Brussell, 31.3.2021

COM(2021) 151 final

2021/0076(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Estonja – FEG/2020/002 EE/Estonia Tourism


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament tal-FEG”) 2 .

2.Fit-12 ta’ Novembru 2020, l-Estonja ressqet applikazzjoni EGF/2020/002 EE/Estonia Tourism għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara l-għoti ta’ sensji 3 fl-industrija tat-turiżmu. L-applikazzjoni ssegwi l-metodoloġija tal-Klassifikazzjoni tal-Kontijiet Satellita għat-Turiżmu ta’ Statistics Estonia 4 , li tinkludi s-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjonijiet NACE Reviżjoni 2 elenkati fit-tabella fil-punt 3, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-industrija tat-turiżmu.

3.Wara l-valutazzjoni li għamlet din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2020/002 EE/Estonia Tourism

Stat Membru

L-Estonja

Reġjun(i) ikkonċernat(i) (livell NUTS 5 2)

EE00- Eesti 6

Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

12 ta’ Novembru 2020

Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

12 ta’ Novembru 2020

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

25 ta’ Novembru 2020

Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

6 ta’ Jannar 2021

Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

31 ta’ Marzu 2021

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG


L-għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

68 (ċifra disponibbli biss għal avviżi ta’ sensji kollettivi)

Is-settur(i) tal-attività ekonomika

(Diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 7

Diviżjoni 45 (Negozju bl-ingrossa u bl-imnut u tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi)

Diviżjoni 49 (Trasport bl-art u trasport permezz ta’ pipelines)

Diviżjoni 50 (Trasport bl-ilma)

Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru)

Diviżjoni 52 (Attivitajiet ta’ ħażna u appoġġ għat-trasport)

Diviżjoni 55 (Akkomodazzjoni)

Diviżjoni 56 (Attivitajiet ta’ servizzi tal-ikel u tax-xorb)

Diviżjoni 74 (Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi oħrajn)

Diviżjoni 77 (Attivitajiet ta’ kiri u ta’ lokazzjoni)

Diviżjoni 79 (Aġenzija tal-ivvjaġġar, operatur turistiku u servizz ieħor ta’ prenotazzjoni u attivitajiet relatati)

Diviżjoni 90 (Attivitajiet kreattivi, tal-arti u tad-divertiment)

Diviżjoni 91 (Libreriji, arkivji, mużewijiet u attivitajiet kulturali oħrajn)

Diviżjoni 92 (Attivitajiet tal-logħob tal-azzard u tal-imħatri)

Diviżjoni 93 (Attivitajiet sportivi u attivitajiet ta’ divertiment u rikreazzjoni)

Perjodu ta’ referenza (massimu ta’ disa’ xhur):

13 ta’ Marzu 2020 – 11 ta’ Novembru 2020 8

L-għadd totali ta’ sensji

10 080

L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

10 080

L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

5 060

Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

7 452 468

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 9 (EUR)

5 000

Baġit totali (EUR)

7 457 468

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)

4 474 480

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fit-12 ta’ Novembru 2020, l-Estonja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/002 EE/Estonia Tourism, jiġifieri fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data, u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Estonja fil-25 ta’ Novembru 2020. L-Estonja pprovdiet informazzjoni addizzjonali fi żmien sitt ġimgħat mit-talba. F’konformità mar-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja sal-31 ta’ Marzu 2021.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 1 715-il persuna li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet u 8 365 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-industrija tat-turiżmu fl-Estonja, li minnhom 3 873 seħħew matul is-sensji kollettivi nnotifikati lill-awtoritajiet. Is-sensji kollettivi jikkonċernaw total ta’ 68 intrapriża, li jaffettwaw bejn 5 ħaddiema u 1440 ħaddiem għal kull intrapriża kkonċernata. Lista ta’ dawn l-intrapriżi tista’ tinstab fl-anness 10 .

Kriterji ta’ intervent

6.L-Estonja ppreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2) li jidderoga mill-kriterji tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li mill-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ disa’ xhur f’intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell ta’ Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell 2 ta’ NUTS fi Stat Membru. Peress li s-sensji ma seħħewx fl-istess settur ekonomiku (ara l-paragrafu 2), id-deroga mill-Artikolu 4(1)(b) prevista fl-Artikolu 4(2) hija applikata (ara l-punt 26-29 għal aktar dettalji dwar iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkonċernaw l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni).

7.Il-perjodu ta’ referenza għall-applikazzjoni jibda mit-13 ta’ Marzu 2020 sal-11 ta’ Novembru 2020.

Kalkolu tal-ammont ta’ sensji u l-waqfien tal-attività

8.Is-sensji mogħtija matul il-perjodu ta’ referenza ġew ikkalkulati kif ġej:

–3 873 mid-data meta dak li jħaddem, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE 11 , innotifika bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti bir-redundancies kollettivi ppjanati. L-Estonja kkonfermat, qabel id-data tat-tlestija tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni, li dawn it-3 873 sensja diġà kienu ngħataw,

–4 492 mid-data de facto meta ntemm il-kuntratt tal-impjieg jew wara li dan skada,

–1 715-il ħaddiem impjegat għal rasu mid-data tal-waqfien tal-attivitajiet, kif determinat f’konformità mal-liġi nazzjonali jew mad-dispożizzjonijiet amministrattivi.

