-sigurtà (OSS) bejn l-UE u pajjiżi terzi. L-iskop huwa li jiġi kkonfermat li l-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ sigurtà tkompli tkun ta’ standard ekwivalenti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni. Fl-2023, twettqu tliet valutazzjonijiet, rispettivament fin-Norveġja 14 , fil-Kanada u fir-Renju Unit (UK, United Kingdom).

5.7Każijiet u proċedimenti ġudizzjarji skont l-Artikolu 15

Jekk in-nuqqasijiet identifikati fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà f’ajruport ikunu serji biżżejjed li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, il-Kummissjoni tattiva l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 72/2010. Dan ifisser li l-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri kollha jiġu mwissija dwar is-sitwazzjoni, u li titjiriet li jaslu mill-ajruport soġġett għall-Artikolu 15 għandhom jiġu trattati bħala li jaslu minn pajjiż terz, li jirriżulta fl-obbligu għall-ajruporti riċeventi li jimplimentaw miżuri ta’ sigurtà kumpensatorji fir-rigward ta’ passiġġieri fi tranżitu li jaslu u l-bagalji tagħhom, kif ukoll l-inġenju tal-ajru li jkunu waslu fuqu. Fl-2023 ma nbeda l-ebda każ bħal dan .

Il-Kummissjoni għandha wkoll il-possibbiltà li tiftaħ proċedimenti ta’ ksur f’konformità mal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f’każijiet ta’ nuqqas ta’ rettifika jew rikorrenza fit-tul ta’ nuqqasijiet. Fl-2023, ma tnediet l-ebda proċedura bħal din.

6.PROĊESSI U LAQGĦAT

6.1Proċessi

“Proċess” skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni jitwettaq meta Stat Membru jaqbel mal-Kummissjoni li se juża mezz jew metodu partikolari mhux rikonoxxut skont it-termini tal-leġiżlazzjoni biex jissostitwixxi wieħed mill-kontrolli tas-sigurtà rikonoxxuti, għal perjodu ta’ żmien limitat bil-kundizzjoni li tali proċess ma jkollux impatt negattiv fuq il-livelli ġenerali tas-sigurtà. Matul l-2022 tnedew żewġ proċessi dwar l-implimentazzjoni tal-kxif awtomatiku ta’ oġġetti projbiti (APID, automatic detection of prohibited items) flimkien ma’ Sistemi ta’ Kxif ta’ Splussivi għall-Bagalji tal-Kabina (EDSCB, Explosives Detection Systems for Cabin Bags), fin-Netherlands u fil-Ġermanja. 15  

6.2Laqgħat 

Fi Frar 2023, il-Kummissjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà tat-Trasport (TSA, Transportation Security Administration) tal-Istati Uniti organizzaw l-ewwel Summit dwar is-Sigurtà tal-Merkanzija bl-Ajru bejn l-Istati Uniti u l-UE f’Madrid, Spanja. L-avveniment ipprovda opportunità biex jiġi identifikat it-theddid għall-merkanzija bl-ajru u biex jiġu implimentati b’mod kollettiv strateġiji ta’ mitigazzjoni.

F’Novembru 2023, il-Kummissjoni organizzat ir-raba’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar iċ-Ċibersigurtà tal-Avjazzjoni, li laqqgħet flimkien l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva NIS 16 . L-objettiv tal-laqgħa kien li titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet biex jiġu ffaċilitati l-allinjament u l-konformità bejn NIS2 u r-regoli tal-avjazzjoni. Hija fittxet ukoll li tevita lakuni jew duplikazzjonijiet potenzjali tal-obbligi taċ-ċibersigurtà u timminimizza l-piżijiet amministrattivi u operazzjonali bla bżonn.

Bl-għan li tipprovdi lill-Istati Membri b’feedback mill-ispezzjonijiet, tippromwovi t-trasparenza u tarmonizza l-metodoloġiji ta’ monitoraġġ tal-konformità, il-Kummissjoni organizzat laqgħa u taħriġ annwali tal-ispetturi nazzjonali tal-AVSEC (aviation security) f’Ottubru 2023.

