|
20.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/15 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 525/2014
tat-12 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għad-definizzjoni tas-suq
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 341(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-riskju ġenerali tas-suq huwa definit fl-Artikolu 362 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 bħala r-riskju tal-bidla fil-prezz fi strument finanzjarju, dovut fil-każ ta' strumenti ta' dejn negozjat jew derivattivi tad-dejn għal bidla fil-livell tar-rati tal-imgħax, jew fil-każ ta' ekwitajiet jew derivattivi tal-ekwità għal moviment wiesa' fis-suq tal-ekwità li ma huwa relatat mal-ebda attributi speċifiċi ta' titoli individwali. |
|
(2) |
Għall-iskopijiet tal-kalkolu tar-riskju ġenerali tas-suq provdut fl-Artikolu 343 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa xieraq li wieħed iqis li l-ekwitajiet differenti huma fl-istess suq fejn huma soġġetti għall-istess riskju ġenerali tas-suq, jiġifieri, fejn il-movimenti tal-prezz fl-istrument jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ekonomiċi lokali. Għaldaqstant, “suq” għandha tiġi definita għal dawn l-iskopijiet b'referenza għal ekonomija integrata li tipikament tikkorrispondi għal ġuriżdizzjoni nazzjonali. |
|
(3) |
Mingħajr preġudizzju għal dan ta' hawn fuq, l-introduzzjoni tal-munita unika eliminat elementi sinifikanti ta' segmentazzjoni bejn is-swieq tal-ekwità fiż-Żona tal-euro. Pereżempju, hija eliminat ir-riskju tal-valuta tal-kambju bejn l-Istati Membri parteċipanti u tippermetti li r-riżultati ta' kumpaniji jiġu ppubblikati bl-istess munita. Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-euro talbet għal konverġenza ekonomika u ġuridika estensiva bejn l-Istati Membri parteċipanti u hija sostnuta minn suq integrat b'regoli komuni. Dawn il-karatteristiċi tal-aħħar huma komuni għall-Istati Membri kollha fl-Unjoni, iżda l-munita unika ġabet magħha integrazzjoni ekonomika eqreb u aktar profonda bejn l-Istati Membri parteċipanti li, għaldaqstant, tiġġustifika trattament distint għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, “suq” għandha tiġi definita b'referenza għas-swieq tal-ekwità kollha fiż-Zona tal-euro, u fir-rigward tas-swieq tal-ekwità mhux fiż-Żona tal-euro, f'livell ta' ġuriżdizzjoni nazzjonali. |
|
(4) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati sottomessi mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni. |
|
(5) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjoni ta' “suq” għall-fini tal-kalkolu tal-pożizzjoni netta globali fi strumenti azzjonarji msemmija fl-Artikolu 341(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013
It-terminu “suq” ifisser:
|
(a) |
għaż-Żona tal-euro, l-ekwitajiet kollha elenkati fis-swieq tal-ekwità li jinsabu fl-Istati Membri li adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom; |
|
(b) |
għall-Istati Membri mhux fiż-Żona tal-euro u pajjiżi terzi, l-ekwitajiet kollha elenkati fis-swieq tal-ekwità li jinsabu f'ġuriżdizzjoni nazzjonali. |
Artikolu 2
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).