Benefiċjarji eliġibbli

9.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 10 080.

Rabta bejn is-sensji u kriżi finanzjarja u ekonomika globali

10.Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li t-tifqigħa tal-COVID-19 hija pandemija. Fis-27 ta’ Mejju 2020, fil-komunikazzjoni tagħha, Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa 12 , il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, u stabbiliet pjan ta’ rkupru għall-ekonomija. Bħala parti minn dan il-pjan, il-Kummissjoni Ewropea ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta’ emerġenza biex tgħin lil persuni li tilfu l-impjiegi tagħhom minħabba l-kriżi ekonomika globali.

11.Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika globali li segwiet kkawżaw xokk enormi għall-ekonomija Estonjana, li wassal għal tnaqqis mistenni fil-PDG ta’ 4,6 % fl-2020 13 . Il-kriżi laqtet lill-industrija tat-turiżmu b’mod partikolarment ħażin, filwaqt li ġew stabbiliti restrizzjonijiet f’daqqa fir-rigward tal-moviment fuq livell internazzjonali. Dan ikkawża tnaqqis qawwi u mhux previst fl-ivvjaġġar u t-turiżmu internazzjonali.

12.Qabel il-kriżi, 90 % tan-nefqa fuq it-turiżmu fl-Estonja kienet iġġenerata mit-turiżmu internazzjonali, filwaqt li l-medja għall-pajjiżi tal-OECD kienet ta’ madwar 25 % 14 . L-industrija tat-turiżmu Estonjana esperjenzat kważi waqfien totali tal-attività matul l-2020, li wassal għal mewġa ta’ sensji fl-industrija tat-turiżmu Estonjana 15 .

13.L-industrija tat-turiżmu f’sens usa’ kif definita fil-punt 2 kienet soġġetta għal seba’ applikazzjonijiet 16 għall-appoġġ minn mindu ġie stabbilit l-FEG.

Avvenimenti li wasslu għall-għoti tas-sensji u għall-waqfien tal-attività

14.L-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji u l-waqfien tal-attività seħħew b’mod mhux mistenni fil-bidu tal-2020 minħabba l-firxa globali tal-pandemija tal-COVID-19.

15.Qabel it-tixrid tal-pandemija, l-industrija tat-turiżmu Estonjana gawdiet minn għadd rekord ta’ viżitaturi. Fl-2019, is-servizzi tal-akkomodazzjoni ospitaw 5,3 % aktar turisti internazzjonali u 5,9 % aktar turisti domestiċi mis-sena ta’ qabel. Is-sehem tat-turisti internazzjonali kien prevalenti, filwaqt li akkumula għal kważi 60 % tas-soġġorni kollha. Barra minn hekk, fit-trasport marittimu u bl-ajru kien hemm ħafna traffiku tal-passiġġieri. Fl-2019, 10,64 miljun passiġġier ivvjaġġaw permezz tal-port ta’ Tallinn u 3,27 miljun passiġġier ivvjaġġaw permezz tal-ajruport ta’ Tallinn 17 .

16.L-Estonja tirrapporta li l-valur miżjud fl-industrija tat-turiżmu żdied b’6,6 %, u dan jikkontribwixxi għal 25 % tal-valur miżjud tal-ekonomija totali. Fl-2019, il-qligħ mit-turiżmu Estonjan laħaq rekord ġdid ta’ EUR 2,1 biljun, b’EUR 1,6 biljun iġġenerati mit-turisti internazzjonali. It-turiżmu tqies bħala settur sinifikanti għall-kompetittività Estonjana, u saru investimenti sostanzjali biex dan jiġi żviluppat aktar 18 .

17.F’Marzu 2020, l-avvenimenti ħadu xejra mhux mistennija bit-tixrid globali tal-pandemija tal-COVID-19. Fit-13 ta’ Marzu 2020, l-Estonja ddikjarat stat ta’ emerġenza minħabba t-tixrid tal-virus. Ġew introdotti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ngħalqu l-fruntieri internazzjonali, li wasslu għal waqfien f’daqqa fl-industrija tat-turiżmu. F’Marzu 2020, l-għadd ta’ turisti internazzjonali li kienu qed joqogħdu fi stabbilimenti tal-akkomodazzjoni kien 64 % inqas minn dak fl-istess żmien tas-sena ta’ qabel. F’April-Mejju, it-tnaqqis kien ta’ 97-99 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. F’Ġunju u f’Lulju ftit li xejn sar titjib, anke meta r-restrizzjonijiet naqsu temporanjament matul is-sajf 19 . Fit-tieni trimestru tal-2020, 120 000 viżitatur barrani biss żaru l-Estonja, li kien 94 % inqas mis-sena ta’ qabel 20 . Fit-tielet u r-raba’ trimestru tal-2020, it-tnaqqis kien ta’ 67 % u 89 % meta mqabbel maċ-ċifri tal-2019.