7.DJALOGU INTERNAZZJONALI

7.1Ġenerali

Il-Kummissjoni kompliet tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-avjazzjoni madwar id-dinja. Hija għamlet dan billi involviet ruħha ma’ korpi internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organisation), il-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC, European Civil Aviation Conference) u sħab kummerċjali ewlenin, filwaqt li ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura pożizzjonijiet koordinati tal-UE. Saru wkoll djalogi ma’ ċerti pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, Singapore, u r-Renju Unit.

7.2Korpi internazzjonali

L-UE pparteċipat b’mod attiv, bħala osservatur, fil-laqgħa annwali tal-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO (AVSECP/34, ICAO Aviation Security Panel), li saret mid-29 ta’ Mejju sat-2 ta’ Ġunju 2023 kif ukoll fit-tieni laqgħa tal-Bord taċ-Ċibersigurtà tal-ICAO (CYSECP/2, ICAO Cybersecurity Panel), li saret mill-5 sad-9 ta’ Ġunju 2023.

7.3Pajjiżi terzi

Fil-kuntest tar-relazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni mal-Istati Uniti, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar is-Sigurtà tat-Trasport (TSCG, Transportation Security Cooperation Group) bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni f’diversi oqsma ta’ interess reċiproku. Dan jiżgura l-funzjonament kontinwu tal-arranġamenti ta’ punt uniku tas-sigurtà (OSS) u tar-rikonoxximent reċiproku tar-reġimi rispettivi tal-merkanzija u tal-posta bl-ajru tal-UE u tal-Istati Uniti. It-32 laqgħa tat-TSCG saret fil-15–16 ta’ Novembru 2023.

B’applikazzjoni tal-Artikolu 435 tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Kummerċjali bejn l-UE u r-Renju Unit, il-Kooperazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit tiżgura l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-avjazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni, id-diskussjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-esperti tekniċi. It-tielet Laqgħa ta’ Kooperazzjoni dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit saret fis-16 ta’ Ottubru 2023.

F’konformità mad-dritt tal-UE, il-Kummissjoni stabbiliet arranġamenti tal-OSS li jirrikonoxxu l-istandards tas-sigurtà applikati f’xi pajjiżi terzi, jew ajruporti ta’ pajjiżi terzi, bħala ekwivalenti għall-istandards tal-UE. 17 Ma ġie konkluż l-ebda arranġament ġdid tal-OSS fl-2023. Id-diskussjonijiet dwar l-OSS mal-Ġappun kienu għaddejjin.

Fir-rigward tal-bini tal-kapaċitajiet, fl-2023 kompla l-proġett “Is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili fl-Afrika, fl-Asja u fil-Lvant Nofsani” (CASE II, Civil Aviation Security in Africa, Asia and the Middle East), iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea b’baġit ta’ EUR 8 miljun u implimentat mill-ECAC. L-attivitajiet imwettqa mill-esperti tas-sigurtà tal-avjazzjoni kienu jinkludu workshops, webinars u attivitajiet bilaterali fil-pajjiżi. 18 L-objettiv ġenerali ta’ CASE II huwa li jiġġieled kontra t-theddida tat-terroriżmu għall-avjazzjoni ċivili permezz ta’ sħubija mal-Istati fit-tliet reġjuni, sabiex jissaħħu r-reġimi tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tagħhom. 19

8.KONKLUŻJONIJIET

L-iżgurar ta’ operazzjonijiet tal-avjazzjoni sikuri fl-ajru u fuq l-art huwa kundizzjoni fundamentali biex l-avjazzjoni kummerċjali tiffjorixxi. Is-sistema regolatorja ottimali tas-sigurtà tal-avjazzjoni tikkombina l-innovazzjoni mal-istabbiltà u dejjem iżżomm l-ogħla livell ta’ sigurtà. Fl-2023, il-Kummissjoni kompliet il-ħidma tagħha biex tiżgura sistema ta’ sigurtà tal-avjazzjoni bħal din, filwaqt li tissodisfa l-isfidi preżenti u futuri, u f’kooperazzjoni mill-qrib kemm mar-regolaturi kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati. Din il-ħidma se tkompli fl-2024.