18.Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment affettwaw lis-settur tat-trasport, fejn ir-rotot tal-passiġġieri jew ingħalqu jew ġew operati f’kapaċità limitata. Fit-trasport marittimu, l-għadd ta’ passiġġieri li vvjaġġaw mill-port ta’ Tallinn naqas b’55 % matul l-ewwel disa’ xhur tal-2020 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel 21 . Il-kruċieri tad-divertiment ġew interrotti kompletament. Matul l-ewwel 11-il xahar tal-2020, l-għadd ta’ passiġġieri fit-trasport bl-ajru naqas b’73 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel 22 .

19.B’riżultat ta’ dan, l-impjiegi ntilfu malajr, speċjalment fil-kumpaniji tal-ivvjaġġar, is-servizzi tal-akkomodazzjoni, tal-forniment tal-ikel u tal-konferenzi, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, u t-trasport 23 .

Impatt mistenni tal-għoti tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

20.Is-sensji tal-massa fl-industrija tat-turiżmu Estonjana ma humiex mistennija biss li jaffettwaw l-industrija kollha, iżda anke l-ekonomija nazzjonali kollha kemm hi. L-Estonja ssostni li t-turiżmu jikkontribwixxi bil-kbir għat-tkabbir ekonomiku nazzjonali u għall-kompetittività u huwa sors importanti ta’ impjiegi. Skont id-data miġbura mill-Ministeru tal-Finanzi Estonjan, fl-2019, il-postijiet tax-xogħol fl-industrija tat-turiżmu ammontaw għal 13,5 % tal-postijiet tax-xogħol totali fl-Estonja. Id-diffikultajiet li qed tiffaċċja l-industrija tat-turiżmu qed ikollhom konsegwenzi diretti fuq setturi konnessi 24 .

21.L-Estonja ssostni li matul l-2020, il-fatturat totali tal-ekonomija Estonjana ġarrab tnaqqis sinifikanti ta’ 9,5 %. L-industrija tat-turiżmu - sofriet l-akbar telf. Il-fatturat fl-industrija tat-turiżmu naqas bi 19 % (EUR 943 miljun) matul l-ewwel nofs tal-2020 biss. Fl-industrija tat-turiżmu, matul l-ewwel nofs tal-2020, it-tnaqqis kien l-akbar fost l-aġenziji tal-ivvjaġġar u n-negozji tal-operaturi tat-tours (57,9 %) u s-servizzi tal-akkomodazzjoni (50,9 %) 25 .

22.Ir-rata ġenerali tal-impjiegi fl-Estonja naqset minn 68,4 % fl-2019 għal 66,7 % fl-2020. Ir-rata tal-qgħad żdiedet minn 4,4 % għal 6,8 % 26 . F’numri assoluti, meta mqabbel mar-raba’ trimestru tal-2019, l-għadd ta’ persuni qiegħda żdied b’21 800 għal 53 100 ħaddiem fir-raba’ trimestru tal-2020, filwaqt li l-għadd ta’ persuni impjegati naqas bi 11 800 għal 659 500 ħaddiem. Barra minn hekk, l-għadd ta’ ħaddiema f’impjiegi full-time naqas b’mod sinifikanti, filwaqt li b’kollox naqas minn 19 200 persuna għal 567 000 ħaddiem full-time 27 .

23.Għalkemm il-kriżi laqtet lill-pajjiż kollu, xi partijiet tal-Estonja ġew affettwati b’mod aktar serju minn oħrajn. Il-kontea l-aktar affettwata hija l-Kontea ta’ Harju u l-belt kapitali ta’ Tallinn 28 . Bl-enfasi tagħha fuq il-lukandi u l-postijiet tal-konferenzi, il-belt ta’ Tallinn tiddependi l-aktar minn viżitaturi barranin. Fit-tieni trimestru tal-2020, ir-rata tal-qgħad f’Tallinn żdiedet bi 62 % (8 500 persuna qiegħda aktar) mis-sena preċedenti (40 % fil-bqija tal-Estonja) 29 .

24.L-industrija tat-turiżmu x’aktarx mhix se tirkupra mill-kriżi malajr. Peress li l-pandemija għadha qed tevolvi, għadu kmieni wisq biex jiġi mbassar l-impatt ġenerali fuq l-industrija tat-turiżmu u fuq l-impjiegi. It-tbassir ekonomiku jipprevedi li se jkun hemm bejn sentejn u erba’ snin biex l-industrija tat-turiżmu tirkupra għal-livelli ta’ qabel il-kriżi 30 .

25.L-impatti soċjali tas-sensji huma mistennija li jkunu konsiderevoli. Il-ħaddiema tat-turiżmu qiegħda aktarx li jkunu żvantaġġati fis-suq tax-xogħol Estonjan minħabba l-profil tagħhom. Il-ħaddiema fis-settur jinkludu sehem kbir ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi, ħaddiema mingħajr kwalifiki professjonali, żgħażagħ, u ħaddiema staġjonali u part-time. Ħafna persuni li jaħdmu għal rashom huma attivi fl-industrija tat-turiżmu. Is-settur huwa ddominat minn SMEs li għandhom reżiljenza aktar dgħajfa għall-kriżijiet meta mqabbla ma’ kumpaniji akbar 31 .

Spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għall-ammissibbiltà tal-applikazzjoni

26.L-Estonja ssostni li, minkejja l-fatt li l-applikazzjoni tikkonċerna taħlita ta’ setturi ekonomiċi kklassifikati taħt 14-il Diviżjoni differenti tan-NACE Reviżjoni 2, madankollu, din l-applikazzjoni jenħtieġ li tiġi assimilata ma’ applikazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament tal-FEG minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali, peress li l-SMEs huma t-tip ewlieni ta’ negozju fl-Estonja.

27.L-SMEs huma impjegatur sinifikanti fl-Estonja, li jammontaw għal 79,2 % tal-forza tax-xogħol totali. Sa 91 % tal-intrapriżi kollha huma mikrointrapriżi b’inqas minn 10 impjegati. Fl-2017, 0,2 % biss tad-ditti tal-Estonja kienu intrapriżi kbar, li jimpjegaw aktar minn 250 persuna. L-industrija tat-turiżmu hija ddominata wkoll mill-SMEs 32 . 80 % tal-kumpaniji tas-servizzi tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, l-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom biss bejn impjegat wieħed u 9 impjegati. L-industriji tat-turiżmu jinvolvu wkoll grad għoli ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Hemm madwar 436 persuna li jaħdmu għal rashom f’servizzi tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, 3 122 f’attivitajiet ta’ ħażna u appoġġ fit-trasport, u 1 901 fl-arti u d-divertiment 33 .

28.L-industrija tat-turiżmu hija wkoll frammentata ħafna, u tkopri firxa usa’ ta’ setturi interdipendenti kklassifikati fil-livell tan-NACE Reviżjoni 2, bħall-akkomodazzjoni, l-ikel u x-xorb, it-trasport bl-art, bl-ajru jew bl-ilma, operaturi turistiċi eċċ. L-Estonja tapplika s-Sistema tal-Kontijiet Satellita għat-Turiżmu, li fiha Estonia Statistics, abbażi tal-“Manwal ta’ Implimentazzjoni Ewropew dwar il-Kontijiet Satellita għat-Turiżmu” tal-Eurostat, tikklassifika l-oġġetti u s-servizzi fi prodotti speċifiċi għat-turiżmu u prodotti mhux speċifiċi, għall-finijiet tal-kejl tal-kontribut tat-turiżmu għall-PDG. Skont din il-metodoloġija, l-14-il settur koperti minn din l-applikazzjoni jifformaw l-industrija tat-turiżmu fl-Estonja.

29.Peress li s-sensji seħħew matul l-istess perjodu ta’ żmien u involvew ħaddiema li ngħataw is-sensji bi sfond simili f’setturi ferm interkonnessi li huma lkoll miġbura fil-qosor taħt it-terminu industrija tat-turiżmu, il-kombinazzjoni ta’ dawn is-sensji f’applikazzjoni waħda tal-FEG mhux biss tnaqqas il-piż amministrattiv, iżda toffri wkoll effetti ta’ sinerġija.

Benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

30.Mill-10 080 persuna eliġibbli, l-għadd stmat ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensji u ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri tal-FEG huwa ta’ 5 060. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Kategorija

Numru ta’ benefiċjarji fil-mira

Sess:

Irġiel:

1 970

(38,93 %)

Nisa:

3 090

(61,07 %)

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

4 288

(84,74 %)

ċittadini mhux tal-UE:

772

(15,26 %)

Grupp ta’ età:

15-24 sena:

700

(13,83 %)

25-29 sena:

576

(11,38 %)

30-54 sena:

2 754

(54,43 %)

55-64 sena:

1 030

(20,36 %)

iktar minn 64 sena:

0

(0,0 %)

Eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

31.Is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin:

–It-Taħriġ fis-Suq tax-Xogħol huwa pprovdut lill-benefiċjarji biex jiksbu ħiliet u kwalifiki ġodda biex itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom. L-għażla tat-taħriġ tista’ tinkludi korsijiet tal-lingwa, kwalifiki professjonali, ħiliet intraprenditorjali, u ħiliet biex titrawwem il-mobilità bħal tagħlim dwar is-sewqan. It-taħriġ huwa mfassal apposta għall-pjanijiet individwali tal-benefiċjarji u għax-xejriet attwali u futuri fis-suq tax-xogħol 34 .

–Sussidju għall-bidu ta’ negozju u appoġġ ta’ segwitu: jistgħu jingħataw għotja ta’ mhux aktar minn EUR 6 000 għal kull persuna, u appoġġ ta’ segwitu sa EUR 2 500, biex tiġi stabbilita kumpanija ġdida, abbażi ta’ baġit ippreżentat fi pjan ta’ negozju dettaljat mill-benefiċjarju 35 .

–Apprendistati għat-tagħlim ta’ ħiliet professjonali ġodda u għarfien prattiku direttament fuq il-post tax-xogħol.

–Appoġġ għal Studji Formali - il-Ħlas tal-Kost ta’ Studji Formali huwa offrut biex iħeġġeġ lill-benefiċjarji jidħlu fi studji formali fl-edukazzjoni vokazzjonali jew għolja. L-appoġġ ikopri l-kostijiet tal-parteċipazzjoni u l-miżati tat-tagħlim fit-taħriġ vokazzjonali, fl-edukazzjoni għolja professjonali, jew fl-istudji ta’ Baċellerat f’istituzzjoni akkreditata 36 .

–Benefiċċji tat-taħriġ u benefiċċji oħra jiġu offruti lill-benefiċjarji biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri attivi 37 .

32.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli, stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

33.L-Estonja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma hijiex se tissostitwixxi azzjonijiet bħal dawn.

Baġit stmat

34.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 7 457 468, li jinkludu nefqa ta’ EUR 7 452 468 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 5 000 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar.

35.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 4 474 480 (60 % tal-kostijiet totali).

Azzjonijiet

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant 
(EUR 38 )

Il-kostijiet totali stmati

(EUR) 39  

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Appoġġ għal studji formali - il-kost ta’ studji formali

(tasemeõpe)

160

6 939

1 110 255

Taħriġ fis-suq tax-xogħol

(tööturukoolitus)

4 200

838

3 519 172

Apprendistat

(tööpraktika)

600

866

519 537

Sussidju għall-bidu tan-negozju / appoġġ ta’ segwitu

(ettevõtluse alustamise toetus / ettevõtluse tofossetamina)

86

6 294

541 257

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

–

5 690 221

(76,35 %)

Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Benefiċċju tal-istudju għal studji formali

(tasemeõppes osemalemise toetus)

160

5 222

835 552

Benefiċċji biex tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni f’miżuri attivi (benefiċċju ta’ stipendju, trasport u akkomodazzjoni)

(stipendju, sõidu- ja majutustoetus)

4 800

171

820 350

Benefiċċju tal-mobilità

(mobiilsustoetus)

110

967

106 345

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

–

1 762 247

(23,65 %)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1. Attivitajiet preparatorji

–

2. Maniġment

–

3. Informazzjoni u pubbliċità

–

4. Kontroll u rappurtar

–

5 000

Subtotal (c):

Perċentwal tal-kostijiet totali:

–

5 000

(0,07 %)

Kostijiet totali (a + b + c):

–

7 457 468

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-kostijiet totali)

–

4 474 480

36.Il-kostijiet tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. L-Estonja kkonfermat li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix tal-impjieg jew ta’ taħriġ.

37.L-Estonja kkonfermat li l-kostijiet tal-investimenti għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, in-negozji l-ġodda u l-akkwiżizzjoni minn impjegati ma humiex se jaqbżu l-EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

38.L-Estonja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, in-nefqa fuq l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-1 ta’ Jannar 2023, bl-eċċezzjoni ta’ korsijiet formali ta’ edukazzjoni jew taħriġ li t-tul tagħhom huwa ta’ sentejn jew aktar, li se jkunu eliġibbli sal-1 ta’ Lulju 2023.

39.L-Estonja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk, in-nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-1 ta’ Lulju 2023.

Komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

40.Is-sors ta’ prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huwa l-Fondazzjoni tas-servizzi u l-benefiċċji tas-suq tax-xogħol, li minnha l-Fond Estonjan għall-Assigurazzjoni tal-Qgħad (EUIF) bħala s-servizz pubbliku tal-impjiegi qed jipprovdi miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fl-Estonja. Il-Fondazzjoni hija stabbilita mill-assi tal-fond fiduċjarju tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad - il-fond fiduċjarju għall-benefiċċji f’każ ta’ sensja u insolvenza tal-impjegaturi - u mill-fondi allokati mill-baġit tal-Istat permezz tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali.

41.L-Estonja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni għall-istess skop 40 .

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali

42.L-Estonja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti u r-rappreżentanti tal-assoċjazzjoni 41 . Il-Bord Superviżorju tal-EUIF iddiskuta u approva l-qafas ġenerali tal-pakkett ikkoordinat fis-7 ta’ Settembru 2020 u l-progress tal-miżuri tal-FEG se jiġi diskuss regolarment fil-laqgħat tal-bord. Is-sħab soċjali huma membri tal-bord, jiġifieri żewġ membri mill-Konfederazzjoni Estonjana tal-Impjegaturi, wieħed mill-Konfederazzjoni Estonjana tat-Trade Unions, u wieħed mill-Konfederazzjoni Estonjana tal-Unions tal-Impjegati.

43.Konsultazzjonijiet ulterjuri mar-rappreżentanti tal-industrija tat-turiżmu se jsiru wara li jiġi analizzat il-profil tal-ħaddiema li ngħataw is-sensji. Se jiġi identifikat l-aktar tip xieraq ta’ appoġġ, filwaqt li se jitqiesu l-istruttura tal-età, il-profil edukattiv, u karatteristiċi oħra tal-benefiċjarji. Barra minn hekk, kontribuzzjoni possibbli tal-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Lukandi u r-Ristoranti hija ppjanata għat-tfassil ta’ wħud mill-miżuri ta’ taħriġ relatati mal-industrija.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

44.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. L-Estonja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi involuti fil-ġestjoni tal-FSE. Il-kompiti ta’ ġestjoni jitwettqu mid-Dipartiment tal-Iżvilupp Intelliġenti u mid-Dipartiment tal-Impjiegi tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali, li jaġixxi bħala l-Awtorità Maniġerjali (MA) tal-FEG. Id-Dipartiment tal-Kontroll Finanzjarju tal-Ministeru tal-Finanzi jaġixxi bħala l-Awtorità tal-Awditjar (AA) tal-FEG, filwaqt li d-Dipartiment tal-Pagamenti tal-Għotjiet taċ-Ċentru tas-Servizzi Kondiviżi tal-Istat 42 huwa l-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni (CA) tal-FEG.  Iċ-Ċentru tas-Servizzi kondiviżi tal-Istat iwettaq ukoll xi funzjonijiet MA tal-FEG, filwaqt li jaġixxi bħala Korp Intermedjarju (IB).

L-impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

45.L-Estonja pprovdiet l-assigurazzjonijiet neċessarji kollha rigward dawn li ġejjin:

–il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,

–ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati,

–l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom li jirregolaw l-għoti tas-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom bix-xieraq,

–l-azzjonijiet proposti ma humiex se jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi oħrajn jew minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, u kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi pprevenut,

–l-azzjonijiet proposti se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

46.L-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018), kif stipulat fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021–2027 43 .

47.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 4 474 480, li jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

48.L-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet f’ċirkostanzi eċċezzjonali fis-sena attwali ma jaqbiżx il-15 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG, f’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG.

49.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 44 .

Atti relatati

50.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 4 474 480 għal-linja baġitarja rilevanti.

51.Fl-istess waqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG.

2021/0076 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Estonja – FEG/2020/002 EE/Estonia Tourism

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 45 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 46 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)L-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 47 .

(3)Fit-12 ta’ Novembru 2020, l-Estonja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta’ sensji u waqfien ta’ attivitajiet (minn hawn ’il quddiem imsejħa “sensji”) fl-industrija tat-turiżmu, definiti mis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt il-klassifikazzjoni Statistika ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) Reviżjoni 2 Diviżjonijiet 45 (Negozju bl-ingrossa u bl-imnut u tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi), 49 (Trasport bl-art u trasport permezz ta’ pipelines), 50 (Trasport bl-ilma), 51 (Trasport bl-ajru), 52 (Attivitajiet ta’ ħażna u appoġġ għat-trasport), 55 (Akkomodazzjoni), 56 (Attivitajiet ta’ servizzi tal-ikel u tax-xorb), 74 (Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi oħrajn), 77 (Attivitajiet ta’ kiri u ta’ lokazzjoni), 79 (Aġenzija tal-ivvjaġġar, operatur turistiku u servizz ieħor ta’ prenotazzjoni u attivitajiet relatati), 90 (Attivitajiet kreattivi, tal-arti u tad-divertiment), 91 (Libreriji, arkivji, mużewijiet u attivitajiet kulturali oħra), 92 (Attivitajiet tal-logħob tal-azzard u tal-imħatri), 93 (Attivitajiet sportivi u attivitajiet ta’ divertiment u rikreazzjoni), fl-Estonja. Ir-Repubblika tal-Estonja hija unità waħda fir-reġjuni tal-livell 2 tan-Nomenklatura ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”) 48 . L-applikazzjoni kienet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-applikazzjoni mill-Estonja titqies ammissibbli peress li s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali.

(5)Għalhekk, l-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 4 474 480 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Estonja.

(6)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 4 474 480 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 49*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huwa applikabbli għall-applikazzjonijiet kollha li waslu sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(3)    Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(4)    https://www.stat.ee/en/find-statistics/methodology-and-quality/esms-metadata/21403
(5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(6)    Ir-Repubblika tal-Estonja ma hijiex maqsuma f’reġjuni ta’ livell NUTS 2.
(7)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(8)    L-awtoritajiet Estonjani għażlu sottomissjoni bikrija tal-applikazzjoni, u naqqsu l-perjodu ta’ referenza b’xahar u jumejn.
(9)    F’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(10)    Madankollu, mhux is-sensji kollha jaqgħu taħt is-sensji kollettivi reġistrati li jeħtieġ li jiġu nnotifikati lill-EUIF. Ħafna ħaddiema tilfu wkoll l-impjiegi tagħhom f’sensji individwali. Dawn is-sensji jinkludu ħaddiema b’impjieg għal terminu fiss, u sensji oħra li ma jikkostitwixxux kanċellazzjoni kollettiva ta’ kuntratti ta’ impjieg kif stipulat fl-Att Estonjan dwar il-Kuntratti ta’ Impjieg, l-aktar f’intrapriżi mikro u żgħar. Bl-istess mod, dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet għadhom ma humiex irreġistrati fil-bażi tad-data. Għalhekk, mhux l-intrapriżi kollha jistgħu jissemmew minn qabel. Is-sistema EUIF tista’ tidentifika l-persuni eliġibbli għall-appoġġ billi tuża d-data tar-Reġistru tal-Impjiegi.
(11)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).
(12)    COM(2020) 442 final
(13)     https://ec.europa.eu/economy_finance/forecasts/2020/autumn/ecfin_forecast_autumn_2020_ee_en.pdf
(14)    OECD Tourism Trends and Policies 2020: https://www.oecd-ilibrary.org/sites/ee702954-en/index.html?itemId=/content/component/ee702954-en
(15)    OECD Policy Responses to Coronavirus (Covid-19). Tourism Responses to the coronavirus (Covid-19), 2020: https://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/tourism-policy-responses-to-the-coronavirus-covid-19-6466aa20/
(16)    Dawn l-applikazzjonijiet jikkonċernaw sensji fit-trasport bit-triq, tlieta fit-trasport bl-ajru, u waħda fis-settur tal-ikel u x-xorb. Tliet applikazzjonijiet kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u erbgħa fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009. Applikazzjonijiet ikkonċernati: EGF/2011/001 AT/Nieder- u Oberösterreich; EGF/2013/014 FR/Air France; FEG/2014/003 ES/Aragon food and bear; EGF/2014/017 FR/Mory Ducros; EGF/2015/004 IT/Alitalia; EGF/2015/010 FR/Moryglobali; EGF/2017/009 FR/Air France
(17)    Ir-Repubblika tal-Estonja - il-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Komunikazzjonijiet, il-Ministeru tal-Finanzi. Ħarsa ġenerali lejn l-Ekonomija, 2019: https://www.mkm.ee/sites/default/files/overview_of_economy_2019.pdf
(18)    Data mhux ippubblikata miġbura mill-Ministeru tal-Finanzi Estonjan
(19)    F’Settembru ġew introdotti restrizzjonijiet stretti fuq l-ivvjaġġar.
(20)    Statistics Estonia: https://andmed.stat.ee/en/stat ; tiftixa: TU121 - turisti akkomodati (xhur). Aċċess fit-12.11.2020.
(21)    Tallinna Sadam, il-Port ta’ Tallinn. Statistika dwar il-passiġġieri. https://www.ts.ee/en/statistics/
(22)    L-ajruport ta’ Tallinn, Statistika. https://www.tallinn-airport.ee/en/about-us/statistics/
(23)    Bank tal-Estonja, Rieżami tas-Suq tax-Xogħol 2020, 1 (2020): https://www.eestipank.ee/en/publication/labor-market-review/2020/labor-market-review-12020
(24)    OECD Policy Responses to Coronavirus (Covid-19). Tourism Responses to the coronavirus (Covid-19), 2020: https://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/tourism-policy-responses-to-the-coronavirus-covid-19-6466aa20/
(25)    Data mhux ippubblikata miġbura mill-Ministeru tal-Finanzi Estonjan. Data aggregata dwar is-setturi kollha relatati mat-turiżmu kkonċernati kienet għadha mhix disponibbli għat-tieni nofs tal-2020. Matul is-sena kollha, il-fatturat mill-attivitajiet tas-servizzi tal-akkomodazzjoni, l-ikel u x-xorb kif ukoll l-aġenziji tal-ivvjaġġar naqas bi 43 % (EUR 584,6 miljun).
(26)    Iċ-ċifri huma medji annwali. Fir-raba’ trimestru tal-2020, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 7,4 %.
(27)    Statistics Estonia: https://andmed.stat.ee/en/stat ; tiftixa: TT461 – status tax-xogħol tal-popolazzjoni ta’ bejn il-15 u l-74 sena f’trimestri. L-għadd ta’ persuni inattivi naqas minn 273 400 għal 271 700.
(28)    OECD Policy Responses to Coronavirus (Covid-19). Tourism Responses to the coronavirus (Covid-19), 2020: https://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/tourism-policy-responses-to-the-coronavirus-covid-19-6466aa20/
(29)    Analiżi mhux ippubblikata tad-data tal-PES (il-bażi tad-data tal-EUIF). - Il-belt ta’ Pärnu, riżort mal-kosta popolari, tiddependi ħafna wkoll mit-turiżmu barrani, u sofriet ħafna minħabba n-nuqqas ta’ turisti internazzjonali. Barra minn hekk, il-kriżi laqtet bil-kbir il-gżira ta’ Saaremaa, destinazzjoni popolari għat-turisti domestiċi u viżitaturi minn pajjiżi ġirien. F’Saaremaa, ġew introdotti restrizzjonijiet speċjali wara t-tifqigħa tal-virus, u r-rata tal-qgħad żdiedet b’55 % mis-sena ta’ qabel.
(30)    UNWTO World Tourism Barometer, Mejju 2020. Enfasi speċjali fuq l-impatt tas-COVID-19 (Sommarju): https://webunwto.s3.eu-west-1.amazonaws.com/s3fs-public/2020-05/Barometer%20-%20May%202020%20-%20Short.pdf ; OECD Policy Responses to Coronavirus (Covid-19): https://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/tourism-policy-responses-to-the-coronavirus-covid-19-6466aa20/#endnotea0z15
(31)    Analiżi mhux ippubblikata tad-data tal-PES (il-bażi tad-data tal-EUIF).
(32)    Il-Kummissjoni Ewropea. Skeda informattiva tal-SBA L-ESTONJA, 2019. https://ec.europa.eu/docsroom/documents/38662/attachments/9/translations/en/renditions/native ; OECD. Il-finanzjament tal-SMEs u tal-Imprendituri: Tabella ta’ Valutazzjoni tal-OECD. 2020: https://www.oecd-ilibrary.org/sites/f420f997-en/index.html?itemId=/content/component/f420f997-en
(33)    Statistics Estonia: https://andmed.stat.ee/en/stat ; tiftixa: ER003 – intrapriżi f’reġistru kummerċjali, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, il-31 ta’ Diċembru skont is-sena, l-attività ekonomika (EMTAK 2008) u l-forma legali.
(34)    L-aġġornament tal-ħiliet fit-turiżmu jqis l-isfidi tat-turiżmu sostenibbli u tad-diġitalizzazzjoni. B’mod ġenerali, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali huma promossi b’enfasi speċifika fuq is-sikurezza tal-COVID-19. Il-ħtieġa ġenerali għal investimenti ta’ ħiliet ekoloġiċi u diġitali se tiġi riflessa fil-miżuri, f’konformità mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-UE tal-2020 lill-Estonja.
(35)    Biex tikkwalifika għas-servizz, il-persuna jrid ikollha xi taħriġ jew esperjenza minn qabel fin-negozju jew fl-ekonomija, u trid turi potenzjal ġenerali tajjeb biex topera negozju żgħir. Il-persuni li kienu sidien ta’ kumpanija matul l-aħħar sitt xhur mhux se jikkwalifikaw għall-appoġġ.
(36)    Meta wieħed iqis li sehem kbir tal-benefiċjarji ma għandhom l-ebda kwalifika professjonali jew għandhom biss livell baxx ta’ edukazzjoni, l-appoġġ ta’ studji formali huwa meqjus importanti għall-impjieg futur tagħhom. Fl-identifikazzjoni tal-parteċipanti kkwalifikati għall-appoġġ, tingħata prijorità lill-benefiċjarji mingħajr edukazzjoni minn qabel jew b’edukazzjoni skaduta, eż. lawrja miksuba aktar minn 15-il sena ilu. Barra minn hekk, il-miżuri se jqisu s-sitwazzjoni attwali tas-suq tax-xogħol fl-Estonja, filwaqt li jagħtu aktar importanza lill-programmi ta’ studju f’oqsma professjonali b’domanda dejjem akbar għall-forza tax-xogħol.
(37)    Il-benefiċċji jinkludu: benefiċċju ta’ studju ta’ kull xahar għall-parteċipazzjoni fi studji formali, benefiċċji tat-trasport u tal-akkomodazzjoni u stipendji għat-twettiq ta’ apprendistati u taħriġ fis-suq tax-xogħol, u benefiċċju ta’ mobilità għall-aċċettazzjoni ta’ impjieg ġdid f’distanza ta’ 20 kilometru jew aktar mid-dar. Dan tal-aħħar huwa ristrett għal perjodu ta’ erba’ xhur, u jiddependi mid-distanza vvjaġġata.
(38)    Biex jiġu evitati d-deċimali, tqarrbu l-kostijiet stmati għal kull ħaddiem. Madankollu, l-arrotondament ma għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura li jifdal bħal fl-applikazzjoni sottomessa mill-Estonja.
(39)    It-totali ma jaqblux minħabba li ċ-ċifri tqarrbu lejn l-eqreb numru.
(40)    Fit-3 ta’ Frar 2021, l-Estonja talbet self mill-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) biex jiġu koperti l-kostijiet imġarrba minn Marzu sa Ġunju, 2020. Ma hemm l-ebda trikkib mal-FEG peress li l-perjodu ta’ finanzjament SURE jiġi qabel dak tal-FEG u peress li l-istrument se jintuża għall-finanzjament tal-miżuri relatati mas-suq tax-xogħol fuq perjodu ta’ żmien qasir għall-preservazzjoni tal-impjiegi (skemi ta’ assenza bil-permess).
(41)    Id-diskussjonijiet tmexxew mill-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u involvew lill-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Komunikazzjonijiet, iċ-Ċentru tal-Iżvilupp tat-Turiżmu tal-Estonja tal-Intrapriżi, u l-organizzazzjonijiet tar-rappreżentanza tal-industrija tat-turiżmu, l-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu, l-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Ispas, it-Turiżmu Rurali Estonjan, u l-Bureau Estonjan għall-Konvenzjonijiet.
(42)    Iċ-Ċentru tas-Servizzi Kondiviżi tal-Istat huwa aġenzija governattiva li tipprovdi servizzi amministrattivi lill-ministeri u lill-aġenziji governattivi kollha.
(43)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 15.
(44)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 29.
(45)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(46)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 29.
(47)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 15).
(48)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(49) *     Id-data jenħtieġ li tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.