(1)      Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72).
(2)      Għadd ta’ membri tal-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Ikkonċernati dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni (SAGAS, Stakeholder Advisory Group on Aviation Security), ikkostitwit skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, offrew li jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni.
(3)      Ir-Rapport tal-2024 tal-EUROCONTROL/EATM-CERT dwar iċ-ċibernetika fl-avjazzjoni.
(4)      Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).
(5)      Skont ir-Rieżami Annwali dwar is-Sikurezza tal-EASA għall-2022, ir-rata ta’ okkorrenza tad-droni naqset fl-2021 (l-aħħar ċifri disponibbli).
(6)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra t-theddid potenzjali mid-droni, COM(2023) 659 final.
(7)      https://www.easa.europa.eu/en/domains/air-operations/czibs
(8)      Għad-dettalji, ara l-Anness 2.
(9)     https://ksda.ec.europa.eu/  
(10)      Żona Ekonomika Ewropea: is-27 Stat Membru tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA, EFTA Surveillance Authority) hija responsabbli għat-twettiq ta’ spezzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni fin-Norveġja u fl-Iżlanda. Il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Iżvizzera abbażi ta’ ftehim bilaterali.
(11)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 1).
(12)      Ara l-Artikoli 4 u 5.
(13)      Ara l-Anness 1 għal sommarju tal-attivitajiet kollha ta’ monitoraġġ tal-konformità tal-Kummissjoni u tal-ESA fl-2023.
(14)      Fi Svalbard, iż-żona mhux inkorporata tan-Norveġja.
(15)      Ir-rapport finali għall-proċess fin-Netherlands wasal f’Ġunju 2023. Il-proċess fil-Ġermanja għadu għaddej.
(16)      Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).
(17)      L-UE għandha arranġamenti tal-OSS mal-Istati Uniti, il-Kanada, Singapore, il-Montenegro, is-Serbja, ir-Renju Unit u Iżrael (għall-bagalji tal-istiva biss).
(18)      Matul l-2023, twettqu 68 attività, li jirrappreżentaw żieda ta’ 94 % fl-output meta mqabbla mal-35 attività mwettqa fl-2022. 39 Stat Sieħeb ospitaw dawn l-attivitajiet fil-pajjiż u 66 Stat Sieħeb ipparteċipaw fihom għall-benefiċċju ta’ 1,119-il parteċipant. Dawn l-attivitajiet kienu jikkonsistu f’44 attività ta’ taħriġ bilaterali, għaxar attivitajiet ta’ taħriġ multilaterali, ħames attivitajiet ta’ mentoraġġ, ħames workshops (tnejn reġjonali u tlieta interreġjonali), tliet APEX fir-Rieżamijiet tas-Sigurtà u webinar wieħed. B’kollox, mill-bidu tal-Proġett twettqu 131 attività fil-pajjiż u remota. F’termini ta’ mobilizzazzjoni tal-għarfien espert, 30 espert ġew rilaxxati minn 11-il Stat Membru u 39 espert minn 22 żona komuni tal-avjazzjoni (CAAs, common aviation areas) tal-Istati Sħab ikkontribwew għat-twettiq ta’ 25 attività matul dan il-perjodu. Għaxar esperti minn tmien CAAs tal-Istati Sħab ikkontribwew għat-twettiq tal-20 attività fil-pajjiż flimkien mal-esperti tal-Proġett CASE II. 31 espert minn 19-il CAA tal-Istati Sħab ikkontribwew għat-twettiq ta’ żewġ workshops reġjonali u tliet workshops interreġjonali, li jammontaw għal 41 % tal-kelliema kollha.
(19)

     L-Istati Sħab jintgħażlu abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-impenn/il-kapaċità ta’ Stat partikolari li jibbenefika bis-sħiħ mill-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet imwettqa mill-Proġett, jew in-nuqqas ta’ duplikazzjoni possibbli ma’ inizjattivi oħrajn ta’ bini tal-kapaċitajiet, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali.